EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IP0080(01)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (2019/2855(RSP))

ĠU C 232, 16.6.2021, p. 48–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/48


P9_TA(2019)0080

L-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (2019/2855(RSP))

(2021/C 232/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, li nfetħet għall-iffirmar f'Istanbul fil-11 ta' Mejju 2011 (minn hawn 'il quddiem il-“Konvenzjoni ta' Istanbul”),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti finali sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing + 5 (2005), Beijing + 15 (2010) u Beijing + 20 (2015),

wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti ġuridiċi tan-NU fl-isfera tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa,

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 2016 (COM(2016)0109),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/865 tal-11 ta' Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta' materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/866 tal-11 ta' Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-asil u n-non-refoulement (2),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tat-23 ta' Mejju 1969, u, b'mod partikolari. l-Artikoli 26 u 27 tagħha,

wara li kkunsidra l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni (4) u r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (6), kif ukoll id-Direttiva 2011/93/UE tat-13 ta' Diċembru 2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (8) u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (9), li jiddefinixxu u jikkundannaw il-fastidju u l-fastidju sesswali,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2019 li titlob opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati tal-proposti għall-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika u dwar il-proċedura għal dik l-adeżjoni (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju morali u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2016)0109 – 2016/0062(NLE)) (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015 (14),

wara li kkunsidra l-linji gwida tat-8 ta' Diċembru 2008 tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 intitolat “Strategic engagement for gender equality 2016-2019” (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2016-2019) (SWD(2015)0278),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) ta' Marzu 2014 intitolat “Violence against women: an EU-wide survey” (Il-vjolenza fuq in-nisa: stħarriġ madwar l-UE),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar l-Armenja, dwar l-implikazzjonijiet kostituzzjonali tar-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (15),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali tal-UE; billi d-dritt għal trattament indaqs u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandu jiġi rispettat bis-sħiħ;

B.

billi, skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), l-ebda pajjiż tal-UE għadu ma kiseb l-ugwaljanza totali bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija rekwiżit essenzjali biex dan l-għan jintlaħaq;

C.

billi l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija waħda mill-prijoritajiet tal-Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-perjodu 2016-2019;

D.

billi skont id-definizzjoni fil-Konvenzjoni ta' Istanbul, bi “vjolenza fuq in-nisa” hu mifhum vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa, u tfisser l-atti kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li jirriżultaw, jew x'aktarx jirriżultaw, fi ħsara jew tbatija ta' natura fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika fil-konfront tan-nisa, inkluż it-theddid ta' atti bħal dawn, koerċizzjoni jew privazzjoni arbitrarja tal-libertà, kemm fil-ħajja pubblika kif ukoll fil-ħajja privata;

E.

billi l-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ tal-Konvenzjoni ta' Belém do Pará (MESECVI) iddefinixxa t-terminu “femminiċidju” bħala l-mewt vjolenti ta' mara għal raġunijiet ta' ġeneru, li jsir f'kuntest tal-familja, f'konvivenza domestika jew fi kwalunkwe relazzjoni interpersonali oħra, fil-komunità, minn kwalunkwe persuna, jew meta dan isir jew jiġi tollerat, permezz ta' azzjoni jew l-ommissjoni tagħha, mill-Istat jew mill-aġenti tiegħu (16);

F.

billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet kollha tagħha, b'mod partikolari l-miżuri biex jiġu protetti d-drittijiet tal-vittmi, għandhom jiġu assigurati mingħajr diskriminazzjoni għal ebda raġuni bħalma huma sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew ta' natura oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, assoċjazzjoni ma' minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, orjentament sesswali, identità sesswali, età, stat tas-saħħa, diżabilità, status matrimonjali, status ta' migrant jew rifuġjat jew status ieħor;

G.

billi l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kemm fiżika kif ukoll psikoloġika, huma mifruxin u jolqtu lin-nisa fil-livelli kollha tas-soċjetà, indipendentement mill-età, il-livell ta' edukazzjoni, l-introjtu, il-pożizzjoni soċjali jew il-pajjiż ta' oriġini jew residenza;

