Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE5750

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Midja tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta’ Azzjoni li jappoġġa l-Irkupru u t-Trasformazzjoni” (COM(2020) 784 final)

EESC 2020/05750

ĠU C 286, 16.7.2021, pp. 176–180 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 286/176


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Midja tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta’ Azzjoni li jappoġġa l-Irkupru u t-Trasformazzjoni”

(COM(2020) 784 final)

(2021/C 286/29)

Rapporteur:

Elena-Alexandra CALISTRU

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 24.2.2021

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

14.4.2021

Adottata fil-plenarja

27.4.2021

Sessjoni plenarja Nru

560

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

241/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni u l-isforzi li saru permezz ta’ diversi strumenti biex jinħoloq ambjent ħieles, varjat u dinamiku fis-suq tal-midja, u jinsab kuntent li dan is-suq huwa rikonoxxut bħala kruċjali għat-tisħiħ ta’ soċjetajiet miftuħa u demokratiċi u biex tiġi stimulata d-diversità kulturali tal-Ewropa.

1.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent li l-kultura u l-ekosistema kreattiva, li jagħmlu parti minnhom is-setturi tal-midja tal-aħbarijiet u dak awdjoviżiv, ġew affettwati mill-pandemija u għalhekk jirrikjedu intervent immedjat. L-irkupru ekonomiku u l-kompetittività tal-industrija huma prerekwiżiti għal midja f’saħħitha, indipendenti u pluralista, li min-naħa tagħha hija fundamentali għad-demokrazija tagħna. Il-KESE japprova l-enfasi fuq il-fatt li l-kumpaniji tal-midja huma kemm settur ekonomiku kif ukoll ġid pubbliku li huwa kruċjali biex il-persuni jingħataw informazzjoni preċiża u biex id-demokrazija tkun tista’ taħdem kif suppost.

1.3.

Il-kombinazzjoni tax-xejriet sottostanti u l-kriżi tal-COVID-19 jistgħu, mingħajr rispons qawwi ta’ appoġġ politiku u finanzjarju, idgħajfu r-reżiljenza tas-settur tal-midja tal-Ewropa u r-rwol demokratiku tiegħu. Il-KESE jaqbel mat-tħassib tal-Kummissjoni li dan jista’ jdgħajjef id-diversità kulturali u l-pluraliżmu tal-midja tal-Ewropa u jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni għal miżuri li għandhom jiġu implimentati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, l-industrija tal-midja u l-partijiet ikkonċernati kollha. Madankollu, il-KESE jindika li huwa importanti ħafna li l-Istati Membri jaħdmu flimkien u jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jaraw li dawk il-miżuri minn potenzjali jsiru realtà, filwaqt li jaħdmu flimkien biex isaħħu l-midja u d-demokrazija.

1.4.

Il-KESE huwa sodisfatt mill-fatt li l-Komunikazzjoni għandha objettiv triplu: li taċċellera kemm l-irkupru kif ukoll it-trasformazzjoni tal-industrija tal-midja u li żżid ir-reżiljenza tagħha. Iridu jittieħdu passi biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali li qed jiffaċċjaw l-industrija tal-midja tal-aħbarijiet u dik awdjoviżiva, kif ukoll biex jitrawwem ambjent favorevoli fejn il-midja u s-soċjetà ċivili jistgħu jipparteċipaw f’dibattitu miftuħ, ħieles minn interferenza illeċita u diżinformazzjoni.

1.5.

Il-KESE jixtieq li l-pjan ikun marbut aktar mill-qrib mar-realtajiet soċjali u l-karatteristiċi speċifiċi tal-industrija. B’mod partikolari, l-interventi għandhom iqisu r-realtajiet tad-diskrepanzi fix-xenarju tal-industrija tal-midja u dik awdjoviżiva bejn l-Istati Membri individwali, u d-diskrepanzi fl-Istati Membri bejn il-kapaċità u l-ħtiġijiet tal-midja lokali u nazzjonali. L-għodod finanzjarji għandhom ikunu trasparenti, aċċessibbli u inklużivi għall-atturi kollha li jiżguraw id-diversità tal-industrija Ewropea tal-midja u dik awdjoviżiva, inkluż billi jiġi żgurat aktar appoġġ lill-midja lokali u lin-negozji ġodda tal-midja.

