This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022IP0417
European Parliament resolution of 24 November 2022 on the human rights situation in Afghanistan, especially the deterioration of women’s rights and attacks against educational institutions (2022/2955(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, speċjalment id-deterjorament tad-drittijiet tan-nisa u l-attakki fuq l-istituzzjonijiet edukattivi (2022/2955(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, speċjalment id-deterjorament tad-drittijiet tan-nisa u l-attakki fuq l-istituzzjonijiet edukattivi (2022/2955(RSP))
ĠU C 167, 11.5.2023, p. 43–47
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 167, 11.5.2023, p. 31–31
(GA)
11.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 167/43 |
P9_TA(2022)0417
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, speċjalment id-deterjorament tad-drittijiet tan-nisa u l-attakki fuq l-istituzzjonijiet edukattivi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, speċjalment id-deterjorament tad-drittijiet tan-nisa u l-attakki fuq l-istituzzjonijiet edukattivi (2022/2955(RSP))
(2023/C 167/06)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Settembru 2021 (1) u tas-7 ta' April 2022 (2), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija tal-UE dwar il-migrazzjoni (3), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2022 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u tal-15 ta' Settembru 2021 dwar l-Afganistan, li ddeskrivew ħames punti ta' riferiment għall-involviment tal-UE mal-awtoritajiet de facto mmexxija mit-Talibani, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-Afganistan, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Afganistan, inklużi r-Riżoluzzjonijiet 2626 (2022), 2596 (2021), 2543 (2020) u 2513 (2020), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-10 ta' Novembru 2022 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-8 ta' Lulju 2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet fl-Afganistan, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan tad-9 ta' Settembru 2022, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA) tal-20 ta' Lulju 2022 li jiddeskrivi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan matul l-10 xhur mindu t-Talibani ħadu l-kontroll, |
— |
wara li kkunsidra t-tħabbira tat-Talibani dwar il-ħolqien tal-gvern interim tal-Afganistan tas-7 ta' Settembru 2021, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, it-tnejn ratifikati mill-Afganistan, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, iffirmata f'Ġinevra fit-28 ta' Lulju 1951, u l-Protokoll tal-1967 tagħha, |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tat-18 ta' Frar 2017 dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra, |
— |
wara li kkunsidra l-linji gwida tematiċi tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, |
— |
wara li kkunsidra r-Regoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi t-Talibani ħatfu l-poter fl-Afganistan fil-15 ta' Awwissu 2021 wara l-irtirar tat-truppi tan-NATO u l-Alleati; billi stabbilew mill-ġdid l-Emirat Iżlamiku tal-Afganistan u ħatru gvern interim magħmul minn irġiel biss, inklużi membri mir-reġim Taliban tal-1996 sal-2001, li xi wħud minnhom huma mfittxija fuq akkużi ta' terroriżmu; billi l-UE żżomm pożizzjoni soda ta' nuqqas ta' rikonoxximent tal-gvern de facto Taliban; |
B. |
billi t-Talibani qed ireġġgħu lura l-progress li sar f'dawn l-aħħar 20 sena; billi stabbilew mill-ġdid l-eks Ministeru għall-Propagazzjoni tal-Virtù u l-Prevenzjoni tal-Vizzji, u għalqu l-Ministeru għall-Affarijiet tan-Nisa, il-Kummissjoni Indipendenti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Afganistan u strutturi lokali oħra li jipprovdu appoġġ lin-nisa u l-bniet, abolixxew liġijiet infurzati preċedentement li jipproteġu lin-nisa u imponew restrizzjonijiet ħorox fuq id-drittijiet tan-nisa; billi t-Talibani eskludew lin-nisa mill-amministrazzjoni u ma inkludewx nisa fil-gvern ġdid mhux rikonoxxut tagħhom; |
