Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0197

Kawża T-197/19: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2019 — Wiegand-Glashüttenwerke vs Il-Kummissjoni

ĠU C 206, 17.6.2019, p. 51–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 206/51


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2019 — Wiegand-Glashüttenwerke vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-197/19)

(2019/C 206/54)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Wiegand-Glashüttenwerke GmbH (Steinbach am Wald, il-Ġermanja) (rappreżentanti: F. Wagner u N. Voß, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni SA.34045 (2013/C) (ex 2012/NN) tat-28 ta’ Mejju 2018, innotifikata bid-dokument C(2018) 3166 (ĠU 2019, L 14, p. 1), fir-rigward tas-snin 2012 u 2013;

sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni SA.34045 (2013/C) (ex 2012/NN) tat-28 ta’ Mejju 2018, innotifikata bid-dokument C(2018) 3166, fir-rigward tas-snin 2012 u 2013, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

iktar sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni SA.34045 (2013/C) (ex 2012/NN) tat-28 ta’ Mejju 2018, innotifikata bid-dokument C(2018) 3166, sa fejn stabbilixxiet li fil-każ tal-konsumaturi ta’ karga bażika b’minn tal-inqas 7 000 siegħa ta’ użu fis-sena għandu jiġi rrimborsat iktar minn 20 % tat-tariffi tan-netwerk ippubblikati, li fil-każ tal-konsumaturi ta’ karga bażika b’minn tal-inqas 7 500 siegħa ta’ użu fis-sena għandu jiġi rrimborsat iktar minn 15 % tat-tariffi tan-netwerk ippubblikati u li fil-każ tal-konsumaturi ta’ karga bażika b’minn tal-inqas 8 000 siegħa ta’ użu fis-sena għandu jiġi rrimborsat iktar minn 10 % tat-tariffi tan-netwerk ippubblikati,

dejjem iktar sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni SA.34045 (2013/C) (ex 2012/NN) tat-28 ta’ Mejju 2018, innotifikata bid-dokument C(2018) 3166, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti, sa fejn stabbilixxiet li fil-każ tal-konsumaturi ta’ karga bażika b’minn tal-inqas 7 000 siegħa ta’ użu fis-sena (fil-lokalitajiet ta’ Großbreitenbach u Schleusingen) għandu jiġi rrimborsat iktar minn 20 % tat-tariffi tan-netwerk ippubblikati u li fil-każ tal-konsumaturi ta’ karga bażika b’minn tal-inqas 7 500 siegħa ta’ użu fis-sena (fil-lokalità ta’ Steinbach am Wald) għandu jiġi rrimborsat iktar minn 15 % tat-tariffi tan-netwerk ippubblikati,

dejjem iktar sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni SA.34045 (2013/C) (ex 2012/NN) tat-28 ta’ Mejju 2018, innotifikata bid-dokument C(2018) 3166, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti, sa fejn stabbilixxiet li fil-każ tal-lokalità ta’ Steinbach am Wald għandu jiġi rrimborsat iktar minn 20 % tat-tariffi tan-netwerk ippubblikati, kif ukoll

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża, inklużi l-ispejjeż legali u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti.

1.

Konstatazzjoni żbaljata tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, fl-evalwazzjoni tal-eżenzjoni mit-tariffi tan-netwerk inkwistjoni, il-konvenuta wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li kien hemm użu ta’ riżorsi tal-Istat.

Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ “selettività”, is-sistema ta’ referenza ġiet iddeterminata b’mod żbaljat u inkomplet.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, minħabba d-determinazzjoni żbaljata tas-sistema ta’ referenza, il-konvenuta kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

2.

Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li, permezz tad-deċiżjoni tal-konvenuta ġew iddeterminati biss obbligi dwar il-ħlas ta’ pagamenti b’lura għall-konsumaturi ta’ karga bażika li, fis-snin 2012 u 2013, kienu eżentati kompletament mit-tariffi tan-netwerk. Għaldaqstant, dawn il-konsumaturi ta’ karga bażika, meta mqabbla ma’ konsumaturi ta’ karga bażika li, fir-rigward tal-istess perijodu, ibbenefikaw minn tnaqqis b’rata fissa fit-tariffi tan-netwerk u li fir-rigward tagħhom ma ġewx iddeterminati obbligi dwar il-ħlas ta’ pagamenti b’lura, huma s-suġġett ta’ inugwaljanza fit-trattament u ta’ diskriminazzjoni inġusta.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni wkoll li, fid-dawl ta’ din id-differenza fit-trattament, il-konvenuta kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Id-differenza fit-trattament tikkostitwixxi wkoll ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72/KE (1).

3.

Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li, fuq il-bażi tas-sitwazzjoni individwali tagħha, hija setgħet trawwem l-aspettattiva li kienet ser tibqa’ tibbenefika mit-tariffi tan-netwerk speċjali li kienet tibbenefika minnhom.


(1)  Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).


Top