This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018AE2789
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on specific provisions for the European territorial cooperation goal (Interreg) supported by the European Regional Development Fund and external financing instruments’ (COM(2018) 374 final — 2018/0199 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern” [COM(2018) 374 final — 2018/0199 (COD)]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern” [COM(2018) 374 final — 2018/0199 (COD)]
EESC 2018/02789
ĠU C 440, 6.12.2018, p. 116–123
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
6.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 440/116 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern”
[COM(2018) 374 final — 2018/0199 (COD)]
(2018/C 440/19)
Relatur: |
Henri MALOSSE |
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 11.6.2018 Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 19.6.2018 |
Bażi legali |
L-Artikoli 178 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
Adottata fis-sezzjoni |
7.9.2018 |
Adottata fil-plenarja |
19.9.2018 |
Sessjoni plenarja Nru |
537 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
196/2/5 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-kooperazzjoni territorjali Ewropea (KTE) hija strument uniku tal-politika ta’ koeżjoni u hija wieħed mill-oqfsa rari li fihom l-operaturi nazzjonali, reġjonali u lokali tad-diversi Stati Membri huma sistematikament mitluba jwettqu azzjonijiet konġunti u jiskambjaw prattiki u strateġiji ta’ intervent. Tista’ tgħid li huwa hawnhekk li wieħed isib ftit il-qofol tal-ispirtu Ewropew. Minkejja għadd ta’ każijiet ta’ valur miżjud u ta’ investimenti li jġibu t-tkabbir fil-proġetti li twettqu s’issa, ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet ex post fil-fatt jiżvelaw ħafna insuffiċjenzi. Il-proposta għal Regolament ġdid għandha tikkunsidrahom f’diversi kategoriji ta’ intervent: |
1.1.1. |
Is-semplikazzjoni tal-proċeduri – Il-KESE jitlob li ssir “semplifikazzjoni radikali” fid-daqs tal-proġetti. Il-kooperazzjoni tirrigwarda l-aktar l-attivitajiet lokali. Għaldaqstant huwa meħtieġ li l-formoli u l-metodi ta’ evalwazzjoni tal-proġetti jiġu ssemplifikati, kif ukoll jiġu applikati l-proċeduri ta’ ħlas f’daqqa bħala element ewlieni tal-programmazzjoni l-ġdida. |
1.1.2. |
Il-qafas finanzjarju – Il-politika ta’ koeżjoni hija element deċiżiv tal-appoġġ għall-Istrateġija Ewropa 2021-2027, li għandha tingħata appoġġ tekniku u baġitarju b’mod prijoritarju. Il-KESE jwissi kontra allokazzjoni baġitarja fqira li tippreġudika l-effiċjenza, il-viżibilità u l-popolaritá ta’ dan il-programm ta’ azzjoni. Għaldaqstant jappella lill-Parlament Ewropew sabiex jipproponi żieda fl-approprjazzjonijiet għall-politika ta’ koeżjoni, l-aktar favur il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea. |
1.1.3. |
L-addizzjonalità – Il-KESE huwa mħasseb dwar ir-regoli l-ġodda li jistgħu jnaqqsu r-rata massima ta’ finanzjament mill-UE minn 85 % għal 70 %. Huwa jitlob li r-rata ta’ 85 % tinżamm għall-proġetti ż-żgħar, għar-reġjuni l-aktar fraġli u għall-azzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jappoġġja wkoll użu akbar tal-parteċipazzjoni tas-settur privat u tal-inġinerija finanzjarja Ewropea ta’ InvestEUfund għall-azzjonijiet favur is-settur produttiv. |
1.1.4. |
L-integrazzjoni tal-istrumenti finanzjarji – Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi strateġija reali sabiex tikkoordina u tintegra d-diversi strumenti finanzjarji disponibbli tagħha fil-kuntest tal-QFP 2021-2027. Huwa jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr Komunikazzjoni dwar dan. Il-kooperazzjoni territorjali Ewropea għandha tkun qafas privileġġjat fejn tiġi implimentata din il-koordinazzjoni indispensabbli. |
1.1.5. |
