This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021AE0198
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Action plan on Integration and Inclusion 2021-2027’ (COM(2020) 758 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027” [COM(2020) 758 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027” [COM(2020) 758 final]
EESC 2021/00198
ĠU C 286, 16.7.2021, pp. 134–140
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
16.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 286/134 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027”
[COM(2020) 758 final]
(2021/C 286/23)
|
Relatur: |
Paul SOETE |
|
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 14.1.2021 |
|
Bażi legali |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adottat fis-sezzjoni |
16.4.2021 |
|
Adottat fil-plenarja |
27.4.2021 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
560 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
205/1/9 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni (minn hawn’ il quddiem il-“Pjan ta’ Azzjoni”) huwa parti minn rispons komprensiv għall-isfidi marbuta mal-migrazzjoni, kif ippreżentat fil-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. |
|
1.2. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa usa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu minn dak preċedenti: għall-kuntrarju tal-predeċessur tiegħu tal-2016, il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid ikopri mhux biss il-migranti, iżda wkoll liċ-ċittadini tal-UE “minn kuntest ta’ migrazzjoni”. Għalkemm l-integrazzjoni hija importanti għal din il-kategorija ta’ ċittadini wkoll, u għaċ-ċittadini u r-residenti kollha, dan jista’ jirriżulta wkoll f’azzjonijiet anqas immirati, peress li l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-migranti tal-ewwel ġenerazzjoni huma differenti minn dawk tal-migranti tat-tieni u tat-tielet ġenerazzjoni. |
|
1.3. |
L-għodod ta’ integrazzjoni u inklużjoni huma prinċipalment f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. L-azzjoni fil-livell tal-UE hija komplementari u mfassla biex tippromovi, tiffaċilita u tikkoordina l-kollaborazzjoni. B’konsegwenza ta’ dan, fil-Pjan ta’ Azzjoni ma hemm l-ebda objettiv globali jew speċifiku għall-Istati Membri, iżda rakkomandazzjonijiet biss. Minħabba s-sitwazzjoni attwali u l-impatt tal-pandemija, hemm riskju li dawn il-kwistjonijiet ta’ integrazzjoni jitqiesu bħala li għandhom prijorità aktar baxxa. |
|
1.4. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni jindirizza l-oqsma ta’ politika kollha li huma essenzjali għall-integrazzjoni soċjoekonomika u politika ta’ migranti li jkunu għadhom kif waslu, u jagħti ħarsa ġenerali lejn il-lista ta’ inizjattivi Ewropej f’oqsma differenti li jista’ jkollhom impatt fuq il-migrazzjoni u l-integrazzjoni. Il-KESE jirrimarka li l-isfidi reali jinsabu fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki. |
|
1.5. |
Il-KESE jappoġġja l-objettivi proposti mill-Pjan ta’ Azzjoni f’oqsma settorjali ewlenin. Madankollu, jixtieq jirrimarka wkoll li dawn huma eżempji ta’ azzjonijiet possibbli aktar milli miri li jistgħu jitkejlu. Għal din ir-raġuni, l-implimentazzjoni effettiva tagħhom tidher li tiddependi minn proċess ta’ monitoraġġ li għad irid jiġi implimentat. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni. |
|
1.6. |
B’paragun mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2016, hawnhekk qed tingħata aktar attenzjoni lid-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri tal-integrazzjoni b’mod ġenerali. L-aspetti tal-ġeneri għandhom jiġu enfasizzati wkoll fis-sezzjonijiet differenti dwar l-oqsma settorjali. |
|
1.7. |
Il-KESE jenfasizza li l-valur tax-xogħol b’mod ġenerali għandu jkun fil-qofol tal-Pjan ta’ Azzjoni, peress li x-xogħol fil-forom differenti kollha tiegħu huwa aspett ewlieni tal-integrazzjoni u l-iżvilupp personali. |
|