1.6.

Il-KESE jitlob li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili jkunu involuti fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet li jfittxu li jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini, li jirrikonoxxu r-rwol tagħhom fil-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija, li jsaħħu l-libertà tal-midja u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni permezz tal-litteriżmu medjatiku. Sabiex il-pjan jirnexxi, irid isib mezz biex jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fi sforz biex tiġi rrikonoxxuta l-importanza tal-midja għall-valuri demokratiċi tal-Ewropa, kif ukoll biex iċ-ċittadini tagħha jiġu mgħammra bil-ħiliet biex jagħrfu u jassorbu informazzjoni u kultura awdjoviżiva li tippromovi l-istess valuri. Rapporti regolari bħal dawk dwar kampanji favur il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni jistgħu jintużaw biex jgħinu fl-isforzi tal-litteriżmu medjatiku.

2.   Sommarju tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiffoka fuq is-settur tal-midja tal-aħbarijiet (inklużi l-midja stampata u online, ir-radju u s-servizzi awdjoviżivi) u l-industrija kulturali awdjoviżiva, b’mod partikolari ċ-ċinema, it-televiżjoni, ir-radju u l-video streaming kif ukoll il-logħob tal-kompjuter u formati innovattivi, bħal esperjenzi tar-realtà virtwali.

2.2.

F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta dokument ta’ qafas/pjan ta’ azzjoni li jistabbilixxi serje ta’ inizjattivi maħsuba biex jikkontribwixxu għall-irkupru u t-trasformazzjoni tas-setturi tal-midja tal-aħbarijiet u dak awdjoviżiv tal-Ewropa. Dawn is-setturi, li ġew affettwati ħażin mill-kriżi tal-COVID-19, huma kruċjali għad-demokrazija, id-diversità kulturali u l-awtonomija diġitali tal-Ewropa.

2.3.

Fl-istess ħin, is-settur tal-midja tal-aħbarijiet u dak awdjoviżiv tal-Ewropa kienu kruċjali peress li żammew lin-nies infurmati u offrew tratteniment matul il-pandemija tal-COVID-19. Id-domanda għal informazzjoni u aħbarijiet ivverifikati bil-fatti żdiedet b’mod sostanzjali, filwaqt li l-films, is-sensiliet u l-logħob tal-kompjuter kienu s-sors ewlieni ta’ kultura matul ix-xhur ta’ lockdown.

2.4.

Il-komunikazzjoni hija mibnija fuq tliet temi:

(a)

Irkupru: dak li l-Kummissjoni qed tippjana li tagħmel biex tgħin lill-kumpaniji awdjoviżivi u tal-midja jegħlbu l-maltempata attwali u biex tipprovdi likwidità u appoġġ finanzjarju;

(b)

Trasformazzjoni: tindirizza kwistjonijiet strutturali billi tgħin lill-industrija tiffaċċja t-tranżizzjonijiet tewmin tat-tibdil fil-klima u tad-diġitalizzazzjoni, fil-kuntest ta’ kompetizzjoni globali ħarxa;

(c)

Abilitazzjoni u kisba tas-setgħa: tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jippermettu aktar innovazzjoni fis-settur, filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet verament ekwi, u tabilita liċ-ċittadini jaċċessaw il-kontenut b’mod aktar faċli u jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

2.5.

Il-pjan ta’ azzjoni huwa parti mill-isforzi usa’ tal-Kummissjoni biex tfassal sensiela ta’ inizjattivi biex jgħinu fit-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa u huwa waħda mill-inizjattivi li jagħmlu parti mill-pilastru ta’ soċjetà miftuħa, demokratika u sostenibbli.

2.6.