Lejn sħubija vera mas-soċjetà ċivili – Il-Kummissjoni għandha timponi l-obbligu ta’ involviment tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fil-proċess ta’ konsultazzjoni kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet peress li l-aħjar riżultati tal-proġetti osservati jinkisbu permezz ta’ impenn mis-soċjetà ċivili. Il-KESE jirrakkomanda li kull awtorità operattiva tkun obbligata tippreżenta skema ta’ sħubija għall-involviment tas-soċjetà ċivili b’mekkaniżmu ta’ twissija. |
1.1.6. |
Iż-żamma u l-iżvilupp tal-konċentrazzjoni tematika. L-osservazzjoni ta’ żvilupp lejn konċentrazzjoni tematika tal-prijoritajiet ta’ intervent u ta’ investiment hija apprezzata mill-KESE iżda għad irid jiġi speċifikat kif:
|
1.1.7. |
Il-qasam marittimu u t-territorji insulari – Minħabba li l-qasam marittimu huwa l-uniku ambjent tat-territorji insulari, il-KESE jitlob li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jkomplu jippreżentaw proġetti taħt il-kooperazzjoni transfruntiera kif ukoll territorjali. Fejn adatt, għandha tiġi identifikata prijorità ġdida ta’ “territorji insulari” b’baġit speċifiku. |
1.1.8. |
L-istrateġiji makroreġjonali (SMR) – Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-iżvilupp tal-SMR jiġi estiż għaż-żoni l-ġodda (il-Mediterran, il-Balkani, il-Karpazji, eċċ.) u li tiġi żgurata integrazzjoni akbar tal-istrumenti finanzjarji Ewropej il-ġodda għall-benefiċċju tagħhom. |
1.1.9. |
Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien – Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-istabbiliment ta’ qafas uniku ta’ implimentazzjoni mal-pajjiżi ġirien/terzi. Huwa jenfasizza wkoll l-importanza tal-approċċ li jinvolvi fl-istess ħin il-krediti tal-KTE u dawk tal-Fondi Ewropej esterni. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, f’dan il-qafas, tiftaħ il-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali għar-reġjuni tal-pajjiżi ġirien, anki jekk dawn ma jmissux mal-fruntieri tal-UE, sabiex jiġi evitat li jinħolqu distakki fi ħdan il-pajjiżi kkonċernati. |
1.1.10. |
Innovazzjoni – Il-KESE jappoġġja l-proposta ta’ assi prijoritarju dwar l-innovazzjoni b’baġit awtonomu u bi proċeduri li jippermettu aċċess dirett lill-atturi mhux statali. Madankollu, il-KESE jenfasizza li l-innovazzjoni għandha testendi ukoll fil-livell soċjetali u soċjali. |
1.1.11. |
Il-komponent diġitali tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea – Waħda mill-akbar sfidi għall-atturi tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea llum hija li jkunu konnessi. Jeħtieġ li jiġu previsti l-mezzi u l-inizjattivi li jnaqqsu d-disparità diġitali bejn it-territorji, kif ukoll bejn il-komponenti territorjali urbani u rurali tar-reġjuni: jiżdiedu l-iskambji tal-esperjenza, tonqos id-disparità diġitali, minn naħa waħda bejn ir-reġjuni u min-naħa l-oħra bejn territorji urbani u rurali. |
1.1.11.1. |
Għal din ir-raġuni l-KESE jirrakkomanda li, għall-perjodu 2021-2027, fl-arkitettura tal-programmi kollha tal-KTE tiġi integrata l-kunsiderazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali u tar-rekwiżiti għat-titjib tal-ħiliet. |
1.1.12. |
Il-kunsiderazzjoni taż-żgħażagħ – Il-kunsiderazzjoni taż-żgħażagħ fl-Ewropa hija element fundamentali. Il-KESE jissuġġerixxi l-użu tal-metodi tal-Erasmus+ ta’ skambju taż-żgħażagħ: studenti, apprendisti, dawk li qed ifittxu xogħol, persuni f’diffikultà, biex il-kooperazzjoni territorjali tintegra liż-żgħażagħ fi programmi speċifiċi ta’ mobilità, fit-taħriġ professjonali u fit-tagħlim tal-lingwi. Il-KESE jipproponi li fil-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera u transnazzjonali, jiġu inklużi linji speċifiċi ta’ proposti u ta’ intervent għaż-żgħażagħ u mressqa miż-żgħażagħ. |
1.1.13. |
L-azzjonijiet favur il-popolazzjonijiet fraġli u l-kunsiderazzjoni tal-kriterji orizzontali – Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti regoli preċiżi dwar il-livelli ta’ obbligu li għandhom jiġu rrispettati għall-konformità mal-prinċipji orizzontali Komunitarji, u li jiġi stabbilit livell limitu minimu f’dan ir-rigward (10 % tal-għajnuna tal-azzjoni). |
1.1.14. |
