EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0207

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2022 dwar l-impatt tal-gwerra illegali Russa ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna fuq is-setturi tat-trasport u tat-turiżmu tal-UE (2022/2643(RSP))

ĠU C 465, 6.12.2022, p. 164–170 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 465, 6.12.2022, p. 138–144 (GA)

6.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/164


P9_TA(2022)0207

L-impatt tal-gwerra ta' aggressjoni illegali Russa kontra l-Ukrajna fuq is-setturi tat-trasport u t-turiżmu tal-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2022 dwar l-impatt tal-gwerra illegali Russa ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna fuq is-setturi tat-trasport u tat-turiżmu tal-UE (2022/2643(RSP))

(2022/C 465/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/334 tat-28 ta' Frar 2022 (1),

wara li kkunsidra l-pjan ta'azzjoni “l-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża – Għal Unjoni Ewropea li tipproteġi liċ-ċittadini, il-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali”, li kien approvat mill-Kunsill fil-21 ta' Marzu 2022 u approvat mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta' Marzu 2022,

wara li kkunsidra l-Laqgħa informali tal-ministri tat-trasport tat-8 ta' April 2022,

wara li kkunsidra l-Patt Globali dwar ir-Rifuġjati tal-2018,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Versailles tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE tal-11 ta' Marzu 2022,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2022 dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2022 dwar il-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni urġenti tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2022 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2022: inklużi l-aħħar żviluppi tal-gwerra kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u l-implimentazzjoni tagħhom (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2022 dwar il-protezzjoni tal-UE tat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaħarbu minħabba l-gwerra fl-Ukrajna (5),

wara li kkunsidra l-Pjan b'10 Punti tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija biex Jitnaqqas l-Użu taż-Żejt,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

A.

billi l-UE adottat ħames pakketti ta' sanzjonijiet b'reazzjoni għall-gwerra illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;

B.

billi mewġa ġdida ta' sanzjonijiet hija mistennija li tolqot lir-Russja aktar fis-setturi tat-trasport bit-triq u marittimu;

C.

billi fit-28 ta' Frar 2022, ir-Russja ħabbret, bħala ritaljazzjoni, projbizzjonijiet fuq l-użu tal-ispazju tal-ajru Russu, li jaffettwaw inġenji tal-ajru minn 36 pajjiż, inklużi l-Istati tal-UE;

D.

billi l-Kunsill Ewropew naqqas l-abbozz tal-linja baġitarja għall-mobilità militari fl-ambitu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa minn EUR 6,5 għal 1,69 biljun bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021 sa 2027;

E.

billi, bl-ispazju tal-ajru Ukren magħluq, madwar 3,3 % tal-movimenti tat-traffiku tal-passiġġieri tal-ajru bl-ajru fl-Ewropa waqfu, minbarra t-titjiriet tal-passiġġieri bejn ir-Russja u l-Ewropa, li ammontaw għal 5,7 % tat-traffiku Ewropew totali fl-2021;

F.

billi fl-2020 kien hemm madwar 8 848 waqfa f'port minn madwar 535 bastiment li jtajru l-bandiera Russa fil-portijiet tal-Istati Membri tal-UE;

G.

billi s-sitwazzjoni fil-Baħar l-Iswed u fil-Baħar ta' Azov marret għall-agħar hekk kif il-flotta Russa qed timblokka r-reġjun u partijiet minn dawk l-ibħra ġew iddikjarati bħala żona ta' gwerra, b'rikonoxximent tar-riskju għas-sigurtà għat-traffiku marittimu li jgħaddi minn hemm;

H.

billi, f'dik iż-żona, il-flotta Russa attakkat bastimenti b'sidien tal-UE jew b'operaturi tal-UE;

I.

billi l-baħħara Ukreni u Russi jikkostitwixxu 14,5 % tal-forza tax-xogħol globali tat-tbaħħir, u l-flotot tal-UE jiddependu ħafna minnhom;

J.

billi t-tħassib fir-rigward tas-sigurtà u l-operabbiltà ġenerali tat-trasport ferrovjarju u marittimu lejn u mill-Ukrajna qed jikber;

K.

billi x-xejra fil-prezz tal-fjuwil żdiedet f'dawn l-aħħar xhur, u dik is-sitwazzjoni marret għall-agħar minħabba l-gwerra illegali ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u billi l-fjuwil jirrappreżenta wieħed mill-ogħla spejjeż għall-operaturi u għall-utenti tat-trasport;

L.

billi d-destinazzjonijiet tat-turiżmu f'ħafna pajjiżi tal-UE se jieħdu daqqa ta' ħarta kbira oħra wara sentejn tal-pandemija li diġà kellha effett distruttiv fuq is-settur;

1.   

