EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IP0079(01)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Madrid, Spanja (COP 25) (2019/2712(RSP))

ĠU C 232, 16.6.2021, p. 30–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/30


P9_TA(2019)0079

Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima (COP25)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Madrid, Spanja (COP 25) (2019/2712(RSP))

(2021/C 232/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,

wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP 21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

wara li kkunsidra l-24 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP 24) u l-14-il sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 14), kif ukoll it-tielet parti tal-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi (CMA 1.3), li saret f'Katowice, il-Polonja, bejn it-2 u l-14 ta' Diċembru 2018,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tal-COP tal-UNFCCC tal-1 ta' Novembru 2019 li taċċetta l-proposta mill-Gvern taċ-Ċilì, bħala l-Presidenza li jmiss, biex il-COP 25 issir f'Madrid, Spanja mit-2 sat-13 ta' Diċembru 2019,

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra s-Summit dwar it-Tibdil fil-Klima organizzat mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u li sar fit-23 ta' Settembru 2019,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2018 f'Katowice, il-Polonja (COP 24) (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar it-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 intitolata “Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima” (COM(2018)0773),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2019,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2019,

wara li kkunsidra li fis-6 ta' Marzu 2015 il-Latvja u l-Kummissjoni Ewropea ressqu l-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha lill-UNFCCC,

wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-tisħin globali ta' 1,5 oC, il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu, kif ukoll ir-rapport speċjali tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u r-rapport speċjali dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel;

wara li kkunsidra r-rapport ewlieni dwar l-adattament għall-klima tal-Kummissjoni Dinjija dwar l-Adattament,

wara li kkunsidra d-disa' rapport ta' sinteżi tal-Programm tan-NU għall-Ambjent (UNEP) ta' Novembru 2018 (Ir-Rapport tal-2018 dwar id-Distakk f'Termini ta' Emissjonijiet) u r-raba' rapport ta' adattament dwar id-distakk f'termini ta' adattament tiegħu għall-2018;

wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-indikaturi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent intitolata “economic losses from climate-related extremes in Europe” (Telfien ekonomiku minħabba fenomeni estremi relatati mal-klima fl-Ewropa), ippubblikata fit-2 ta' April 2019,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO) dwar l-istat tal-klima globali fl-2018 ta' Marzu 2019 kif ukoll l-14-il “Greenhouse Gas Bulletin” (Bulettin dwar il-gassijiet b'effett ta' serra) tat-22 ta' Novembru 2018,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Silesia dwar is-Solidarjetà u t-Tranżizzjoni Ġusta, id-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-Silesia “Foresti għall-Klima” u s-Sħubija “Nixprunaw il-Bidla Flimkien” għall-Elettromobbiltà u t-Trasport b'Emissjonijiet Żero, iffirmati fil-marġni tal-konferenza dwar il-klima tal-COP 24,

wara li kkunsidra s-sinteżi – intiża għal dawk li jfasslu l-politika – tar-rapport ta' valutazzjoni globali dwar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi tal-Ekosistema (IPBES) tad-29 ta' Mejju 2019,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija (3),

wara li kkunsidra r-rapport ta' sintesi ta' livell għoli dwar l-aħħar informazzjoni dwar ix-xjenza klimatika mlaqqa' mill-Grupp Konsultattiv dwar ix-Xjenza tas-Summit dwar l-Azzjoni Klimatika tan-NU 2019, intitolat “United in Science” (Magħqudin fix-Xjenza),

wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ta' April 2019 dwar it-tibdil fil-klima,

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill (O-000029/2019 – B9-0055/2019) u lill-Kummissjoni (O-000030/2019 – B9-0056/2019) dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2019 f'Madrid, Spanja (COP 25),

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Ftehim ta' Pariġi daħal fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016; billi mid-19 ta' Novembru 2019, 187 mill-197 Parti għall-UNFCCC kienu ppreżentaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni man-NU;

B.

billi, fis-6 ta' Marzu 2015, l-UE u l-Istati Membri tagħha ppreżentaw il-kontribut maħsub stabbilit fil-livell nazzjonali tagħhom lill-UNFCCC, b'hekk huma impenjaw ruħhom li jilħqu mira vinkolanti ta' mill-inqas 40 % ta' tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-1990;

C.

billi l-impenji meħuda s'issa mill-firmatarji tal-Ftehim ta' Pariġi mhux se jkunu biżżejjed biex tintlaħaq il-mira komuni tiegħu; billi l-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali (NDC) attwali ppreżentat mill-UE u l-Istati Membri tagħha mhuwiex konformi mal-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi u jeħtieġ jiġi rivedut;

D.

billi r-rapport tal-IPCC dwar iż-żieda ta' 1,5 oC juri li l-impatti fuq iż-żieda fit-temperatura x'aktarx ikunu ferm inqas gravi b'żieda ta' 1,5 oC minn żieda ta' 2 oC;

E.

billi dawn l-aħħar erba' snin – mill-2015 sal-2018 – kienu l-iktar erba' snin sħan b'rekord globali, u billi fl-2018 ġie rreġistrat l-ogħla livell ta' emissjonijiet globali tal-karbonju; billi Lulju 2019 kien l-iktar xahar sħun irreġistrat, u billi fis-sena 2019 qed tippersisti l-istess xejra attwali, b'mod li l-perjodu 2015-2019 jinsab fit-triq biex ikun l-iktar ħames snin sħan irreġistrati, skont id-WMO;

F.

billi, skont id-WMO, il-konċentrazzjoni globali ta' CO2 kienet ta' 407,8 parti għal kull miljun (ppm) fl-2018, 2,2 ppm ogħla mill-2017, u l-konċentrazzjonijiet tas-CO2 jinsabu fit-triq biex jilħqu jew saħansitra jaqbżu l-410 ppm sa tmiem l-2019;

G.

billi f'185 pajjiż madwar id-dinja ġew organizzati strajks dwar il-klima bħala parti minn moviment globali, b'rekord ta' 7,6 miljun persuna li niżlu fit-toroq f'Settembru 2019, b'hekk saret l-ikbar mobilizzazzjoni klimatika fl-istorja;

H.

billi l-preambolu għall-Ftehim ta' Pariġi jirrikonoxxi l-importanza li tiġi żgurata l-integrità tal-ekosistemi kollha, inklużi l-oċeani, u l-Artikolu 4(1)(d) tal-UNFCCC jenfasizza li l-Partijiet għalih għandhom jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli, u l-konservazzjoni u t-titjib tal-bjar u tar-riservi tal-gassijiet b'effett ta' serra kollha, inklużi l-bijomassa, il-foresti u l-oċeani kif ukoll ekosistemi terrestri, kostali u tal-baħar oħra;

I.

billi ċ-Ċilì, bħala l-Presidenza li jmiss tal-COP 25, diġà indika li se jenfasizza r-rwol tal-oċeani fil-ġlieda kontra t-tisħin globali, deċiżjoni li tagħmel iktar sens wara l-pubblikazzjoni ta' rapport allarmanti ġdid mill-IPCC dwar it-tisħin tal-oċeani;

J.

billi l-foresti jikkontribwixxu sostanzjalment għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima; billi madwar 10 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE huma assorbiti minn foresti li qed jikbru; billi d-deforestazzjoni tirrappreżenta kważi 20 % tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra u hija kkawżata partikolarment mill-espansjoni tal-produzzjoni industrijali tal-bhejjem, tas-sojja u taż-żejt tal-palm, inklużi dawk destinati għas-suq tal-UE; billi l-UE għandha tnaqqas il-kontribuzzjonijiet indiretti tagħha għad-deforestazzjoni (“embodied deforestation”), li għalihom għandha wkoll responsabbiltà;

K.

billi l-Parlament issa talab diversi drabi lill-Kummissjoni, inkluż fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar it-tibdil fil-klima tal-14 ta' Marzu 2019, biex teżamina l-ipprezzar tas-CO2 f'setturi li għadhom mhumiex koperti mill-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS);

L.

billi t-tibdil fil-klima jaffettwa b'mod sproporzjonat lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, minkejja l-fatt li dawn joħolqu emissjonijiet tas-CO2 ferm inqas mill-pajjiżi żviluppati;

1.

Ifakkar li t-tibdil fil-klima jirrappreżenta waħda mill-iktar sfidi importanti li qed tiffaċċja l-umanità u li l-istati u l-atturi kollha madwar id-dinja jeħtieġ li jagħmlu l-almu tagħhom biex jiġġieldu dan it-tibdil; jissottolinja l-fatt li l-kooperazzjoni internazzjonali, is-solidarjetà, kif ukoll l-impenn koerenti u sod fil-ħin favur azzjoni konġunta huma l-unika soluzzjoni li tissodisfa r-responsabbiltà kollettiva tagħna għall-preservazzjoni tal-pjaneta kollha;

2.

Jirrikonoxxi l-fatt li r-riskji serji tat-tibdil fil-klima jinsabu fiċ-ċentru tat-tħassib tan-nies; ifakkar li skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2019, 93 % taċ-ċittadini tal-UE jqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja; jilqa' l-fatt li l-popli madwar id-dinja, b'mod partikolari l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, qed isiru dejjem iktar attivi fil-ġlieda favur l-azzjoni dwar il-klima; jilqa' l-appelli tagħhom favur ambizzjoni kollettiva ikbar u azzjoni rapida biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u biex ma jinqabiżx il-limitu ta' 1,5 oC; iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll l-UE, biex jagħtu widen għal dawn l-appelli;

3.

Jirrikonoxxi li l-appoġġ pubbliku huwa indispensabbli għas-suċċess tal-politika u l-miżuri klimatiċi ambizzjużi u inklużivi tal-UE; iqis li dan għandu jkun rifless fl-isforzi tal-UE biex tindirizza t-tibdil fil-klima;

4.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-piż tat-tibdil fil-klima diġà jinħass, u se jkompli jinħass, b'mod qawwi fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-Dinja, li l-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-Dinja huma iktar vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima mit-Tramuntana tad-Dinja, diġà qed jesperjenzaw telf u ħsarat, u għandhom anqas kapaċitajiet biex jadattaw, u li l-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-Dinja kkontribwew ferm anqas għall-kriżi klimatika mit-Tramuntana tad-Dinja;

5.

Ifakkar li l-preambolu tal-Ftehim ta' Pariġi jirrikonoxxi d-“dritt għas-saħħa” bħala dritt fundamentali; jissottolinja l-fatt li l-Artikolu 4(1)(f) tal-UNFCCC jiddikjara li l-Partijiet kollha għandhom jużaw metodi xierqa, pereżempju valutazzjonijiet tal-impatt, imfassla u determinati fuq livell nazzjonali, bil-għan li jiġu minimizzati l-effetti negattivi fuq l-ekonomija, is-saħħa pubblika u l-kwalità tal-ambjent, ta' proġetti jew miżuri li jitwettqu biex itaffu jew jadattaw għat-tibdil fil-klima; iqis li għandha tiġi inkluża s-saħħa fil-pjanijiet ta' adattament nazzjonali u fil-komunikazzjonijiet nazzjonali lill-UNFCCC;

6.

Jiddispjaċih mill-fatt li l-indikaturi tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) għat-tibdil fil-klima ma jinkludux is-saħħa; jieħu nota, madankollu, li s-sitwazzjoni qed tiġi rimedjata f'inizjattivi ta' riċerka akkademika mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u mis-Segretarjat tal-UNFCCC; jilqa' l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni politika ta' livell għoli tan-NU tat-23 ta' Settembru 2019 dwar il-kopertura universali tas-saħħa;

7.

Jirrikonoxxi li ser ikun kważi impossibbli li jintlaħqu l-biċċa l-kbira tal-SDGs sakemm ma jiġux issodisfati l-ambizzjonijiet klimatiċi u ambjentali maqbula fil-COP 21;

8.