Il-protezzjoni ċivili u l-ġlieda kontra r-riskji ewlenin – Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi l-integrazzjoni ta’ dan il-komponent bħala assi prinċipali tal-kooperazzjoni territorjali u tgħaqqdu mal-Fond il-ġdid ta’ “Difiża u Protezzjoni Ċivili” propost mill-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027. |
1.1.15. |
Ir-reklamar – Minħabba l-importanza tal-programmi appoġġjati fil-KTE, il-KESE se jappoġġja kwalunkwe inizjattiva li żżid il-viżibilità biex jissaħħaħ l-ispirtu ta’ ċittadinanza Ewropea u l-għarfien dwar l-azzjonijiet konkreti mwettqa bl-appoġġ tal-UE. B’mod partikolari huwa jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ ċentri ta’ informazzjoni, li preferibbilment ikunu lokalizzati fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fir-reġjuni li jibbenefikaw mill-programmi ta’ kooperazzjoni. |
2. Introduzzjoni
2.1. Il-kooperazzjoni territorjali u transfruntiera, il-qofol tal-ispirtu Ewropew
2.1.1. |
Fil-qalba tal-bini ta’ żona Ewropea komuni, bil-komponenti transfruntiera, transnazzjonali, interreġjonali tagħha u bil-ftuħ tagħha għall-pajjiżi ġirien, il-kooperazzjoni territorjali Ewropea (KTE) (Interreg) hija l-bażi tal-integrazzjoni Ewropea: hija tgħin biex tiżgura li l-fruntieri ma jinbidlux f’barrikati, tgħaqqad lill-Ewropej, tgħin biex jissolvew problemi komuni, tiffaċilita l-iskambju tal-ideat u tal-assi u tħeġġeġ l-inizjattivi strateġiji b’għanijiet komuni. |
2.1.2. |
L-Artikolu 174 u l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma l-qafas legali li jawtorizza l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, bl-għan li jnaqqsu d-dispartià bejn il-livelli ta’ żvilupp reġjonali u għalhekk favur il-kooperazzjoni territorjali Ewropea. |
2.1.2.1. |
L-Artikolu 174 jgħid li: “Fost ir-reġjuni konċernati, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi”. Il-KESE jqis li dan l-Artikolu jiġġustifika biżżejjed li l-KTE tagħti attenzjoni partikolari lil dawn ir-reġjuni, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw dan. |
2.1.3. |
Bħala għan prijoritarju tal-politika ta’ koeżjoni, il-KTE (Interreg) hija l-qafas li fih l-operaturi pubbliċi u privati, nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri jwettqu inizjattivi kollettivi, jiskambjaw prattiki tajbin u jfasslu politiki ta’ żvilupp fil-pjani interni u esterni tal-Ewropa. Madankollu, minkejja bosta każijiet u eżempji ta’ valur miżjud u ta’ investimenti li joħolqu tkabbir fil-proġetti li twettqu s’issa, ċerti imperfezzjonijiet relatati ma’ insuffiċjenzi fit-tfassil tad-diversi programmi għandhom konsegwenzi u jeħtieġ li jiġu analizzati fil-perspettivi l-ġodda 2021-2027. |
2.1.4. |
Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet ex post fil-fatt jenfasizzaw diversi elementi:
|
2.1.5. |
Uħud minn dawn l-aspetti huma kkunsidrati fil-proposta l-ġdida għal Regolament li jsaħħaħ il-proċeduri għat-tnaqqis tal-prijoritajiet reġjonali fir-reġjuni Ewropej kollha inklużi dawk l-aktar imbiegħda, jiżviluppa strateġiji makroreġjonali ġodda u konċentrazzjonijiet tematiċi, jagħmel enfasi fuq l-inizjattivi favur l-innovazzjoni, kif ukoll fuq diversi inizjattivi oħrajn li, għalhekk huma soġġetti għal analiżijiet u kummenti speċifiċi. Madankollu, ikun jixraq li jiġu mtejba u speċifikati diversi punti importanti fil-proposta tal-Kummissjoni. |
3. Temi prijoritarji għar-rakkomandazzjonijiet tal-KESE lill-Kummissjoni
3.1. |
Is-semplifikazzjoni tal-proċeduri – Lejn semplifikazzjoni radikali – Il-Kummissjoni tipproponi ammont kbir ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi maħsuba biex jissemplifikaw ir-regoli ta’ pożizzjonament u ta’ ġestjoni tal-programmi għal-livelli kollha kkonċernati: benefiċjarji, Stati Membri, awtoritajiet ta’ ġestjoni, pajjiżi terzi parteċipanti u l-Kummissjoni. Il-KESE jaqbel kompletament ma’ dan l-approċċ. Madankollu, din hija inizjattiva ppreżentata għal kull programmazzjoni ġdida. Il-Kummissjoni ma avvanzatx biżżejjed f’din il-proċedura. |
3.1.1. |
