Choisissez les fonctionnalités expérimentales que vous souhaitez essayer

Ce document est extrait du site web EUR-Lex

Document 52021XE2200

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-Soċjetà Ċivili Ewropea Taħdem fi Sħubija għall-Futur Sostenibbli tagħna — Il-kontribut tal-KESE għas-Summit Soċjali ta’ Porto”

EESC 2021/02200

ĠU C 286, 16.7.2021, p. 6-7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 286/6


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-Soċjetà Ċivili Ewropea Taħdem fi Sħubija għall-Futur Sostenibbli tagħna — Il-kontribut tal-KESE għas-Summit Soċjali ta’ Porto”

(2021/C 286/02)

Relaturi:

Stefano MALLIA (Grupp I)

Oliver RÖPKE (Grupp II)

Séamus BOLAND (Grupp III)

Matul6is-sessjoni plenarja tiegħu tas-27 u t-28 ta’ April 2021 (laqgħa tat-28 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta r-Riżoluzzjoni li ġejja b’225-il vot favur, vot 1 kontra u 5 astensjonijiet.

Is-Summit Soċjali f’Porto fis-7 ta’ Mejju 2021 jipprovdi opportunità unika għall-UE biex tqiegħed liċ-ċittadini fil-qalba tal-proġett Ewropew. Jipprovdi wkoll opportunità biex jintwera li l-UE u l-Istati Membri jaġixxu flimkien maċ-ċittadini tagħha u għall-benesseri tagħhom, u b’hekk ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Huwa jirrappreżenta l-qofol tal-ambizzjonijiet Ewropej għal soċjetajiet sostenibbli, innovattivi, kompetittivi u koeżivi, li se jidderieġu lill-UE sal-2030 u lil hinn, biex b’hekk l-Unjoni tkun tista’ kemm tindirizza l-isfidi tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll tibbenefika minnhom. Is-Summit għandu jappoġġja wkoll l-ekonomija u s-soċjetà tagħna biex tinkiseb is-sostenibbiltà, mentri tingħata l-istess importanza lid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

Il-pandemija tal-COVID-19 għamlet saħansitra aktar urġenti approċċ li jagħmel enfasi ugwali fuq l-aspetti soċjali u ekonomiċi tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna. In-nies esperjenzaw il-COVID-19 bħala pandemija ċċentrata fuq il-bniedem u hekk kif l-Ewropa miexja bil-mod lejn ir-rikostruzzjoni soċjoekonomika u timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jeħtieġ li n-nies u l-komunitajiet jibqgħu fil-qalba. F’dan ir-rigward, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa għalkollox f’waqtu.

Dikjarazzjoni ta’ Porto għandha tinvolvi lill-atturi istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali kollha għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni fuq il-bażi tad-djalogu ċivili u soċjali. Huwa mument importanti biex l-Ewropa tieħu l-passi essenzjali li jmiss lejn unjoni vijabbli u sostenibbli;

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jieħdu azzjoni dwar dan li ġej:

1.

Il-pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali irid isir għodda effettiva li tippermetti lill-atturi kollha jaħdmu fi sħubija u jibnu soċjetajiet Ewropej aktar ugwali, sostenibbli, inklużivi u reżiljenti. Id-dimensjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili kif rappreżentati fi ħdan il-KESE għandhom kontribut fundamentali x’jagħmlu biex dan il-proċess jirnexxi. Iċ-ċittadini kollha, inklużi l-persuni b’diżabbiltà, il-gruppi etniċi u minoritarji, u l-aktar persuni vulnerabbli u emarġinati, iridu jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-viżjoni u l-implimentazzjoni futura tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jidentifikaw u jsibu tama fiha, permezz tal-involviment attiv tas-soċjetà ċivili Ewropea. Għandhom jingħataw rikonoxximent u appoġġ partikolari lill-ekonomija soċjali, li għandha rwol kruċjali fl-indirizzar tal-ħtiġijiet soċjali mhux issodisfati, fit-tnaqqis tal-faqar u fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi;

2.

Soċjetajiet Ewropej aktar ugwali, sostenibbli, inklużivi u reżiljenti se jkunu possibbli biss permezz ta’ kontribut qawwi tas-soċjetà ċivili u djalogu effettiv mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili. Il-kejl tal-impatt tas-soċjetà ċivili, u r-rappurtar dwaru, is-sensibilizzazzjoni dwar il-kontribut pożittiv tagħha u l-ħolqien ta’ ambjent legali abilitanti u taħlita ta’ politiki huma ta’ importanza kbira;

3.

Li nimmaġinaw u noħolqu soċjetajiet reżiljenti, inklużivi, ugwali u sostenibbli se jirrikjedu inizjattivi minn isfel għal fuq li jħaddnu definizzjonijiet ġodda ta’ benesseri u żvilupp lil hinn mill-PDG, investiment fl-innovazzjoni soċjali, filwaqt li jiġu rispettati l-fehmiet u d-drittijiet taċ-ċittadini. Barra minn hekk, huwa imperattiv li l-limitazzjonijiet għad-drittijiet introdotti matul il-pandemija ma jitkomplewx wara l-COVID-19;

4.

L-Ewropa trid tkompli tkun magħquda u timxi ’l quddiem fis-solidarjetà, bl-appoġġ ta’ kultura ta’ djalogu ċivili u soċjali, kif qed jiġri matul il-pandemija. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jappoġġja ekonomija soċjali tas-suq, huwa u jespandi u jadatta l-mudell soċjali tiegħu għall-bidliet tal-futur. Biex jibni reżiljenza u sostenibbiltà soċjali, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jiżgura benesseri mifrux u suq tax-xogħol inklużiv li fih jiġu pprojbiti d-diskriminazzjonijiet, u l-impjiegi jkunu stabbli u mħallsin kif imiss.

