Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CN0255

Kawża C-255/21: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fil-21 ta’ April 2021 – Reti Televisive Italiane SpA (RTI) vs Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni – AGCOM

ĠU C 329, 16.8.2021, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 329/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fil-21 ta’ April 2021 – Reti Televisive Italiane SpA (RTI) vs Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni – AGCOM

(Kawża C-255/21)

(2021/C 329/08)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Reti Televisive Italiane SpA (RTI)

Konvenut: Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni – AGCOM

Domandi preliminari

1.

Għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-limitazzjoni tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar, fid-dawl tal-importanza mogħtija, b’mod ġenerali, fid-dritt [tal-Unjoni Ewropea] lill-kunċett ta’ grupp jew entità ekonomika waħda, li jirriżulta minn diversi sorsi tad-dritt tal-kompetizzjoni (b’mod partikolari mill-premessa 43 tad-Direttiva 2018/1808/UE (1) u mill-formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13/[UE] (2) applikabbli fil-kawża prinċipali), bla ħsara għad-differenza li teżisti fid-dritt nazzjonali Taljan bejn l-awtorizzazzjonijiet previsti mix-xandara televiżivi u għax-xandara radjufoniċi, skont l-Artikolu 5(1)(b) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/[2005], tista’ titqies konformi mad-dritt tal-Unjoni interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fil-qasam tar-radju u t-televiżjoni li tiddeduċi mill-Artikolu 1(1)(a) tal-imsemmi Digriet Nru 177/[2005], kif emendat mit-test fis-seħħ mit-30 ta’ Marzu 2010 (li jittrasponi d-Direttiva 2007/65/KE (3)), li l-proċess ta’ konverġenza bejn il-forom ta’ kommunikazzjoni differenti (il-komunikazzjoni elettronika, il-pubblikazzjoni, anki elettronika, u l-internet fl-applikazzjonijiet kollha tagħha) japplika a fortiori bejn il-fornituri tal-media televiżivi u radjufoniċi, fuq kollox jekk ikunu diġà integrati fi gruppi ta’ impriżi marbutin bejniethom, u li [dan il-proċess] jimponi ruħu b’mod ġenerali, bil-konsegwenzi li jirriżultaw minnu, fil-qasam tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 38(6), tad-digriet leġiżlattiv iċċitat iktar ’il fuq, b’tali mod li x-xandar jista’ jkun grupp, ikkunsidrat bħala entità ekonomika waħda, jew, għall-kuntrarju, fid-dawl tal-prinċipji tal-Unjoni ċċitati iktar ’il fuq, minħabba l-awtonomija tal-projbizzjoni li jinqabżu l-limitazzjoni tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar fir-rigward tad-dritt ġenerali tal-kompetizzjoni, huwiex impossibbli li tingħata xi relevanza – qabel l-2018 – lil gruppi u lil proċessi ta’ konverġenza msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll lil attivitajiet inkroċjati bejn il-media, billi jiġi kkunsidrat biss, għall-finijiet ta’ kalkolu tal-limitazzjoni tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar, ix-xandar meħud waħdu, anki jekk ikun parti minn grupp (dan l-aspett huwa msemmi biss fil-verżjoni kkonsolidata tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13/UE, sussegwentement għall-adozzjoni tad-Direttiva 2018/1808/UE)?

2.

Fid-dawl tal-prinċipji tal-Unjoni ċċitati iktar ’il fuq fil-qasam ta’ gruppi ta’ impriżi bħala unità ekonomika waħda, għall-finijiet tal-projbizzjoni li jinqabżu l-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar u tas-suċċessjoni ċċitata iktar ‘il fuq mill-formulazzjoni tal-artikolu 23 imsemmi iktar ‘il fuq, bla ħsara għad-differenza msemmija bejn l-awtorizzazzjonijiet, huwa possibbli li jiġi dedott b’mod partikolari mil-leġiżlazzjoni antikompetittiva tas-[sistema integrata ta’ komunikazzjonijiet] prevista fl-Artikolu 43 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/[2005] ir-rilevanza tal-kunċett ta’ grupp “fornitur ta’ servizzi ta’ media” (jew, skont kliem l-appellant, ta’ “grupp editorjali”) bil-għan li jiġu esklużi l-messaġġi promozzjonali inkroċjati bejn il-media fi ħdan l-istess grupp ta’ limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar, fis-sens tal-Artikolu 38(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/[2005] jew, għall-kuntrarju, tali relevanza għandhiex tkun eskluża qabel l-2018, minħabba l-awtonomija tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-qasam televiżiv fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-limitazzjonijiet tal-ħin tal-ispazju ta’ reklamar?