Rigward is-semplifikazzjoni u l-ħlas f’daqqa, ir-Regolament jistabbilixxi t-trattament ta’ ħlas f’daqqa għal ċertu nfiq bħala element ewlieni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, u jwarrab ċerti varjabbli bħall-ispejjeż tal-persunal (għal kull proġett taħt EUR 200 000: ħlas f’daqqa u mingħajr bżonn ta’ fatturi). B’dan, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ semplifikazzjoni fuq livell amministrattiv u tenfasizza l-ħtieġa ta’ ftehim ġenerali. |
3.1.2. |
Il-kooperazzjoni tirrigwarda l-aktar l-attivitajiet lokali. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jkun hemm programm ħafna aktar miftuħ għas-soċjetà ċivili b’semplifikazzjoni radikali tal-proċeduri u l-istabbiliment ta’ ċentri żgħar ta’ informazzjoni u assistenza. |
3.1.3. |
Il-KESE jixtieq li tinstab koerenza fir-rigward tad-daqs tal-proġetti biex isiru s-semplifikazzjonijiet meħtieġa fil-formoli u l-metodi ta’ valutazzjoni tal-proġetti, u li jintużaw proċeduri ta’ ħlas f’daqqa tal-anqas għall-attivitajiet amministrattivi u ta’ ġestjoni. Is-semplifikazzjoni radikali hija indispensabbli sabiex il-promoturi tal-proġetti jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq ir-riżultati tal-azzjonijiet minflok fuq attivitajiet amministrattivi li jieħdu ħafna ħin. |
3.1.4. |
Tabilħaqq, u kif tixtieq il-Kummissjoni, jeħtieġ li l-loġika tal-valutazzjoni tal-proġetti skont ir-“riżultati” tiġi segwita sal-aħħar u li jitneħħa l-piż minn fuq l-operaturi li jkollhom jipprovdu rapporti dwar l-attivitajiet kontinwament (bħalissa kull sitt xhur). |
3.2. |
Il-qafas finanzjarju – Il-Kummissjoni tqis li l-politika ta’ koeżjoni u l-korollarju tagħha fil-KTE għandhom jibqgħu element essenzjali tal-pakkett finanzjarju. Il-KESE jaqbel ma’ din il-pożizzjoni. Allokazzjoni baġitarja fqira tippreġudika l-effikaċja, il-viżibilità kif ukoll il-popolarità attwali ta’ dan il-programm ta’ azzjoni. Sal-lum, l-għażla hija li jinżamm baġit stabbli meta mqabbel mal-aħħar perjodu, u dan fil-kuntest ta’ reċessjoni baġitarja ta’ 10 % tal-baġit tal-Unjoni Ewropea. Din is-sitwazzjoni għandha tagħmilha possibbli li tal-anqas l-appoġġ għall-programmi Interreg jibqa’ l-istess, iżda l-KESE jappella lill-Parlament Ewropew sabiex jipproponi żieda sostanzjali peress li dawn l-azzjonijiet jista’ jkollhom impatt fuq il-popolazzjonijiet u impatt politiku kbir ħafna dment li jiġu allokati mezzi sinifikanti. |
3.2.1. |
Fir-Regolament il-ġdid dwar il-kooperazzjoni territorjali Ewropea, ir-rata ta’ kofinanzjament se tonqos għal 70 % (meta mqabbla mal-85 % fil-preżent). Skont il-Kummissjoni, dan l-iżvilupp għandu jwassal għal tisħiħ tal-intervent finanzjarju tal-Istati u jiffavorixxi kundizzjonijiet aħjar ta’ approprjazzjoni tal-proġetti. Il-KESE huwa mħasseb li din il-miżura, imsejħa ta’ addizzjonalità, se tiskoraġġixxi lill-atturi privati u lir-reġjuni li huma inqas vantaġġjati milli jipparteċipaw. Għaldaqstant huwa jitlob li r-rata ta’ 85 % tinżamm għar-reġjuni l-aktar fraġli skont l-Artikolu 174 tat-TFUE. Barra minn hekk, il-konċentrazzjoni tal-interventi tal-Ewropa dejjem se tiżgura aktar viżibilità. |
3.2.2. |
Regoli ġodda għall-“proġetti ż-żgħar” – Ir-Regolament il-ġdid joffri definizzjoni ċara akkumpanjata minn miżuri ġodda u regoli ġodda ssemplifikati: definizzjoni mill-ġdid tal-assistenza teknika, tneħħija tar-rekwiżit ta’ rapporti annwali, approċċ ta’ ħlas f’daqqa għal diversi partiti ta’ nfiq u kundizzjonijiet għal tnedija aktar mgħaġġla għall-perjodu li jmiss. Il-KESE jqis li dawn l-inizjattivi huma pożittivi. |
3.2.3. |
Rigward il-piżijiet amministrattivi għall-“proġetti ż-żgħar”, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjoni ukoll il-prospett ta’ twaqqif ta’ entità transfruntiera li tieħu ħsieb l-amministrazzjoni kollha għal grupp ta’ “proġetti żgħar”, flimkien mal-ħlas f’daqqa. |
3.2.4. |
Il-KESE japprezza l-impenn tal-Kummissjoni li timmassimizza l-parteċipazzjoni privata fil-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali. Il-KESE jsaħħaħ din il-pożizzjoni billi jissuġġerixxi d-definizzjoni ta’ livell minimu ta’ involviment tal-atturi mhux statali (mhux l-awtoritajiet reġjonali biss), bħal intrapriżi privati, l-imsieħba soċjali, is-settur mingħajr skop ta’ qligħ, l-istrutturi tal-ekonomija soċjali u solidali, u l-kmamar professjonali. |