1.8. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni jagħti ħarsa ġenerali lejn l-istrumenti kollha ta’ finanzjament disponibbli f’kull qasam settorjali. Madankollu, dawn l-istrumenti jidhru li huma mfassla għal esperti dwar is-sussidji, u l-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament, pereżempju billi toħloq strument ta’ integrazzjoni ddedikat. Il-KESE jibża’ wkoll li l-finanzjament għall-integrazzjoni gradwalment se jinżel ’l isfel fil-lista ta’ prijoritajiet. |
|
1.9. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tas-soċjetà ċivili b’mod ġenerali għall-integrazzjoni fl-istil ta’ ħajja lokali, kif ukoll ir-rwol speċifiku tal-unions u tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi. |
2. Sfond
|
2.1. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027 huwa parti minn rispons komprensiv għall-isfidi marbuta mal-migrazzjoni mressqa fil-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Huwa jibni fuq l-impenji tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tal-2016 dwar l-Integrazzjoni u jaġġornahom, u huwa għal perjodu ta’ seba’ snin b’rieżami ta’ nofs it-terminu fl-2024, f’konformità mal-QFP għall-istess perjodu. |
|
2.2. |
Il-ħtieġa ta’ Pjan ta’ Azzjoni ġejja mid-differenzi impressjonanti bejn il-migranti u l-persuni nattivi fil-livelli tal-edukazzjoni, l-impjiegi, il-faqar, u l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni. Biex insemmu ċifra waħda li turi din id-differenza, il-perċentwal ta’ migranti żgħażagħ (ta’ bejn it-18 u l-24 sena) li la huma f’impjieg u lanqas fl-edukazzjoni u t-taħriġ (NEETs) fl-UE huwa ta’ 21 % meta mqabbel ma’ 12,5 % għan-nattivi. Hemm ukoll differenza importanti bejn il-ġeneri, bil-perċentwal ta’ bniet migranti żgħar li jaqgħu f’din il-kategorija li huwa ta’ 25,9 % (1). |
|
2.3. |
Il-pandemija tal-COVID-19 tefgħet dawl fuq l-inugwaljanzi profondi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa għall-migranti, b’riskji għas-soċjetà b’mod ġenerali. Dan wera wkoll li l-migranti huma aktar probabbli li jaħdmu f’impjiegi li jirrikjedu kuntatt interpersonali mill-qrib u għalhekk huma aktar esposti għall-COVID-19. |
|
2.4. |
L-integrazzjoni sħiħa tal-migranti fis-suq tax-xogħol tista’ tiġġenera gwadanji ekonomiċi kbar fil-benesseri nazzjonali, inkluż għal skemi tal-pensjoni u f’termini ta’ kontribuzzjonijiet fiskali. (2) Dan huwa eżitu li jgawdi minnu kulħadd peress li l-integrazzjoni sħiħa tibbenefika wkoll lill-migranti billi tagħtihom aċċess għas-sistema ta’ protezzjoni soċjali tal-pajjiż ospitanti. |
|
2.5. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni jirreferi għal sett ta’ prinċipji u valuri ewlenin ġenerali komuni għall-politiki kollha tal-UE dwar l-inklużjoni, inkluża referenza għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
2.6. |
L-azzjonijiet speċifiċi ppreżentati fil-Pjan ta’ Azzjoni jikkonċernaw erba’ oqsma settorjali, jiġifieri l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, l-Impjiegi u l-Ħiliet, is-Saħħa, u l-Akkomodazzjoni. Għal kull waħda minn dawn ġew identifikati lakuni fl-integrazzjoni. Dawn l-azzjonijiet huma kkumplimentati minn azzjonijiet trasversali, inkluż il-bini ta’ sħubijiet b’saħħithom, iż-żieda tad-diversi opportunitajiet għall-finanzjament, it-trawwim ta’ rabtiet mas-soċjetà ospitanti, it-tisħiħ tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u għodod diġitali, u l-monitoraġġ tal-progress fl-integrazzjoni. |
|
2.7. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-enfasi tal-Pjan ta’ Azzjoni hija fuq il-proċess ta’ integrazzjoni bħala tali u mhux fuq id-dħul fl-UE. Minkejja dan, jixtieq jenfasizza li l-kwistjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja tibqa’ fattur importanti ta’ integrazzjoni legali u soċjali. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