H.

billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tikkostitwixxi kemm kawża kif ukoll konsegwenza tal-inugwaljanzi strutturali li jgħaddu minnhom in-nisa f'bosta aspetti tal-ħajja – ix-xogħol, is-saħħa, l-aċċess għar-riżorsi finanzjarji, il-poter u l-għarfien kif ukoll il-ġestjoni tal-ħin personali; billi l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru teħtieġ li l-kawżi u l-fatturi li jikkontribwixxu għaliha jiġu mifhuma;

I.

billi huwa importanti li tiġi rikonoxxuta l-vjolenza strutturali jew istituzzjonali, li tista' tkun iddefinita bħala subordinazzjoni tan-nisa fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika, fit-tentattiv li tiġi spjegata l-prevalenza tal-vjolenza fuq in-nisa fis-soċjetajiet tagħna;

J.

billi n-nisa ma jibbenefikawx mill-istess protezzjoni mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru fl-UE kollha minħabba d-differenzi bejn il-politiki u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri;

K.

billi s-sistemi ġudizzjarji spiss ma joffrux biżżejjed sostenn lin-nisa; billi, f'ħafna każijiet, il-vittma tista' tisfa fil-mira ta' kummenti degradanti minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jew tinsab f'pożizzjoni ta' dipendenza, u dan ikabbar il-biża' tagħhom li jirrapportaw il-vjolenza;

L.

billi dan id-deċennju huwa kkaratterizzat minn offensiva viżibbli u organizzata fil-livell dinji u Ewropew kontra l-ugwaljanza tal-ġeneru u d-drittijiet tan-nisa, inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati;

M.

billi l-istħarriġ li sar fl-2014 mill-FRA wera li terz tan-nisa kollha fl-Ewropa sfaw vittma ta' atti ta' vjolenza fiżika jew sesswali tal-anqas darba mill-età ta' 15-il sena, li 55 % tan-nisa ħabbtu wiċċhom ma' forma jew forom ta' fastidju sesswali, li 11 % ġarrbu fastidju online, mara waħda minn għoxrin (5 %) ġiet stuprata u aktar minn mara waħda minn għaxra ġarrbet vjolenza sesswali li tinvolvi l-użu tal-forza; billi, f'ħafna Stati Membri, aktar minn nofs in-nisa kollha vittmi ta' omiċidju huma maqtula minn sieħeb intimu, qarib jew membru tal-familja; billi l-vittmi kienu rrapportaw lill-pulizija l-aktar inċidenti gravi tagħhom ta' vjolenza minn id is-sieħeb tagħhom f'14 % biss tal-każijiet, u l-aktar inċidenti gravi ta' vjolenza mhux minn id is-sieħeb tagħhom fi 13 % biss tal-każijiet, u dan juri rata ta' rapportar estremament baxxa; billi f'dawn l-aħħar snin il-moviment #metoo ħeġġeġ lin-nisa u lill-bniet jirrapportaw il-każijiet ta' abbuż, vjolenza u fastidju;

N.

billi l-forom moderni ta' skjavitù u traffikar tal-bnedmin, li jolqtu l-aktar lin-nisa, għadhom persistenti fl-UE; billi 71 % tal-vittmi kollha tat-traffikar tal-bnedmin fil-livell dinji huma nisa u bniet, u tliet nisa jew bniet minn dawn in-nisa jew bniet huma sfruttati sesswalment (17);

O.

billi l-vjolenza u l-fastidju online spiss għandhom konsegwenzi fiżiċi u joħolqu r-riskju gravi li tali vjolenza ssir peress li jinkoraġġixxu lill-utenti online jimitaw il-vjolenza u l-fastidju li qraw dwarhom u jikkommettu atti bħal dawn;

P.

billi ċerti gruppi ta' nisa u bniet, ngħidu aħna l-migranti nisa, ir-rifuġjati nisa u n-nisa li jfittxu asil, in-nisa u l-bniet b'diżabbiltà, in-nisa LBTI u n-nisa Rom, huma esposti għal forom trasversali u multipli ta' diskriminazzjoni, u għaldaqstant huma saħansitra aktar vulnerabbli għar-riskju ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiġihom impedit l-aċċess għall-ġustizzja u għas-servizzi ta' assistenza u protezzjoni kif ukoll l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