3.3. |
Is-sħubija mas-soċjetà ċivili – Il-KESE jfakkar li s-sħubija hija l-mezz essenzjali fil-kuntest tal-kunsiderazzjoni tal-prinċipji orizzontali. Jeħtieġ li tiġi implimentata kullimkien mas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet lokali u mal-korpi għall-inklużjoni soċjali. F’dan il-kuntest, ir-Regolament jipprevedi l-inklużjoni tas-soċjetà ċivili fil-kumitati ta’ kontroll. Huwa previst ukoll li fuq is-siti li jipprovdu informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni u r-riżultati tal-programmi, tingħata informazzjoni dwar il-fallimenti u dwar il-proġetti li ma jirrapportawx dwar l-impenji tagħhom. |
3.3.1. |
Huwa ċar li ladarba l-awtoritajiet lokali jiġu nominati, dawn għandhom it-tendenza li jinjoraw kull ħaġa oħra. |
3.3.2. |
Il-parteċipazzjoni tal-atturi tas-soċjetà ċivili ma għandhiex tkun limitata għall-proċess ta’ konsultazzjoni. Huwa fundamentali li dawn jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u li jingħataw responsabbiltajiet f’dan ir-rigward, inkluż billi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jintgħażlu bħala awtoritajiet ta’ ġestjoni. |
3.3.3. |
Il-KESE jipproponi li, għal kull programm tal-KTE, l-awtorità maniġerjali tissottometti skema ta’ sħubija li turi l-involviment tas-soċjetà ċivili f’kull fażi ta’ tħejjija, ta’ implimentazzjoni u ta’ valutazzjoni tal-azzjonijiet. Din l-iskema għandha tinkludi mekkaniżmu ta’ twissija biex f’każ li l-prinċipju ta’ sħubija ma jkunx irrispettat l-atturi tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-awtorità kkonċernata. |
3.4. |
It-tqassim ġdid tal-kompetizzjonijiet tal-kooperazzjoni territorjali – Ir-Regolament il-ġdid tal-KTE/Interreg jiddeskrivi l-programm ta’ azzjoni futur fuq ħames komponenti ta’ kooperazzjoni: transfruntiera, transnazzjonali, interreġjonali, marittima u jinvolvi l-intervent tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-investimenti interreġjonali fl-innovazzjoni. Dan l-approċċ huwa koerenti, anki jekk jinħoloq dubju u jitqajjem ħafna tħassib fost l-operaturi tar-reġjuni kkonċernati meta mill-kooperazzjonijiet transfruntieri qed jitneħħew dawk li jinkludu s-settur marittimu. Il-Kummissjoni tiġġustifika lilha nfisha billi tispjega li jista’ jkun hemm sovrapożizzjonijiet bejn bosta programmi transfruntiera, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kooperazzjoni marittima, u hija impenjata li tiddefinixxi approċċ komprensiv għall-programmi fiż-żoni marittimi, inkluża l-kooperazzjoni bilaterali, li se jkollu impatt akbar. |
3.5. |
Il-kwistjoni tal-qasam marittimu u l-każ tat-territorji insulari – Il-KESE jqis li din il-pożizzjoni rigward id-dimensjoni marittima hija raġonevoli fil-każ tat-territorji kontinentali iżda mhijiex iġġustifikata fil-każ tat-territorji insulari li, b’definizzjoni għandhom biss fruntieri marittimi. Il-KESE spiss stieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-gżejjer li għandhom żvantaġġi strutturali ovvji rikonoxxuti mill-Artikolu 174 tat-TFUE. Il-KESE għalhekk jipproponi l-integrazzjoni mill-ġdid tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni Ewropea bejn il-gżejjer għall-kooperazzjoni transfruntiera u/jew li tinħoloq is-6 kategorija b’baġit speċifiku, b’mod partikolari favur grupp ta’ gżejjer li jappartjenu għall-istess baċir tal-baħar, sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-esperjenzi. |
3.6. |
Allokazzjoni speċifika għall-innovazzjoni – Qed tkun proposta linja speċifika ġdida li topera permezz ta’ sejħa għal proposti għall-iżvilupp ta’ proġetti fit-territorju Ewropew kollu, biex isir żvilupp lil hinn minn sempliċi skambju ta’ prattiki tajbin lejn strumenti kompleti ta’ riċerka-azzjoni (11 % tal-baġit tal-Interreg). Il-KESE japprova dan l-approċċ bil-kundizzjoni li jintegra wkoll l-innovazzjonijiet soċjetali u soċjali li għalihom il-kooperazzjonijiet bejn it-territorji jistgħu jkollhom impatt kbir ħafna fuq il-popolazzjonijiet ikkonċernati, u jippermetti l-parteċipazzjoni diretta tal-atturi mhux statali (riċerkaturi, intrapriżi, soċjetà ċivili). |