Il-komunikazzjoni tikkomplementa wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea u hija bbażata fuq il-qafas stabbilit mid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD) riveduta reċentement u r-riforma tad-Drittijiet tal-Awtur. Trid tinqara wkoll bħala parti mir-regoli stabbiliti mill-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali konġunti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-approċċ komprensiv li ttieħed għall-miżuri meħtieġa kemm biex jiġi żgurat ambjent aħjar għall-ġurnalisti kif ukoll biex jiġi promoss il-litteriżmu medjatiku. Għalhekk għandu jiġi ddikjarat b’mod aktar ċar kif il-komunikazzjoni tikkomplementa l-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, inkluż fir-rigward tal-allokazzjoni tal-appoġġ finanzjarju.

3.2.

Id-dokumenti rilevanti għandhom ikunu interkonnessi b’attenzjoni u bir-reqqa, inkluż billi jiġu invokati b’aktar attenzjoni l-miżuri stabbiliti fil-proposti tal-Kummissjoni dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali, u l-Aġenda tal-Konsumatur Ewropew, peress li l-pjan direzzjonali tal-midja jenfasizza l-impatt tat-trasformazzjoni diġitali inkluż li l-midja Ewropea ssir aktar kompetittiva (1).

3.3.

Il-KESE jilqa’ l-istruttura u l-istrumenti tanġibbli, u jqis li jistgħu jipprovdu kemm rispons immedjat għall-ħtieġa ta’ rkupru wara l-kriżi billi jiffaċilitaw u jestendu l-aċċess għall-finanzjament, u rispons aktar fit-tul minħabba l-enfasi fuq it-trasformazzjoni kkawżata mill-istimolu tal-investiment fit-tranżizzjonijiet tewmin tat-tibdil fil-klima u d-diġitalizzazzjoni. Madankollu, irridu nipprovdu ambjent favorevoli sabiex il-midja tkun tista’ tipprova mudelli ġodda ta’ finanzjament. Mingħajr fondi li jippermettu approċċ sperimentali, l-innovazzjoni f’dan il-qasam se tbati. Bħalissa m’hemm l-ebda mudell standard li jista’ jiġi implimentat, huma biss stejjer ta’ suċċess individwali ta’ kumpaniji speċifiċi tal-midja li rnexxielhom jagħmlu lilhom infushom sostenibbli.

3.4.

Fir-rigward tas-settur tal-midja tal-aħbarijiet, il-KESE jinnota li l-pjan ta’ azzjoni jkopri miżuri għall-ġestjoni tal-isfidi li jiffaċċja suq diġitali fejn l-ikbar sehem tad-dħul mir-reklamar huwa mmirat lejn pjattaformi diġitali globali. Il-mekkaniżmi finanzjarji proposti huma aktar varjati minn qatt qabel, u madankollu hemm riskju ta’ approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd li jista’ jwassal għal diskrepanzi bejn l-Istati Membri, u wisq aktar, fihom stess (jiġifieri bejn il-livelli nazzjonali u lokali). Trid titqies il-kapaċità mhux uniformi tal-mezzi tal-aħbarijiet lokali biex jaċċessaw strumenti finanzjarji kumplessi.

3.5.

Il-KESE jindika li trid tittieħed azzjoni biex jiġi indirizzat il-periklu ta’ frammentazzjoni (2). Il-miżuri prinċipali għas-settur awdjoviżiv huma mmirati lejn din l-isfida, li hija dovuta mhux biss għall-pressjoni mill-pjattaformi online iżda wkoll għall-fatt li s-settur jiffoka kważi esklussivament fuq l-udjenza nazzjonali. Hemm bżonn ta’ miżuri kuraġġużi li jippermettu lill-atturi Ewropej jinvestu fil-kontenut, it-talent, il-promozzjoni, id-distribuzzjoni, l-innovazzjoni u t-teknoloġija fl-UE kollha.

3.6.