Jenfasizza li l-impatti diretti tat-tibdil fil-klima diġà qed jinħassu; jissottolinja l-fatt li, skont ir-rapport mill-Kummissjoni Dinjija dwar l-Adattament, it-tibdil fil-klima jista' jirriduċi iktar minn 100 miljun persuna f'kundizzjonijiet ta' faqar sal-2030 u r-rendimenti tal-għelejjel jistgħu jonqsu bejn 5 sa 30 % sal-2050 u b'hekk iħallu impatti negattivi fuq is-sigurtà tal-ikel f'żoni partikolarment vulnerabbli;

9.

Jenfasizza li t-tisħin mhux imrażżan huwa mistenni li jsawwar mill-ġdid l-ekonomija globali billi jnaqqas id-dħul medju globali bejn wieħed u ieħor bi 23 % sal-2100 u jżid l-inugwaljanza fl-introjtu globali; jenfasizza li b'kuntrast għal stimi preċedenti, it-telf globali mistenni huwa bejn wieħed u ieħor lineari għat-temperatura medja globali, b'telf medju iktar għoli minn dak indikat mill-mudelli prinċipali (4);

Bażi xjentifika favur l-azzjoni dwar il-klima

10.

Jissottolinja l-fatt li r-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin ta' 1,5 oC jirrappreżenta l-iktar valutazzjoni komprensiva u xjentifika aġġornata tal-perkorsi ta' mitigazzjoni f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza l-fatt li, skont dan ir-rapport, sabiex ikun hemm possibbiltà li ż-żieda fit-tisħin globali tinżamm għal inqas minn 1,5oC sal-2100, mingħajr l-ebda eċċess jew b'eċċess limitat, jeħtieġ li tintlaħaq newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fil-livell globali sa mhux iktar tard mill-2067, u li sal-2030 l-emissjonijiet globali annwali ta' gassijiet b'effett ta' serra jeħtieġ li jitnaqqsu għal massimu ta' 27,4 Gt CO2eq kull sena; jenfasizza l-fatt li, fid-dawl ta' dawn is-sejbiet u f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, jeħtieġ li l-UE bħala mexxejja globali u flimkien mal-ekonomiji globali ewlenin l-oħrajn jistinkaw biex jiksbu newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra malajr kemm jista' jkun u sa mhux iktar tard mill-2050;

11.

Jenfasizza li r-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tibdil fil-klima u l-art jissottolinja l-effetti partikolarment drammatiċi tat-tisħin globali fuq l-art; jesprimi tħassib dwar il-fatt li d-degradazzjoni tal-art ikkawżata mill-bniedem, prinċipalment minħabba prattiki agrikoli insostenibbli, kif ukoll minħabba żieda fid-disturbi fl-użu tal-art bħan-nirien fil-foresti, qed jiddeterjoraw ulterjorment il-kapaċità tal-art li taġixxi bħala bir ta' karbonju; jissottolinja l-fatt li dawn il-konsegwenzi drammatiċi mistennija jmorru għall-agħar jekk ix-xejriet globali prevalenti jkomplu;

12.

Jenfasizza li r-rapport speċjali tal-IPCC dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel jissottolinja l-fatt li l-mekkaniżmi klimatiċi jiddependu mis-saħħa tal-ekosistemi tal-oċeani u tal-baħar li bħalissa huma affettwati mit-tisħin globali, it-tniġġis, l-isfruttament żejjed tal-bijodiversità tal-baħar, livelli tal-baħar li qed jogħlew, l-aċidifikazzjoni, id-deossiġenazzjoni, il-mewġiet tas-sħana tal-baħar, it-tidwib bla preċedent tal-glaċieri u tas-silġ tal-baħar, u l-erożjoni tal-kosta; jenfasizza, barra minn hekk, il-konklużjonijiet tar-rapport fir-rigward tar-riskji aggravati għall-ekosistemi tal-baħar, għall-komunitajiet kostali u għall-mezzi ta' għajxien; ifakkar li l-oċeani huma parti mis-soluzzjoni għall-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalihom; jenfasizza li l-COP 25 se tkun l-ewwel “COP Blu”; jistieden għalhekk lill-UE tinkludi l-oċean bħala prijorità fl-aġenda ta' Ftehim Ekoloġiku Ewropew u fuq quddiem fin-negozjati internazzjonali li għaddejjin bħalissa dwar il-klima;

13.

Jesprimi tħassib għall-fatt li l-konklużjonijiet tar-rapport tan-UNEP dwar id-diskrepanza fl-emissjonijiet għall-2018, b'mod partikolari l-fatt li l-kontributi inkondizzjonati stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) mhumiex remotament biżżejjed biex jinżamm il-limitu għat-tisħin tal-Ftehim ta' Pariġi ta' ferm inqas minn 2 oC, u minflok hu maħsub li jwasslu għal stima ta' tisħin ta' 3,2 o(5) sal-2100 jekk wieħed jippreżumi li l-azzjoni dwar il-klima titkompla b'mod konsistenti matul is-seklu 21; jenfasizza li hemm riskju għoli li, b'tisħin ta' 3,2 oC, jiġu maqbuża ċerti punti kritiċi u jiġi indott tisħin addizzjonali massiv;

14.

Jesprimi tħassib dwar is-sejbiet tar-rapport ta' sinteżi ta' livell għoli “United in Science” (Magħquda fix-Xjenza) fl-okkażjoni tas-Summit dwar l-Azzjoni Klimatika tan-NU tal-2019, b'mod partikolari li ż-żieda fl-emissjonijiet tal-faħam reġa' beda fl-2017 u li ż-żieda annwali fl-emissjonijiet tas-CO2 mill-fjuwils fossili laħaq livell għoli ġdid fl-2018, u b'hekk wassal għal konċentrazzjonijiet allarmanti u bla preċedent ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-atmosfera;

15.

Jenfasizza li l-livell attwali ta' ambizzjoni tal-NDC ikun jeħtieġ li jiżdied b'ħames darbiet sabiex ma jinqabiżx il-limitu ta' 1,5 oC; jenfasizza li din l-ambizzjoni globali għadha teknikament fattibbli, u tista' twassal għal diversi kobenefiċċji għall-ambjent u s-saħħa pubblika;

16.

Jissottolinja li, skont id-WHO, it-tibdil fil-klima jaffettwa l-fatturi determinanti soċjali u ambjentali tas-saħħa – bħall-arja nadifa, l-ilma għax-xorb sikur, is-suffiċjenza alimentari u l-akkomodazzjoni sigura – u li bejn l-2030 u l-2050, huma previsti 250 000 mewta addizzjonali fis-sena, kaġun ta' malnutrizzjoni, malarja, dijarea u stress mis-sħana, flimkien ma' temperaturi tal-arja estremament għoljin li jwasslu b'mod dirett għal imwiet kaġun ta' mard kardjovaskulari u respiratorju, partikolarment fost il-popolazzjoni anzjana u ċ-ċittadini vulnerabbli; jenfasizza li minħabba ta' għargħar, mewġiet ta' sħana, nixfa u nirien, it-tibdil fil-klima għandu impatt konsiderevoli fuq is-saħħa tal-bniedem inkluż in-nuqqas ta' nutrizzjoni, fuq is-saħħa mentali, il-mard kardjovaskulari u respiratorju, u l-infezzjonijiet li jinġarru minn vetturi; jenfasizza li standards iktar fqar ta' iġjene u aċċess limitat għall-ilma tax-xorb u għas-servizzi tas-saħħa qed jipperikolaw is-saħħa tan-nisa, speċjalment waqt it-tqala;

17.

Jenfasizza l-fatt li r-rapport ta' valutazzjoni globali tal-IPBES tal-2019 dwar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tibdil fil-klima u l-art, ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel u r-rapport ewlieni dwar l-Adattament tal-Kummissjoni Dinjija dwar l-Adattament jirrikonoxxu t-tibdil fil-klima bħala wieħed mill-instigaturi diretti ewlenin għat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-art; jissottolinja li l-effetti negattivi tiegħu fuq in-natura u l-bijodiversità, is-servizzi tal-ekosistemi, l-oċeani u s-sigurtà tal-ikel huma previsti li jsiru dejjem iktar importanti fid-deċennji li ġejjin;

18.

Itenni li l-konservazzjoni stretta ta' ekosistemi b'livell għoli ta' karbonju bħal torbiera, artijiet mistagħdra, mergħat, mangrovji u foresti intatti hija rispons possibbli b'impatt immedjat li ma jista' bl-ebda mod jiġi sostitwit b'tisġir, riforestazzjoni u restawr ta' art degradata peress li dawn ma jħallux impatt immedjat;

19.

Jirrimarka li, skont ir-rapport ta' valutazzjoni globali tal-IPBES dwar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi, issa miljun speċi jinsabu mhedda bl-estinzjoni; ifakkar fir-rwol kruċjali tal-bijodiversità biex il-bniedem ikun jista' jiġġieled u jadatta kontra t-tisħin globali; jinsab imħasseb dwar l-impatt tat-tnaqqis fil-bijodiversità fuq il-livelli ta' reżiljenza tagħna; jenfasizza li t-telf tal-bijodiversità mhuwiex biss kwistjoni ambjentali, iżda għandu wkoll impatti soċjetali u ekonomiċi usa';

Politika ambizzjuża tal-UE dwar il-klima: l-NDC tal-UE u l-istrateġija fit-tul

20.

Jappella lill-Partijiet kollha għall-UNFCCC, f'kooperazzjoni mar-reġjuni u l-atturi mhux statali, biex jagħtu kontribut kostruttiv favur il-proċess li se jiġi attwat sal-2020 meta jeħtieġ li l-NDCs jiġu aġġornati bil-għan li tiġi garantita l-kompatibbiltà tagħhom mal-għan fit-tul dwar it-temperatura tal-Ftehim ta' Pariġi; jirrikonoxxi li l-wegħdiet attwali mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim; jenfasizza għalhekk li l-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra għandhom jilħqu l-ogħla livell malajr kemm jista' jkun, u li l-Partijiet kollha, b'mod speċjali l-UE u n-nazzjonijiet kollha tal-G20, għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom u jaġġornaw l-NDCs tagħhom sal-bidu tal-2020 kif previst mill-Ftehim ta' Pariġi;

21.

Jilqa' t-tnedija tal-Alleanza għall-Ambizzjoni Klimatika matul is-Summit 2019 tan-NU dwar l-Azzjoni Klimatika, li jinkludi 59 Parti għall-UNFCCC li urew l-intenzjoni tagħhom li jippreżentaw NDCs imsaħħa sal-2020, kif previst fil-Ftehim ta' Pariġi, u 65 Parti, inkluża l-UE, qed jaħdmu biex jiksbu newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2050; jiddeplora l-fatt, madankollu, li mhux l-Istati Membri kollha tal-UE kienu lesti jappoġġaw żieda fil-livell ta' ambizzjoni tal-NDC tal-UE, minkejja t-talbiet tal-Parlament Ewropew;

22.

Jenfasizza l-importanza li UE jkollha politika ambizzjuża u inklużiva dwar il-klima bil-għan li taġixxi bħala sieħba kredibbli u affidabbli fix-xena globali u biex l-UE żżomm ir-rwol tagħha bħala mexxejja globali fir-rigward tal-klima; jissottolinja l-ħtieġa, għalhekk, li l-UE tinvesti u tagħmel avvanzi sinifikanti fir-riċerka u l-innovazzjonijiet applikabbli b'mod industrijali;

23.