Itenni l-kundanna l-aktar qawwija possibbli tiegħu tal-gwerra ta' aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, kif ukoll l-involviment tal-Belarussja f'dik il-gwerra, u jesiġi lir-Russja ttemm minnufih kull attività militari fl-Ukrajna u tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu internazzjonalment rikonoxxut tal-Ukrajna;

2.   

Jilqa' s-sanzjonijiet bla preċedent u li qed jevolvu tal-UE kontra r-Russja b'reazzjoni għall-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jistieden lill-UE tkompli tevalwa u tadotta aktar sanzjonijiet effettivi fis-settur tat-trasport sabiex jiġi mminat il-finanzjament tal-magna tal-gwerra ta' Putin; jisħaq li din hija l-ewwel darba li s-settur tat-trasport kien immirat b'mod espliċitu fis-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja;

3.   

Ifakkar li t-trasport huwa mezz strateġiku għall-UE biex tipprovdi solidarjetà u appoġġ lill-Ukrajna u lill-persuni tagħha li qed ibatu, f'termini ta' loġistika, għajnuna umanitarja u l-evakwazzjoni u l-mobilità tar-rifuġjati;

4.   

Jikkundanna bil-qawwa l-immirar intenzjonat tal-infrastruttura tat-trasport fl-Ukrajna mill-forzi Russi, peress li dan ifixkel il-kapaċità tal-awtoritajiet Ukreni li jevakwaw il-popolazzjoni ċivili u jittrasportaw merkanzija u provvisti essenzjali lill-persuni fil-bżonn; iħeġġeġ lill-UE tipprovdi assistenza finanzjarja lill-Ukrajna biex tgħinha tibni mill-ġdid l-infrastruttura tat-trasport tagħha;

5.   

Jilqa' l-miżuri adottati mill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri, lill-operaturi tat-trasport u lill-ħaddiema jkomplu l-operazzjonijiet tat-trasport u jappoġġjaw it-trasport tar-rifuġjati mill-Ukrajna u tal-għajnuna umanitarja; jirrikonoxxi l-qlubija tal-ħaddiema tat-trasport fl-Ukrajna, li qed ipoġġu ħajjithom f'riskju filwaqt li jkomplu jaħdmu għat-trasport tal-persuni u tal-merkanzija;

6.   

Jilqa' l-linji gwida operazzjonali adottati mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat it-tranżitu tal-persuni tal-Ukrajna mingħajr dokumenti validi abbord l-operaturi tat-trasport tal-UE;

7.   

Ifaħħar lill-operaturi Ewropej tat-trasport talli offrew ivvjaġġar bla ħlas bil-ferrovija, bix-xarabank, bil-vapur u bl-ajruplan liċ-ċittadini Ukreni u lill-għadd kbir ta' inizjattivi ta' assoċjazzjonijiet u individwi, madwar l-UE, li jipprovdu trasport bla ħlas ta' merkanzija u ta' persuni lejn u mill-fruntiera Ukrena; jisħaq fuq il-fatt li bosta Ukreni li jixtiequ jmorru lura f'pajjiżhom jew li qegħdin jippruvaw isibu akkomodazzjoni fi Stat Membru ieħor ma jifilħux iħallsu l-prezz tal-biljett; jitlob lill-operaturi ferrovjarji jkomplu jippermettu lill-Ukreni jkollhom aċċess bla ħlas għall-ferroviji mingħajr prenotazzjoni u għall-postijiet mhux riżervati;

8.   

Jirrimarka li dak il-kunflitt kontinwu kif ukoll ir-ritaljazzjoni tar-Russja kontra s-sanzjonijiet tal-UE għandhom impatt ukoll fuq is-settur tat-trasport tal-UE, li huwa mfixkel ħafna irrispettivament mill-mod tat-trasport;

9.   

Jenfasizza l-fatt li ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil u t-tfixkil fil-ktajjen loġistiċi u tal-provvista huma fost il-konsegwenzi ewlenin li jaffettwaw il-modi kollha tat-trasport u joħolqu inċertezza kbira fis-swieq;

10.   

Jemmen li l-operaturi tat-trasport ibbażati fl-UE u li huma proprjetà tal-UE b'rabtiet mas-suq Russu għandhom jiġu appoġġjati hekk kif jorjentaw mill-ġdid l-operazzjonijiet tat-trasport tagħhom lil hinn mir-Russja;

11.   

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq b'mod urġenti valutazzjoni ekonomika u soċjali tal-konsegwenzi tal-gwerra fuq il-modi kollha tat-trasport fis-suq tal-UE u tippreżenta malajr, fejn meħtieġ, appoġġ, inkluż permezz ta' miżuri leġiżlattivi u/jew finanzjarji ulterjuri, biex jittaffew l-effetti negattivi u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u li jiffunzjonaw tajjeb u t-tlestija ġusta għas-setturi Ewropej tat-trasport;

12.   

Jisħaq li l-kriżi m'għandha twassal għall-ebda tidgħjif temporanju jew permanenti tad-drittijiet tal-ħaddiema tat-trasport;

Avjazzjoni

13.