C. |
billi n-nisa u l-bniet iffaċċjaw restrizzjonijiet dejjem akbar għad-drittijiet fundamentali tagħhom mindu t-Talibani ħadu l-kontroll, b'mod partikolari fl-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjiegi, u l-libertà tal-moviment; billi n-nisa tħassru prattikament mill-oqsma kollha tal-ħajja pubblika; |
D. |
billi l-bniet li għandhom aktar minn 12-il sena huma mċaħħda mill-edukazzjoni fl-Afganistan; billi l-awtoritajiet de facto tal-Afganistan fil-15 ta' Jannar 2022 wiegħdu li se jippermettu lill-bniet jirritornaw l-iskola fil-livelli kollha wara l-bidu tas-sena skolastika l-ġdida fit-tieni nofs ta' Marzu 2022; billi l-istudenti nisa huma pprojbiti milli jattendu s-seba' grad 'il fuq; billi dan huwa ksur tad-dritt fundamentali għall-edukazzjoni għat-tfal kollha kif minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-bniet u n-nisa Afgani organizzaw protesti paċifiċi fil-pajjiż b'mod kuraġġuż, u talbu li d-dritt tagħhom għall-edukazzjoni jiġi rrispettat; billi ż-żwieġ tat-tfal żdied drastikament; |
E. |
billi t-Talibani dan l-aħħar żiedu r-repressjoni sistemika tagħhom fuq in-nisa u l-bniet permezz ta' mewġa ta' arresti ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi Alia Azizi, id-direttriċi tal-ħabs tan-nisa Herat, ilha nieqsa minn Ottubru 2021; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jissuspettaw li għebet bil-forza; billi, fit-3 ta' Novembru 2022, it-Talibani sfrattaw konferenza stampa li kienet qed tħabbar il-formazzjoni tal-Moviment għall-Ugwaljanza tan-Nisa Afgani, u arrestaw mara, Zarifa Yaqobi, u erbgħa mill-kollegi rġiel tagħha; billi, fil-11 ta' Novembru 2022, it-Talibani arrestaw l-attivista prominenti Farhat Popalzai, waħda mill-fundaturi tal-Moviment Spontanju tan-Nisa Afgani; billi, fit-13 ta' Novembru 2022, difensur mara oħra tad-drittijiet tan-nisa, Humaira Yusuf, ittieħdet f'kustodja mit-Talibani; |
F. |
billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem qed jiġi rrapportat kuljum, inklużi arresti, detenzjoni, ħtif, tortura, theddid, estorsjoni, qtil, u attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tal-familja tagħhom; billi għad hemm nuqqas sħiħ ta' obbligu ta' rendikont għal tali ksur; billi t-Talibani reċentement ordnaw lill-imħallfin biex jimplimentaw bis-sħiħ l-interpretazzjoni tat-Talibani tal-liġi tax-Xarija, li potenzjalment twassal għal kastigi krudili u inumani u tqajjem biża' ta' aktar ksur tad-drittijiet tal-bniedem; |
G. |
billi mindu t-Talibani ħadu l-kontroll, żdiedu l-attakki kontra gruppi ta' minoranza, b'mod partikolari l-Ħażara, il-Ħindu, is-Sikhs u l-Kristjani; billi, mindu t-Talibani ħadu l-kontroll, twettqu għadd kbir ta' attakki kontra l-komunità Ħażara, minoranza fil-biċċa l-kbira Xiita, mill-Istat Iżlamiku tal-Provinċja ta' Khorasan u atturi oħra; billi dawn l-attakki u l-persekuzzjoni storika tal-Ħażara jistgħu jammontaw għal delitti kontra l-umanità; billi minn Awwissu 2021, il-postijiet ta' qima u ċ-ċentri edukattivi u mediċi tagħhom ġew attakkati b'mod sistematiku u l-membri tagħhom ġew arrestati b'mod arbitrarju, ittorturati, maqtula b'mod sommarju, żgumbrati, marġinalizzati u, f'xi każijiet, imġiegħla jaħarbu mill-pajjiż; billi fl-2021 u l-2022, diversi ċentri edukattivi ġew attakkati fid-distrett predominanti ta' Ħażara ta' Dasht-e Barchi, Kabul, b'mod partikolari Sayed ul Shuhada, Abdul Rahman Shahid, Mumtaz u ċ-Ċentru Edukattiv Kaaj; billi l-attakki ħallew mijiet mejta u midruba; billi l-forzi Talibani allegatament fetħu n-nar u użaw il-vjolenza fiżika biex iwaqqfu d-dimostrazzjonijiet kontra l-attakki; |
H. |