Iħeġġeġ għal darb'oħra lill-mexxejja tal-UE, meta jiltaqgħu fil-Kunsill Ewropew tat-12 u t-13 ta' Diċembru 2019, biex jappoġġaw l-objettiv fit-tul tal-Unjoni li tintlaħaq newtralità domestika fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra malajr kemm jista' jkun u sa mhux iktar tard mill-2050; jistieden lill-pajjiż li għandu l-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni biex suċċessivament jikkomunikaw dan l-objettiv lis-Segretarjat tal-UNFCCC kemm jista' jkun malajr; jenfasizza li sabiex tintlaħaq in-newtralità domestika fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2050 bl-iktar mod kosteffiċjenti, u bil-għan li tiġi evitata d-dipendenza fuq teknoloġiji tat-tneħħija tal-karbonju li jirrappreżentaw riskji sinifikanti għall-ekosistemi, il-bijodiversità u s-sigurtà tal-ikel, jeħtieġ li jogħla l-livell ta' ambizzjoni tal-2030; jissottolinja l-fatt li s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura huma għodda ewlenija biex l-UE tilħaq l-objettivi tagħha dwar it-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra; jiddispjaċih li s-Summit dwar il-Klima tan-NU ta' Settembru 2019 kien opportunità mitlufa biex l-UE tistabbilixxi ambizzjonijiet ogħla u turi sens ta' tmexxija fil-ksib tal-Ftehim ta' Pariġi; iqis bħala ferm importanti li l-Unjoni tibgħat messaġġ ċar, matul il-COP 25, li hija tinsab lesta li ssaħħaħ il-kontribut tagħha għall-Ftehim ta' Pariġi;

24.

Jappoġġa l-aġġornament tal-NDC tal-UE b'mira ta' tnaqqis ta' 55 % fl-ekonomija kollha fir-rigward tal-emissjonijiet domestiċi ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jistieden lill-mexxejja tal-UE, għaldaqstant, biex jappoġġaw żieda fil-livell ta' ambizzjoni tal-NDC tal-UE; jemmen li dan għandu jsir flimkien mal-inklużjoni fil-liġi tal-UE tal-għan li tinkiseb in-newtralità klimatika mill-iktar fis possibbli u mhux iktar tard mill-2050; jappella lil ekonomiji globali oħrajn jaġġornaw l-NDCs tagħhom bil-għan li jinkisbu effetti globali;

25.

Jistenna li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi strateġija komprensiva u ambizzjuża biex l-Ewropa ssir newtrali fejn jidħlu l-emissjonijiet tal-karbonju sa mhux iktar tard mill-2050, inkluża l-mira ta' tnaqqis ta' 55 % fl-emissjonijiet domestiċi ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni tadatta l-politiki rilevanti kollha tagħha kif xieraq, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-klima, l-agrikoltura u l-koeżjoni;

26.

Jisħaq fuq il-punt li jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta' implimentazzjoni u infurzar konkreti fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, bħall-implimentazzjoni effettiva tal-miri tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika għall-2030;

27.

Jenfasizza li l-politiki kollha dwar il-klima għandhom jiġu segwiti skont il-prinċipju ta' tranżizzjoni ġusta u f'kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali; iqis, għaldaqstant, li involviment tas-soċjetà ċivili u sħubijiet soċjali msaħħa, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, huma fundamentali biex tinkiseb in-newtralità klimatika fis-setturi kollha tas-soċjetà b'mod ġust, inklużiv u sostenibbli mil-lat soċjali; huwa tal-opinjoni li soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u r-restawr u l-konservazzjoni tal-ekosistemi u d-diversità bijoloġika huma fatturi essenzjali li jiffaċilitaw il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih;

28.

Jemmen li, bħala mezz biex tiġi żgurata stabbiltà ikbar għas-swieq, ikun ukoll ta' benefiċċju għall-UE li tistabbilixxi mira interim ulterjuri għat-tnaqqis fl-emissjonijiet sal-2040, peress li din kieku tipprovdi stabbiltà addizzjonali u tiżgura li tintlaħaq il-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2050; ifakkar fil-ħtieġa li l-miri jiġu aġġornati b'mod regolari biex jiġi żgurat li jikkonformaw mal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi;

29.

Jikkunsidra li għandha titkompla l-ħidma fuq l-iżvilupp ta' mudell affidabbli biex jitkejjel l-impatt klimatiku bbażat fuq il-konsum; jinnota l-konklużjoni fl-analiżi dettaljata tal-Kummissjoni li l-isforzi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-produzzjoni tagħha huma xi ftit jew wisq stabbilizzati mill-importazzjonijiet ta' oġġetti b'marka tal-karbonju ogħla, iżda li minkejja dan, l-UE kkontribwiet b'mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f'pajjiżi oħra minħabba ż-żieda fil-fluss kummerċjali u fit-titjib fl-effiċjenza tal-karbonju tal-esportazzjonijiet tagħha;

30.

Jenfasizza li hemm bżonn qafas internazzjonali iktar b'saħħtu bil-għan li titħares il-bijodiversità globali, jitwaqqaf id-deterjorament attwali tagħha u biex kemm jista' jkun tiġi restawrata; jemmen li tali qafas għandu jkun ibbażat fuq miri u impenji sodi, li jinkludu l-NDCs u strumenti oħra xierqa, impenji finanzjarji u garanziji ta' bini ta' kapaċitajiet aħjar, kif ukoll mekkaniżmu ta' rieżami ta' kull ħames snin, b'enfasi fuq trajettorja aktar ambizzjuża;

COP25 f'Madrid, Spanja

31.

Jirrikonoxxi l-kisbiet tal-COP24 f'Katowice, li saħħet ulterjorment l-ispinta favur l-azzjoni dwar il-klima, u li, flimkien mal-Programm ta' Ħidma tal-Ftehim ta' Pariġi (il-Ġabra ta' Regoli ta' Katowice), wasslet għal gwida operattiva għall-Ftehim ta' Pariġi; jinnota, madankollu, li waqt il-COP25 trid titlesta xi ħidma li għadha pendenti minn Katowice, partikolarment dwar il-mekkaniżmi taħt l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi; iqis, barra minn hekk, li waqt il-COP25 jeħtieġ li jittieħdu bosta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma ta' mitigazzjoni, adattament, trasparenza u appoġġ; jistenna bil-ħerqa li fil-COP25 ikun hemm eżitu ta' suċċess kemm tar-Rieżami tal-Mekkaniżmu Internazzjonali ta' Varsavja għal Telf u Ħsara kif ukoll tan-negozjati dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi; jirrikonoxxi li ser ikun hemm iktar diskussjonijiet biex jintlaħaq qbil dwar limiti ta' żmien komuni fil-COP25;

32.

Jissottolinja l-importanza li jiġu stabbiliti perjodi ta' implimentazzjoni komuni għall-NDCs, peress li għalkemm ħafna Partijiet għall-UNFCCC għandhom perjodi ta' żmien ta' ħames snin jew ta' għaxar snin, oħrajn għandhom perjodi ta' implimentazzjoni iqsar jew l-ebda perjodu; jinnota li t-tkomplija b'perjodi ta' żmien kunfliġġenti jaf tħalli impatt negattiv fuq in-negozjati futuri dwar l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima; jemmen li perjodi ta' implimentazzjoni komuni għall-NDCs jiżguraw li l-Partijiet kollha jaġġornaw u jikkomunikaw l-impenji tagħhom flimkien u jtejbu l-ġabra sħiħa ta' sforzi globali u jagħmluhom iktar faċli biex jiġu kkwantifikati; jappoġġa l-introduzzjoni ta' perjodu ta' żmien komuni ta' ħames snin għall-NDCs kollha ta' wara l-2030, li jikkorrispondi maċ-ċiklu ta' ambizzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, u li huwa mingħajr ħsara għall-impenji fit-tul addizzjonali li l-Partijiet jistgħu jsegwu domestikament;

33.

Jilqa' l-fatt li ċ-Ċilì huwa wieħed mill-iktar pajjiżi emerġenti li rnexxew fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, u, b'mod partikolari, li rreġistra l-ogħla żieda fil-produzzjoni tal-enerġija solari fid-dinja; jemmen li l-impenji taċ-Ċilì li jindirizza l-emerġenza klimatika għandhom jispiraw ħafna pajjiżi fl-Amerika t'Isfel u fid-dinja kollha;

34.

Jisħaq fuq il-punt li l-azzjoni globali li se tkun qed tittieħed tul l-10 snin li ġejjin se jkollha impatt fuq il-futur tal-umanità għall- 10 000 sena li ġejjin; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Partijiet kollha taħt il-COP25 biex jieħdu miżuri kuraġġużi u ambizzjużi;

35.

Jirrikonoxxi r-rwol ta' approċċi kooperattivi biex jintlaħqu riżultati iktar ambizzjużi fil-mitigazzjoni u fl-adattament, kif ukoll fil-promozzjoni favur l-iżvilupp sostenibbli u l-integrità ambjentali; jisħaq fuq il-ħtieġa li dawn l-isforzi jiksbu tnaqqis ġenerali fl-emissjonijiet u jevitaw żieda fl-emissjonijiet, matul jew bejn perjodi tal-NDC; jesprimi tħassib rigward il-progress limitat li nkiseb matul il-50 laqgħa intersessjonali tal-UNFCCC f'Bonn dwar il-mekkaniżmi tas-suq u mhux tas-suq;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-tfassil ta' regoli internazzjonali stretti u sodi b'rabta mal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi; jirrikonoxxi l-bosta problemi li għadd kbir ta' proġetti tal-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) u tal-Implimentazzjoni Konġunta (JI) taħt il-Protokoll ta' Kyoto ħolqu għall-integrità u s-sostenibbiltà ambjentali; jappella għall-prevenzjoni ta' lakuni fil-kontabbiltà jew fl-għadd doppju, u rigward l-addizzjonalità tat-tnaqqis tal-emissjonijiet; jesprimi tħassib dwar l-użu potenzjali tal-unitajiet maħruġa skont il-Protokoll ta' Kyoto għall-finijiet tal-miri tal-NDCs, peress li dan jimmina b'mod serju l-integrità ambjentali tal-mekkaniżmi futuri stabbiliti skont l-Artikolu 6; jissottolinja l-fatt li d-drittijiet tal-emissjonijiet innegozjati skont il-mekkaniżmi l-ġodda tas-suq iridu jkunu addizzjonali u jżidu l-isforzi ta' mitigazzjoni tal-NDCs eżistenti u futuri; jappoġġa l-allokazzjoni ta' sehem mir-rikavati mill-mekkaniżmi tal-Artikolu 6 għall-Fond ta' Adattament, li mhuwiex iffinanzjat biżżejjed;

37.

Iqis li l-COP25 għandha tiddefinixxi livell ta' ambizzjoni ġdid, kemm fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi kif ukoll fir-rigward tas-sessjoni li jmiss tal-NDCs, li għandhom jirriflettu l-impenji msaħħa favur l-azzjoni dwar il-klima fost is-setturi kollha, kemm fuq l-art kif ukoll fl-oċeani;

38.

Jissottolinja l-importanza li l-UE titkellem b'vuċi waħda u magħquda waqt il-COP25 bil-għan li tħares is-setgħa politika u l-kredibbiltà tagħha; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jappoġġaw il-mandat tal-UE tul in-negozjati u fil-laqgħat bilaterali ma' atturi oħra;

Ir-rwol tal-foresti

39.

Ifakkar li l-Ftehim ta' Pariġi jirrikjedi li l-Partijiet kollha jieħdu azzjoni sabiex jikkonservaw u jtejbu l-bjar, inklużi l-foresti; jinnota li t-twaqqif tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u l-fatt li l-foresti jitħallew jerġgħu jikbru, jikkostitwixxu minn tal-inqas 30 % tal-azzjoni ta' mitigazzjoni kollha meħtieġa biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5oC; jissottolinja li l-foresti ġestiti b'mod sostenibbli huma importanti ferm fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz ta' żieda fl-assorbiment tas-CO2 permezz tat-tkabbir tal-foresti, il-ħżin tal-karbonju fil-prodotti tal-injam u s-sostituzzjoni tal-materja prima u l-enerġija bbażati fuq il-fjuwils fossili, waqt li fl-istess ħin jitnaqqsu r-riskji ta' nirien fil-foresti, l-infestazzjonijiet b'organiżmi ta' ħsara u l-mard; jisħaq fuq l-importanza li jiġu inċentivati l-prattiki li jżommu l-bjar naturali tal-karbonju, inklużi l-foresti primarji u l-ħamrija tal-foresti intatta, li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE fir-rigward tar-restawr tal-foresti tirrikonoxxi bħala insostitwibbli;

40.