Jesprimi tħassib dwar l-impatt serju li l-kunflitt qed ikollu fuq is-settur tal-avjazzjoni fir-rigward tal-ispejjeż operatorji, li qed jagħmel kemm l-ispejjeż għat-trasport tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija aktar għoljin; jisħaq li l-kombinazzjoni tas-sanzjonijiet u tal-projbizzjonijiet fuq l-ajru ġiegħlet lill-kumpaniji tal-ajru jissospendu t-titjiriet tagħhom jew isibulhom rotta oħra; jirrimarka, barra minn hekk, li l-estensjonijiet massimi meħtieġa tar-rotot sabiex l-inġenji tal-ajru jevitaw l-ispazju tal-ajru Russu u Belarussu jvarjaw bejn tliet u erba' sigħat kull naħa li jwasslu għal kwistjonijiet ta' riforniment ta' fjuwil (waqfiet żejda, għalhekk spejjeż żejda), u sigħat ta' xogħol itwal għall-ekwipaġġ minn dawk previsti fir-regolamenti tal-UE;

14.

Jirrimarka li l-Ukrajna u r-Russja huma fost il-produtturi ewlenin tat-titanju, il-metall ewlieni użat fil-manifattura tal-inġenji tal-ajru, u l-kunflitt li għaddej jista' jkollu impatt fuq il-provvista fil-futur qrib;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u, fejn meħtieġ, tippreżenta strateġija ta' appoġġ għal-linji tal-ajru tal-UE u l-forzi tax-xogħol tagħhom, li ntlaqtu b'mod sever, l-ewwel mill-pandemija tal-COVID-19 u issa minn projbizzjonijiet ta' titjiriet fuq ir-Russja u l-Belarussja, prezzijiet għoljin tal-fjuwil u tnaqqis fid-domanda; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u kompetizzjoni ġusta bejn il-linji tal-ajru, b'mod partikolari meta jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju;

16.

Jiddeplora l-fatt li r-Russja, bi ksur ċar tar-regoli internazzjonali dwar l-avjazzjoni ċivili (il-Konvenzjoni ta' Chicago) approvat liġi li timponi reġistrazzjoni mill-ġdid ta' ajruplani mikrija minn kumpaniji barranin fir-reġistru tal-inġenji tal-ajru tar-Russja; jinsisti li tali serq ma jistax jiġi ttollerat u jitlob ir-ritorn immedjat tal-ajruplani inkwistjoni lis-sidien legali tagħhom; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi fil-Lista tas-Sikurezza tal-Ajru t-trasportaturi Russi li joperaw inġenji tal-ajru koperti minn din ir-reġistrazzjoni mill-ġdid, minħabba li l-awtoritajiet Russi ma għandhomx il-kapaċità ta' sorveljanza tas-sikurezza tal-ajrunavigabbiltà għall-mijiet ta' inġenji tal-ajru rreġistrati mill-ġdid; jisħaq li l-awtoritajiet Russi se jkunu unikament responsabbli talli jpoġġu l-ħajja taċ-ċittadini tagħhom f'riskju meta joperaw dawn l-inġenji tal-ajru misruqa fl-ajru Russu mingħajr ma jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' sigurtà meħtieġa;

17.

Jitlob azzjoni kontinwa mill-UE biex twaqqaf lill-merċenarji mill-Grupp Wagner u lill-ġellieda barranin mis-Sirja, eċċ. milli jingħaqdu b'mod effettiv mal-battalja fl-Ukrajna sabiex iwettqu atroċitajiet kontra l-popolazzjoni ċivili; jitlob għalhekk li r-Rappreżentant Għoli jesiġi b'mod partikolari li l-gvernijiet tat-Turkija, tal-Georgia, tal-Ażerbajġan u tal-Iraq, kif ukoll il-gvernijiet tar-repubbliki tal-Asja Ċentrali, jagħlqu l-ispazju tal-ajru tagħhom lil kwalunkwe ajruplan militari jew privat Russu, Iranjan jew Sirjan, jew lil kwalunkwe linja tal-ajru regolari, li tittrasporta merċenarji bħal dawn; jitlob li l-lista sewda tal-UE ta' kwalunkwe linja tal-ajru li tista' tipparteċipa f'tali trasport;

Marittimu

18.

Jilqa' t-tielet pilastru tal-Kummissjoni tal-ħames pakkett ta' sanzjonijiet kontra r-Russja relatati mal-projbizzjoni fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera Russa u l-bastimenti operati mir-Russja milli jaċċessaw il-portijiet tal-UE; jemmen li f'dan ir-rigward l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima jista' jkollha rwol importanti fl-għoti ta' lista ċara ta' bastimenti Russi li għandhom jiġu pprojbiti mill-portijiet tal-UE, filwaqt li jitqiesu dawk il-bastimenti li ilhom li bidlu l-bandiera tagħhom jew li ġew irreġistrati mill-ġdid mill-24 ta' Frar 2022;

19.