billi s-sitwazzjoni umanitarja fl-Afganistan qed tiddeterjora malajr u qed taffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u l-bniet; billi l-politiki l-ġodda introdotti mill-gvern Taliban naqqsu b'mod kritiku l-kapaċità tan-nisa li jaħdmu, inkluż bħala ħaddiema umanitarji, li wkoll kellu impatt negattiv fuq il-kapaċità tan-nisa li jaċċessaw l-għajnuna umanitarja; billi r-restrizzjoni tan-nisa milli jipparteċipaw fil-forza tax-xogħol kompliet iġġibhom fil-faqar u poġġiet madwar 850 000 tifla f'riskju ta' sfruttament ekonomiku u sesswali, kif ukoll żwieġ tat-tfal; billi inqas minn waħda minn kull erba' difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem li jibqgħu fl-Afganistan irrappurtaw li għandhom aċċess għal kwalunkwe tip ta' għajnuna umanitarja jew assistenza finanzjarja u legali; |
I. |
billi l-UNAMA tistma li 59 % tal-popolazzjoni kienet teħtieġ assistenza umanitarja minn Lulju 2022, żieda ta' 6 miljun persuna meta mqabbla mal-bidu tal-2021; billi, fl-2023, 28 miljun persuna huma mistennija li jkunu jeħtieġu għajnuna umanitarja, li minnhom 13-il miljun huma tfal; billi l-Programm Dinji tal-Ikel jistma li 18,9-il miljun Afgan qed jiffaċċjaw livelli akuti ta' insigurtà tal-ikel; billi 4,3 miljun Afgan huma spostati internament u 5,6 miljun ġew spostati lejn pajjiżi ġirien; billi l-Iran u l-Pakistan jospitaw sehem kbir ta' rifuġjati Afgani, li flimkien jammontaw għal 2,2 miljun rifuġjat Afgan irreġistrat; |
J. |
billi terremot devastanti laqat il-Lvant tal-Afganistan f'Ġunju 2022, fejn qatel aktar minn 1 000 persuna u darab aktar minn 6 000 persuna; billi f'Awwissu 2022, niżlet xita qawwija f'diversi partijiet tal-Afganistan, u dan ikkawża għargħar, għargħar għall-għarrieda u valangi li qatlu aktar minn 180 u darbu aktar minn 250 persuna skont rapporti tal-media; billi t-terremoti, l-għargħar, in-nixfiet, kif ukoll l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi bħala riżultat tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, aggravaw is-sitwazzjoni umanitarja diġà mwiegħra; |
K. |
billi l-UE nediet pakkett ta' għajnuna umanitarja ta' EUR 1 biljun għall-Afganistan f'Ottubru 2021 biex tappoġġja Afgani vulnerabbli li jgħixu fil-pajjiż u fir-reġjun; billi bħala parti mill-pakkett il-ġdid tiegħu ta' għajnuna umanitarja ta' EUR 210 miljun f'assistenza għall-ikel għal dawk l-aktar vulnerabbli madwar id-dinja, il-G20 qed jippjana li jħallas EUR 75 miljun għall-Afganistan biex jindirizza s-sitwazzjoni drammatika tas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiż; |
L. |
billi l-ispazju għall-media indipendenti u s-soċjetà ċivili naqas drastikament taħt it-Talibani; billi r-regolamenti ordnati minn diversi korpi tat-Talibani llimitaw b'mod massiv l-attività ġurnalistika u wasslu għal żieda fl-arresti arbitrarji ta' ġurnalisti; |
1. |
Jiddeplora bil-qawwa d-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni politika, ekonomika, umanitarja, tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fl-Afganistan, speċjalment għan-nisa u l-bniet, minn mindu t-Talibani ħadu l-kontroll f'Awwissu 2021; itenni s-solidarjetà soda tiegħu mal-poplu tal-Afganistan u l-impenn tiegħu fil-konfront tal-poplu Afgan; |
2. |
Jikkundanna r-rigressjoni drammatika fl-eżerċizzju tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet taħt il-kontroll tat-Talibani, sitwazzjoni li bħalissa tikkwalifika bħala apartheid tal-ġeneru; jikkundanna r-restrizzjonijiet addizzjonali imposti mit-Talibani fuq il-libertà ta' moviment tan-nisa; jistieden lill-awtoritajiet de facto tal-Afganistan jiżguraw li r-restrizzjonijiet kollha bbażati fuq il-ġeneru fuq in-nisa jitneħħew u li jkunu jistgħu jerġgħu jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħajja pubblika fl-Afganistan; jenfasizza li din trid tkun kundizzjoni ewlenija għal kwalunkwe involviment tal-komunità internazzjonali mat-Talibani; |
