Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0242

Kawża T-242/19: Rikors ippreżentat fid-9 ta’ April 2019 — Giant Electric Vehicle Kunshan vs Il-Kummissjoni

ĠU C 206, 17.6.2019, p. 87–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 206/87


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ April 2019 — Giant Electric Vehicle Kunshan vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-242/19)

(2019/C 206/77)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd (Kunshan, iċ-Ċina) (rappreżentant: P. De Baere, lawyer)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/73 tas-17 ta’ Jannar 2019 (1) sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-konvenuta, li skontha l-akkwisti tal-materja prima tal-aluminju mill-grupp tar-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ interventi sinjifikattivi tal-Istat u ma kinux jirriflettu fil-maġġornaza tagħhom, il-valuri tas-suq, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 (2).

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-konvenuta, li skontha l-grupp tar-rikorrenti kien issuġġettat għal distorzjonijiet kbar, derivati mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kenitx tas-suq, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur mill-konvenuta tal-kliem introduttiv tal-Artikolu 2(10) kif ukoll tal-Artikolu 2(10)(d)(i) u (ii) tar-Regolament (UE) 2016/1036, sa fejn din ma wettqitx paragun xieraq, billi ma aġġustatx il-valur normali skont id-differenzi fl-istadji kummerċjali bejn il-prezz għall-esportazzjoni u l-valur normali; hija lanqas ma pprovdiet lir-rikorrenti l-informazzjoni neċessarja li jippermettulha li tikkwantifika t-talba tagħha għal aġġustament.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur mill-konvenuta tal-Artikolu 3(2), (3) u (6) tar-Regolament (UE) 2016/1036, sa fejn din ma wettqitx paragun, għall-finijiet tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-prezzijiet indikattivi, bejn il-prezz għall-importazzjoni u l-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, fl-istess stadju kummerċjali u fil-mument li fih il-prodotti jidħlu f’kompetizzjoni wieħed mal-ieħor.


(1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/73 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 16, 18.1.2019, p. 108).

(2)  Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).


Top