B’differenza mill-Pjan tal-2016, dak attwali jkopri mhux biss il-migranti, iżda wkoll liċ-ċittadini tal-UE “minn kuntest ta’ migrazzjoni”. Il-KESE jieħu nota tal-kamp ta’ applikazzjoni usa’, peress li l-aspetti tal-integrazzjoni huma importanti wkoll għal din it-tieni kategorija ta’ ċittadini u għaċ-ċittadini u r-residenti kollha; dan jippromovi l-istil ta’ ħajja Ewropew, fejn id-drittijiet u l-ħtiġijiet tal-inklużjoni huma marbuta wkoll mar-responsabbiltajiet. |
|
3.2. |
Minkejja dan, il-KESE jibża’ li l-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tal-Pjan ta’ Azzjoni jista’ jirriżulta wkoll f’azzjonijiet anqas immirati – u, għalhekk, anqas effettivi. Il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-migranti tal-ewwel ġenerazzjoni huma differenti minn dawk tat-tieni u tat-tielet ġenerazzjoni. Barra minn hekk, hemm il-periklu li l-inklużjoni tal-ħtiġijiet soċjali tal-migranti tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni fil-politiki dwar il-migrazzjoni u l-integrazzjoni tistigmatizzahom u tipperpetwa r-razziżmu. |
|
3.3. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni jagħti ħarsa ġenerali tajba lejn il-lista ta’ inizjattivi Ewropej f’oqsma differenti li għandhom impatt fuq il-migrazzjoni u l-integrazzjoni. Id-dokument jindirizza l-oqsma ta’ politika essenzjali kollha li huma meħtieġa għall-integrazzjoni soċjoekonomika u politika tal-migranti li jkunu għadhom kif waslu. Huwa jiddiskuti wkoll id-disponibbiltà tal-fondi u tas-sħubijiet mal-istituzzjonijiet u mal-organizzazzjonijiet biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni. |
|
3.4. |
Il-KESE jissottolinja li, flimkien ma’ dawn il-politiki, il-ħidma tibqa’ motivatur ewlieni tal-integrazzjoni u bħala tali għandha tiġi ssalvagwardjata u promossa bħala element ċentrali fil-Pjan kollu. |
|
3.5. |
Il-KESE jissottolinja li l-isfidi reali jinsabu fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki. Pereżempju, anke meta l-kwalifiki preċedenti tal-migranti jiġu rikonoxxuti, l-impjegaturi jaħsbuha darbtejn qabel jimpjegawhom minħabba nuqqas ta’ fiduċja fil-livell tal-ħiliet tagħhom. Dan jidher li huwa l-każ għall-migranti mir-reġjun MENA, u mill-Asja Ċentrali u t’Isfel. |
|
3.6. |
L-impenn għat-tisħiħ tal-involviment fil-politiki tal-UE dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-soċjetà ċivili, u l-migranti u l-organizzazzjonijiet tagħhom huwa aspett pożittiv tal-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid. Il-KESE jinnota li s-soċjetà ċivili għandha tinkludi wkoll il-unions u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi. |
|
3.7. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni ġustament jirrikonoxxi l-importanza tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fil-politiki dwar l-integrazzjoni u jippromovi l-kooperazzjoni bejniethom. Fil-fatt, għandu jiġi nnutat li l-biċċa l-kbira tal-għodod ta’ integrazzjoni huma f’idejhom. L-azzjoni fil-livell tal-UE hija komplementari u mfassla biex tippromovi, tiffaċilita u tikkoordina l-kollaborazzjoni, meta din tkun utli. B’konsegwenza ta’ dan, il-Pjan ta’ Azzjoni ma fih l-ebda objettiv ġenerali jew speċifiku għall-Istati Membri, iżda rakkomandazzjonijiet biss. |
|
3.8. |
Peress li t-test mhuwiex vinkolanti u l-Istati Membri huma fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għall-politiki tal-integrazzjoni fil-livell nazzjonali, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal impenji ċari mill-Istati Membri tal-UE u l-istabbiliment ta’ fora adatti, inklużi laqgħat regolari, biex jikkoordinaw il-politiki u jevalwaw il-progress. |
|
3.9. |
Il-Kummissjoni tistabbilixxi b’mod ċar dak li trid tikseb f’kull qasam. Il-KESE jappoġġja d-dijanjożi u l-kisbiet proposti, iżda jinnota n-nuqqas ta’ miri ċari ġenerali jew speċifiċi għall-azzjoni. L-effikaċja tal-implimentazzjoni tidher li tiddependi minn proċess ta’ monitoraġġ li għandu jiġi stabbilit. |
|
3.10. |
Fl-opinjoni SOC/649 (Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil) (3), il-KESE staqsa dwar l-iskala u l-appoġġ tal-miżuri ta’ integrazzjoni. L-għodod u l-inċentivi offruti lill-partijiet ikkonċernati differenti mill-Pjan ta’ Azzjoni jistgħu ma jkunux biżżejjed biex itejbu l-integrazzjoni b’mod sensibbli, speċjalment minħabba n-natura fit-tul tal-miżuri f’dan il-qasam. Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni ta’ dan il-punt. |