3. |
Jiddenunzja l-projbizzjoni flagranti fuq l-edukazzjoni sekondarja għall-bniet, bi ksur dirett tad-dritt universali tagħhom għall-edukazzjoni; ifakkar fil-wegħdiet Talibani li l-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni se jkun qed jitkompla; jitlob, għalhekk, li t-Talibani issa jonoraw l-impenji tagħhom stess, ineħħu l-projbizzjoni u jerġgħu jibdew il-klassijiet mingħajr dewmien u jiżguraw il-kisba tal-għanijiet edukattivi tal-UNESCO; iħeġġeġ lill-UE żżid l-appoġġ tagħha għall-gruppi Afgani li jaħdmu biex jiddefendu d-drittijiet tan-nisa u l-bniet, inklużi għażliet ta' edukazzjoni alternattiva għall-bniet, u biex jiffinanzjaw programmi speċifiċi ta' assistenza u protezzjoni, inkluż billi jiffinanzjaw boroż ta' studju u jiżguraw ħruġ rapidu ta' viżi lil studenti u akkademiċi Afgani li jingħataw boroż ta' studju tal-UE; |
4. |
Jiddenunzja l-fatt li difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u atturi oħra tas-soċjetà ċivili, persuni LGBTIQ+, dissidenti u mħallfin, jitpoġġew kontinwament fil-mira, kif ukoll ir-repressjoni brutali ta' protesti paċifiċi u espressjonijiet ta' dissens fil-pajjiż kollu; jikkundanna l-arrest tan-nisa u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi Zarifa Yaqobi u l-kollegi tagħha, Farhat Popalzai, u Humaira Yusuf; u jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-UE żżid l-appoġġ politiku u finanzjarju tagħha għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tan-nisa Afgani u tiggarantixxi s-sikurezza tagħhom, kif ukoll għan-nisa fl-eżilju, billi tipprovdi opportunitajiet edukattivi u ta' impjieg ta' kwalità; |
5. |
Jinsab ixxukkjat biż-żieda fl-attakki u l-marġinalizzazzjoni ta' gruppi ta' minoranza, inkluż l-attakk reċenti fiċ-Ċentru Edukattiv Kaaj f'Kabul; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u s-solidarjetà tiegħu mas-superstiti; jistieden lill-awtoritajiet de facto jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli għal dawn l-attakki u biex dawn jinżammu responsabbli; |
6. |
Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tal-minoranzi ta' Ħażara, Ħindu, Sikh, Kristjani u minoranzi oħra minn mindu t-Talibani ħadu l-kontroll, u dwar l-attakki sistematiċi u d-diskriminazzjoni usa' kontrihom, inklużi arresti arbitrarji, tortura u trattament ħażin ieħor, eżekuzzjonijiet sommarji u għajbien sfurzat; ifakkar fir-responsabbiltà tal-awtoritajiet de facto li jipprojbixxu u jipprevjenu d-diskriminazzjoni kontra l-komunitajiet etniċi u reliġjużi kollha u li jissalvagwardjaw il-postijiet ta' qima u ċ-ċentri edukattivi u mediċi tagħhom; |
7. |
Jiddispjaċih ħafna li, minn mindu t-Talibani ħadu l-kontroll, l-aċċess għall-informazzjoni sar dejjem aktar diffiċli, l-indipendenza ġurnalistika ġiet limitata b'mod sinifikanti, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ġew soġġetti għal pressjoni dejjem akbar mill-awtoritajiet de facto; iħeġġeġ lit-Talibani jipprovdu ambjent favorevoli għall-ġurnalisti, il-media u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom mingħajr xkiel u biża' ta' rappreżalji; |
8. |
Itenni t-tħassib estrem tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora; iħeġġeġ lill-pajjiżi jżidu u jikkoordinaw l-assistenza umanitarja tagħhom mal-aġenziji tan-NU u mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi; jistieden lill-awtoritajiet de facto jneħħu kwalunkwe restrizzjoni u ostaklu għall-għoti ta' assistenza umanitarja u jenfasizza l-ħtieġa li jingħata aċċess xieraq lill-organizzazzjonijiet li jipprovduha; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jindirizzaw il-fatturi ekonomiċi wara l-kriżi umanitarja li għaddejja bħalissa billi jagħmlu kull sforz biex iżidu l-assistenza umanitarja, li għandha tinkludi perspettiva tal-ġeneru; |
9. |