Jitlob, madankollu, li wieħed imur lil hinn minn dawn il-miżuri sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tagħhom u li ma jitħallewx jieqfu l-bastiment kollha fil-portijiet tal-UE, irrispettivament minn min huwa s-sid jew l-operatur tagħhom, jekk dawn jieqfu wkoll f'portijiet Russi tul ir-rotta tagħhom, ħlief meta raġunijiet umanitarji ġġustifikati meħtieġa jkunu jirrikjedu l-waqfa; jilqa' diġà d-deċiżjoni volontarja ta' diversi mill-akbar kumpaniji tat-trasport marittimu fid-dinja bbażati fl-Ewropa, li jwaqqfu l-prenotazzjonijiet kollha tal-merkanzija lejn u mir-Russja sa avviż ulterjuri;

20.

Jitlob li l-bastimenti kollha li jixtiequ jieqfu f'port tal-UE jkunu pprojbiti milli jittrasportaw fjuwil tal-bastimenti fil-portijiet Russi jew minn bastimenti tal-bunkering Russi fuq il-baħar;

21.

Jemmen li l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandha, f'dak ir-rigward, tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni uniformi ta' tali sanzjonijiet, filwaqt li żżomm kundizzjonijiet ekwi għall-portijiet tal-UE;

22.

Jitlob lill-gvernijiet u lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE, biex jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom u jallokaw biżżejjed persunal u riżorsi ħalli jiżguraw applikazzjoni bla xkiel tal-miżuri, filwaqt li jevitaw aktar dewmien fil-katina tal-provvista li diġà ġiet imfixkla;

23.

Jieħu nota tal-fatt li għadd kbir ta' bastimenti bħalissa huma mblukkati fir-reġjuni; itenni l-appelli mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għas-sikurezza u s-sigurtà għat-tbaħħir internazzjonali fiż-żona bħala kwistjoni ta' urġenza, u li tiġi żgurata b'mod partikolari s-sikurezza tal-baħħara; jappella għall-forniment mill-ġdid urġenti tal-bastimenti kkonċernati bil-provvisti vitali meħtieġa mill-baħħara tagħhom, u għall-implimentazzjoni ta' kuritur marittimu sikur blu biex tkun tista' ssir l-evakwazzjoni sikura tal-baħħara u tal-bastimenti miż-żoni b'riskju għoli u affettwati fil-Baħar l-Iswed u fil-Baħar ta' Azov;

24.

Jiddeplora li għadd ta' mini tal-baħar galleġġanti li mhuma mwaħħla ma' xejn dan l-aħħar kienu qed jheddu l-ħajja tal-baħħara u tal-passiġġieri, kif ukoll il-flussi kummerċjali internazzjonali fil-Baħar l-Iswed, u jitlob appoġġ internazzjonali għall-isforzi ta' tneħħija tal-mini tal-pajjiżi littorali;

25.

Jesprimi tħassib dwar l-impatt tat-tbaħħir internazzjonali, tal-loġistika, tal-ktajjen tal-provvista u tal-prezzijiet tal-fjuwils, speċjalment fir-rati tal-merkanzija, fis-settur marittimu;

Ferrovija

26.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li għalissa ma hemm l-ebda projbizzjoni diretta fuq l-operazzjonijiet tat-trasport bil-ferrovija ma' Russian Railways; jinnota, madankollu, li Russian Railways żdiedet mal-lista ta' entitajiet u korpi ġuridiċi soġġetti għal restrizzjonijiet finanzjarji;

27.

Jirrimarka li l-ferroviji xorta jistgħu jivvjaġġaw mir-Russja, b'mod partikolari l-ferroviji tal-merkanzija li joperaw bejn l-Ewropa u ċ-Ċina; jinnota, madankollu, li l-kunflitt qed ikollu impatt drammatiku fuq il-flussi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija bejn l-Asja u l-Ewropa, u dan joħloq inċertezza għan-negozji li joperaw ferroviji u trasport tal-merkanzija bil-baħar;

28.

Jisħaq li l-merkanzija fuq il-ferroviji tal-merkanzija qed tiltaqa' ma' ostakli fiżiċi, b'eluf ta' vaguni mwaħħla fil-kjuwijiet fil-fruntiera tal-Ukrajna u tal-pajjiżi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Ukrajna fl-isforzi tagħha biex tiddevja l-flussi tat-traffiku, tistabbilixxi konnessjonijiet ġodda u tistabbilixxi rotot kummerċjali rapidi, peress li din hija xi ħaġa partikolarment urġenti għat-trasport ta' prodotti li jitħassru bħall-qamħ; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva “Getreidebrücke”, li permezz tagħha l-operaturi ferrovjarji Ukreni u tal-UE qed jikkollaboraw biex jiżguraw li l-prodotti u l-makkinarji agrikoli jkunu jistgħu jidħlu u joħorġu mill-Ukrajna; bl-istess mod, jilqa' l-isforzi tar-Rumanija biex terġa' tqajjem linji ferrovjarji li m'għadhomx jintużaw li jgħaqqdu lir-Rumanija mal-Ukrajna u li jistgħu jkomplu jtaffu l-pressjoni fuq ir-rotot tat-trasport lejn u 'l barra mill-Ukrajna; jemmen li l-UE għandha tinkoraġġixxi u tiffaċilita inizjattivi bħal dawn;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Ukrajna u l-isforzi tagħha biex issaħħaħ il-konnessjonijiet ferrovjarji bejn l-Ukrajna u l-UE;