|
3.11. |
Il-finanzjament huwa parti importanti mill-Pjan ta’ Azzjoni. L-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra huma mħeġġa jagħmlu użu sħiħ mill-finanzjament tal-UE. Il-Pjan ta’ Azzjoni jagħti wkoll ħarsa ġenerali lejn l-istrumenti kollha ta’ finanzjament disponibbli għal kull qasam settorjali. |
|
3.12. |
Filwaqt li l-integrazzjoni hija msemmija fost il-prinċipji gwida li jinfurmaw il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Pjan ma jipprovdix gwida sodisfaċenti dwar kif il-politiki ta’ integrazzjoni għandhom jiġu integrati fil-miżuri ta’ koeżjoni soċjali ġenerali. |
|
3.13. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza għad-dimensjoni tal-integrazzjoni tal-ġeneru fil-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid. Fl-istess ħin, huwa jenfasizza li l-isfidi tal-integrazzjoni relatati mal-ġeneri jistħoqqilhom aktar attenzjoni u azzjoni aktar speċifika f’kull wieħed mill-oqsma settorjali. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. L-edukazzjoni u t-taħriġ
|
4.1.1. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni jiddikjara b’mod korrett li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma l-pedament ta’ parteċipazzjoni b’suċċess fis-soċjetà. L-iskejjel u faċilitajiet edukattivi oħra jipprovdu ambjent importanti għall-bini ta’ soċjetà inklużiva u għall-ġlieda kontra s-segregazzjoni. Barra minn hekk, il-kisba ta’ edukazzjoni ċivika dwar id-demokrazija u ċ-ċittadinanza tistabbilixxi l-bażi għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà filwaqt li tipprevjeni wkoll li ż-żgħażagħ jinġibdu lejn ideoloġiji estremisti. Dan huwa qasam fejn għandha titħeġġeġ parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà ċivili peress li hija tippromovi l-fiduċja, il-koeżjoni soċjali u s-sens ta’ appartenenza. |
|
4.1.2. |
Rigward l-azzjonijiet speċifiċi għat-titjib tal-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ, l-appoġġ ipprovdut mill-Kummissjoni għandu jiġi speċifikat aktar, peress li l-Pjan ta’ Azzjoni fih biss referenzi ġenerali għal attivitajiet ta’ appoġġ immirati. L-aktar azzjoni speċifika msemmija hija s-sett ta’ għodod bi gwida prattika dwar l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal li se tiġi ppubblikata fil-bidu tal-2021. |
|
4.1.3. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni jsemmi wkoll il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba fil-pajjiżi terzi. Huwa jressaq diversi strumenti biex ittejjeb ir-rikonoxximent tal-kwalifiki: in-networks ENIC-NARIC, il-Programm Erasmus, il-Qafas tal-Kwalifiki tal-UE, u l-portal tal-Europass. Minbarra t-tisħiħ tal-istrumenti eżistenti, huwa importanti wkoll li jiġu identifikati l-ostakli eżistenti għar-rikonoxximent, inkluż in-nuqqas ta’ fiduċja u ostakli soċjali oħra. |
|
4.1.4. |
Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tat-tagħlim tal-lingwi u tipproponi li jkomplu jiġu żviluppati programmi komprensivi u aċċessibbli għat-tagħlim tal-lingwi. Il-KESE jemmen li t-tagħlim tal-lingwi għandu jkun fil-qalba tal-azzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-impjieg, jiġifieri mill-ewwel stadji tal-proċess ta’ integrazzjoni. It-tagħlim tal-lingwa tal-komunità riċevitur jiżgura aċċess għal livelli xierqa ta’ edukazzjoni u taħriġ, b’impatti estensivi fuq l-integrazzjoni. Għalhekk, il-programmi tat-tagħlim tal-lingwi għandhom jiġu infurmati wkoll minn approċċ olistiku (4). |
|
4.1.5. |