Jesprimi l-allarm tiegħu dwar l-impatt devastanti tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali fl-Afganistan, li huwa kklassifikat min-NU bħala s-sitt pajjiż fid-dinja l-aktar affettwat mit-theddid relatat mal-klima; jitlob azzjoni urġenti mill-komunità internazzjonali biex tgħin lill-Afgani jindirizzaw din is-sitwazzjoni drammatika, li taffettwa b'mod sproporzjonat gruppi vulnerabbli bħan-nisa u l-bniet; |
10. |
Jilqa' u jappoġġja l-ħidma tal-Missjoni tan-NU u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-Afganistan, peress li huwa essenzjali li tiġi mmonitorjata u rrappurtata s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali jagħtu spinta lill-appoġġ politiku u finanzjarju għall-ħidma tagħhom; |
11. |
Jilqa' t-tkomplija tal-investigazzjoni mill-Qorti Kriminali Internazzjonali dwar id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra fl-Afganistan; jistieden lill-UE żżid l-appoġġ tagħha għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, ir-riċerka, il-monitoraġġ u s-sorveljanza għal responsabbiltà msaħħa; |
12. |
Ifakkar li l-UE għandha pożizzjoni soda dwar kwalunkwe impenn politiku mat-Talibani, iggwidata minn ħames parametri referenzjarji tematiċi għal involviment ibbażat fuq il-prinċipji ta' aderenza mad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd u l-istat tad-dritt; jenfasizza li, mill-15 ta' Awwissu 2021, kien hemm biss deterjorament ċar f'dawn il-parametri referenzjarji kollha, li jfisser li kwalunkwe leġittimità tal-awtoritajiet Talibani ma tistax tiġi ġġustifikata; jirrimarka li l-punti ta' riferiment attwali jeħtieġ li jiġu aġġornati bil-ħsieb li tiġi stabbilita strateġija fit-tul tal-UE dwar l-Afganistan fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali u n-nuqqas tat-Talibani li jwettqu kwalunkwe waħda mill-wegħdiet inizjali tagħhom; |
13. |
Jistieden lill-UE tfittex l-espansjoni tal-lista ta' miżuri mmirati kontra t-tmexxija tat-Talibani responsabbli għad-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; |
14. |
Jistieden lill-awtoritajiet de facto jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġġieldu l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inklużi ż-żwieġ furzat u l-vjolenza minn sieħeb intimu, u mingħajr dewmien, iżommu lill-awturi responsabbli; jistieden lill-awtoritajiet de facto jiftħu mill-ġdid is-sistema ta' appoġġ nazzjonali għall-vittmi; |
15. |
Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lid-Delegazzjonijiet tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Afgani u għall-ġurnalisti indipendenti, fil-pajjiż u barra minnu, inkluż billi jissimplifikaw ir-risistemazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar din il-kwistjoni; |
16. |
Jitlob li jiġi stabbilit gvern rappreżentattiv u elett li jinvolvi lin-nisa u lill-minoranzi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha; |
17. |
Jitlob lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jistabbilixxi mekkaniżmu ta' responsabbiltà komplementari kontinwu biex jinvestiga l-ksur u l-abbużi allegati kollha tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem li jammontaw għal reati skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari, il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; |
18. |
Jinnota li huma meħtieġa aktar sforzi internazzjonali biex jiġu appoġġjati d-djalogi intra-Afgani mmexxija min-nisa u n-networks tan-nisa Afgani kemm ġewwa kif ukoll barra l-pajjiż; jistieden lis-SEAE jinvolvi aktar lill-Parlament u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE fil-Forum tal-Mexxejja Nisa Afgani; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jiżguraw il-parteċipazzjoni tan-nisa Afgani fid-djalogi politiċi dwar l-Afganistan; |
19. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Mibgħut Speċjali tal-UE fl-Afganistan. |
(1) ĠU C 117, 11.3.2022, p. 133.