Jistieden lill-Partijiet kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, jonoraw l-impenji internazzjonali tagħhom, inter alia, dawk li ttieħdu fil-qafas tal-Forum tan-NU dwar il-Foresti, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, id-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti u l-SDG 15, b'mod partikolari l-mira 15.2 tiegħu, intiża biex tippromwovi l-implimentazzjoni ta' ġestjoni sostenibbli tat-tipi kollha ta' foresti, titwaqqaf id-deforestazzjoni, jiġu restawrati l-foresti degradati u jiżdiedu b'mod sostanzjali u globalment it-tisġir u r-riforestazzjoni sal-2020; jappella għal sforzi ikbar fil-livelli politiċi kollha biex jiġi evitat id-deterjorament tal-foresti fl-Ewropa u biex tiġi restawrata l-kundizzjoni tajba tagħhom fejn meħtieġ; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw miżuri favur ir-riforestazzjoni fuq art degradata u fuq art mhux adatta għall-użu agrikolu;

41.

Fid-dawl tar-rwol fundamentali li għandhom il-foresti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom xi sidien tal-foresti fl-Ewropa minħabba nixfiet u pesti estremi, jemmen li l-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra qafas ta' inċentivi f'każ li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti ma tibqax vijabbli fuq livell ekonomiku;

Reżiljenza dwar il-klima permezz ta' adattament

42.

Jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima li jindika li sar xi progress fir-rigward ta' kull waħda mit-tmien azzjonijiet individwali tal-istrateġija; jinnota, madankollu, li minkejja l-isforzi globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, l-impatti tat-tibdil fil-klima huma inevitabbli u huwa essenzjali li tittieħed azzjoni ta' adattament ulterjuri; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tirrevedi l-istrateġija fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-rapport dwar kif l-UE għadha vulnerabbli għall-impatti klimatiċi, kemm fi ħdanha, kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-industrija tal-assigurazzjoni tinvesti fl-adattament, u li jsir investiment pubbliku u privat fir-riċerka u l-innovazzjoni; iqis li l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem, it-twaqqif tat-tnaqqis tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-art, u l-promozzjoni tal-adattament urban jikkostitwixxu prijoritajiet;

43.

Jinnota li l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Pariġi (dwar it-Telf u l-Ħsara) jiddikjara li l-Partijiet għandhom jieħdu approċċ kooperattiv b'rabta mat-telf u l-ħsara assoċjati mal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza ta' azzjoni ta' appoġġ globali f'oqsma speċjalment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima;

44.

Itenni li l-azzjoni ta' adattament hija bżonn inevitabbli għall-pajjiżi kollha jekk dawn iridu jnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u jisfruttaw għalkollox l-opportunitajiet diretti lejn tkabbir reżiljenti għall-klima u lejn l-iżvilupp sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati sistemi u għodod uniformi li jimmonitorjaw il-progress u l-effikaċja tal-pjanijiet u tal-azzjonijiet ta' adattament nazzjonali; jiddispjaċih għall-fatt li l-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri għall-enerġija u l-klima (NECPs) kienu nieqsa mill-ambizzjoni fir-rigward tal-miri tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli; ifakkar li l-enerġija rinnovabbli inkluża l-enerġija rinnovabbli tal-baħar, bħala element tal-ekonomija ċirkolari, hija parti mis-soluzzjoni biex jiġu mitigati u adattati l-effetti tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima sabiex jimplimentaw għalkollox il-Ftehim ta' Pariġi;

Finanzjament klimatiku u mezzi ta' implimentazzjoni oħrajn

45.

Jilqa' d-deċiżjoni meħuda fil-COP24 li l-Fond għall-Adattament għandu jkompli jaqdi l-Ftehim ta' Pariġi; jirrikonoxxi l-importanza ta' dan il-fond għall-komunitajiet l-iktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u għaldaqstant jilqa' l-kontribuzzjoni volontarja ġdida ta' USD 10 miljun magħmula mill-Istati Membri lill-Fond għall-2019;

46.

Jirrikonoxxi li 37 % tal-baġit tal-UE bħalissa jmur lejn il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (PAK), li jista' jimmobilizza fondi sinifikanti fir-rigward tal-inċentivar u l-ippremjar ta' prattiki klimatiċi u favur l-ambjent fl-agrikoltura;

47.

Itenni li l-PAK m'għandhiex tibqa' tipprovdi sussidji għal attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent u l-klima, fosthom it-tbattil tat-torbieri u l-astrazzjoni eċċessiva tal-ilma għall-irrigazzjoni, u lanqas m'għandha tippenalizza l-preżenza tas-siġar fiż-żoni agrikoli;

48.

Jirrikonoxxi li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-ikbar fornitur ta' finanzjament pubbliku dwar il-klima; jilqa' d-deċiżjoni meħuda fil-COP24 li tittieħed deċiżjoni dwar mira iktar ambizzjuża mill-2025 'il quddiem, li tmur lil hinn mill-impenn attwali li jiġu mmobilizzati USD 100 biljun fis-sena sa mill-2020, iżda jesprimi tħassib li l-wegħdiet li saru mill-pajjiżi żviluppati xorta waħda għadhom 'il bogħod milli jilħqu l-mira kollettiva tagħhom ta' USD 100 biljun fis-sena; jistenna li l-ekonomiji emerġenti jikkontribwixxu, mill-2025 'il quddiem, għall-ammont ogħla ta' finanzjament internazzjonali għall-klima fil-futur;

49.

Jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima mhuwiex sfida lokalizzata u li l-impatti tal-klima barra l-UE għandhom implikazzjonijiet fl-UE wkoll, minħabba li avvenimenti bħal uragani, nixfiet, għargħar u nirien fil-foresti jista' jkollhom impatt fuq is-sigurtà tal-ikel u tal-ilma tal-UE u fuq il-ktajjen tal-provvista ta' oġġetti u servizzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprijoritizzaw l-espansjoni tal-finanzjament internazzjonali għall-klima maħsub għall-adattament, bil-għan li jinkiseb l-istess livell ta' finanzjament għall-mitigazzjoni, u biex jipprovdu wkoll finanzjament għall-klima maħsuba għat-telf u l-ħsara;

50.

Jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni tal-għan globali dwar l-adattament u tal-mobilizzazzjoni ta' fondi maġġuri ġodda għall-adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom favur żieda sinifikanti fil-finanzjament li jipprovdu għall-adattament; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' progress fil-kwistjoni ta' telf u ħsara, li għaliha għandhom jiġu pprovduti riżorsi addizzjonali permezz ta' sorsi innovattivi ta' finanzjamenti pubbliċi taħt il-Mekkaniżmu Internazzjonali ta' Varsavja;

51.

Jissottolinja r-rwol ta' finanzjament sostenibbli u jqis li huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ewlenin jadottaw u jiżviluppaw malajr finanzjament ekoloġiku favur id-dekarbonizzazzjoni b'suċċess tal-ekonomija globali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi implimentat il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Finanzi Sostenibbli, u jilqa' t-twaqqif ta' Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli;

52.

Jisħaq, barra minn hekk, fuq ir-rwol tas-settur privat, inklużi l-korporazzjonijiet u s-swieq finanzjarji, biex jintlaħqu l-għanijiet ta' sostenibbiltà: jilqa' l-isforzi biex tiġi introdotta leġiżlazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-finanzjament u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintroduċi trasparenza u obbligu ta' rendikont għall-kumpaniji destinatarji ta' investiment, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mad-dgħufija tas-sostenibbiltà u tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

53.

Jilqa' l-ftehim li 196 gvern laħqu fil-COP14 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika biex jiżdiedu l-investimenti fin-natura u n-nies sal-2020 u 'l quddiem; jenfasizza li l-uniku mod kif it-tkabbir ekonomiku jista' jiffaċilita l-iżvilupp sostenibbli huwa billi jkun diżakkoppjat mid-degradazzjoni tal-bijodiversità u tal-kapaċità tan-natura li taqdi lill-popolazzjonijiet;

54.

Jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jkun konsistenti mal-impenji internazzjonali tagħha dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-miri fuq perjodu medju u fit-tul relatati mal-klima u l-enerġija u li l-baġit m'għandux ikun kontroproduttiv għal dawn il-miri jew jostakola l-implimentazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tiżgura li l-investimenti tal-UE jirrispettaw il-klima u l-bijodiversità, u biex, fejn applikabbli, tressaq regoli armonizzati u vinkolanti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss ikun għalkollox konformi mal-Ftehim ta' Pariġi u li l-ebda nefqa m'għandha tmur kontra dan; jisħaq fuq l-importanza tar-riforniment tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima (GCF) u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex tal-anqas jirduppjaw il-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-mobilizzazzjoni inizjali tar-riżorsi; jilqa' d-deċiżjoni meħuda mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI biex, minn tmiem l-2021, jintemm il-finanzjament għall-biċċa l-kbira tal-proġetti tal-enerġija mill-fjuwils fossili, u biex gradwalment jiżdied is-sehem tal-finanzjament tiegħu ddedikat għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali, biex jilħaq 50 % tal-operazzjonijiet tiegħu mill-2025; jemmen li dan huwa l-ewwel pass ambizzjuż lejn it-trasformazzjoni tal-BEI f'Bank Ewropew għall-Klima; jitlob lill-Istati Membri japplikaw l-istess prinċipju fir-rigward tal-garanziji tal-kreditu għall-esportazzjoni; jitlob garanziji pubbliċi speċifiċi favur l-investimenti ekoloġiċi, tikketti ta' finanzjament ekoloġiku u vantaġġi fiskali għall-fondi ta' investiment ekoloġiċi u l-ħruġ ta' bonds ekoloġiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir finanzjament iktar ambizzjuż fir-riċerka u l-innovazzjoni applikabbli mil-lat industrijali;

55.

Jistieden lill-BEI jeżamina mill-ġdid l-istrateġija tiegħu dwar il-klima fl-2020 u jadotta pjanijiet ta' azzjoni konkreti u ambizzjużi biex iwettaq l-impenn tiegħu li jallinja l-attivitajiet ta' finanzjament kollha tiegħu mal-Ftehim ta' Pariġi, kif ukoll biex jallinja b'mod urġenti l-politiki u l-linji gwida kollha tiegħu ta' self settorjali mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

56.

Jisħaq fuq l-importanza li ssir tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija newtrali għall-klima u l-ħtieġa ta' approċċ antiċipatorju u parteċipatorju li jiżgura li ċ-ċittadini jibbenefikaw mit-tranżizzjoni u jappoġġa lill-iktar komunitajiet u reġjuni vulnerabbli; iqis il-ħolqien ta' fond ta' tranżizzjoni ġust bħala waħda mill-għodod li tista' tintuża, fil-livell tal-UE, biex tiggarantixxi tranżizzjoni inklużiva u infurmata għall-persuni u r-reġjuni fl-UE li huma l-iktar affettwati mid-dekarbonizzazzjoni, bħar-reġjuni tal-minjieri tal-faħam li jinsabu fi tranżizzjoni; jirrikonoxxi li l-fondi ta' kumpens waħedhom mhumiex garanzija għal tranżizzjoni ġusta, u li kwalunkwe politika ta' tranżizzjoni għandha tkun ibbażata fuq strateġija komprensiva tal-UE għall-iżvilupp u l-modernizzazzjoni ta' dawk ir-reġjuni tal-UE u fuq sostenn għal dawk li jinsabu fuq quddiem nett tat-tranżizzjoni; jemmen li t-tranżizzjoni tal-UE f'dak li jikkonċerna l-klima trid tkun sostenibbli mil-lat ekoloġiku, ekonomiku u soċjali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu politiki u finanzjament xierqa f'dan ir-rigward, politiki li jiddependu fuq impenji ta' dekarbonizzazzjoni ċari, kredibbli u infurzabbli, fuq medda ta' żmien qasira u twila li jinkludu lill-ekonomija kollha, meħuda mill-Istati Membri kkonċernati, inkluża l-integrazzjoni fl-NECPs finali tagħhom ta' politiki konkreti li għandhom l-għan li jeliminaw b'mod gradwali l-faħam, fjuwils fossili oħra u sussidji fuq il-fjuwils fossili, f'qafas ta' żmien konsistenti mal-impenn tal-UE li t-tisħin globali żżommu konformi mal-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi u l-mira tan-newtralità klimatika tal-2050;

57.

