Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 52019IP0219

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2019/2615(RSP))

    ĠU C 23, 21.1.2021, p. 126/129 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.1.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 23/126


    P8_TA(2019)0219

    Is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2019/2615(RSP))

    (2021/C 23/21)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Diċembru 2008 (1), tas-26 ta' Novembru 2009 (2), tas-16 ta' Frar 2017 (3) u tal-31 ta' Mejju 2018 (4),

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali tal-2012,

    wara li kkunsidra d-dokument ta' strateġija għall-pajjiż tal-UE u l-programm indikattiv pluriennali 2014-2020 dwar in-Nikaragwa,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004,

    wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar in-Nikaragwa tal-21 ta' Jannar 2019,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa tat-2 ta' Ottubru 2018, tal-15 ta' Mejju 2018, tat-22 ta' April 2018 u tal-15 ta' Diċembru 2018, kif ukoll dik tal-1 ta' Marzu 2019 dwar l-issoktar tad-djalogu nazzjonali,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-2019, adottati fit-18 ta' Frar 2019,

    wara li kkunsidra r-rapport approvat mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-21 ta' Ġunju 2018 intitolat “Gross Human Rights Violations in the Context of Social Protests in Nicaragua” (Vjolazzjonijiet Goffi tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kuntest ta' Protesti Soċjali fin-Nikaragwa),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-vjolazzjonijiet u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest ta' protesti fin-Nikaragwa, mit-18 ta' April sat-18 ta' Awwissu 2018,

    wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp Interdixxiplinari ta' Esperti Indipendenti (GIEI) tal-20 ta' Diċembru 2018 dwar il-ġrajjiet vjolenti li seħħew fin-Nikaragwa bejn it-18 ta' April u t-30 ta' Mejju 2018,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet tat-22 ta' Frar 2019 dwar il-kriminalizzazzjoni tad-dissens fin-Nikaragwa,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-kriżi fin-Nikaragwa fil-31 ta' Mejju 2018, li fiha kkundanna s-sitwazzjoni bil-qawwa; billi, bħala segwitu għal din ir-riżoluzzjoni, delegazzjoni ta' ħdax-il MPE żaret il-pajjiż mit-23 sas-26 ta' Jannar 2019 biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-post;

    B.

    billi d-delegazzjoni setgħet issegwi l-programm tagħha stess, u l-Gvern tan-Nikaragwa ta aċċess għall-faċilitajiet kollha mitluba mill-MPE, inklużi żewġ ħabsijiet; billi l-gvern tan-Nikaragwa ta garanziji li ma kienet se ssir ebda ritaljazzjoni kontra dawk li ddenunzjaw is-sitwazzjoni kurrenti; billi d-delegazzjoni rat b'għajnejha l-kampanja ta' fastidju, tiċpis u intimidazzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li magħhom kellha skambju ta' fehmiet; billi ħafna organizzazzjonijiet irrifjutaw stediniet biex jiltaqgħu mad-delegazzjoni, minħabba intimidazzjoni u theddid min-naħa tal-gvern; billi r-repressjoni kompliet titqawwa mindu d-delegazzjoni żaret il-pajjiż;

    C.

    billi d-delegazzjoni ċaħdet pubblikament il-pożizzjoni uffiċjali tal-gvern li huwa kien safa vittma ta' kolp ta' stat u ta' kampanji ta' diżinformazzjoni mmexxija mill-Istati Uniti; billi r-raġuni ewlenija li kebbset id-dimostrazzjonijiet kienet il-kriżi demokratika, istituzzjonali u politika profonda li affettwat l-istat tad-dritt u rrestrinġiet libertajiet bażiċi, bħal-libertà ta' assoċjazzjoni, dik ta' dimostrazzjoni u dik ta' għaqda, fil-pajjiż tul l-aħħar għaxar snin;

    D.

    billi l-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' dimostrazzjoni, inkluż l-użu tal-innu nazzjonali, qed tiġi ristretta serjament għal ħafna nies; billi għadd sinifikanti ta' priġunieri politiċi qed jinżammu l-ħabs sempliċiment għax ikunu eżerċitaw drittijiethom; billi kien hemm diversi rapporti inkwetanti rigward is-sitwazzjoni tad-detenuti, li sejra għall-agħar u li tinkludi trattament inuman;

    E.

    billi proċedimenti ġudizzjarji kontra dawk id-detenuti jmorru kontra l-istandards internazzjonali, b'mod partikolari l-garanziji proċedurali u kriminali tad-dritt għal proċess ġust; billi l-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet jonqsu wkoll milli jissodisfaw standards internazzjonali b'mod adegwat; billi hemm nuqqas ċar ta' separazzjoni tas-setgħat fin-Nikaragwa;

    F.