Q.

billi n-nisa vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u wliedhom spiss għandhom bżonn assistenza speċjali u protezzjoni, minħabba r-riskju għoli ta' intimidazzjoni, ritaljazzjoni u vittimizzazzjoni ulterjuri marbuta ma' din il-vjolenza;

R.

billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru timmina d-drittijiet tal-bniedem, l-istabbiltà soċjali u s-sigurtà, is-saħħa pubblika, l-opportunitajiet ta' edukazzjoni u ta' impjieg tan-nisa, kif ukoll il-benesseri u l-prospettivi ta' żvilupp tat-tfal u tal-komunitajiet;

S.

billi l-espożizzjoni għall-vjolenza u għall-abbuż fiżiċi, sesswali jew psikoloġiċi tħalli impatt qawwi fuq il-vittmi, li tista' tirriżulta fi ħsara fiżika, sesswali, emottiva jew psikoloġika dejjiema jew telf ekonomiku u finanzjarju;

T.

billi l-impunità għal dawk responsabbli minn reati kontra n-nisa għadha tippersisti u trid tinqered billi jiġi żgurat li dawk responsabbli jittellgħu quddiem il-ġustizzja u li n-nisa u l-bniet li kienu vittmi tal-vjolenza jirċievu sostenn u rikonoxximent xierqa mis-sistema ġudizzjarja; billi huwa fundamentali li jiġu offruti korsijiet ta' taħriġ lill-fornituri ta' servizzi li jittrattaw il-kwistjonijiet tal-vjolenza kontra n-nisa, bħall-uffiċjali tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-imħallfin u dawk li jfasslu l-politiki;

U.

billi l-UE jeħtiġilha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri tagħha, biex tippromwovi u tħares id-dritt tan-nisa u tal-bniet kollha li jgħixu ħielsa mill-vjolenza, kemm fl-isfera pubblika kif ukoll f'dik privata;

V.

billi, tmien snin wara l-approvazzjoni tagħha, il-Konvenzjoni ta' Istanbul għadha ma ġietx ratifikata mill-Istati Membri kollha jew mill-UE;

1.

Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiddeplora l-fatt li n-nisa u l-bniet għadhom esposti għal vjolenza psikoloġika, fiżika, sesswali u ekonomika, inklużi l-vjolenza domestika, il-fastidju sesswali, il-vjolenza online, is-segwiment ta' persuna bil-moħbi (stalking), l-istupru, iż-żwieġ prekoċi u furzat, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, id-delitti kommessi f'isem l-hekk imsejjaħ “unur”, l-abort furzat, l-isterilizzazzjoni furzata, l-isfruttament sesswali u t-traffikar tal-bnedmin u forom oħra ta' vjolenza li jikkostitwixxu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom u tad-dinjità tagħhom; jinsab imħasseb ferm bil-fenomenu tal-femminiċidju fl-Ewropa, li hija l-forma l-aktar estrema ta' vjolenza fuq in-nisa;

2.

Jistieden lill-Kunsill jikkonkludi b'urġenza l-proċess ta' ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul min-naħa tal-UE abbażi ta' adeżjoni wiesgħa mingħajr l-ebda limitazzjoni u jippromwovi r-ratifika tagħha min-naħa tal-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw l-integrazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni fil-qafas leġiżlattiv u politiku tal-UE; ifakkar li l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul ma teżonerax lill-Istati Membri mir-ratifika nazzjonali tal-Konvenzjoni; jistieden lill-Istati Membri jħaffu n-negozjati dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u jistieden, b'mod partikolari, lill-Bulgarija, liċ-Ċekja, lill-Ungerija, lil-Latvja, lil-Litwanja, lis-Slovakkja u lir-Renju Unit li ffirmaw iżda ma rratifikawx il-Konvenzjoni jagħmlu dan mingħajr dewmien;

3.