Jemmen li d-demokratizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija hija kruċjali għas-suċċess tat-tranżizzjoni lejn l-enerġija sostenibbli; jitlob, għalhekk, li jittejbu d-drittijiet u l-ħiliet taċ-ċittadini biex b'hekk ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-produzzjoni ta' enerġija sikura u nadifa;

58.

Jenfasizza l-importanza li jitnedew diskussjonijiet ma' pajjiżi madwar id-dinja li bħalissa jiddependu mill-esportazzjoni tal-fjuwils fossili, bil-ħsieb li jiġi ddeterminat kif tista' tiġi implimentata strateġija ta' sigurtà konġunta dwar l-enerġija u l-klima b'mod li jittejbu l-prospetti futuri ta' dawk ir-reġjuni;

59.

Jemmen li l-enerġija nukleari jista' jkollha rwol fl-ilħuq tal-objettivi tal-klima minħabba li ma tipproduċix gassijiet b'effett ta' serra, u tista' wkoll tiżgura sehem sinifikanti tal-produzzjoni tal-elettriku fl-Ewropa; iqis madankollu li, minħabba l-iskart li tipproduċi, din l-enerġija teħtieġ strateġija medja u fit-tul li tqis l-avvanzi teknoloġiċi (il-laser, il-fużjoni, eċċ.) li għandha l-għan li ttejjeb is-sostenibbiltà tas-settur kollu;

60.

Jappoġġja l-ħidma tal-Koalizzjoni tal-Ministri tal-Finanzi għall-Azzjoni Klimatika u jħeġġeġ lill-gvernijiet kollha jadottaw l-impenn tal-koalizzjoni biex il-politiki u l-prattiki kollha fil-mandat tal-ministeri tal-finanzi jallinjawhom mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, u jadottaw prezzar effettiv tal-karbonju, kif stipulat fil-prinċipji ta' Helsinki;

61.

Ifakkar lill-Partijiet dwar il-ħtieġa li jallokaw riżorsi suffiċjenti sabiex l-impenji jsarrfuhom f'azzjonijiet u jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; jappoġġja l-momentum li qed jikber għall-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri tal-UE għall-importazzjonijiet lejn l-UE sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi ta' kummerċ internazzjonali u tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

Ir-rwol tal-atturi mhux statali

62.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-moviment determinat u li qed jikber taż-żgħażagħ kontra t-tibdil fil-klima; jenfasizza l-importanza li jkun hemm djalogu sinifikanti maż-żgħażagħ u li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tfassil tal-politika fil-livelli kollha; jilqa' l-mobilizzazzjoni globali li qed tikber ta' firxa dejjem usa' ta' atturi mhux statali impenjati favur l-azzjoni dwar il-klima permezz ta' objettivi konkreti u li jistgħu jitkejlu; jenfasizza r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili, tas-settur privat u tal-gvernijiet sottostatali, li jinfluwenzaw u jmexxu l-opinjoni pubblika u l-azzjoni statali u li jikkondividu l-għarfien u l-aħjar prattiki dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' mitigazzjoni u ta' adattament; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-Partijiet kollha jħeġġu, jappoġġaw u jaħdmu flimkien mal-atturi mhux statali, li kulma jmur qegħdin isiru l-pijunieri fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; iqis, barra minn hekk, li ċ-ċittadini għandhom ikunu involuti u għandha tiżdied is-sensibilizzazzjoni;

63.

Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-bliet fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi minħabba li, skont ta' sinteżi tan-NU tal-2018 dwar l-SDG 11 bit-titolu “Tracking Progress Towards Inclusive, Safe, Resilient and Sustainable Cities and Human Settlements”, dawn huma s-sors ta' iktar minn 70 % tal-emissjonijiet kollha ta' gassijiet b'effett ta' serra, tal-iskart u tat-tniġġis tal-arja; jilqa' l-impenn meħud minn mija u żewġt ibliet fis-Summit ta' Azzjoni dwar il-Klima tan-NU favur il-kisba tan-newtralità f'termini ta' klima sal-2050; jistieden lill-Partijiet jinvolvu iktar mill-qrib lill-bliet fil-pjanijiet tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet;

Ftuħ, inklużività u trasparenza

64.

Jenfasizza li, biex jintlaħaq l-objettiv li ż-żieda fit-temperatura medja globali tiġi limitata għal 1,5 oC, hemm bżonn ta' parteċipazzjoni effettiva min-naħa tal-Partijiet kollha, li tkun tirrikjedi li tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar l-interessi akkwistati jew kunfliġġenti; itenni, f'dan il-kuntest, is-sostenn tiegħu favur l-introduzzjoni ta' politika speċifika dwar il-kunflitti ta' interess bħala parti mill-UNFCCC; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu rwol ta' tmexxija f'dan il-proċess mingħajr ma jikkompromettu l-għanijiet u l-objettivi tal-UNFCCC u tal-Ftehim ta' Pariġi;

65.

Jissottolinja li 80 % tal-persuni spostati minħabba t-tibdil fil-klima huma nisa u tfal, li ġeneralment jintlaqtu iktar mit-tibdil fil-klima mill-irġiel u jġorru iktar minnhom il-piż tiegħu, minkejja li ma jkunux involuti daqshom fit-teħid ta' deċiżjonijiet importanti fir-rigward tal-azzjoni dwar il-klima; jenfasizza, għalhekk, li l-emanċipazzjoni tal-ġeneri emarġinati kollha, kif ukoll il-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali fil-fora internazzjonali bħall-UNFCCC u fit-tmexxija tagħhom, u l-involviment tagħhom fl-azzjoni dwar il-klima fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, jirrappreżentaw elementi fundamentali għas-suċċess u l-effikaċja ta' tali azzjoni; jemmen li l-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-UNFCCC, b'mod partikolari permezz tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fil-politiki tal-UE dwar il-klima u l-iżvilupp, u għandhom jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa indiġeni u tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fil-proċess tal-UNFCCC;

66.

Jinnota li l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima għas-sopravivenza, in-nutrizzjoni u l-aċċess għall-edukazzjoni, fost l-oħrajn, huma partikolarment serji għas-saħħa, il-protezzjoni u l-iżvilupp tat-tfal u l-adoloxxenti; iqis li jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex jiġu limitati dawn l-effetti detrimentali;

Sforz komprensiv mis-setturi kollha

67.

Jagħti parir lill-Kummissjoni tesplora rabtiet u forom oħra ta' kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati fis-swieq tal-karbonju ta' pajjiżi u reġjuni terzi u tħeġġeġ it-twaqqif ta' iktar swieq tal-karbonju u ta' mekkaniżmi ta' pprezzar tal-karbonju oħrajn, li għandhom iwasslu għal iktar effiċjenza u ffrankar tal-ispejjeż u jnaqqsu r-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju billi joħolqu kundizzjonijiet ekwi fuq il-livell globali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi salvagwardji li jiżguraw li kwalunkwe rabta mal-EU ETS tkompli twassal għal kontributi ta' mitigazzjoni addizzjonali u permanenti, li ma jimminawx l-impenji tal-UE relatati mal-emissjonijiet interni ta' gassijiet b'effett ta' serra;

68.

Ifakkar li s-setturi kollha għandhom jikkontribwixxu sabiex tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima u li d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE ma għandhiex twassal għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju lejn pajjiżi terzi permezz tar-rilaxx tal-karbonju, iżda għandha tirnexxi għall-ekonomija u l-industrija tagħna bis-saħħa ta' investiment adegwat, strumenti xierqa, u opportunitajiet biex jiġu żviluppati l-innovazzjonijiet u t-teknoloġija rivoluzzjonarji meħtieġa; jemmen fis-suċċess ta' approċċi bbażati fuq is-suq; iqis li l-miżuri ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera jeħtieġ li jkunu bbażati fuq studju ta' fattibbiltà u jeħtieġ li jkunu konformi mad-WTO;

69.

Jieħu nota tal-aħbar tal-President elett tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen li l-ETS se tiġi estiża għal setturi li għadhom mhumiex koperti mis-sistema ta' negozjar tal-UE; jirrifjuta inklużjoni diretta fl-iskema tal-EU ETS;

70.

Jenfasizza li s-settur tat-trasport huwa l-uniku settur li mill-1990 ra żieda fl-emissjonijiet; jenfasizza li dan mhuwiex kompatibbli mal-objettiv fit-tul tan-newtralità klimatika, li jirrikjedi tnaqqis ikbar u iktar mgħaġġel fl-emissjonijiet mis-setturi kollha tas-soċjetà, inklużi s-settur tal-avjazzjoni u s-settur marittimu; ifakkar li s-settur tat-trasport jeħtieġ li jkun kompletament dekarbonizzat sa mhux iktar tard mill-2050; jinnota li l-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-miri u l-miżuri globali attwali previsti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), anke jekk jiġu implimentati bis-sħiħ, mhumiex se jwasslu għat-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet, u li tinħtieġ azzjoni ulterjuri sinifikanti li tkun konformi mal-objettiv mifrux mal-ekonomija kollha ta' emissjonijiet netti żero ta' gassijiet b'effett ta' serra; iqis li bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza tal-NDCs mal-impenji mifruxa fl-ekonomija kollha meħtieġa mill-Ftehim ta' Pariġi, il-Partijiet għandhom jitħeġġu jinkludu l-emissjonijiet mit-trasport internazzjonali bil-baħar u bl-ajru, u jaqblu dwar miżuri fil-livell internazzjonali, reġjonali u nazzjonali li jnaqqsu l-emissjonijiet minn dawn is-setturi, u li jimplimentawhom.

71.

Ifakkar li, sal-2020, huwa mbassar li l-emissjonijiet globali tal-avjazzjoni internazzjonali jkunu madwar 70 % ogħla milli fl-2005 u jistgħu saħansitra jiżdiedu b'bejn 300 % u 700 % iktar sal-2050; jesprimi tħassib dwar il-livell ta' ambizzjoni tal-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) tal-ICAO meta titqies il-ħidma li għaddejja dwar l-istandards u l-prattiki rakkomandati li għandhom jiġu segwiti fl-implimentazzjoni tal-iskema mill-2019 'il quddiem; jenfasizza li l-istandards attwali mhumiex sodisfaċenti u li mhux aċċettabbli li jkun hemm dilwizzjoni ulterjuri tal-iskema CORSIA; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom bil-għan li jsaħħu d-dispożizzjonijiet tal-CORSIA u jappoġġjaw l-adozzjoni ta' objettiv fit-tul biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-emissjonijiet mis-settur tal-avjazzjoni, filwaqt li jissalvagwardjaw l-awtonomija leġiżlattiva tal-UE fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ETS; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li, fl-iskemi tal-UE u dawk internazzjonali, jiġu indirizzati l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li mhumiex tal-karbonju prodotti mis-settur tal-avjazzjoni;

72.

Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni A40-19 fl-40 Assemblea tal-ICAO u tal-hekk imsejħa klawżola ta' esklużività tal-CORSIA; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippreżentaw riżerva formali rigward din il-parti tar-riżoluzzjoni sabiex titħares l-awtonomija leġiżlattiva tal-Unjoni fir-rigward tal-miżuri maħsuba biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tal-avjazzjoni;

73.

Ifakkar fl-obbligu legali li l-Kummissjoni għandha li tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi żmien 12-il xahar minn meta l-ICAO tadotta l-istrumenti rilevanti, u qabel ma l-CORSIA tibda titħaddem, li fih hija teżamina, fost l-oħrajn, l-ambizzjoni u l-integrità ambjentali globali tal-CORSIA, inkluża l-ambizzjoni ġenerali tagħha fir-rigward tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza li, bħala koleġiżlaturi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma l-uniċi istituzzjonijiet li jistgħu jiddeċiedu dwar kwalunkwe emenda futura għad-Direttiva tal-ETS; jenfasizza l-fatt li kwalunkwe emenda għad-Direttiva tal-ETS għandha ssir biss jekk tkun konsistenti mal-impenn tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, li ma jipprevedix l-użu ta' krediti ta' kumpens wara l-2020;

74.

Jilqa' l-appoġġ dejjem jikber għal approċċ ikkoordinat fl-UE kollha għall-ipprezzar fil-qasam tal-avjazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni biex, mill-aktar fis possibbli, tippreżenta rieżami ambizzjuż tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija f'dan ir-rigward, inkluż it-tmiem tal-eżenzjonijiet mit-taxxa li bħalissa japplikaw għall-pitrolju u l-fjuwils marittimi;

75.

Ifakkar li huwa previst li l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bil-baħar se jiżdiedu b'bejn 50 % u 250 % fil-perjodu li jwassal sal-2050; jilqa' l-ftehim dwar l-istrateġija inizjali tal-IMO biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-bastimenti bħala l-ewwel pass tas-settur biex jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan tal-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ lill-IMO tagħmel progress rapidu fir-rigward tal-adozzjoni ta' miżuri fuq perjodu qasir u medju biex tgħin sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija; jenfasizza l-importanza u l-urġenza li jiġu implimentati miżuri fuq perjodu ta' żmien qasir u medju qabel l-2023; jappella lill-UE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex jappoġġaw id-deżinjazzjoni rapida tal-Baħar Mediterran bħala żona konġunta ta' kontroll tal-emissjonijiet SOx u NOx bħala pass kruċjali 'l quddiem biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport bil-baħar fl-Ewropa; jissottolinja li jeħtieġ li jiġu esplorati minnufih miżuri u azzjonijiet ulterjuri, inklużi strumenti tal-ipprezzar tal-karbonju, sabiex jiġu indirizzati l-emissjonijiet marittimi skont l-istrateġija tas-settur għal trasformazzjoni lejn emissjonijiet baxxi; konsegwentement jesprimi li huwa jemmen li l-UE u l-Istati Membri għandhom jissorveljaw mill-qrib l-impatt u l-implimentazzjoni tal-istrateġija inizjali tal-IMO; jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal regolament tal-UE biex titqies kif xieraq is-sistema globali ta' ġbir ta' data dwar il-konsum taż-żejt kombustibbli tal-bastimenti (MRV) u s-sistema globali ta' ġbir ta' data tal-IMO għall-konsum taż-żejt kombustibbli tal-bastimenti; ifakkar li l-MRV huwa l-ewwel pass li finalment għandu jippermetti lill-UE tadotta miri obbligatorji biex tnaqqas l-emissjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi, malajr kemm jista' jkun, azzjonijiet addizzjonali tal-UE bħala parti mill-istrateġija tad-dekarbonizzazzjoni għall-2050 tagħha, bħall-inklużjoni tas-settur marittimu fl-ETS u l-introduzzjoni ta' standard tal-effiċjenza tal-bastimenti u tikketta tal-bastimenti, u biex tipproponi strateġija għall-kooperazzjoni ma' Partijiet oħra li huma lesti jaġixxu kemm jista' jkun bikri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet marittimi skont il-mira tat-temperatura tal-Ftehim ta' Pariġi;

76.

Jenfasizza l-fatt li diġà jeżistu soluzzjonijiet sempliċi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, bħat-tnaqqis tal-limiti tal-veloċità jew l-istabbiliment ta' żoni ta' kontroll tal-emissjonijiet, li huma previsti mill-Konvenzjoni MARPOL internazzjonali; iqis li l-istrateġija ta' dekarbonizzazzjoni u l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandhom jixprunaw l-investiment, ir-riċerka ambizzjuża f'bastimenti b'livell ta' emissjonijiet żero u bastimenti ekoloġiċi b'komponenti ekoloġiċi, ġestjoni aħjar tal-iskart u tal-ilma u t-titjib meħtieġ fl-infrastruttura biex ikun possibbli li jikber is-suq qabel l-2030, bħall-elettrifikazzjoni tal-portijiet;

77.

Iħeġġeġ żieda fil-finanzjament għar-riċerka u l-introduzzjoni fis-suq ta' fjuwils alternattivi;

78.

Ifakkar li 23 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra joriġinaw mill-agrikoltura; jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata nutrizzjoni suffiċjenti għal popolazzjoni dinjija li qed tikber, jinħtieġu investimenti f'tekniki agrikoli u metodi ta' produzzjoni intelliġenti, bħall-qbid tal-metan mid-demel, l-użu iktar effiċjenti tal-fertilizzanti, l-użu tal-bijomassa fiċ-ċikli u t-titjib fl-effiċjenza tal-metodi tal-produzzjoni tal-laħam u tal-prodotti tal-ħalib;

79.

Ifakkar li, filwaqt li l-agrikoltura hija responsabbli għal madwar 10 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE, hija għandha l-potenzjal li tgħin lill-UE tnaqqas l-emissjonijiet tagħha permezz tal-ġestjoni tajba tal-ħamrija, l-agroforestrija, il-protezzjoni tal-bijodiversità u tekniki oħrajn ta' ġestjoni tal-art; jirrikonoxxi li l-agrikoltura għandha l-potenzjal li tnaqqas l-emissjonijiet annwali b'madwar 3,9 gigatunnellati ta' ekwivalenti ta' CO2 sal-2050 – li huwa madwar 8 % tal-emissjonijiet globali attwali ta' gassijiet b'effett ta' serra;

80.

Jinnota li madwar 60 % tal-metan globali huwa rilaxxat minn sorsi bħall-agrikoltura, mis-siti tal-landfills, mill-faċilitajiet tal-ilma mormi, u mill-produzzjoni u t-trasport bil-pipeline tal-fjuwils fossili; ifakkar li l-metan huwa gass b'effett ta' serra qawwi ħafna, b'potenzjal ta' tisħin globali ta' mitt sena, u huwa 28 darba iktar qawwi mis-CO2; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu legali tagħha li tesplora kemm jista' jkun malajr għażliet ta' politika li jnaqqsu malajr l-emissjonijiet tal-metan bħala parti minn pjan strateġiku tal-UE għall-metan; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi xierqa lill-Parlament u lill-Kunsill għal dak il-għan fl-ewwel nofs tal-mandat tagħha;

81.

Jirrikonoxxi r-rwol pożittiv u sinifikanti li s-settur agrikolu jista' jkollu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jissottolinja l-importanza ta' riforma tal-PAK sabiex il-bdiewa jiġu megħjuna jiżviluppaw u jimplimentaw prattiki agrikoli intelliġenti dwar il-klima bħas-sekwestru tal-karbonju u r-riċiklaġġ tal-emissjonijiet tal-karbonju;

82.

Jissottolinja r-rwol importanti tal-bjar naturali biex tinkiseb newtralità f'termini tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija dettaljata tal-UE għat-titjib sostenibbli tal-bjar naturali skont l-objettiv tal-2050 tan-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jħeġġeġ lill-Istati Membri jkopru dan l-aspett bir-reqqa fl-istrateġiji fit-tul tagħhom kif meħtieġ mill-Artikolu 15(4)b tar-Regolament dwar il-Governanza;

83.

Jirrikonoxxi r-rwol attribwit lill-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) fil-biċċa l-kbira tax-xenarji ta' tisħin globali b'1,5 oC fir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5 oC u fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjaneta Nadifa għal Kulħadd;

84.

Jappoġġja azzjoni ikbar biex jintlaħqu l-miri stabbiliti mill-Istati Membri skont il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija bil-ħsieb li jiġi implimentat CCS fuq skala kummerċjali fis-setturi tal-enerġija u tal-industrija tal-UE u biex jiġi żviluppat qafas regolatorju sod biex jgħin it-tneħħija diretta tas-CO2 mill-atmosfera għall-ħżin sikur sal-2022;

85.

Jiddispjaċih ħafna għall-fatt li s-sussidji fuq il-fjuwils fossili għadhom qed jiżdiedu u jammontaw għal madwar EUR 55 biljun kull sena fl-UE; jistieden b'mod urġenti lill-Istati Membri kollha jintegraw politiki, kalendarji u miżuri konkreti fl-NECPs finali tagħhom sabiex jeliminaw gradwalment is-sussidji kollha diretti u indiretti tal-fjuwils fossili sal-2020 sabiex jissodisfaw l-impenji globali tal-UE u jeħilsu r-riżorsi li jistgħu jintużaw biex tinkiseb soċjetà newtrali mil-lat ta' klima; jistieden lill-Partijiet l-oħrajn kollha jieħdu miżuri simili;

86.

Jilqa' favorevolment id-dħul fis-seħħ tal-Emenda ta' Kigali għall-Protokoll ta' Montreal; jemmen li din għandha tagħti lill-UE momentum ġdid sabiex tirrivedi malajr ir-Regolament dwar il-gassijiet fluworurati biex tindirizza n-nuqqasijiet magħrufa li jheddu l-ambizzjoni tal-UE dwar il-klima, bħall-kummerċ illegali tal-idrofluworokarburi (HFCs) u azzjoni insuffiċjenti kontra l-użu tal-eżafluworur tal-kubrit (SF6);

L-industrija u l-kompetittività

87.

Jemmen li l-prosperità ekonomika, il-kompetittività industrijali, l-iżvilupp sostenibbli u l-politika dwar il-klima għandhom isaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; jenfasizza li l-UE għandha tkun minn ta' quddiem fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet netti żero ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2050, u b'hekk tiżgura vantaġġ kompetittiv għall-industriji tal-UE;

88.

Jenfasizza l-importanza assoluta li jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta' Pariġi filwaqt li fl-istess ħin jinżammu l-impjiegi u bażi industrijali fl-UE, biex in-nies f'dan is-settur jingħataw perspettiva pożittiva u biex id-dinja tara li l-industrija u n-newtralità klimatika mhumiex inkompatibbli; jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-impenn u l-isforzi ta' ħafna atturi industrijali fl-Ewropa biex isiru newtrali f'termini ta' klima u jinkoraġġixxi lil dawk is-setturi jew kumpaniji li għadhom inċerti biex isegwu l-bosta eżempji tajbin;

89.

Jilqa', barra minn hekk, l-isforzi u l-progress li saru s'issa miċ-ċittadini, in-negozji u l-industriji tal-UE biex jissodisfaw l-obbligi tal-Ftehim ta' Pariġi f'konformità mal-Ġabra ta' Regoli ta' Katowice; jinnota, madankollu, li dawn l-isforzi mhumiex biżżejjed biex tinkiseb ekonomija b'emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2050; għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni u l-muniċipalitajiet tagħhom, kif ukoll lin-negozji u lill-industriji, biex jistabbilixxu u jsegwu b'mod attiv ambizzjonijiet ogħla permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew sabiex jindirizzaw l-isfidi klimatiċi u jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet iġġenerati mill-Ftehim ta' Pariġi;

90.

