Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0276

    Kawża C-276/19: Rikors ippreżentat fl-1 ta’ April 2019 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

    ĠU C 206, 17.6.2019, p. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 206/35


    Rikors ippreżentat fl-1 ta’ April 2019 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

    (Kawża C-276/19)

    (2019/C 206/40)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. X. P. Lewis, J. Jokubauskaitė, aġenti)

    Konvenut: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiddikjara li billi introduċa miżuri ġodda ta’ simplifikazzjoni li estendew ir-rata zero u l-eċċezzjoni għar-rekwiżit normali ta’ żamma ta’ reġistri tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud previst mit-Terminal Markets Order 1973 inizjali mingħajr ma applika mall-Kummissjoni bil-għan li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1) tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”;

    tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Fit-28 ta’ Diċembru 1977, ir-Renju Unit innotifika miżuri speċjali li kienu jinkludu l-Value Added Tax (Terminal Markets) Order 1973 li jippermetti li, taħt ċerti kundizzjonijiet, kuntratti ta’ xiri fil-futur ta’ prodotti jiġu nnegozjati f’ċerti swieq fir-Renju Unit mingħjr VAT u mingħajr ir-rekwiżit ta’ żamma ta’ reġistri tal-VAT.

    Il-Value Added Tax (Terminal Markets) Order 1973 ġie emendat diversi drabi sabiex numru ta’ swieq ta’ prodotti li ma kinux elenkati fin-notifika oriġinali jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

    Il-Kummissjoni tallega li l-emendi għall-Value Added Tax (Terminal Markets) Order 1973 jestendu l-portata tad-deroga oriġinali li r-Renju Unit kien innotifika fl-1977. Dawn kellhom għalhekk jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-VAT, iżda dan ma seħħx.


    (1)  ĠU 2006, L 347, p. 1.


    Top