Jikkundanna bis-saħħa t-tentattivi f'ċerti Stati Membri biex jiġu revokati l-miżuri diġà meħuda għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

4.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni korretti tal-Konvenzjoni u jallokaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kif ukoll l-protezzjoni tal-vittmi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu f'kunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' esperti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-azzjoni kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (GREVIO) u jtejbu l-leġiżlazzjoni tagħhom biex jallinjawha aktar mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

5.

Jenfasizza li l-Konvenzjoni ta' Istanbul tibqa' l-istandard internazzjonali u l-istrument ewlieni biex tinqered il-pjaga tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru billi jiġi segwit approċċ olistiku, komprensiv u kkoordinat li jqiegħed fil-qalba lid-drittijiet tal-vittmi, jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza domestika, minn firxa wiesgħa ta' perspettivi permezz ta' miżuri bħall-prevenzjoni tal-vjolenza, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, miżuri fl-ambitu tad-dritt kriminali biex tkun miġġielda l-impunità, il-protezzjoni u l-assistenza lill-vittmi, il-protezzjoni tat-tfal, il-protezzjoni tan-nisa li jfittxu asil u tar-rifuġjati nisa, l-introduzzjoni ta' proċeduri ta' valutazzjoni tar-riskju u stimi tar-riskju u ġbir aħjar tad-data kif ukoll kampanji u programmi ta' sensibilizzazzjoni, anki f'kooperazzjoni mal-korpi nazzjonali kompetenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ugwaljanza, mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs);

6.

Jikkundanna l-attakki u l-kampanji kontra l-Konvenzjoni ta' Istanbul imsejsa fuq l-interpretazzjoni żbaljata volontarja tagħha u fuq il-preżentazzjoni falza tal-kontenut tagħha lill-pubbliku;

7.

Jafferma bis-saħħa li t-tiċħid tas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huwa forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, u jisħaq fuq il-fatt li f'diversi drabi l-QEDB esprimiet ruħha dwar il-fatt li l-liġijiet restrittivi dwar l-abort u n-nuqqas ta' implimentazzjoni tagħhom jiksru d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa;

8.

Jenfasizza li l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni kontra l-isterjotipi tal-ġeneru u l-vjolenza patrijarkali u l-promozzjoni tat-tolleranza żero fil-konfront tal-fastidju u tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru huma strumenti fundamentali biex ikun miġġieled dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jemmen li l-istrateġiji edukattivi usa' bbażati fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni huma strument essenzjali biex jiġu evitati l-forom kollha ta' vjolenza, b'mod partikolari l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u speċjalment fl-adolexxenza;

9.

Jissottolinja li, biex ikunu aktar effikaċi, il-miżuri li jiġġieldu kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandhom ikunu akkumpanjati minn azzjonijiet li jimmiraw li jippromwovu l-emanċipazzjoni u l-indipendenza ekonomika tan-nisa vittmi tal-vjolenza;

10.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw taħriġ, proċeduri u linji gwida adegwati u sensittivi għall-ispeċifiċitajiet tal-ġeneru, li jqiegħdu fil-qalba d-drittijiet tal-vittma għall-professjonisti kollha li jkollhom x'jaqsmu mal-vittmi tal-atti kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, bil-għan li jkunu evitati diskriminazzjoni, trawmi jew rivittimizzazzjoni matul il-proċedimenti ġudizzjarji, mediċi u tal-pulizija; jistieden li dan it-titjib isir biex tiżdied ir-rata ta' rapportar ta' tali reati;

11.

Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu favur allokazzjoni speċifika ta' EUR 193,6 miljun għall-azzjonijiet maħsuba għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Istanbul fil-programm Drittijiet u Valuri u jisħaq fuq l-importanza li jiġu allokati biżżejjed finanzjamenti anki fil-livell tal-Istati Membri;

12.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrevedi, wara valutazzjoni tal-impatt, id-deċiżjoni qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali attwalment fis-seħħ, bil-għan li jiġi inkluż l-inċitament għall-mibegħda abbażi tal-ġeneru, tal-orjentament sesswali, tal-identità tal-ġeneru u tal-karatteristiċi sesswali;

13.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni sħaħ tal-leġiżlazzjoni rilevanti diġà fis-seħħ;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu d-disponibbiltà u l-komparabbiltà tad-data ta' kwalità diżaggregata dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru permezz tal-kooperazzjoni mal-Eurostat, l-EIGE u l-FRA, konformement mal-obbligi tal-Konvenzjoni rigward il-ġbir tad-data u r-riċerka; jistieden mill-ġdid lill-Kummissjoni twaqqaf Osservatorju Ewropew dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru b'data preċiża u komparabbli (fuq il-mudell tal-Osservatorju Statali dwar il-Vjolenza fuq in-Nisa tal-EIGE);

15.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti proċeduri formali għar-rapportar tal-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol kif ukoll taħriġ u kampanji ta' sensibilizzazzjoni speċifiċi bħala strument biex jiġi rispettat il-prinċipju tad-dinjità fuq il-post tax-xogħol u biex jiġi implimentat l-approċċ ta' tolleranza żero bħala n-norma; jemmen li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jagħtu eżempju tajjeb f'dan is-sens;

16.

Jistieden lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-Bureau u lill-amministrazzjoni tal-Parlament ikomplu jaħdmu biex jiżguraw li l-Parlament Ewropew ikun spazju ta' xogħol mingħajr fastidju u sessiżmu u jimplimentaw il-miżuri li ġejjin, konformement mat-talbiet adottati fir-riżoluzzjoni tal-2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE: 1) jiġi kkummissjonat awditu estern taż-żewġ kumitati kompetenti għall-fastidju eżistenti fil-Parlament Ewropew u jaqsmu pubblikament ir-riżultati ta' tali awditu; 2) jerġgħu jiġu organizzati l-korpi kompetenti għall-fastidju bl-inklużjoni ta' esperti esterni fl-ambitu legali, mediku u terapewtiku bi drittijiet ta' vot sħaħ u 3) jiġu implimentati korsijiet ta' taħriġ obbligatorji dwar ir-rispett u d-dinjità fuq il-post tax-xogħol għall-Membri kollha tal-Parlament Ewropew u għall-kategoriji kollha tal-persunal;

17.

Jilqa' pożittivament l-impenn tal-President elett tal-Kummissjoni biex tagħmel aktar ħalli tirreprimi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, ittejjeb is-sostenn tal-vittmi, tagħmel lill-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul prijorità għall-Kummissjoni u tisfrutta l-opportunitajiet offruti mit-Trattat biex żżid lill-vjolenza fuq in-nisa fil-lista tar-reati rikonoxxuti mill-UE;

18.

Jitlob lill-Kummissjoni żżid il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fost il-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġeneri li jmiss billi jiġu inklużi miżuri politiċi, leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi adegwati;

19.

Jitlob lill-Kummissjoni tressaq att leġiżlattiv dwar il-prevenzjoni u r-repressjoni tal-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet; jimpenja ruħu, f'dan ir-rigward, li jeżamina l-miżuri possibbli kollha, anki fil-qasam tal-vjolenza online, billi jagħmel użu mid-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva minqux fl-Artikolu 225 tat-TFUE;

20.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jattivaw il-klawsola “passerelle” minquxa fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE bil-għan li l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru jiġu inklużi fost ir-reati rikonoxxuti mill-UE;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1)  ĠU L 131, 20.5.2017, p. 11.

(2)  ĠU L 131, 20.5.2017, p. 13.

(3)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(4)  ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.

(5)  ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.

(6)  ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(7)  ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

(8)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(9)  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

(10)  Testi adottati, P8_TA(2019)0357.

(11)  Testi adottati, P8_TA(2018)0331.

(12)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 192.

(13)  ĠU C 337, 20.9.2018, p. 167.

(14)  ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.

(15)  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(16)  https://www.oas.org/es/mesecvi/docs/DeclaracionFemicidio-EN.pdf

(17)  https://www.un.org/en/events/endviolenceday/


Top