    billi d-dritt għall-informazzjoni jinsab f'periklu serju; billi l-ġurnalisti qed jiġu detenuti, eżiljati u mhedda; billi stabbilimenti tal-media awdjoviżiva qed jingħalqu jew qed isiru fihom tiftixiet mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel; billi l-pubblikazzjoni tal-gazzetti hija fil-periklu minħabba n-nuqqas ta' karta u ta' linka, li ġew sekwestrati mill-Gvern tan-Nikaragwa;

    G.

    billi l-Gvern tan-Nikaragwa keċċa mill-pajjiż organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-GIEI u l-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI) li ħadmu għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt u għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali; billi r-repressjoni kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili intensifikat permezz tat-tneħħija tal-istatus legali tagħhom f'pajjiż b'qafas istituzzjonali xejn tajjeb, hekk li l-vittmi tar-repressjoni sfaw ikkastigati doppjament;

    H.

    billi l-libertà akkademika qed tiġi mhedda wkoll; billi kważi 200 student universitarju tkeċċew mill-universitajiet talli ħadu sehem f'dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija, aktar libertà u drittijiet tal-bniedem;

    I.

    billi l-iżvilupp u l-konsolidament tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali tal-2012; billi dan il-ftehim jinkludi klawżola demokratika, li hija element essenzjali tal-ftehim;

    J.

    billi d-djalogu nazzjonali varat fis-16 ta' Mejju 2018 bejn il-President Ortega u l-oppożizzjoni u l-gruppi ċiviċi tan-Nikaragwa, bil-medjazzjoni tal-Knisja Kattolika, naqas milli jsib soluzzjoni għall-kriżi; billi, fis-27 ta' Frar 2019, reġgħu ssoktaw taħditiet esploratorji għal djalogu nazzjonali bejn il-Gvern tan-Nikaragwa u l-Alianza Civica; billi l-Alianza Civica stabbiliet it-tliet objettivi ewlenin tagħha li għandhom jintlaħqu matul in-negozjati kif ġej: il-ħelsien ta' priġunieri politiċi u r-rispett tal-libertajiet individwali, u r-riformi elettorali meħtieġa, li jridu jilħqu l-qofol tagħhom fiż-żamma ta' elezzjonijiet, u l-ġustizzja; billi l-Gvern tan-Nikaragwa ħeles 100 priġunier politiku, filwaqt li aċċetta li s-sentenzi ta' ħabs tagħhom jinbidlu f'arrest domiċiljari; billi l-biċċa l-kbira minnhom qed jiġu ffastidjati, u billi l-arresti għadhom isiru; billi għadd kbir ta' priġunieri (aktar minn 600) għadhom il-ħabs; billi djalogu nazzjonali waqaf fl-10 ta' Marzu 2019, wara li l-Alianza Civica rtirat min-negozjati;

    1.

    Jissottolinja li n-Nikaragwa qed tbati minn ksur serju tad-demokrazija, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt bħala riżultat tal-ġrajjiet li seħħew f'April u f'Mejju 2018; jerġa' jisħaq fuq l-importanza tar-riżoluzzjoni tiegħu adottata fil-31 ta' Mejju 2018;

    2.

    Jikkundanna l-azzjonijiet repressivi kollha tal-Gvern tan-Nikaragwa; jistqarr li ż-żjara tad-delegazzjoni tiegħu serviet biex tiġi stabbilita stampa vera tas-sitwazzjoni kurrenti; jistqarr ukoll li, f'dawn l-aħħar xhur, u b'mod partikolari wara ż-żjara tiegħu, ir-repressjoni tal-oppożizzjoni u l-limitazzjonijiet imposti fuq il-libertajiet fundamentali kibru; f'dan ir-rigward, jikkundanna r-repressjoni ġeneralizzata u r-restrizzjoni tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' dimostrazzjoni, il-projbizzjoni ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, it-tkeċċija ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mill-pajjiż, l-għeluq ta' stabbilimenti tal-media u l-attakki kontrihom, il-limitazzjonijiet fuq id-dritt għall-informazzjoni, it-tkeċċija ta' studenti mill-universitajiet, kif ukoll id-deterjorament tas-sitwazzjoni fil-ħabsijiet u l-użu ta' trattament inuman;

    3.