Bħala assemblea li tirrappreżenta s-soċjetà ċivili, il-KESE kemm-il darba (3) indika li l-futur diġitali tal-Ewropa huwa bbażat fuq approċċ iffukat fuq in-nies, iżda wkoll li l-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku huma essenzjali (4). Il-KESE jenfasizza għal darb’oħra li t-trasformazzjoni diġitali tal-midja mhux se tkun possibbli sakemm il-pubbliku ma jkunx ippreparat għaliha, u għalhekk il-miżuri li jippromovu l-litteriżmu medjatiku u l-edukazzjoni ċivika huma essenzjali.

3.7.

Barra minn hekk, il-KESE jixtieq jenfasizza li l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà huma fatturi vitali li wieħed g]andu jżomm f’moħħu fl-aspetti kollha tal-istrateġija: mid-dispożizzjoni għar-riċeviment ta’ fondi, fis-soluzzjonijiet tekniċi għall-applikazzjoni ta’ u għall-Ispazju Ewropew tad-Data għall-pjattaformi għad-disponibbiltà ta’ kontenut u edukazzjoni awdjoviżivi, il-kisba tas-setgħa kif ukoll il-funzjonament tas-suq medjatiku Ewropew.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

L-azzjonijiet ta’ appoġġ għall-irkupru jinkludu programmi ta’ finanzjament b’impatt dirett fuq il-midja, iżda wħud biss minn dawn il-mekkaniżmi ta’ finanzjament huma stabbli, prevedibbli u aċċessibbli matul il-perjodu kollu tal-pjan ta’ azzjoni. Il-miżuri proposti jeħtieġ li jiġu adattati biex jiggarantixxu finanzjament essenzjali għall-prijoritajiet, lil hinn mill-fondi li huma disponibbli temporanjament jew skont id-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Pereżempju, il-programm Ewropa Kreattiva, li se jkun aċċessibbli matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali kollu, għall-ewwel darba se jinkludi miżuri ffukati fuq il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, il-ġurnaliżmu u l-litteriżmu medjatiku. Madankollu, is-sorsi l-oħra ta’ finanzjament proposti huma temporanji (bħal pereżempju SURE) jew l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jużawhomx (Fondi Strutturali).

4.2.

L-Azzjoni 1 tipproponi aċċess aktar faċli għall-appoġġ tal-UE permezz ta’ għodda interattiva li se tipprovdi gwida kif wieħed japplika għall-appoġġ rilevanti tal-UE matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u permezz ta’ pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Din hija idea eċċellenti li se tagħmilha aktar faċli biex tinstab l-informazzjoni u se ttejjeb il-proċessi ta’ finanzjament tal-midja. Madankollu, jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn mekkaniżmu li jippermetti lill-Istati Membri jibagħtu informazzjoni f’ħin reali sabiex il-portal ikollu l-informazzjoni meħtieġa meta jkun rilevanti.

4.3.

L-Azzjoni 2 tittratta l-inizjattiva MEDIA INVEST immirata biex tagħti spinta lill-investiment fl-industrija awdjoviżiva. Din hija pjattaforma ddedikata għall-investiment fl-ekwità maħsuba biex trawwem produzzjonijiet awdjoviżivi u strateġiji ta’ distribuzzjoni Ewropej. Il-KESE jemmen li l-investiment jeħtieġ li jiżdied b’mod sostanzjali, u li dan l-investiment irid jimxi id f’id ma’ attenzjoni akbar għall-innovazzjoni jekk l-għan huwa wkoll li l-kumpaniji awdjoviżivi Ewropej isiru aktar kompetittivi f’suq globali dejjem aktar aggressiv. Barra minn hekk, u fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, il-KESE jirrakkomanda l-ħolqien ta’ fond Ewropew tal-assigurazzjoni għall-produzzjoni awdjoviżiva.

4.4.