Abbażi tal-objettiv li jmiss tal-Garanzija għat-Tfal, huwa importanti li jiġi rakkomandat li l-Istati Membri jappoġġjaw aċċess akbar għall-edukazzjoni għat-tfal migranti billi jiżguraw li l-proċeduri tal-immigrazzjoni ma jinterferixxux mal-iskola jew mad-drittijiet tat-tfal b’mod aktar wiesa’. L-edukazzjoni għandha tivvaluta, tissodisfa u takkomoda b’mod raġonevoli l-ħtiġijiet individwali ta’ tfal migranti b’diżabilità, jew bżonnijiet oħra, sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-personalità, it-talenti u l-kreattività tagħhom, kif ukoll tal-kapaċitajiet mentali u fiżiċi tagħhom, sal-ogħla potenzjal possibbli tagħhom. |
|
4.1.6. |
L-azzjonijiet kollha f’dawn l-oqsma għandhom jimmiraw li jiksbu sistemi edukattivi inklużivi fil-livelli kollha u apprendiment tul il-ħajja. |
|
4.1.7. |
Il-Pjan jenfasizza l-importanza li jinkiseb fehim tal-liġijiet, il-kultura u l-valuri tas-soċjetà riċevitur kemm jista’ jkun malajr permezz ta’ korsijiet ta’ orjentazzjoni ċivika. Il-Kummissjoni tipproponi skambji ta’ prattika tajba bejn l-Istati Membri f’dawn l-oqsma. L-informazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet għandha tingħata b’mod li tkun tinftiehem u aċċessibbli għal kulħadd. |
4.2. Impjiegi u ħiliet
|
4.2.1. |
F’dan il-qasam, id-dijanjożi tal-problemi u l-miri globali huma definiti sew, u juru l-importanza tal-kontribut tal-migranti għall-ekonomija, speċjalment fiż-żminijiet tal-COVID-19. Il-Pjan ta’ Azzjoni jisħaq ukoll fuq kif mhux biss il-ħaddiema migranti, iżda wkoll l-imprendituri migranti, se jkunu kruċjali għat-tkabbir matul u wara l-pandemija. |
|
4.2.2. |
Biex jinkisbu l-għanijiet imsemmija, il-Pjan ta’ Azzjoni jħeġġeġ l-użu tal-għodod eżistenti tal-UE, inkluża s-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni, biex jaħdmu mal-imsieħba soċjali u ekonomiċi, mal-inizjattiva ta’ L-impjegaturi flimkien għall-integrazzjoni, mal-inizjattiva InvestEU li tappoġġja l-intraprenditorija, man-Netwerk Ewropew għall-Integrazzjoni, man-Netwerk Ewropew tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi, u mal-pjattaforma tal-Europass għall-kondiviżjoni u ż-żieda tal-prattiki ta’ valutazzjoni tal-ħiliet, l-Għodda għall-Profili tal-Ħiliet għaċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi biex tiġi ffaċilitata l-validazzjoni tal-ħiliet, u l-programm li jmiss dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri biex jappoġġja lin-nies li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjon. |
|
4.2.3. |
Fost objettivi oħra, il-Pjan ta’ Azzjoni jsemmi wkoll li jingħelbu d-diffikultajiet fl-aċċess għas-servizzi finanzjarji u l-informazzjoni, iżda ma jipproponi l-ebda azzjoni speċifika biex dawn id-diffikultajiet jiġu solvuti. F’dan ir-rigward, il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jrawwem l-għoti tas-setgħa lill-ħaddiema migranti billi jiżgura aċċess għal informazzjoni finanzjarja u legali, mekkaniżmi tal-ilmenti, u rappurtar sikur, f’formati li jinftiehmu u aċċessibbli. |
|
4.2.4. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni ġustament jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati sistemi jew testijiet ta’ valutazzjoni tal-ħiliet aktar effettivi u aktar rapidi, filwaqt li jitqiesu wkoll l-esperjenzi tal-passat f’dan ir-rigward. |
|
4.2.5. |
Madankollu, l-għodod tal-valutazzjoni tal-ħiliet mhumiex biżżejjed biex jiżguraw aċċess akbar għas-suq tax-xogħol, iżda hija meħtieġa azzjoni biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ fiduċja u d-diskriminazzjoni. Huwa importanti li jiġu pprovduti appoġġ u linji gwida speċifiċi lill-aġenziji nazzjonali tal-impjiegi u lill-partijiet ikkonċernati fis-settur tal-impjiegi biex jiġu żviluppati politiki kontra d-diskriminazzjoni u tiġi promossa l-parteċipazzjoni fil-livelli kollha. Huwa kruċjali wkoll li jiġu rrakkomandati politiki nazzjonali li jiżguraw aċċess akbar u mingħajr xkiel għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għas-setturi kollha tal-impjiegi billi jiġu ffaċilitati l-proċeduri tal-viża. |
|
4.2.6. |