Jenfasizza li qafas legali stabbli u affidabbli u sinjali ċari ta' politika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell globali jiffaċilitaw u jsaħħu l-investimenti relatati mal-klima u jistgħu jikkontribwixxu biex jiġi evitat lock-in tal-karbonju; f'dan ir-rigward, jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni xierqa u f'waqtha tal-leġiżlazzjoni “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha” u jappella għall-iżvilupp ta' strateġija ta' politika industrijali tal-UE fit-tul u ta' liġi tal-UE dwar il-klima, f'konformità mal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi, imfassla biex jiżguraw l-iżvilupp fuq żmien qasir u fit-tul tal-industrija tal-UE, b'mod partikolari billi tappoġġa l-SMEs, tiġġenera impjiegi ta' kwalità u tippermetti t-tranżizzjoni ekoloġika, filwaqt li tiżgura li l-industrija tal-UE tkun kompetittiva fuq skala globali, li l-UE tikseb emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2050 u li ħadd ma jitħalla barra;

91.

Jilqa' l-fatt li diversi pajjiżi li fihom jinsabu l-kompetituri ewlenin tal-industriji intensivi fl-enerġija tal-UE introduċew mekkaniżmi ta' negozjar ta' kwoti tal-karbonju jew mekkaniżmi ta' pprezzar oħrajn; jinkoraġġixxi lil pajjiżi oħrajn jagħmlu bħalhom; jitlob li dawk il-mekkaniżmi jiġu estiżi biex ikopru l-industriji kollha b'użu intensiv tal-enerġija;

92.

Jenfasizza l-importanza li jiżdied l-għadd ta' impjiegi ta' kwalità u ta' ħaddiema b'ħiliet fl-industrija tal-UE sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lit-tranżizzjoni lejn proċessi ta' produzzjoni sostenibbli; jissottolinja l-ħtieġa li r-reġjuni b'użu intensiv ta' faħam u karbonju jiġu assistiti b'sehem għoli ta' ħaddiema f'setturi li jiddependu mill-karbonju, biex isir investiment f'dawk ir-reġjuni u biex jiġu żviluppati programmi ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet sabiex jiġu attirati negozji, start-ups u industriji ġodda u innovattivi bil-għan li tinbena ekonomija reġjonali sostenibbli, filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jibqa' l-art;

93.

Jenfasizza l-fatt li mhux ir-reġjuni kollha qed jibdew fuq l-istess livell fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li mhux ir-reġjuni kollha għandhom l-istess għodod u li l-konsegwenzi huma, għaldaqstant, differenti; jenfasizza, għalhekk, li hija essenzjali li titwettaq tranżizzjoni li tqis il-partikolaritajiet tar-reġjuni, il-popolazzjonijiet u s-setturi l-iktar vulnerabbli;

ll-politika tal-enerġija

94.

Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-enerġija fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra;

95.

Jissottolinja li matul it-tranżizzjoni tal-enerġija sostenibbli, il-problema tal-faqar enerġetiku jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod determinat permezz tat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-enerġija, billi tingħata informazzjoni aħjar lill-konsumaturi, jissaħħu l-miżuri għall-effiċjenza enerġetika fil-binjiet, speċjalment għall-unitajiet domestiċi bi dħul baxx, u billi l-kwistjoni tiġi indirizzata fil-politiki soċjali;

96.

Jenfasizza l-importanza tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, is-sigurtà tal-enerġija u t-tnaqqis tal-faqar enerġetiku;

97.

Jissottolinja li s-setturi kollha jeħtieġ li jaħdmu flimkien b'mod effettiv sabiex jiddekarbonizzaw l-ekonomija tal-UE u jilħqu livell ta' emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra; jenfasizza li l-pajjiżi għandhom ikunu flessibbli dwar kif jiddekarbonizzaw l-ekonomiji tagħhom biex jagħmluha iktar faċli li jittaffew il-kosti soċjali assoċjati mat-tranżizzjoni u li jirbħu l-aċċettazzjoni soċjali u l-appoġġ;

98.

Iqis li l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq intern tal-enerġija tal-UE se taqdi rwol essenzjali, b'mod partikolari fl-ilħuq ta' ekonomija b'emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra;

99.

Ifakkar li l-prijoritizzazzjoni tal-effiċjenza enerġetika, b'mod partikolari permezz tal-prinċipju ta' prevalenza tal-effiċjenza enerġetika, u t-tmexxija globali fl-enerġija rinnovabbli, huma tnejn mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE; jissottolinja li l-mira tal-UE għall-enerġija rinnovabbli sal-2030 ġiet stabbilita għal 32 % jew iktar u l-mira tal-effiċjenza enerġetika tagħha għal 32,5 % jew iktar; jenfasizza li dawn il-miri – għalkemm iwasslu għal tnaqqis ikbar fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra minn dak li kien previst qabel – mhumiex konformi mat-tnaqqis ta' 50 % sa 55 % propost mill-President-elett il-ġdid tal-Kummissjoni jew mal-għan li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5oC; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiddeterminaw l-isforzi addizzjonali meħtieġa biex tingħata spinta lill-enerġija rinnovabbli u lill-effiċjenza enerġetika skont il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jitlob li ssir promozzjoni globali tal-miżuri ta' effiċjenza enerġetika u li jsir użu f'waqtu tal-enerġija rinnovabbli;

100.

Jilqa' s-sehem dejjem jiżdied tal-enerġija rinnovabbli fil-provvista tal-enerġija globali, speċjalment fis-settur tal-produzzjoni tal-elettriku; jinsab imħasseb dwar il-fatt li r-rata tal-adozzjoni tal-enerġija rinnovabbli għat-tisħin, it-tkessiħ u t-trasport, speċjalment fis-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu, miexja bil-mod; jinsab imħasseb ħafna dwar it-tnaqqis (mill-2014 'il hawn) fir-rata tal-espansjoni tas-sehem ġenerali tas-suq tal-enerġija rinnovabbli fl-UE, sitwazzjoni li qed tipperikola l-ilħuq tal-miri tal-UE rigward l-enerġija u l-klima; jenfasizza li sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' sostenibbiltà fit-tul, is-setturi kollha jridu jżidu l-użu tagħhom tal-enerġija rinnovabbli;

Ir-riċerka, l-innovazzjoni, it-teknoloġiji diġitali u l-politika spazjali

101.

Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li għandhom ix-xjenza u l-innovazzjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza biex il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tkun suċċess u biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-ftehim ta' Pariġi u biex jitwettaq għalkollox kwalunkwe programm ieħor ambizzjuż fil-qasam tal-klima; jenfasizza l-ħtieġa ta' tmexxija min-naħa tal-UE kemm fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima kif ukoll fil-promozzjoni tal-progress teknoloġiku favur żvilupp li jkun reżiljenti għat-tibdil fil-klima;

102.

Jenfasizza l-importanza tat-tkomplija u t-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-politiki ta' adattament, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, it-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u mingħajr emissjonijiet, l-użu sostenibbli tal-materja prima sekondarja (“ekonomija ċirkolari”) u l-ġbir ta' data dwar it-tibdil fil-klima biex dan il-fenomenu jiġi miġġieled; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-finanzjament għal proġetti tal-enerġija sostenibbli taħt il-programm il-ġdid Orizzont Ewropa fid-dawl tal-impenji tal-UE fi ħdan l-Unjoni tal-Enerġija u dawk meħuda fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi;

103.

Ifakkar li r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività huma wieħed mill-ħames pilastri tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE; ifakkar, għalhekk, fir-rwol fundamentali li r-riċerkaturi jwettqu fil-ġlieda kontra t-tisħin globali u jissottolinja kemm hi importanti l-kooperazzjoni xjentifika mill-qrib bejn is-sħab internazzjonali f'dan ir-rigward;

104.

Ifakkar fir-rwol fundamentali li jaqdu t-teknoloġiji diġitali fl-appoġġ għat-tranżizzjoni tal-enerġija u industrijali, b'mod partikolari fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika u fl-iffrankar u t-tnaqqis tal-emissjonijiet; jenfasizza l-benefiċċji klimatiċi li d-diġitalizzazzjoni tal-industriji Ewropej tista' ġġib permezz tal-użu iktar effiċjenti tar-riżorsi, inkluż ir-riċiklaġġ u t-tnaqqis tal-intensità tal-materjali; jiġbed l-attenjoni għall-benefiċċji klimatiċi li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni sħiħa tan-netwerks ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni u taċ-ċentri ta' kummerċ tal-enerġija, u tal-programmi ta' domanda u rispons ġestiti permezz ta' applikazzjonijiet ta' softwer;

105.

Jirrikonoxxi r-rwol tal-Programm Spazjali l-ġdid tal-UE fl-appoġġ mogħti lill-ġlieda tal-UE kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu; ifakkar fir-rwol kruċjali li kellhom is-servizzi tad-data u tal-informazzjoni ta' Copernicus, is-sistema Ewropea ta' osservazzjoni tad-dinja, fil-monitoraġġ tad-dinja; jenfasizza l-importanza ta' Copernicus fl-iffaċilitar tal-koordinazzjoni internazzjonali tas-sistemi ta' osservazzjoni u fl-iskambji relatati tad-data;

It-tibdil fil-klima u l-iżvilupp

106.

Ifakkar li skont ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem tal-25 ta' Ġunju 2019 dwar it-tibdil fil-klima u l-faqar, “climate change threatens to undo the last 50 years of progress in development, global health and poverty reduction” (“it-tibdil fil-klima jhedded li jħassar l-aħħar 50 sena ta' progress fl-iżvilupp, is-saħħa globali u t-tnaqqis tal-faqar”) u huwa stmat li “developing countries will bear 75-80 % of the costs of climate change” (“l-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jġarrbu minn 75 % sa 80 % tal-kosti tat-tibdil fil-klima”);

107.

Jenfasizza li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma l-iktar vulnerabbli u esposti għat-tibdil fil-klima u huma inqas mgħammra biex jirreżistu l-impatti dejjem iktar devastanti tagħhom, inklużi l-kriżijiet tal-ikel u tal-ilma, il-qerda fiżika kkawżata mid-diżastri naturali, l-ispostament u t-tensjonijiet li qed jikbru fuq l-iskarsezza tar-riżorsi; ifakkar li t-tibdil fil-klima għandu konsegwenzi drammatiċi fuq l-iżvilupp ekonomiku fit-tul tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari tal-pajjiżi l-anqas żviluppati;

108.

Jiġbed l-attenzjoni għall-eżempju taċ-ċikluni tropikali Idai u Kenneth – fejn dan tal-aħħar kien iċ-ċiklun l-iktar b'saħħtu li qatt laqat lill-kontinent Afrikan – li ħallew ħerba fil-Comoros, fil-Malawi, fil-Mozambique u fiż-Żimbabwe fl-ewwel nofs tal-2019, u li ħallew lil ħafna nies mejta u iktar minn żewġ miljun ruħ fi bżonn immedjat ta' għajnuna umanitarja, li l-ispiża tagħha telgħet għas-somma ta' kważi USD 400 miljun, li l-parti l-kbira tagħha tħallset mill-UE, u l-ispiża tar-rikostruzzjoni ġiet stmata għal USD 3 biljun;

109.

Jirrimarka li r-reżiljenza tal-infrastruttura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw se tkun kruċjali għall-kapaċità tagħhom li jadattaw għat-tibdil fil-klima; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jitħeġġeġ l-investiment f'infrastruttura reżiljenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ikunu jistgħu jifilħu għaż-żieda fis-severità tad-diżastri naturali;

110.

Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li mill-inqas 45 % tal-finanzjament mill-Strument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) propost għall-2021-2027 għandu jappoġġa l-objettivi dwar il-klima u l-ambjent;

111.

Jinsisti fuq approċċ konġunt għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030, kemm fil-politiki interni kif ukoll f'dawk esterni u bl-ikbar attenzjoni għall-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, b'mod partikolari f'dawk li huma żvilupp, kummerċ, agrikoltura, enerġija u klima;

112.