30.

Ifaħħar l-eroiżmu tal-ħaddiema ferrovjarji Ukreni li, minkejja t-theddida kostanti għal ħajjithom, huma impenjati li jevakwaw il-popolazzjoni tal-Ukrajna minn żoni ta' gwerra, ikomplu jwasslu posta, pagamenti tal-pensjoni, mediċini u prodotti umanitarji u tal-ikel, jittrasportaw il-proprjetà ta' kumpaniji, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet nazzjonali lejn ir-reġjuni sikuri tal-Ukrajna, u jiżguraw li l-kummerċ internazzjonali u l-kuntatti diplomatiċi attivi fl-ogħla livell ikunu jistgħu jkomplu;

31.

Iqis li l-attakk Russu fuq l-Ukrajna u l-ħtiġijiet tat-trasport li jirriżultaw fl-UE ssottolinjaw il-ħtieġa li s-sistema ferrovjarja tal-UE takkomoda volumi akbar ta' passiġġieri u merkanzija; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jaċċelleraw l-istandardizzazzjoni, l-armonizzazzjoni u l-interoperabbiltà tas-sistemi ferrovjarji fl-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni biex tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni u għan-nuqqasijiet li jifdal;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni tniedi minnufih negozjati mal-Ukrajna dwar il-liberalizzazzjoni tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bil-ferrovija u fl-ilmijiet navigabbli interni biex tiżgura rotot tat-trasport u tiggarantixxi ktajjen ta' provvista mingħajr interruzzjoni għall-prodotti agrikoli u prodotti bażiċi oħra lejn l-Ewropa u l-bqija tad-dinja;

33.

Jissottolinja l-erojiżmu ta' xi ħaddiema Belarussi fil-qasam ferrovjarju li wettqu sabotaġġ fuq l-iskjerament ta' forzi Russi li attakkaw lill-Ukrajna u jistieden liċ-ċittadini kollha fir-Russja u fil-Belarussja jsegwu l-eżempju tagħhom ta' reżistenza ċivili għal din il-gwerra atroċi ta' aggressjoni;

Triq

34.

Jilqa' l-azzjoni tal-Kummissjoni biex tiżgura r-ritorn tas-sewwieqa tat-trakkijiet Ewropej miż-żona ta' kunflitt, u t-trasport ta' merkanzija bit-triq lejn l-Ukrajna u l-Moldova;

35.

Jilqa' s-sanzjonijiet reċenti li jipprojbixxu lill-impriżi tat-trasport bit-triq stabbiliti fir-Russja u fil-Belarussja milli jġorru merkanzija bit-triq fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, peress li se jillimitaw drastikament l-għażliet tal-industrija Russa biex tikseb merkanzija ewlenija;

36.

Jirrimarka li t-trasport ta' merkanzija lejn l-Ukrajna u l-Istati Membri li jmissu b'influssi kbar ta' rifuġjati jissogra li jolqot l-ostakli regolatorji; jilqa' l-passi meħuda mill-Kummissjoni biex tiċċara, u tħeġġeġ lill-Istati Membri japplikaw, ċerti miżuri li jiffaċilitaw l-operazzjonijiet tat-trasport bit-triq imwettqa fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali maħluqa mill-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna bħall-għoti ta' kards ta' sewwieqa temporanji lil sewwieqa Ukreni li joperaw fl-UE li ma jistgħux jirritornaw lejn l-Ukrajna biex iġeddu l-kards skaduti tagħhom, l-adozzjoni ta' eżenzjonijiet temporanji mir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ filwaqt li jiġu żgurati l-benesseri u s-sikurezza tas-sewwieqa, l-eżenzjoni mill-ħlas ta' pedaġġi għat-trasport meqjusa bħala servizz ta' emerġenza u eżenzjonijiet mill-awtorizzazzjoni tat-trasport għall-ġarr tal-prodotti kollha meħtieġa għall-kura medika; jenfasizza l-fatt li s-sewwieqa tat-trakkijiet Ukreni fl-Ewropa jinsabu taħt tensjoni kbira minħabba l-gwerra f'pajjiżhom; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta strateġija biex tgħin lis-sewwieqa tat-trakkijiet mill-Ukrajna jerġgħu jingħaqdu mal-familji tagħhom li ġew spostati fl-Unjoni Ewropea u tiżgura li l-Istati Membri jipprovdu assistenza lis-sewwieqa fil-bżonn;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tesplora modi kif tappoġġja t-trasport tal-passiġġieri jew kwalunkwe tip ta' merkanzija lejn/mill-Ukrajna u l-pajjiżi ġirien tal-UE tagħha bħala għajnuna umanitarja u taħseb għall-għajnuna meħtieġa f'termini ta' pedaġġi stradali, tariffi infrastrutturali, aċċess matul tmiem il-ġimgħa, tassazzjoni eċċ.;

38.

