EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CA0512

Kawża C-512/21: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-1 ta’ Diċembru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Törvényszék – L-Ungerija) – Aquila Part Prod Com S.A vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 168 – Dritt għal tnaqqis tal-VAT – Prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità – Frodi – Prova – Obbligu ta’ diliġenza tal-persuna taxxabbli – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ ksur tal-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-katina tal-ikel – Mandat mogħti mill-persuna taxxabbli lil terz sabiex iwettaq it-tranżazzjonijiet intaxxati – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal smigħ xieraq)

ĠU C 35, 30.1.2023, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/12


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-1 ta’ Diċembru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Törvényszék – L-Ungerija) – Aquila Part Prod Com S.A vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-512/21) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tassazzjoni - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 168 - Dritt għal tnaqqis tal-VAT - Prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità - Frodi - Prova - Obbligu ta’ diliġenza tal-persuna taxxabbli - Teħid inkunsiderazzjoni ta’ ksur tal-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-katina tal-ikel - Mandat mogħti mill-persuna taxxabbli lil terz sabiex iwettaq it-tranżazzjonijiet intaxxati - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikolu 47 - Dritt għal smigħ xieraq)

(2023/C 35/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Aquila Part Prod Com S.A

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Dispożittiv

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

meta l-awtorità fiskali jkollha l-intenzjoni tirrifjuta lil persuna taxxabbli l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa minħabba li din il-persuna taxxabbli tkun ipparteċipat fi frodi tal-VAT tat-tip karusell, hija tipprekludi li din l-awtorità fiskali sempliċement tistabbilixxi li din it-tranżazzjoni tagħmel parti minn katina ta’ fatturazzjoni ċirkulari;

hija l-imsemmija awtorità fiskali, minn naħa, li għandha tikkaratterizza preċiżament l-elementi li jikkostitwixxu l-frodi u li għandha tipproduċi prova tal-aġir frawdolenti u, min-naħa l-oħra, li tistabbilixxi li l-persuna taxxabbli pparteċipat b’mod attiv f’din il-frodi jew li hija kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni invokata bħala bażi għal dan id-dritt kienet involuta fl-imsemmija frodi, li ma jimplikax neċessarjament li jiġu identifikati l-atturi kollha li pparteċipaw fil-frodi kif ukoll l-aġir rispettiv tagħhom.

2)

Id-Direttiva 2006/112

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

meta l-awtorità fiskali tikkonstata parteċipazzjoni attiva tal-persuna taxxabbli fi frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud sabiex tirrifjuta d-dritt għal tnaqqis, hija ma tipprekludix li din l-awtorità fiskali tibbaża dan ir-rifjut, b’mod addizzjonali jew sussidjarju, fuq provi li jistabbilixxu mhux tali parteċipazzjoni, iżda l-fatt li din il-persuna taxxabbli setgħet tkun taf, billi turi d-diliġenza kollha meħtieġa, li t-tranżazzjoni kkonċernata kienet implikata f’tali frodi;

is-sempliċi fatt li l-membri tal-katina tal-kunsinni, li minnhom tagħmel parti din it-tranżazzjoni, kienu jafu lil xulxin ma jikkostitwixxix element suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tal-persuna taxxabbli fil-frodi.

3)

Id-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

meta jkunu jeżistu indizji li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi, hija ma tipprekludix li l-persuna taxxabbli tkun meħtieġa turi diliġenza ikbar sabiex tiżgura li t-tranżazzjoni li hija twettaq ma twasslhiex sabiex tipparteċipa fi frodi;

madankollu, ma jistax ikun meħtieġ minnha li twettaq verifiki kumplessi u fid-dettall bħal dawk li jistgħu jitwettqu mill-awtorità tat-taxxa;

hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami, il-persuna taxxabbli wrietx diliġenza suffiċjenti u ħaditx il-miżuri li setgħu raġonevolment jkunu meħtieġa minnha f’dawn iċ-ċirkustanzi.

4)

Id-Direttiva 2006/112

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

hija tipprekludi li l-awtorità fiskali tirrifjuta lil persuna taxxabbli, għas-sempliċi raġuni li hija ma tkunx osservat l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali jew mid-dritt tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-katina tal-ikel, l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT);

in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi jista’ madankollu jikkostitwixxi element fost oħrajn li jista’ jitqies mill-awtorità fiskali sabiex tistabbilixxi kemm l-eżistenza ta’ frodi tal-VAT, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-imsemmija persuna taxxabli f’din il-frodi, anki fl-assenza ta’ deċiżjoni minn qabel tal-korp amministrattiv kompetenti sabiex jikkonstata tali ksur.

5)

Id-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li l-qorti adita b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità fiskali tieħu inkunsiderazzjoni, bħala prova tal-eżistenza ta’ frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud jew tal-parteċipazzjoni tal-persuna taxxabbli f’din il-frodi, ksur tal-imsemmija obbligi, jekk din il-prova tkun tista’ tiġi kkontestata u ttrattata fil-kontradittorju quddiemha.

6)

Id-Direttiva 2006/112 u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux prassi fiskali li tikkonsisti, sabiex jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis minħabba li hija tkun ipparteċipat fi frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rappreżentant legali tal-mandatarju tal-persuna taxxabbli kien jaf bil-fatti li jikkostitwixxu din il-frodi, indipendentement mir-regoli nazzjonali applikabbli li jirregolaw il-mandat u mill-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ mandat konkluż fil-każ ineżami.


(1)  ĠU C 471, 22.11.2021.


Top