3.

Il-formulazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva 2010/13/UE jirrikonoxxix l-prinċipju li diġà jeżisti fid-dritt tal-kompetizzjoni tar-relevanza ġenerali tal-gruppi, jew hija novità? B’hekk, fl-ewwel każ, hija realtà ġuridika diġà inerenti fid-dritt tal-Unjoni – b’tali mod li tkopri, b’hekk, f’dan il-każ, preċedentement għall-formulazzjoni ġdida, u li tikkundizzjona l-interpretazzjonijiet tal-[awtorità nazzjonali regolatorja] billi timponilha fi kwalunkwe każ ir-rikonoxximent tal-kunċett ta’ grupp “fornitur ta’ servizzi ta’ media” – jew, fit-tieni każ, din in-novità tipprekludix r-rikonoxximent tar-relevanza tal-gruppi ta’ kumpanniji fil-kawżi mibdija qabel id-dħul tagħha, peress li hija tkun inapplikabbli ratione temporis għall-kawżi preċedenti minħabba l-portata innovattiva?

4.

Fi kwalunkwe każ u lil hinn mis-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet previsti mill-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005 u tal-formulazzjoni ġdida tal-Artikolu 23 imdaħħla fl-2018, u b’hekk fil-każ fejn din id-dispożizzjoni ġdida ma tikkostitwixxix rikonoxximent ta’ dak li diġà jeżisti, iżda tkun innovattiva, kif mistoqsi fid-domanda (c), ir-relazzjonijiet integrati bejn it-televiżjoni u r-radju, ikkunsidrati b’mod ġenerali fid-dritt tal-kompetizzjoni, fid-dawl tan-natura ġenerali u transversali tal-kunċetti ta’ entità ekonomika u ta’ grupp, huma kruċjali sabiex jiġu interpretati l-limiti tal-ispazju ta’ reklamar, li huma fi kwalunkwe każ irregolati impliċitament fir-rigward tal-grupp ta’ impriżi (jew, b’mod iktar preċiż ta’ relazzjonijiet ta’ kontroll bejn l-impriżi tal-grupp) u tal-unità funzjonali ta’ dawn l-impriżi, b’tali mod li l-promozzjoni ta’ programmi bejn televiżjoni u radju tal-istess grupp jew bil-maqlub jekk l-imsemmija relazzjonijiet ta’ integrazzjoni huma irrilevanti fil-kuntest tal-limiti tal-ispazju ta’ reklamar u b’hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-programmi “tiegħu stess” imsemmija fl-Artikolu 23 (test oriġinali) huma tali li peress li jappartjenu għall-istess xandar li jippromwovijhom, u mhux għal grupp ta’ kumpanniji fl-assjem tiegħu, billi din il-leġiżlazzjoni hija dispożizzjoni awtonoma li ma tippermetti l-ebda interpretazzjoni sistematika li testendiha lill-gruppi li huma kkunsidrati entità ekonomika waħda?

5.

Fl-aħħar nett l-Artikolu 23, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, anki kieku ma kellux jiġi interpretat bħala dispożizzjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, għandu fi kwalunkwe każ jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni inċentivanti, li tiddeskrivi l-partikolarità tal-promozzjoni, li hija esklużivament informattiva u li ma hijiex intiża sabiex tikkonvinċi li xi ħadd sabiex jixtri xi prodotti u servizzi barra l-programmi promossi, u b’hekk, għandha titqies bħala eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ spazju ta’ reklamar, u b’hekk applikabbli, fil-parametri tal-impriżi li jappartjenu għall-istess grupp, fil-każijiet kollha ta’ promozzjoni inkroċjata u integrata tal-media, jew għandhiex titqies bħala dispożizzjoni ta’ natura derogatorja u eċċezzjonali fil-kuntest tal-kalkolu tal-limiti tal-ispazju ta’ reklamar u bħala tali għandha tiġi interpretata strettament?


(1)  Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta’ realtajiet tas-suq li qed jinbiddlu (ĠU 2018, L 303, p. 69).

(2)  Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fi-ĠU 2010 L 263, p. 15).

(3)  Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU 2007, L 332, p. 27).


Top