Jappoġġa l-konklużjoni immedjata tal-ftehim dwar it-trasport ta' merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibdew japplikaw il-ftehim immedjatament fuq bażi proviżorja;

39.

Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tikkonkludi ftehimiet dwar it-trasport mal-Ukrajna u mal-Moldova, billi parzjalment tilliberalizza t-trasport bit-triq għat-trasportaturi tal-merkanzija tagħhom, li se jippermetti li l-oġġetti importanti tal-esportazzjoni jiġu ttrasferiti minn rotot tal-baħar – li bħalissa mhumiex disponibbli minħabba l-aggressjoni militari Russa – u li jsir użu akbar mill-portijiet tal-baħar tal-UE għall-oġġetti tal-esportazzjoni u tal-importazzjoni lejn u mill-Ukrajna; jappoġġja bil-qawwa f'dan ir-rigward ir-riabilitazzjoni rapida tal-konnessjonijiet ferrovjarji u tal-passaġġi fuq l-ilma li qabel kienu abbandunati, b'mod partikolari, bejn l-Ukrajna u r-Rumanija;

40.

Jenfasizza l-importanza vitali li jinfetħu kurituri tat-trasport ekoloġiku lejn u mill-Ukrajna sabiex l-Ukrajna tingħata l-inputs kollha meħtieġa biex iżżid il-produzzjoni agrikola tagħha (eż. pestiċidi, fertilizzanti u żrieragħ) u biex l-iskambji agrikoli mal-Ukrajna jkunu jistgħu jkomplu;

TEN-T u mobilità militari

41.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tan-network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) lejn pajjiżi terzi ġirien u jħeġġeġ li jintuża r-rieżami tat-TEN-T li għaddej biex jiffoka fuq żieda kbira fl-investiment fil-konnessjonijiet tal-infrastruttura tat-trasport mal-Balkani tal-Punent, mal-Moldova, mal-Georgia u mal-Ukrajna; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament biex flimkien iqisu r-reviżjoni tat-TEN-T li għaddejja bħala opportunità biex jirrieżaminaw il-mapep il-ġodda tat-TEN-T kif proposti f'Diċembru 2021 u jipproponu addendum għall-Ukrajna, għall-Moldova u għall-Georgia b'mod partikolari sabiex jadattaw għas-sitwazzjoni kompletament ġdida tal-ħtiġijiet tat-trasport ikkawżata mill-gwerra illegali ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tipproponi Komunità tat-Trasport tal-“Ewropa tal-Lvant” jew tas-“Sħubija tal-Lvant” tal-UE, inkluż Qafas ta' Investiment tal-Ewropa tal-Lvant, li tista' tkun parzjalment immudellata fuq il-Komunità tat-Trasport tal-Balkani tal-Punent;

42.

Jisħaq fuq l-ħtieġa li jkun hemm ħafna aktar ambizzjoni fuq il-proġett tal-UE għall-mobilità militari u jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn tal-Istati Membri tal-UE li jaċċelleraw l-isforzi kontinwi ħalli jtejbu l-mobilità militari maħsuba mill-UE;

43.

