Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0176

Kawża T-176/23: Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2023 – PT Musim Mas vs Il-Kummissjoni

ĠU C 179, 22.5.2023, pp. 71–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 179/71


Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2023 – PT Musim Mas vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-176/23)

(2023/C 179/99)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: PT Musim Mas (Medan, l-Indoneżja) (rappreżentanti: B. Servais u V. Crochet, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/111 tat-18 ta’ Jannar 2023 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu xaħmi li joriġina mill-Indoneżjain fl-intier tiegħu sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti; u

tordna lill-Kummissjoni u lil kwalunkwe intervenjent li jiġi awtorizzat isostni lill-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li tingħata motivazzjoni u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta ddeċidiet li ma ttemmx l-investigazzjoni fid-dawl tal-irtirar tal-ilment.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 21(1) u 9(4) tar-Regolament bażiku meta naqset milli tikkonkludi li kien fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 2(3), 2(6) u 9(4) tar-Regolament bażiku billi użat marġni ta’ profitt mhux raġonevoli u magħdud ħażin sabiex tistabbilixxi l-valur normali tan-numri ta’ kontroll tal-prodott (PCNs) mibjugħa mir-rikorrenti fi kwantitajiet mhux rappreżentattivi fis-suq domestiku.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta stabbilixxiet il-valur normali ta’ ħames PCNs li ma kienu bl-ebda mod mibjugħa mir-rikorrenti fis-suq domestiku skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku mingħajr ma l-ewwel stabbilixxiet jekk kienx possibbli li l-valur normali ta’ dawn il-ħames PCNs jiġi ddeterminat abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku meta imponiet dazju anti-dumping li jeċċedi l-marġni tad-dumping, billi użat rata ta’ skambju żbaljata sabiex taqleb il-valur nett tal-fattura u l-ispiża, il-valuri tal-assikurazzjoni u tat-tranżitu ta’ ċerti tranżazzjonijiet ta’ ICOF Europe.


Top