Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IP0078(01)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (2019/2930(RSP))

    ĠU C 232, 16.6.2021, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.6.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 232/28


    P9_TA(2019)0078

    Emerġenza klimatika u ambjentali

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (2019/2930(RSP))

    (2021/C 232/06)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,

    wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

    wara li kkunsidra l-aktar evidenza xjentifika reċenti u komprensiva dwar l-effetti ta' ħsara tat-tibdil fil-klima li tinsab fir-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titlu “It-Tisħin Globali ta' 1,5 °C”, il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sintesi tiegħu, kif ukoll ir-rapport speċjali tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u r-rapport speċjali tiegħu dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel,

    wara li kkunsidra t-theddida qawwija li ġejja mit-telf tal-bijodiversità kif deskritta fis-sintesi għal dawk li jfasslu l-politika tar-rapport ta' valutazzjoni globali dwar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema tad-29 ta' Mejju 2019,

    wara li kkunsidra l-25 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP25) li se ssir f'Madrid, Spanja mit-2 sat-13 ta' Diċembru 2019,

    wara li kkunsidra s-26 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC li se ssir f'Diċembru 2020 u l-fatt li l-Partijiet kollha għall-UNFCCC jeħtieġu jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom stabbiliti fil-livell nazzjonali bi qbil mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi,

    wara li kkunsidra l-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP15) li se ssir f'Kunming, iċ-Ċina, f'Ottubru 2020, fejn il-Partijiet jeħtieġ jiddeċiedu fuq il-qafas globali ta' wara l-2020 biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar it-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2019 f'Madrid, Spanja (COP25) (2),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi huwa kruċjali li tittieħed azzjoni immedjata u ambizzjuża li tillimita t-tisħin globali għal 1,5 °C u tipprevjeni t-telf tal-massa tal-bijodiversità;

    B.

    billi din l-azzjoni trid tkun ibbażata fuq ix-xjenza u trid tinkludi ċ-ċittadini u s-setturi kollha tas-soċjetà u tal-ekonomija, inkluża l-industrija, b'mod soċjalment ibbilanċjat u sostenibbli; billi trid tappoġġja l-kompetittività tal-ekonomiji tagħna u tiġi akkumpanjata minn miżuri soċjali u inklużivi qawwija biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta u ekwa li ssostni l-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li jiġi rispettat il-bżonn ta' standard ta' benesseri għoli u ta' impjiegi u taħriġ ta' kwalità għolja;

    C.

    billi l-ebda emerġenza ma għandha tintuża biex tnawwar l-istituzzjonijiet demokratiċi jew biex timmina d-drittijiet fundamentali; billi l-miżuri kollha dejjem jiġu adottati permezz ta' proċess demokratiku;

    1.

    Jiddikjara emerġenza klimatika u ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-atturi globali kollha sabiex, b'mod urġenti jieħdu l-azzjoni konkreta meħtieġa sabiex jiġġieldu din it-theddida u jrażżnuha qabel ma jkun tard wisq, u jiddikjara l-impenn tiegħu favur dan il-għan;

    2.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni l-ġdida tivvaluta bis-sħiħ l-impatt klimatiku u ambjentali tal-proposti leġiżlattivi u baġitarji rilevanti kollha, u tiżgura li dawn ikunu allinjati bis-sħiħ mal-għan li t-tisħin globali jinżamm taħt il-1,5 oC u li ma jkunux qed jikkontribwixxu għat-telf tal-bijodiversità;

    3.

    Jirrikonoxxi r-responsabbiltà istituzzjonali tiegħu li jnaqqas il-marka tal-karbonju tiegħu; jipproponi li jadotta l-miżuri proprji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, inkluż bit-tibdil tal-vetturi tal-flotta tiegħu b'vetturi b'emissjonijiet żero, u jistieden lill-Istati Membri kollha jaqblu fuq sede unika għall-Parlament Ewropew;

    4.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni l-ġdida tindirizza l-inkonsistenzi tal-politiki attwali tal-Unjoni dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali, b'mod partikolari permezz ta' riforma estensiva tal-politiki tagħha dwar l-agrikoltura, il-kummerċ, it-trasport, l-enerġija u l-investiment fl-infrastruttura;

    5.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  Testi adottati, P8_TA(2019)0217.

    (2)  Testi adottati, P9_TA(2019)0079.


    Top