3.7. |
Allokazzjoni għar-reġjuni ultraperiferiċi – Il-Kummissjoni qed tipproponi li tadotta miżuri ġodda sabiex tippermetti lil dawn ir-reġjuni, b’kunsiderazzjoni tal-pożizzjoni speċifika tagħhom, li jikkooperaw b’referenza għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE” (1). Dan se jkun komponent ta’ kooperazzjoni għar-reġjuni ultraperifieriċi Ewropej, bejniethom u mal-ġirien tagħhom (3,2 tal-baġit tal-Interreg). Din id-dispożizzjoni identifikata tajjeb hija interessanti iżda jeħtieġ ukoll li r-riżorsi tal-UE għall-pajjiżi terzi ġirien tar-reġjuni ultraperifieriċi Ewropej (essenzjalment il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp FEŻ) ikunu jistgħu jiġu mobilizzati faċilment biex jikkompletaw dawn l-azzjonijiet, li mhuwiex il-każ bħalissa. Il-KESE jitlob li tiġi kkunsidrata u ppjanata interazzjoni koordinata bejn Interreg u l-FEŻ. |
3.8. |
Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi – Il-KESE jqis li huwa pożittiv li, f’kuntest internazzjonali ta’ taqlib, se jiġi stabbilit qafas identiku għall-azzjonijiet li jinvolvu lill-pajjiżi ġirien barra mill-Unjoni Ewropea. Fir-rigward tal-pajjiżi ġirien, għandha tiġi sfruttata aktar il-possibbiltà eżistenti għar-reġjuni ta’ dawn il-pajjiżi u li mhumiex mal-fruntieri li jipparteċipaw fl-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni transnazzjonali sabiex jiġi evitat li jikbru d-differenzi f’dawn il-pajjiżi li jiffavorixxu lir-reġjuni tal-fruntiera tal-UE. |
4. Linji ġodda ta’ riflessjoni
4.1. |
L-iżvilupp tal-konċentrazzjoni tematika – Il-KESE jirrakkomanda li l-programmi jiffokaw fuq l-azzjonijiet integrati fil-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea kif definiti fl-abbozz tal-QFP 2021-2027 (innovazzjoni, riċerka, Ewropa aktar ekoloġika – enerġija, ekonomija ċirkolari, eċċ. –, Ewropa konnessa – trasport, agrikoltura, eċċ. –, Ewropa aktar soċjali – FSE, FEŻR, edukazzjoni, saħħa, eċċ. –, Ewropa aktar lokali permezz tal-istrateġiji tal-iżvilupp fil-livell lokali), biex ma nsemmux l-għanijiet speċifiċi soċjali, edukattivi, u tas-saħħa msemmija fir-Regolament. Għaldaqstant għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-istrateġiji ta’ żvilupp lokali li jinvolvu lill-atturi kollha tas-soċjetà ċivili. |
4.1.1. |
Fil-qafas tal-konċentrazzjoni tematika, huwa essenzjali li l-kwistjoni tal-iżvilupp sostenibbli u l-azzjoni klimatika, kif ukoll l-ekonomiji ċirkolari u l-enerġiji rinnovabbli jitqiegħdu fil-qalba tal-kwistjonijiet kollha u jiġu kkunsidrati b’mod espliċitu. |
4.2. |
L-istrateġiji makroreġjonali (SMR) – L-istrateġiji makroreġjonali (il-Baħar Baltiku, id-Danubju, l-Alpi, il-Baħar Adrijatiku u Jonju) ġeneralment jitqiesu bħala stejjer ta’ suċċess. Il-KTE għandha valur partikolari minħabba l-kapaċità tagħha li toħloq il-kundizzjonijiet adatti għall-applikazzjoni ta’ strateġiji makroreġjonali ta’ żvilupp ibbażati fuq:
|
4.2.1. |
Dawn l-arranġamenti se jsaħħu l-programmi ta’ kooperazzjoni, b’mod partikolari dik transnazzjonali u marittima. Jista’ jiġi żviluppat esperiment fil-kuntest ta’ SMR għall-benefiċċju tal-Mediterran (tal-Punent u tal-Lvant) b’konnessjoni mal-istrateġiji tal-baċini stabbiliti fil-qafas tal-azzjonijiet marittimi tal-UE kif ukoll SMR li tikkonċerna lill-ktajjen ta’ muntanji tax-Xlokk tal-Ewropa (il-Karpazji u l-Balkani) li t-tnejn jestendu f’pajjiżi terzi. |
4.3. |
Il-komponent diġitali tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea – Waħda mill-akbar sfidi għall-kooperazzjoni territorjali Ewropea llum hija l-konnettività. Jeħtieġ li jiġu previsti l-mezzi u l-inizjattivi li jnaqqsu d-disparità diġitali bejn it-territorji, kif ukoll bejn il-komponenti territorjali urbani u rurali tar-reġjuni. L-iżvilupp diġitali jirrigwarda diversi sfidi: |
4.3.1. |
Sfida teknika u ekonomika għall-iżvilupp tat-territorji. It-teknoloġiji diġitali għandhom kapaċità qawwija għall-iżvilupp tat-territorji fil-kuntest tal-iżviluppi industrijali ġodda, ta’ soċjetà kollaborattiva, tal-ħolqien ta’ kooperazzjonijiet ġodda fuq ix-xogħol, ta’ strumenti ġodda għall-isfruttar tar-riżorsi lokali. |