Il-pjan ta’ Azzjoni għandu jkompli jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta’ aċċess akbar għal apprendistati, traineeships, taħriġ vokazzjonali u anke xogħol volontarju li jista’ jwassal għal impjieg full-time adegwat. Dan se jipprovdi lill-migranti u lir-residenti bi sfond ta’ migrazzjoni b’opportunità li jaħdmu, iżidu l-livell tal-ħiliet tagħhom u jkollhom dħul biex jappoġġjaw lilhom infushom u lill-familji tagħhom. B’mod speċifiku, il-programmi li jippromovu l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol (eż. il-Garanzija għaż-Żgħażagħ) għandu jkollhom dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiggarantixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. |
|
4.2.7. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jipprevedi wkoll azzjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa migranti u rifuġjati u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol, inkluż billi jissaħħu l-miżuri kontra t-traffikar u permezz ta’ appoġġ għall-ħtiġijiet speċifiċi. |
4.3. Is-saħħa
|
4.3.1. |
Huwa importanti li l-Pjan ta’ Azzjoni jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 tat prominenza lill-eżistenza ta’ inugwaljanzi profondi fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, u li dan joħloq riskji għas-soċjetà b’mod ġenerali. |
|
4.3.2. |
Fid-dawl tal-pandemija, il-KESE jqis li l-migranti kollha, inklużi l-migranti irregolari, għandu jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa bażika, u b’mod speċifiku l-ittestjar u t-tilqim, fl-Istati Membri kollha tal-UE. |
|
4.3.3. |
F’termini tal-azzjonijiet proposti, il-Kummissjoni tirreferi għall-possibbiltajiet ta’ finanzjament permezz tal-AMIF, il-FSE+, il-FEŻR u skont il-programm li jmiss dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri. Il-Pjan ta’ Azzjoni ġustament jinkoraġġixxi l-użu tal-fondi tal-UE għall-forniment tas-servizzi tas-saħħa. |
|
4.3.4. |
Il-KESE jenfasizza li huwa essenzjali li jiġi rakkomandat li l-Istati Membri jneħħu l-ostakli għall-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u l-ostakli fis-servizzi tas-saħħa, inkluż permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar is-sistemi tas-saħħa nazzjonali, il-valutazzjoni u l-issodisfar tal-ħtiġijiet individwali tas-saħħa tal-migranti b’diżabilità. |
|
4.3.5. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tas-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni migranti bħala parti mill-proċess ta’ integrazzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-pandemija li għadha għaddejja, anke billi jiġu żgurati servizzi tas-saħħa mentali kulturalment sensittivi. |
|
4.3.6. |
L-azzjonijiet li jiżguraw aċċess akbar għas-servizzi tas-saħħa għandhom ikopru wkoll il-faċilitajiet ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-ażil, b’mod partikolari fit-tħejjija tal-Programm tas-Saħħa l-ġdid. |
4.4. Akkomodazzjoni
|
4.4.1. |
Il-Kummissjoni se twaqqaf Inizjattiva ta’ Akkomodazzjoni Affordabbli kif ġie mħabbar taħt il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni u se tippromovi akkomodazzjoni mhux segregata, dinjituża, aċċessibbli u bi prezz raġonevoli. Ser tingħata attenzjoni speċjali lil mudelli ta’ akkomodazzjoni awtonoma – għall-kuntrarju ta’ dik kollettiva – għall-applikanti għall-ażil. |
|
4.4.2. |
Fost l-objettivi elenkati f’dan il-qasam, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fis-suq tal-akkomodazzjoni u t-tnaqqis tas-segregazzjoni residenzjali għandhom ikunu prijoritajiet ewlenin. |
|
4.4.3. |
Dan għandu jinvolvi wkoll enfasi akbar fuq l-espansjoni ta’ akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli, inkluża akkomodazzjoni soċjali, permezz ta’ soluzzjonijiet integrati li jimmiraw lejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif ukoll ir-residenti kollha li jiffaċċjaw ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni (5). |
|
4.4.4. |
L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jużaw ukoll il-finanzjament tal-UE biex ifasslu u jinfurzaw mekkaniżmi għall-aċċess għall-ġustizzja f’każijiet ta’ abitazzjoni ta’ sfruttament. |
4.5. Sħubiji għal proċess ta’ integrazzjoni aktar effettiv
|
4.5.1. |