Itenni d-dispjaċir qawwi tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jnaqqas drastikament il-pakkett finali dwar il-linja baġitarja tal-mobilità militari maħluqa reċentement fl-ambitu tal-programm tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE II) 2021-2027, meta jiġu adottati ċ-ċifri mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u jiddeplora li dan l-iżball issa qed idgħajjef is-sigurtà Ewropea komuni tagħna; jistieden lill-Kummissjoni ssib u tippreżenta soluzzjonijiet biex iżżid b'mod sinifikanti l-linja baġitarja tal-mobilità militari fl-ambitu tal-programm FNE II u jissuġġerixxi l-mobilizzazzjoni ta' fondi mhux użati fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza f'dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-aspetti tal-mobilità militari jiġu vvalutati bir-reqqa u indirizzati kemm f'termini ta' infrastruttura kif ukoll ta' finanzjament, bil-għan li jiġu żgurati l-aħjar kooperazzjoni u mobilità transfruntiera fl-Unjoni; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tipproponi appoġġ immirat għal proġetti infrastrutturali ewlenin li jgħaqqdu aħjar lill-Istati Membri kollha u żżid il-konnessjonijiet tal-infrastruttura tat-trasport mal-Balkani tal-Punent, mal-Moldova, mal-Georgia u mal-Ukrajna; jitlob b'mod partikolari t-tisħiħ tal-infrastruttura ewlenija kollha b'użu doppju li twassal għall-fruntiera tal-Lvant tal-Unjoni;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-finanzjament meħtieġ fl-Istati Membri tal-UE għall-iżvilupp tal-infrastruttura b'użu doppju bi rwol strateġiku meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet attwali u futuri; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kapaċità tal-UE li tivvaluta u tikkontrolla s-sjieda u l-investimenti fil-qasam tal-infrastruttura strateġika, bħala aspett ewlieni għall-garanzija tas-sigurtà tal-UE u taċ-ċittadini tagħna;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tispjega l-inizjattiva “Global Gateway”, biex trawwem investimenti infrastrutturali konġunti b'mod partikolari f'dawk il-pajjiżi li qed jaqsmu valuri universali magħna. Minflok ma tħalli l-qasam għall-awtokraziji, l-Ewropa trid toffri alternattiva kemm ekonomikament attraenti kif ukoll ibbażata fuq il-valur għall-investimenti fl-infrastruttura f'pajjiżi terzi ifqar. F'dan l-isforz, l-Ewropa għandha tingħaqad ma' demokraziji ewlenin oħra bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Kanada, l-Awstralja, il-Ġappun jew il-Korea t'Isfel;

Żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fuq it-trasport

46.

Jisħaq li taħlita ta' prezzijiet ogħla tal-enerġija u tat-trasport ikollha impatt fuq iċ-ċittadini kollha, u b'mod partikolari fuq il-familji b'introjtu baxx, b'riskju akbar ta' faqar fit-trasport; jenfasizza, barra minn hekk, il-fatt li l-ispiża ogħla tal-fjuwil għall-avjazzjoni, għat-trasport bit-triq u marittimu qed ikollha impatt dirett fuq il-prezzijiet finali tal-oġġetti u tas-servizzi u li ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil qed taffettwa l-irkupru tat-turiżmu mill-pandemija;

47.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “REPowerEU: Azzjoni Ewropea konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sigura u sostenibbli” u jappoġġja l-ħtieġa li l-enerġija tal-Ewropa ssir indipendenti malajr mis-sorsi tal-enerġija Russi, li fl-istess ħin tista' ssir opportunità biex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni għadha ma indirizzatx iż-żieda fil-prezz tal-fjuwil għall-operaturi tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza fil-fond l-impatt ekonomiku tal-prezzijiet tal-fjuwil fuq it-trasport u l-mobilità tal-UE, u tadotta miżuri ulterjuri biex tirrispondi għaż-żieda fil-prezzijiet fit-trasport f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

48.

Jilqa' l-miżuri straordinarji adottati minn diversi Stati Membri li għandhom l-għan li jtaffu ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil bħat-tnaqqis temporanju fit-taxxa u jistieden lill-Kummissjoni toħroġ bi kriterji kkoordinati u komuni tal-UE u tiffaċilita l-adozzjoni ta' dawn il-miżuri mill-awtoritajiet nazzjonali;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni, u b'mod partikolari lill-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, jimplimentaw miżuri tul il-pjan ta' 10 punti tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija biex jitnaqqas l-użu taż-żejt, inkluż l-użu estiż tal-possibbiltajiet ta' uffiċċji fid-djar, il-Ħdud mingħajr karozzi fil-bliet, aktar promozzjoni tat-trasport pubbliku, il-mikromobilità, il-mixi u ċ-ċikliżmu, żieda fil-car-sharing, il-promozzjoni ta' sewqan effiċjenti għat-trakkijiet tal-merkanzija u l-konsenja tal-merkanzija, bl-użu ta' ferroviji ta' veloċità għolja u ta' billejl minflok ajruplani, fejn possibbli, jiġi evitat l-ivvjaġġar bl-ajru kummerċjali, fejn jeżistu għażliet alternattivi, tissaħħaħ l-adozzjoni ta' vetturi elettriċi u aktar effiċjenti;

50.

Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiżdiedu b'mod sinifikanti l-produzzjoni, il-provvista u l-ħżin domestiċi tal-Unjoni ta' fjuwils/enerġija rinnovabbli u li tiżdied aktar id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea, anke permezz tal-importazzjonijiet ta' fjuwils alternattivi fuq perjodu ta' żmien qasir, inkluż permezz tat-terminals tal-portijiet tal-UE għal-LNG bħala fjuwil tranżitorju, filwaqt li jiġu evitati bir-reqqa l-effetti ta' intrappolament u l-assi mhux rekuperabbli, u f'konformità mal-għanijiet klimatiċi tal-UE; jissottolinja wkoll il-ħtieġa li jissaħħu l-interkonnessjonijiet tal-enerġija bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari bejn il-peniżola Iberika u l-bqija tal-Ewropa;

51.