L-Azzjoni 3 tittratta l-AĦBARIJIET, inizjattiva li għandha l-għan li tinkludi azzjonijiet u appoġġ għas-settur tal-midja tal-aħbarijiet. Il-firxa wiesgħa ta’ għodod hija sinifikanti wkoll. Madankollu, huwa importanti li jitqies li dawn il-mekkaniżmi ta’ appoġġ għandhom ikunu mmirati lejn karatteristiċi partikolari tal-industrija, li jipprovdu opportunitajiet kemm għan-negozji ġodda tal-midja (irrispettivament mill-istruttura legali tagħhom) kif ukoll għall-ġurnalisti freelance.

4.5.

Irid jingħata aktar appoġġ lill-mezzi tax-xandir lokali u lil negozji ġodda tal-midja li m’għandhomx il-kapaċità li japplikaw għal dan it-tip ta’ finanzjament, permezz ta’ għodod li huma faċli biex jiġu aċċessati mill-mezzi tax-xandir indipendenti u żgħar li qed isibu l-aktar diffikultajiet bir-riżorsi finanzjarji. It-twassil tal-finanzjament permezz ta’ assoċjazzjonijiet professjonali jista’ jgħin lill-entitajiet medjatiċi żgħar jaċċessaw l-appoġġ meħtieġ. F’xi Stati Membri, is-suq tal-midja, b’mod partikolari s-suq lokali, huwa dgħajjef u vulnerabbli u għalhekk l-investituri jistgħu ma jarawhx bħala opportunità. Għalhekk iridu jinstabu soluzzjonijiet li jippermettu lill-kumpaniji tal-midja lokali jiddiversifikaw il-flussi ta’ introjtu tagħhom u jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq, mingħajr ma jsiru dipendenti minn investituri esterni li jistgħu jinjoraw il-profittabbiltà potenzjali ta’ investiment f’dawn is-swieq ta’ valur baxx.

4.6.

Il-mekkaniżmi ta’ appoġġ finanzjarju jridu jkunu akkumpanjati minn miżuri stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea sabiex jiġi żgurat li huma konsistenti fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, fit-tisħiħ tal-libertà tal-midja u fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Għall-istess għan, filwaqt li jilqa’ d-diversità u l-innovazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza tal-investimenti pubbliċi u privati, il-fondi, il-fondazzjonijiet u kwalunkwe struttura oħra ta’ sjieda tal-midja, u li jiġi żgurat li ma jikkontribwixxux għal fenomenu ta’ konċentrazzjoni eċċessiva u ma jiġux b’talbiet politiċi jew ideoloġiċi speċifiċi marbuta magħhom.

4.7.

L-Azzjoni 4 tintroduċi azzjonijiet li jiffukaw fuq it-trasformazzjoni tal-industrija, il-ksib tal-innovazzjoni permezz ta’ spazju Ewropew tad-data tal-midja u l-inkoraġġiment ta’ mudelli ġodda ta’ negozju. Bħal f’Opinjonijiet oħrajn (5), il-KESE jaqbel li jeħtieġ li nibnu suq uniku Ewropew ġenwin għad-data — spazju Ewropew tad-data bbażat fuq l-istandards u l-valuri Ewropej, inkluża l-industrija tal-midja. Il-miżuri jridu jippermettu l-ħtieġa li tingħata spinta lill-kapaċità tal-industrija li taqleb għal mudell tal-midja bbażat dejjem aktar fuq id-data, peress li hemm differenzi kbar f’dan ir-rigward fl-industrija kollha. Madankollu, il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-utenti li jipprovdu data għal dan is-suq Ewropew ikunu garantiti, filwaqt li fl-istess ħin jindika, b’konformità ma’ dak li ġie ddikjarat minn organizzazzjonijiet Ewropej differenti tal-konsumaturi, il-ħtieġa li l-utenti jiksbu kumpens ġust għall-użu tad-data tagħhom.

4.8.