4.3.2. |
Sfida soċjali kbira li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ħiliet tal-popolazzjonijiet u tat-territorji. L-iżvilupp tal-investiment fil-kompetenzi u l-ħiliet, u t-trażżin tad-disparità soċjali diġitali. L-evoluzzjoni diġitali se toħloq numru ta’ diskriminazzjonijiet ġodda, dovuti b’mod partikolari għan-nuqqas ta’ kapaċità ta’ aċċess għat-tagħmir mill-popolazzjonijiet fqar, għal raġunijiet ta’ livell ta’ għajxien u aspetti kulturali relatati mal-livell ta’ edukazzjoni u mal-età. |
4.3.3. |
Għandu jitqies li t-teknoloġija diġitali tista’, minn naħa, tiffaċilita l-aċċess għad-drittijiet u min-naħa l-oħra tkompli teskludi lil ċerti kategoriji tal-pubbliku. Dan il-fatt biss iwassal biex il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-azzjonijiet tal-KTE, tqis approċċ pedagoġiku koordinat mal-atturi tat-territorju. |
4.3.4. |
Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li parti sinifikanti mill-azzjonijiet innovattivi għandha tkun iddedikata għat-teknoloġija diġitali b’sejħiet għal proposti speċifiċi li jinkludu l-iskambju ta’ esperjenzi u l-kooperazzjoni fit-territorji, f’dawk l-oqsma, bl-inklużjoni tal-poplazzjonijiet l-aktar foqra u vulnerabbli bħala prijorità. Din hija essenzjali għat-territorji fil-kuntest tal-iżviluppi industrijali ġodda, ta’ soċjetà kollaborattiva, tal-ħolqien ta’ kooperazzjonijiet ġodda fuq ix-xogħol u ta’ strumenti ġodda ta’ valutazzjoni tar-riżorsi lokali. Il-Kummissjoni ppreżentat abbozz ta’ baġit għall-perjodu 2021-2027. Dan jintegra biżżejjed dan l-aspett diġitali? Jekk le, allura mhuwiex adatt. |
4.3.5. |
It-teknoloġija diġitali u l-intelliġenza artifiċjali – Huwa essenzjali li l-Kummissjoni jkollha l-għodod diġitali u l-intelliġenza artifiċjali għall-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-programmi futuri (Big Data, teknoloġiji ġodda u investiment mill-fondi). |
4.3.6. |
Skont il-Kummissjoni stess, l-evalwazzjoni tal-impatt tal-azzjonijiet u tal-programmi tal-UE tiddependi minn “mentalità”. Ir-riżultati ta’ proġett xi drabi jistgħu jkunu inqas importanti mill-mod kif jinkisbu r-riżultati u huwa diffiċli li wieħed isib l-indikaturi (kemm kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi) biex dan jiġi evalwat. |
4.3.7. |
Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tfittex l-aħjar indikaturi ta’ evalwazzjoni tar-riżultati immedjati u tal-impatt tal-programmi u tal-proġetti. |
4.4. |
Il-kunsiderazzjoni taż-żgħażagħ – Il-kunsiderazzjoni taż-żgħażagħ fl-Ewropa hija element fundamentali. Il-KESE jissuġġerixxi l-użu tal-metodi tal-Erasmus+ ta’ skambju taż-żgħażagħ – studenti tas-sekondarja, studenti oħra, apprendisti, dawk li qed ifittxu xogħol, persuni f’diffikultà – biex il-kooperazzjoni territorjali tintegra liż-żgħażagħ permezz ta’ programmi speċifiċi ta’ mobilità, b’mod partikolari għat-taħriġ professjonali u t-tagħlim tal-lingwi. L-analiżi tal-KESE tirrigwarda diversi possibbiltajiet mhux kontradittorji, biex it-territorju jkun jagħmel sens fir-rigward taż-żgħażagħ. |
4.4.1. |
Il-KESE jipproponi li jitwarrab perċentwal mill-pakketti tal-KTE għal azzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ. B’mod parallel, bħala parti mill-Erasmus+ futur ta’ wara l-2021, il-Kummissjoni tista’ tagħżel li tiddedika parti mill-programmi Erasmus+ għal inizjattivi mmirati lejn żoni territorjali delimitati. |
4.4.2. |
Min-naħa l-oħra, 10 % ta’ parti waħda jew aktar mill-Interreg għandhom jiġu ddedikati għall-mobilità tat-tip Erasmus u perċentwal identiku għall-pakkett tal-proġetti ġestiti fil-kuntest tal-Erasmus+, li huma organizzati f’żoni Ewropej. Tista’ tingħata prijorità lir-reġjuni li qed jibda jkollhom eżistenza reali, pereżempju, makroreġjun MED, u/jew b’mod sperimentali lil reġjuni fil-proċess li jiġu stabbiliti u żviluppati, pereżempju, makroreġjun MED tal-Lvant. |
4.4.3. |