Iqis li għandhom jiġu promossi s-sinerġiji u l-komplementaritajiet tat-TEN-T u tat-TEN-E, filwaqt li jiġu żgurati bis-sħiħ l-opportunitajiet ta' finanzjament eżistenti u futuri u l-livelli ta' finanzjament għall-iżvilupp tat-TEN-T;

Turiżmu

52.

Jisħaq li l-aggressjoni kriminali li għaddejja mir-Russja kontra l-Ukrajna ħalliet il-marka tremenda tagħha fuq l-industriji tat-turiżmu, speċjalment fiż-żoni tal-fruntiera. It-turisti qed jirrifjutaw li jivvjaġġaw lejn ċerti Stati Membri tal-UE, bħall-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Bulgarija jew l-Istati Baltiċi, minħabba l-prossimità tal-fruntiera mal-Ukrajna u l-biża' tal-gwerra. Minkejja l-problemi tagħhom stess, l-industriji tat-turiżmu tal-pajjiżi msemmija hawn fuq qed jgħinu lir-rifuġjati mill-Ukrajna; jappella għalhekk għal politika Ewropea komuni dwar it-turiżmu u b'mod partikolari pjan ta' azzjoni b'appoġġ finanzjarju effettiv biex jgħin lis-settur u lid-destinazzjonijiet l-aktar milquta ħalli jegħlbu l-aktar kriżijiet reċenti tal-COVID-19 u l-aggressjoni kriminali tar-Russja kontra l-Ukrajna;

53.

Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-istabbiliment ta' Mekkaniżmu Ewropew għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet għas-settur tat-turiżmu tal-UE sabiex jirrispondi b'mod adegwat u rapidu għall-kriżijiet ta' daqs kbir, bħal pandemiji, gwerer, l-impatt tal-kriżi umanitarja tat-tibdil fil-klima; jisħaq fuq l-importanza li jiġu inklużi soluzzjonijiet ta' finanzjament għal skarsezzi finanzjarji b'terminu ta' żmien qasir li jirriżultaw minn tali kriżijiet u anke li jiġu previsti oqfsa u strateġiji b'terminu ta' żmien medju u twil;

54.

Jenfasizza li ż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija u tal-oġġetti tal-ikel, li qed jiġu aggravati mill-gwerra, se timmultiplika l-ispejjeż għall-intrapriżi tat-turiżmu, u l-katina tal-valur kollha, u speċjalment l-SMEs li diġà qed ibatu biex jibqgħu għaddejjin wara sentejn ta' pandemija; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jipprovdu l-ħelsien meħtieġ permezz ta' politiki tat-tassazzjoni u speċifikament ħelsien mit-taxxa, kif ukoll lill-Kummissjoni biex tuża l-fondi tal-UE sabiex ittejjeb il-likwidità tal-SMEs; jisħaq f'dan ir-rigward li l-irkupru tas-settur se jkompli jiddewwem u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu l-appoġġ pubbliku eżistenti, inkluż billi jipposponu l-ħlasijiet lura tal-obbligi li jirriżultaw;

55.

Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID u l-kriżi tal-gwerra attwali fl-Ukrajna wrew il-ħtieġa urġenti tal-istabbiliment ta' “Aġenzija tal-UE għat-turiżmu”; jemmen li l-koordinazzjoni hija essenzjali għall-irkupru tal-industrija tat-turiżmu tal-UE bħala soluzzjoni għal żmien qasir, u li għandu jiġi stabbilit malajr dipartiment speċjali għat-turiżmu fi ħdan waħda mill-aġenziji eżistenti u għandu jkun responsabbli biex joħloq “marka tat-turiżmu tal-UE” ġdida li tippromwovi lill-Ewropa bħala destinazzjoni sikura, sostenibbli u intelliġenti għal kulħadd; jitlob kampanja komuni tal-UE biex tippromwovi lill-Ewropa bħala destinazzjoni bil-ħsieb li tattira lit-turisti lejn destinazzjonijiet li jiddependu l-aktar mit-turisti Russi u Ukreni;

56.

Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-lukandi u s-servizzi ta' kiri għal żmien qasir tal-UE li jospitaw lir-rifuġjati Ukreni;

57.

Jilqa' l-fatt li l-intrapriżi tat-turiżmu diġà qed jimpjegaw rifuġjati Ukreni u jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja dawk l-azzjonijiet billi tistabbilixxi programm finanzjarju temporanju tal-UE biex iwieġeb għan-nuqqas ta' forza tax-xogħol tat-turiżmu, li hija problema pertinenti fis-settur tat-turiżmu wara l-pandemija;

o

o o

58.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 57, 28.2.2022, p. 1.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2022)0052.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2022)0099.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2022)0121.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2022)0120.


Top