Jenfasizza l-interdipendenza tal-klima, tal-ekonomija u tas-soċjetà; jissottolinja, b'mod partikolari, l-effetti diretti li t-tibdil fil-klima għandu fuq il-komunitajiet indiġeni u t-theddida eżistenzjali akuta li ħafna minnhom, inklużi l-komunitajiet mhux ikkuntattjati, jiffaċċjaw; jenfasizza li skont l-IPCC, l-għarfien indiġenu u tradizzjonali huwa riżorsa ewlenija għall-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima, mhux l-inqas minħabba li madwar 80 % tal-bijodiversità li fadal fid-dinja tinsab fit-territorji tal-popli indiġeni; jinsab ixxukkjat bil-qtil reċenti tal-mexxej indiġenu Emrya Wajãpi fit-Tramuntana tal-Brażil u jilqa' d-dikjarazzjoni li saret mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-29 ta' Lulju 2019 li fiha ħeġġeġ “lill-Gvern tal-Brażil biex iwaqqaf l-invażjoni tat-territorji indiġeni u jiżgura l-eżerċizzju paċifiku tad-drittijiet kollettivi tagħhom għall-art tagħhom”, b'konformità mal-Konvenzjoni 169 tal-ILO;

113.

Jistieden lill-pajjiżi żviluppati, inklużi l-Istati Membri tal-UE, iżidu l-appoġġ tagħhom għall-qsim tal-għarfien, il-bini tal-kapaċità u t-trasferiment tat-teknoloġija lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u b'hekk jonoraw l-Artikoli 9 sa 11 tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Artikoli 49, 116 u 120 tal-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-finanzjament għall-iżvilupp, u fl-istess ħin iwettqu wkoll l-impenji tagħhom fir-rigward tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 17, inklużi l-miri 17.6 sa 17.8; għal dan il-għan, jenfasizza l-potenzjal pożittiv taż-żieda fl-investiment tal-UE fi proġetti ta' riċerka xjentifika promettenti; jitlob, barra minn hekk, li l-UE tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' dikjarazzjoni komparabbli mad-Dikjarazzjoni ta' Doha tal-2001 dwar il-Ftehim TRIPS u s-saħħa pubblika, sabiex jiġi promoss it-trasferiment legali ta' teknoloġija li ma tagħmilx ħsara lill-klima lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

114.

Jiġbed l-attenzjoni lejn kemm l-investiment u t-tkabbir privat għandhom importanza kruċjali għat-tranżizzjoni lejn infrastruttura u metodi ta' produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-klima; jenfasizza l-ħtieġa li l-kontribut ta' tali investiment għall-azzjoni klimatika u biex jintlaħqu l-SDGs jiġi massimizzat, inkluż permezz ta' inċentivi u permezz tal-promozzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-privati; iqis li l-Pjan ta' Investiment Estern huwa għodda essenzjali f'dan ir-rigward; jenfasizza, barra minn hekk, li hemm bżonn ta' żvilupp u ta' tkabbir inklużivi u sostenibbli biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jieħdu sehem fit-tranżizzjoni klimatika, inter alia permezz ta' strateġiji ta' innovazzjoni u avvanz teknoloġiku; jinsab konvint li l-UE għandha tippromwovi malajr finanzjament privat responsabbli u sostenibbli, b'mod partikolari rigward l-obbligi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-kontribuzzjonijiet għall-ekonomiji nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iżda jwissi kontra d-dipendenza żejda fuq sforzi volontarji tas-settur privat;

115.

Jieħu nota tal-interess dejjem ikbar fl-iżvilupp ta' standards għal investiment favur il-klima u sostenibbli u jtenni t-tħassib tiegħu li l-proliferazzjoni tal-inizjattivi tas-settur privat jirrendi diffiċli l-paragun u l-verifika; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni u mill-komunità internazzjonali biex jappoġġaw l-investiment fl-azzjoni klimatika, kif ukoll id-djalogu politiku dwarha, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħall-Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima Plus (GCCA +) u l-Fond Ekoloġiku għall-Klima; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom iktar f'fora internazzjonali, bil-ħsieb li jippromwovu l-effiċjenza u l-ġustizzja fl-investiment tal-azzjoni klimatika;

Id-diplomazija dwar il-klima

116.

Jappoġġa bis-saħħa t-tkomplija u t-tisħiħ ulterjuri tal-komunikazzjoni tal-politika tal-UE u tad-diplomazija tagħha dwar il-klima, peress li dan huwa essenzjali biex tiġi mobilizzata l-azzjoni dwar il-klima fil-pajjiżi sħab u fl-opinjoni pubblika globali; iqis, madankollu, li jidher ċar li l-isforzi li saru ma kinux adegwati u li r-riżorsi umani allokati mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għadhom 'il bogħod milli jkunu biżżejjed; jipproponi, għalhekk, żieda drastika fir-riżorsi umani f'dan il-qasam; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri javviċinaw id-diplomazija tal-UE dwar il-klima b'mod olistiku billi joħolqu rabtiet bejn it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli, l-agrikoltura, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-migrazzjoni u tħassib umanitarju sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni globali lejn emissjonijiet netti żero, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel u tal-ilma;

117.

Jenfasizza l-implikazzjonijiet intensifikati tat-tibdil fil-klima għas-sigurtà internazzjonali u għall-istabbiltà reġjonali li jirriżultaw mid-degradazzjoni ambjentali, mit-telf tal-mezzi ta' għajxien, mill-ispostament ta' persuni minħabba l-klima u minn forom assoċjati ta' taqlib fejn it-tibdil fil-klima jista' sikwit jitqies bħala multiplikatur tat-theddid; iħeġġeġ, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu mas-sħab tagħhom madwar id-dinja biex jifhmu aħjar, jintegraw, jantiċipaw u jimmaniġġjaw l-effetti destabbilizzanti tat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' programm ta' twissija bikrija għall-punti kritiċi potenzjali ewlenin, li jistgħu jikkompromettu l-istrutturi u l-ekosistemi sostenibbli f'reġjuni jew f'kontinenti ikbar;

118.

Jilqa' l-impenn għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-passi konkreti meħuda għal dan il-għan f'ħafna partijiet tad-dinja, pereżempju l-impenji ambizzjużi ħafna ta' bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw u stati gżejjer żgħar; jiddispjaċih, madankollu, minħabba n-nuqqas ta' ambizzjoni u n-nuqqas ta' dibattitu dwar iż-żieda fil-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) f'ħafna ekonomiji ewlenin; ifakkar li l-UE hija responsabbli għal 9 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra filwaqt li fiha jgħammru biss 6,7 % tal-popolazzjoni dinjija, u dan jagħmilha assolutament kruċjali li l-UE turi ambizzjoni ikbar, speċjalment minħabba r-responsabbiltà storika tagħha għat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li tkun ta' eżempju tajjeb għall-bqija tad-dinja; jenfasizza li se jkun impossibbli li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u li jiġu evitati l-punti kritiċi jekk ekonomiji ewlenin oħra ma jsegwux b'ambizzjoni ikbar;

119.

Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza minnufih il-possibbiltà li tieħu passi addizzjonali biex tinkoraġġixxi ekonomiji ewlenin oħra jżidu l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali tagħhom, jimplimentaw miżuri konkreti addizzjonali u jikkunsidraw approċċi innovattivi;

120.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-istrumenti disponibbli kollha (eż. negozjati internazzjonali, ftehimiet kummerċjali u reġjonali, sħubijiet internazzjonali) biex jippromwovu u jrawmu l-kooperazzjoni fit-tranżizzjoni globali lejn l-emissjonijiet netti żero, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel u tal-ilma;

121.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-ambizzjoni dwar il-klima tiġi integrata fil-politiki kollha tal-UE, inkluż fil-politika kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment ġodda kollha ffirmati mill-UE jkunu kompatibbli għalkollox mal-Ftehim ta' Pariġi u li d-dispożizzjonijiet ambjentali u dawk dwar il-klima jkunu legalment vinkolanti u infurzabbli; jitlob lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika valutazzjoni komprensiva ta' kemm il-ftehimiet eżistenti u futuri huma konsistenti mal-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe ftehim kummerċjali jkun fih dispożizzjonijiet vinkolanti rigward il-konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, inklużi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ġestjoni u l-preservazzjoni sostenibbli tal-foresti; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali liċ-ċiklu tal-ħajja tal-oġġetti nnegozjati mill-konċepiment sal-konsum, biex tipproteġi r-riżorsi naturali u tqis l-impatti akkumulati, inkluż fuq it-trasport;

122.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkorporaw il-Ftehim ta' Pariġi fil-ftehimiet kummerċjali sabiex jinċentivaw lis-sħab kummerċjali biex jilħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrevedu l-ftehimiet kummerċjali sabiex jinkorporaw obbligi klimatiċi ambizzjużi f'dawn il-ftehimiet bilaterali u b'hekk jinċentivaw lis-sħab biex jadottaw strateġiji klimatiċi skont il-Ftehim ta' Pariġi;

123.

Jilqa' b'sodisfazzjon kbir it-tħabbira tar-Russja li se timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi;

124.

Jirrikonoxxi kemm għandha importanza kritika s-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-Ftehim ta' Pariġi u ta' strateġiji ambizzjużi oħra. itenni d-dispjaċir tiegħu, għalhekk, meta l-President tal-Istati Uniti Donald Trump ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jirtira l-Istati Uniti mill-Ftehim ta' Pariġi; jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-mobilizzazzjoni li għadha għaddejja favur l-azzjoni dwar il-klima mmexxija minn Stati, bliet, universitajiet u atturi mhux statali ewlenin oħra fl-Istati Uniti bil-kampanja “We Are Still In” (“Aħna Nkomplu bl-Appoġġ Tagħna”); jesprimi t-tama li l-Istati Uniti jerġgħu għal darba oħra jingħaqdu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, fi sħubija mal-UE, ikunu minn ta' quddiem nett tan-negozjati għal ftehimiet dinjija dwar il-kummerċ, l-industrija u l-enerġija, b'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

125.

Jiddeplora bil-qawwa r-reazzjoni medjokri tal-President Brażiljan Jair Bolsonaro u tal-Gvern Brażiljan għall-għadd u l-iskala bla preċedent ta' nirien fil-foresti fl-Amażonja Brażiljana; jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħmlu ħilithom kollha, permezz tal-kooperazzjoni u l-assistenza internazzjonali, biex jiġġieldu lid-devastazzjoni ambjentali tal-Amażonja u ta' żoni oħra fundamentali fl-ekosistema globali u jqisu r-rwol li jista' jkollhom il-politiki kummerċjali tagħhom stess;

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

126.

Jemmen li, billi l-Parlament Ewropew irid jagħti l-kunsens tiegħu għall-ftehimiet internazzjonali u billi huwa jaqdi rwol ċentrali fl-implimentazzjoni interna tal-Ftehim ta' Pariġi bħala koleġiżlatur, jeħtieġ li huwa jifforma parti integrali mid-delegazzjoni tal-UE; jistenna, għalhekk, li jitħalla jattendi l-laqgħat ta' koordinament tal-UE fil-COP25 (il-25 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima) f'Madrid u li jkollu garanzija ta' aċċess għad-dokumenti preparatorji kollha mill-mument li fih jinfetħu n-negozjati;

o

o o

127.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC, u jitlob li r-riżoluzzjoni tiġi ċċirkolata lill-Partijiet kollha għal dik il-konvenzjoni li mhumiex membri tal-UE.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2018)0430.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2019)0217.

(3)  ĠU C 356, 4.10.2018, p. 38.

(4)  Burke, M. et al., “Global non-linear effect of temperature on economic production”, Nature, Vol 527, pp. 235-239.

(5)  Il-Programm Ambjentali tan-NU, “Emissions Gap Report 2018” (Rapport dwar id-diskrepanza fl-emissjonijiet għall-2018), p. 21.


Top