Għaldaqstant huwa meħtieġ li fil-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera u transnazzjonali, tiġi inkluża linja speċifika jew aktar ta’ proposti u interventi għaż-żgħażagħ u mressqa miż-żgħażagħ. Dawn il-linji għandhom jippermettu u jappoġġjaw it-tranżizzjoni minn sempliċi skambji kulturali għall-isfruttar ta’ azzjonijiet relatati ma’ kateogriji oħra minbarra dawk li tradizzjonalment jibbenefikaw mill-Erasmus+: il-movimenti taż-żgħażagħ u l-ħolqien ta’ assoċjazzjonijiet għall-ġlieda kontra l-esklużjonijiet u l-inugwaljanzi soċjali, għall-integrazzjoni tal-persuni l-aktar fraġli (diżabbli), l-azzjonijiet għall-klima, inizjattivi li jikkontribwixxu għall-akkoljenza ta’ refuġjati migranti, jew kwalunkwe suġġett ieħor fl-oqsma tal-edukazzjoni u tas-solidarjetà. |
4.5. |
L-azzjonijiet favur il-popolazzjonijiet fraġli u l-kunsiderazzjoni tal-kriterji orizzontali – Rigward l-kunsiederazzjoni tal-popolazzjonijiet fraġli fil-livelli kollha ta’ tfassil u ta’ implimentazzjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni, fosthom l-għażla tal-proġetti, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija ċara dwar l-obbligu imperattiv tar-rispett tal-prinċipji orizzontali Komunitarji. |
4.5.1. |
Madankollu, hemm dubji peress li r-regoli dwar dan is-suġġett, fil-kuntest tal-KTE, ma jiffissawx kwoti. Il-KESE jipproponi li jiġi stabbilit livell limitu minimu (10 %) f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjonijiet transfruntiera. |
4.6. |
Il-protezzjoni ċivili u l-ġlieda kontra r-riskji ewlenin. Dan il-komponent li jagħmel parti mill-Fond Ewropew il-ġdid għad-Difiża u l-Protezzjoni Ċivili, propost mill-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027 huwa assi prinċipali li għandu implikazzjonijiet għall-kooperazzjoni territorjali. Hawnhekk wieħed jiftakar, pereżempju, fil-prevenzjoni u l-kontroll tan-nirien tal-foresti fil-Mediterran jew fl-għargħar fir-reġjuni tat-Tramuntana. Din hija kwistjoni fejn il-kooperazzjoni lil hinn mill-fruntieri nazzjonali hija tanġibbli, u taffettwa direttament il-ħajja taċ-ċittadini. |
4.6.1. |
Il-KESE jirrakkomanda għalhekk li tingħata attenzjoni speċjali fil-KTE bil-possibbiltà ta’ koordinazzjoni bejn diversi Fondi, u li jiġu indirizzati rakkomandazzjonijiet preċiżi lill-awtoritajiet inkarigati mill-programmi sabiex dawn ikunu konxji mill-kwistjonijiet u l-opportunitajiet ta’ din il-kwistjoni għat-territorji tagħhom. Jistgħu jiġu mnedija sejħiet għal proposti ta’ wiri dwar dan is-suġġett sabiex tinħoloq azzjoni simili bejn ir-reġjuni. |
4.7. |
L-integrazzjoni tad-diversi strumenti Ewropej: il-KESE jqis li din il-proposta ma tintegrax biżżejjed l-opportunitajiet ta’ sinerġiji bejn il-KTE u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn attwali jew futuri tal-UE, b’mod partikolari f’termini ta’ skambju ta’ żgħażagħ, ta’ netwerks u ta’ aġenda diġitali, ta’ riċerka u żvilupp, ta’ investiment, ta’ protezzjoni ċivili u ta’ ġlieda kontra r-riskji ewlenin. Huwa jistieden lill-Kummissjoni tirrimedja dan. |
4.7.1. |
Il-KTE hija qafas xieraq biex tiġi żgurata l-komplementarjetà tad-diversi strumenti Ewropej l-ewwel nett mal-ħtiġijiet fuq il-post:
…. |
4.7.2. |
Il-proposti tal-Kummissjoni għadhom vagi dwar dan is-suġġett. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex bħala parti mill-proposti dwar il-QFP 2021-2027, tippreżenta Komunikazzjoni dwar l-integrazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tagħha. |
4.8. |
Ir-reklamar – L-Interreg huwa wieħed mill-mezzi ewlenin għat-tisħiħ tal-ispirtu ta’ ċittadinanza Ewropea. Issa jeħtieġ li tiżdied il-viżibilità biex l-azzjonijiet tal-UE jkunu magħrufa. Il-Kummissjoni għandha toħroġ pubblikazzjoni u tagħmel promozzjoni pubbliċitarja sempliċi dwar l-użu u l-implimentazzjoni tal-programm Interreg. Dan sabiex iċ-ċittadini jsiru jafu dwar l-azzjonijiet konkreti mwettqa bl-appoġġ tal-UE. Minħabba l-importanza ta’ dan is-suġġett, il-KESE jipproponi li jiġu stabbiliti ċentri bil-kompitu li jagħtu informazzjoni dwar il-kooperazzjoni transfruntiera jew territorjali, u preferibbilment ikunu lokalizzati fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) COM(2017) 623 final.