Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0301

Kawża C-301/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Oradea (ir-Rumanija) fil-11 ta’ Mejju 2021 – Curtea de Apel Alba Iulia, Curtea de Apel Cluj, Tribunalul Bihor, Tribunalul Satu Mare, Tribunalul Sălaj vs YF, KP, OJ, YS, SL, DB, SH

ĠU C 329, 16.8.2021, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 329/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Oradea (ir-Rumanija) fil-11 ta’ Mejju 2021 – Curtea de Apel Alba Iulia, Curtea de Apel Cluj, Tribunalul Bihor, Tribunalul Satu Mare, Tribunalul Sălaj vs YF, KP, OJ, YS, SL, DB, SH

(Kawża C-301/20)

(2021/C 329/12)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Oradea

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Curtea de Apel Alba Iulia, Curtea de Apel Cluj, Tribunalul Bihor, Tribunalul Satu Mare, Tribunalul Sălaj

Konvenuti: YF, KP, OJ, YS, SL, DB, SH

Partijiet oħra fil-proċedura: Tribunalul Cluj, Consiliul Național pentru Combaterea Discriminării

Domandi preliminari

1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (1), dwar il-garanzija ta’ proċeduri ġudizzjarji “disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament”, kif ukoll id-dispożizzjonijiet [tal-ewwel paragrafu] tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dwar il-garanzija tad-dritt għal “rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu regola f’leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fl-Artikolu 211(c) tal-Legea dialogului social nr. 62/2011 (il-Liġi dwar id-Djalogu Soċjali Nru 62/2011), li tipprovdi li l-perijodu ta’ tliet snin għat-tressiq ta’ talba għal rimedju jibda jiddekorri “mid-data li fiha seħħ id-dannu”, irrispettivament minn jekk il-lanjant kellux għarfien jew le li seħħ id-dannu (u l-portata tiegħu)?

2)

Id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 2(1) u (2) u fl-aħħar tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu regola f’leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fl-Artikolu 1(2) tal-Legea-cadru nr. 330, din 5 noiembrie 2009, privind salarizarea unitară a personalului plătit din fonduri publice (il-Liġi-Qafas Nru 330 tal-5 ta’ Novembru 2009 dwar ir-Remunerazzjoni Uniformi tal-Persunal Imħallas minn Fondi Pubbliċi), kif interpretat fis-sentenza Nru 7/2019 (ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Rumanija) Nru 343 tas-6 ta’ Mejju 2019) mogħtija mill-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) f’rikors fl-interess tal-liġi, peress li r-rikorrenti ma kellhomx l-opportunità legali li jitolbu żieda fl-allowance tal-impjieg tagħhom fil-mument tad-dħul tagħhom fil-ġudikatura, li seħħet wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi-Qafas Nru 330 tal-2009, att leġiżlattiv li espressament jipprovdi li d-drittijiet għas-salarju huma u jibqgħu esklużivament dawk ipprovduti minn [din] il-liġi, li jfisser li hemm diskriminazzjoni fir-remunerazzjoni meta mqabbla mal-kollegi tagħhom, inkluż fuq il-bażi tal-kriterju tal-età peress li l-membri tal-ġudikatura anzjani biss, li ġew maħtura qabel Jannar 2010 (li kisbu sentenzi favurihom matul il-perijodu bejn l-2006 u l-2009 li d-dispożizzjonijiet tagħhom ġew iċċarati fl-2019 fuq il-bażi tad-deċiżjoni tal-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) Nru 7/2019), ibbenefikaw mill-ħlas retroattiv tad-drittijiet tagħhom (simili għal dawk mitluba fir-rikors li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża), f’Diċembru 2019/Jannar 2020, għall-perijodu mill-2010 sal-2015, anki jekk, matul dan il-perijodu, ir-rikorrenti eżerċitaw il-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura u wettqu l-istess xogħol, taħt l-istess kundizzjonijiet u fl-istess istituzzjoni?

3)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu d-diskriminazzjoni biss meta tkun ibbażata fuq wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jew, għall-kuntarju, dawn id-dispożizzjonijiet, possibbilment issupplimentati b’dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, ġeneralment jipprekludu li impjegat jiġi ttrattat b’mod differenti minn ieħor f’termini ta’ remunerazzjoni, meta jwettaq l-istess xogħol għall-istess persuna li timpjega, matul l-istess perijodu u taħt l-istess kundizzjonijiet?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.


Top