5.

Wara l-pandemija, permezz tad-djalogu soċjali, jeħtieġ li l-istituzzjonijiet u l-imsieħba soċjali joħolqu soluzzjonijiet li jżidu r-reżiljenza soċjali tal-ekonomiji tagħna b’mentalità ġdida u miftuħa għall-bidla filwaqt li jimmiraw lejn standards minimi ta’ protezzjoni u opportunitajiet indaqs, b’enfasi partikolari fuq l-adegwatezza tal-pagi, id-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq il-ġeneru, l-appoġġ għall-ħaddiema żgħażagħ u l-protezzjoni tal-ħaddiema prekarji u l-migranti.

6.

Waħda mill-isfidi ekonomiċi u soċjali ewlenin fl-Ewropa hija li tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku, lill-ħolqien tal-impjiegi u lill-parteċipazzjoni fl-okkupazzjoni (inklużi l-anzjani u ż-żgħażagħ, in-nisa, il-persuni aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol u l-persuni inattivi) u t-tnaqqis tal-qgħad, b’mod partikolari taż-żgħażagħ, kif ukoll it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. L-iżgurar tal-bażi kompetittiva għall-investimenti huwa element importanti biex dan kollu jseħħ.

7.

Il-kompetittività u produttività ogħla abbażi tal-ħiliet u l-għarfien jirrappreżentaw riċetta soda għaż-żamma tal-benesseri tas-soċjetajiet Ewropej. It-tkabbir ekonomiku u suq intern li jiffunzjona tajjeb huma element importanti għat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-UE. Jeħtieġ li nsaħħu l-punti b’saħħithom tas-sistema Ewropea tal-ekonomija soċjali tas-suq filwaqt li nneħħu d-dgħufijiet, u b’hekk nadattawha biex tiffaċċja l-isfidi li għandna quddiemna.

8.

Il-komponenti ewlenin kollha tal-ekonomija u s-soċjetajiet tagħna jeħtieġ li jkunu ppreparati biex jisfruttaw il-potenzjal li joffru d-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika. Prerekwiżit għal dan huwa r-rieda u l-kapaċità għal bidliet strutturali: kemm jekk swieq tax-xogħol, sigurtà soċjali, edukazzjoni u taħriġ jew tassazzjoni. Dan jimplika sjieda tassew tar-riformi mill-Istati Membri, ikkoordinati u ffaċilitati minn oqfsa u azzjonijiet fil-livell tal-UE bħas-Semestru Ewropew. Dan huwa essenzjali biex il-kumpaniji jitħeġġu jinvestu fl-Ewropa.

9.

Il-kombinazzjoni ta’ żieda fil-popolazzjoni li qed tixjieħ u forza tax-xogħol li qed tonqos tfisser li għadd dejjem jikber ta’ anzjani ser ikunu ekonomikament dipendenti sakemm ma jirnexxilniex inkabbru l-forza tax-xogħol permezz ta’ swieq tax-xogħol aktar inklużivi, anke permezz tal-attivazzjoni ta’ gruppi li bħalissa huma esklużi jew sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol. Tinħtieġ azzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċjaw is-sigurtà soċjali u s-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri. It-tibdil demografiku se jfisser ukoll li neħtieġu sistemi edukattivi nazzjonali, swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali adattabbli u flessibbli. Dawn l-isfidi mhux bilfors jirrappreżentaw problemi iżda opportunitajiet biex jinbidlu f’riżultati pożittivi;

10.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-konkretezza u l-fattibbiltà b’azzjonijiet li jistgħu jitkejlu u jkunu akkumpanjati minn oqfsa ta’ monitoraġġ, li jintlaħaq qbil dwarhom b’mod konġunt fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti, li jħaddnu l-kriterji soċjali, ambjentali u ekonomiċi. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Miri Ewlenin proposti mill-Kummissjoni Ewropea u jistieden lill-Istati Membri biex ikunu ambizzjużi fl-istabbiliment tal-miri tagħhom stess sabiex l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu fattwalment biex jintlaħqu l-miri Ewropej.

11.

Hekk kif l-Ewropa qed tipprogressa mir-rispons għall-kriżijiet u tgħaddi għall-irkupru, id-djalogu soċjali, l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, permezz ta’ mezzi adatti, jaqdu rwol importanti fit-tiswir tat-tranżizzjoni ekonomika u t-trawwim tal-innovazzjoni fil-post tax-xogħol, b’mod partikolari b’rabta mat-tranżizzjoni doppja li għaddejja bħalissa u t-tibdil fid-dinja tax-xogħol.

12.

L-impatt fuq terminu medju u iżjed fit-tul tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-sistemi tas-saħħa Ewropej ma jitqiesx biżżejjed fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-pandemija wriet b’mod ċar li s-saħħa jista’ jkollha impatt dirett fuq l-istabbiltà ekonomika u soċjali, anke fl-UE. Fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iridu jsiru aktar investimenti u investimenti sostenibbli mill-Istati Membri fit-titjib tas-servizzi u l-infrastruttura tas-saħħa pubblika, kif ukoll fit-titjib tal-koordinazzjoni dwar is-saħħa pubblika fi ħdan u fost l-Istati Membri;

13.

Hemm aspettattivi għoljin għal impenn qawwi fis-Summit mill-partijiet interessati kollha biex jinżamm u jiġi żviluppat il-mudell soċjali Ewropew, abbażi ta’ taħlita bbilanċjata ta’ drittijiet u responsabbiltajiet. Aħna nappellaw lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet Ewropej biex juru ambizzjoni u determinazzjoni.

Brussell, it-28 ta’ April 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


Haut