Il-Kummissjoni beħsiebha ssaħħaħ in-Network Ewropew għall-Integrazzjoni billi tipprovdi finanzjament immirat u bini tal-kapaċitajiet lill-Istati Membri. |
|
4.5.2. |
Attenzjoni speċjali hija mogħtija lill-appoġġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, inklużi l-espansjoni tal-Akkademja Urbana dwar l-Integrazzjoni u t-tisħiħ tad-djalogu interkonfessjonali bejn il-komunitajiet, filwaqt li jingħata appoġġ lill-bliet fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fl-ambitu tal-inizjattiva Il-Ibliet tal-UE kontra r-Radikalizzazzjoni, imnedija fl-2019. Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tad-djalogu interkonfessjonali għall-integrazzjoni. |
|
4.5.3. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni jsemmi wkoll il-Forum annwali Ewropew dwar il-Migrazzjoni organizzat f’kollaborazzjoni mal-KESE, u b’mod partikolari mal-grupp ta’ studju tematiku tal-IMI tiegħu, bħala mezz ta’ appoġġ għall-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tad-dijaspora. |
|
4.5.4. |
Fl-aħħar nett, il-Pjan iħabbar appoġġ għall-fondazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet permezz ta’ djalogu strutturali dwar l-integrazzjoni tal-migrazzjoni u l-esplorazzjoni ta’ għodod possibbli għall-kooperazzjoni, mingħajr ma jagħti dettalji dwar x’jista’ jkun dak l-appoġġ. |
4.6. Żieda fl-opportunitajiet għall-finanzjament tal-UE
|
4.6.1. |
L-aspetti tal-finanzjament huma simili għall-azzjonijiet kollha proposti fil-Pjan, u huma marbuta mal-QFP 2021-2027. Tiżdied ħarsa ġenerali lejn il-fondi ewlenin tal-UE li appoġġjaw l-integrazzjoni u l-inklużjoni fil-perjodu 2014-2020, iżda ma tingħata l-ebda ċifra għall-futur. Hawnhekk il-KESE jagħraf li huwa neċessarju li wieħed jistenna li l-fażi ta’ programmazzjoni titlesta biex ikun jaf kemm l-Istati Membri se jallokaw taħt kull fond għal kwistjonijiet ta’ integrazzjoni. |
|
4.6.2. |
Il-lista ta’ fondi li jistgħu jintużaw għall-integrazzjoni u l-inklużjoni jew li huma rilevanti għall-azzjonijiet ta’ appoġġ għall-migranti hija impressjonanti, inklużi l-AMIF, il-FSE+ u l-FEŻR. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jiġu ċċarati s-sinerġiji ma’ fondi oħra, eż. ma’ Erasmus+, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-FAEŻR, u InvestEU. Ladarba jiġi adottat, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku se jkun jista’ wkoll jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri għall-iżvilupp jew it-titjib tal-politiki ta’ integrazzjoni u inklużjoni. Fl-aħħar nett, il-programm li jmiss dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri jista’ wkoll ikollu rwol fil-finanzjament ta’ azzjonijiet speċifiċi mmirati lejn iċ-ċittadini tal-UE minn kuntest ta’ migrazzjoni. Ġie deċiż li jkun hemm portafoll kbir ta’ fondi possibbli, iżda soluzzjoni aħjar setgħet kienet li jintgħażlu fondi speċifiċi għal kwistjonijiet ta’ integrazzjoni. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament, pereżempju billi toħloq strument dedikat għall-integrazzjoni tal-migranti. |
|
4.6.3. |
Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal hija importanti wkoll f’dan il-qafas, peress li l-aktar tfal żvantaġġati jinkludu wkoll tfal minn kuntest ta’ migrazzjoni. |
|
4.6.4. |
Il-kumplessità tal-finanzjament tal-UE tagħmilha neċessarja li jiġi aġġornat is-sett ta’ għodod żviluppat fl-2018 għall-użu tal-fondi għall-integrazzjoni matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027. |
|
4.6.5. |
Aspett interessanti ieħor tal-politika ta’ finanzjament huwa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa sħubijiet pubbliċi-privati ma’ fondazzjonijiet u donaturi privati. |
4.7. It-trawwim tal-parteċipazzjoni u l-laqgħat mas-soċjetà ospitanti
|