Il-miżuri l-oħra stabbiliti f’dan il-qafas huma konsistenti mal-isforzi biex tinkiseb it-trasformazzjoni diġitali u ekonomika u għandhom jitqiesu fil-kuntest usa’ ta’ azzjonijiet f’dawk l-oqsma. L-Azzjoni 5 tfittex li trawwem koalizzjoni industrijali ta’ Realtà Virtwali u Awmentata Ewropea, filwaqt li l-Azzjoni 6 tippromovi l-bidla għal settur awdjoviżiv newtrali għall-klima permezz tal-iskambju strutturat tal-aħjar prattika. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jsir investiment fit-taħriġ professjonali (6) u fit-tisħiħ tal-industrija sabiex jiġi żgurat l-adattament tal-ħiliet għal dawn il-kwistjonijiet fundamentali.

4.9.

Il-miżuri ta’ abilitazzjoni u ta’ kisba tas-setgħa jenfasizzaw il-ħtieġa li l-Ewropej jitqiegħdu fiċ-ċentru tad-Deċennju Diġitali. L-Azzjoni 7 tfittex li tikseb disponibbiltà usa’ ta’ kontenut awdjoviżiv madwar l-UE billi tniedi djalogu mal-industrija awdjoviżiva u s-soċjetà ċivili sabiex jintlaħaq qbil dwar il-passi biex jittejjeb l-aċċess għal kontenut awdjoviżiv u d-disponibbiltà tiegħu bejn il-fruntieri fl-UE u jiġu eliminati r-restrizzjonijiet ġeografiċi għall-aċċess ta’ kontenut diġitali permezz tal-imblukkar ġeografiku. Il-KESE jilqa’ l-ftuħ ta’ dan id-djalogu, li ser ikollu jqis il-protezzjoni meħtieġa tad-drittijiet tal-awtur u r-restrizzjonijiet ta’ finanzjament tal-industrija awdjoviżiva.

4.10.

Il-KESE jilqa’ l-Azzjoni 8 li għandha l-għan li trawwem it-talenti Ewropej tal-midja permezz tat-taħriġ, il-mentoraġġ u l-appoġġ għall-innovazzjoni. Madankollu, nixtiequ nagħmlu referenza għall-varjetà ta’ strutturi tal-partijiet ikkonċernati fl-industrija (ħaddiema li jaħdmu għal rashom, u dawk mingħajr skop ta’ qligħ) u l-ħtieġa li jiġi żgurat li kollha kemm huma jkunu jistgħu jaċċessaw il-mekkaniżmi.

4.11.

L-Azzjoni 9 tiffoka fuq il-kisba tas-setgħa minn l-individwi. Minħabba l-importanza tal-litteriżmu medjatiku kemm għall-individwi kif ukoll għad-demokrazija, din il-kwistjoni għandha tingħata prijorità. B’mod partikolari, iridu jiġu żviluppati strumenti għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni u t-tixrid ta’ diżinformazzjoni u miżinformazzjoni, li żdiedu b’mod inkwetanti. Huwa wkoll kruċjali li jiġi żgurat li l-miżuri stabbiliti fid-dokumenti u l-pjani pertinenti (7) jkunu konsistenti, b’mod partikolari minħabba li dawn is-setturi huma ġodda u jinvolvu ammont kbir ta’ informazzjoni, u l-Istati Membri jeħtieġu gwida ċara u proċeduri konsistenti.

4.12.

L-Azzjoni 10 tiftaħ id-diskussjoni dwar l-iżgurar tal-funzjonament tas-suq tal-midja Ewropew billi ssaħħaħ il-qafas ta’ kooperazzjoni fost ir-regolaturi tal-midja Ewropej fi ħdan il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (ERGA). Il-KESE japprezza l-importanza mogħtija lill-involviment ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-Istati Membri, speċjalment fil-kuntest tal-infurzar tal-AVMSD, u jħeġġeġ approċċ simili għall-azzjonijiet kollha elenkati fil-pjan sabiex isiru pjan direzzjonali ġenwin għall-industrija.

Brussell, is-27 ta’ April 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52018AE3902&from=MT

(2)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52016AE4519&from=MT

(3)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52020AE1188&from=MT

(4)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52018AE6302&from=MT

(5)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52020AE1188&from=MT

(6)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52017AE1813&from=MT

(7)  Inkluż il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, il-Pjan ta’ Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali.


Top