    Iqis li tali azzjonijiet mill-Gvern, mill-istituzzjonijiet u mill-organizzazzjonijiet parapolitiċi tiegħu jikkorrispondu għal strateġija ppjanata biex teqred l-oppożizzjoni politika li kienet mexxiet il-protesti s-sena li għaddiet; jemmen li din l-istrateġija qed titħaddem b'mod metodiku, sistematiku u selettiv kontra l-mexxejja kollha, l-NGOs, il-media u l-movimenti soċjali li jfittxu li jesprimu t-talbiet leġittimi tagħhom għal libertà u demokrazija;

    4.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riskji demokratiċi, politiċi u ekonomiċi enormi li n-nies u l-pajjiż qed jiffaċċjaw, u li sejrin jikbru jekk ma titteħidx azzjoni urġenti, fil-qies tal-konfrontazzjonijiet interni, tal-firda soċjali u tal-majnar ekonomiku tal-lum; jitlob b'urġenza li jsir djalogu intern sinifikanti bil-għan li tinsab soluzzjoni sostenibbli u paċifika li tippermetti lill-atturi kollha tas-soċjetà jkollhom spazju biex joperaw u jesprimu ruħhom b'mod ħieles, u li troddilhom id-drittijiet ċivili tagħhom, bħad-dritt għall-protesta paċifika; itenni li kwalunkwe soluzzjoni għandha tobbliga lil dawk kollha responsabbli għall-vjolazzjonijiet jagħtu kont ta' għemilhom; jitlob lill-partiti politiċi, lill-movimenti soċjali, lill-mexxejja, lill-istudenti u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha biex iżommu u jtennu l-impenn sod tagħhom favur mezzi paċifiċi għar-riżoluzzjoni tal-kriżi; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u tal-liġi elettorali, u jitlob li l-VP/RGħ taġixxi b'mod konsegwenti; jitlob li l-VP/RGħ u d-Delegazzjoni tal-UE jissorveljaw mill-qrib in-negozjati li qed isiru fil-pajjiż bejn il-gvern u l-Alianza Civica, u jibqgħu jindirizzaw il-problemi umani li jirriżultaw mis-sitwazzjoni li nħolqot fil-pajjiż fir-rigward tal-priġunieri, tal-istudenti, tad-dimostranti, tal-ġurnalisti, eċċ.;

    5.

    Jiddeplora s-sospensjoni tal-MESENI u t-tmiem tal-mandat tal-GIEI tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni, l-arrest u l-intimidazzjoni ta' persuni li jikkooperaw man-NU u ma' korpi internazzjonali oħra;

    6.

    Jitlob li l-Gvern tan-Nikaragwa jimplimenta tliet miżuri urġenti bħala sinjal tar-rieda tajba tiegħu fid-djalogu li għaddej: il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi, il-waqfien immedjat tal-forom kollha ta' repressjoni kontra ċittadini tan-Nikaragwa, inklużi l-fastidju, l-intimidazzjoni, l-ispjunaġġ u l-persekuzzjoni ta' mexxejja tal-oppożizzjoni, u l-eliminazzjoni sussegwenti tar-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertajiet imsemmija qabel, u r-restituzzjoni tal-personalità ġuridika u tal-beni tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u r-ritorn tal-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-pajjiż;

    7.

    Jirrimarka li, f'dawn il-kundizzjonijiet, il-proċess irid iwassal għall-kanċellament ta' proċeduri legali kontra l-priġunieri politiċi u għal garanziji rigward l-integrità fiżika u morali tagħhom, il-privatezza tagħhom u proċess legali ġust, ir-ritorn ta' dawk li sfaw eżiljati, inklużi ġurnalisti u studenti, id-demilitarizzazzjoni tat-toroq u d-diżarm tal-gruppi paramilitari, u l-istabbiliment ta' pjan direzzjonali ċar għal elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti li għandhom jiġu organizzati fil-futur qrib, bil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali;

    8.

    Jitlob l-estradizzjoni immedjata lejn l-Italja ta' Alessio Casimira, li llum jgħix f'Managua protett mill-Gvern tan-Nikaragwa, u li kien ġie kkundannat fl-Italja b'mod definittiv b'sitt sentenzi ta' għomru l-ħabs għall-ħtif ta' Aldo Moro, ex President tad-Demokratiċi Kristjani, kif ukoll ex President tal-Kunsill tal-Ministri u tal-Kunsill Ewropew, u għall-qtil ta' uffiċjali tal-iskorta tiegħu, fis-16 ta' Marzu 1978 f'Ruma;

    9.

    Jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istati Membri jimplimentaw, mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-popolazzjoni domestika, proċess gradwali ta' sanzjonijiet imfassla apposta u individwali, bħal projbizzjonijiet ta' viża u ffriżar tal-assi, kontra l-Gvern tan-Nikaragwa u kontra dawk l-individwi responsabbli għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2019, sakemm ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jerġgħu jintraddu u jitħarsu bis-sħiħ fil-pajjiż, kif intalab fid-djalogu; għaldaqstant, u f'dawn iċ-ċirkostanzi, iħeġġeġ li l-klawżola demokratika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali, li n-Nikaragwa hija firmatarja tiegħu, tiġi attivata billi n-Nikaragwa tiġi sospiża mill-ftehim;

    10.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

    (1)  ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 89.

    (2)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 74.

    (3)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 189.

    (4)  Testi adottati, P8_TA(2018)0238.


    Arriba