4.7.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea li l-grupp ta’ esperti li għadu kif inħoloq dwar il-fehmiet tal-migranti, magħmul minn migranti u organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, jiġi involut fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki futuri dwar il-migrazzjoni, l-ażil u l-integrazzjoni. Dan jista’ jikkontribwixxi biex itejjeb il-parteċipazzjoni tal-migranti u ċ-ċittadini tal-UE minn kuntest ta’ migrazzjoni fil-proċess konsultattiv u jiżgura wkoll li l-politiki jirriflettu l-ħtiġijiet reali. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa importanti li jinħolqu opportunitajiet għal skambji bidirezzjonali bejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi u komunitajiet riċeventi li jibdew mill-istadji bikrin tal-akkoljenza u l-integrazzjoni. |
|
4.7.2. |
L-objettiv tal-Pjan ta’ Azzjoni huwa li jippromovi d-djalogu u jqajjem kuxjenza fost l-Ewropej kollha dwar ir-realtajiet tal-integrazzjoni u tal-migrazzjoni. Iżda hemm il-periklu li dan l-objettiv ikun vag wisq, minkejja l-isforzi ċari li saru biex titqajjem kuxjenza dwar il-fatti u ċ-ċifri. Il-bidla fin-narrattiva dwar il-migrazzjoni fil-pubbliku hija assolutament meħtieġa, u l-KESE jistaqsi x’se jsir biex dan jinkiseb. |
|
4.7.3. |
Il-KESE jappoġġja inizjattivi bħal festivals tal-futbol li jimmiraw lejn migranti żgħażagħ fil-bliet ospitanti tal-kampjonati tal-UE, li jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq narrattivi pożittivi għall-migrazzjoni. Madankollu, miżuri ad hoc oħra ta’ dan it-tip, bħall-premjijiet ta’ integrazzjoni għal skejjel jew komunitajiet/organizzazzjonijiet lokali, jistgħu jsaħħu d-differenzi perċepiti, u jistigmatizzaw ċerti gruppi. |
4.8. It-titjib fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda u għodod diġitali
|
4.8.1. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni ġustament jirrikonoxxi r-riskju reali ta’ distakk diġitali bejn il-migranti u l-persuni nattivi għal raġunijiet differenti: 8,1 % tal-persuni mwielda barra mill-Ewropa ma għandhomx il-flus biex jixtru kompjuter, meta mqabbel ma’ 3,1 % tal-persuni nattivi, u l-ġenituri minn familji migranti jista’ jkollhom aktar diffikultajiet biex jappoġġjaw lit-tfal tagħhom fl-apprendiment online. |
|
4.8.2. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni jirrakkomanda li jiżdied il-litteriżmu diġitali tal-popolazzjoni tal-migranti, iżda ma fihx proposti speċifiċi, jew miri dwar kif dan għandu jinkiseb fil-prattika. |
|
4.8.3. |
Idea interessanti hija l-involviment tal-migranti fil-ħolqien u t-twassil ta’ servizzi pubbliċi diġitali. Il-KESE jassumi li dan diġà nkiseb fir-rigward tal-attivitajiet amministrattivi tal-UE. |
4.9. Il-monitoraġġ tal-progress: lejn politika ta’ integrazzjoni u inklużjoni bbażata fuq l-evidenza
|
4.9.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-objettiv li jinkiseb dibattitu dwar il-migrazzjoni bbażat aktar fuq l-evidenza. Jekk għodod aħjar ta’ data u preżentazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għal dan l-objettiv, dawn iridu jinġabru, jiġu żviluppati u mxerrda. L-indikaturi tal-UE dwar l-integrazzjoni ilhom jeżistu sa mill-2010, iżda minkejja sforzi estensivi għad hemm nuqqasijiet fl-għarfien. F’dan ir-rigward, għodod utli jistgħu jkunu barometru ġdid u tabella ta’ valutazzjoni konġunta biex jappoġġjaw it-tqabbil bejn il-pajjiżi u matul iż-żmien. |
Brussell, is-27 ta’ April 2021.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) KE, Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027, p. 5.
(2) Ibid., p. 2.
(3) ĠU C 123, 9.4.2021, p. 15.
(4) Fir-rigward tal-livelli ta’ lingwa fil-mira għall-integrazzjoni, ara wkoll SOC/641 dwar L-integrazzjoni tan-nisa, tal-ommijiet u tal-familji li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni fl-Istati Membri tal-UE, u l-livelli tal-lingwi fil-mira għall-integrazzjoni (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ġermaniża) (ĠU C 10, 11.1.2021, p. 1).
(5) Għal ħarsa ġenerali lejn soluzzjonijiet għall-akkomodazzjoni innovattivi u inklużivi, ara l-Osservatorju tal-Akkomodazzjoni tal-Ewropa, 2018. Akkomodazzjoni u Migrazzjoni. Tagħrif dwar ir-Riċerka. Brussell: Osservatorju tal-Akkomodazzjoni tal-Ewropa.