Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0446

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Ildar Dadin, priġunier minħabba twemmin fir-Russja (2016/2992(RSP))

    ĠU C 224, 27.6.2018, p. 85–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 224/85


    P8_TA(2016)0446

    Il-każ ta' Ildar Dadin, priġunier minħabba twemmin fir-Russja

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Ildar Dadin, priġunier minħabba twemmin fir-Russja (2016/2992(RSP))

    (2018/C 224/13)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-rapporti, r-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni lill-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet komuni rigward il-viżi għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky (1); ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja (2), tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja: kundanna tad-dimostranti involuti fil-ġrajjiet tal-Pjazza Bolotnaya (3), ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky (4); u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO “Memorial” (rebbieħ tal-Premju Sakharov 2009) fir-Russja (5), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja (6), tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar l-istat tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja (7), u tal-10 ta' Settembru 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każijiet ta' Eston Kohver, Oleg Sentsov u Olexander Kolchenko (8),

    wara li kkunsidra r-riżultati tas-Samit bejn l-UE u r-Russja tat-3 u l-4 ta' Ġunju 2013 u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem tad-19 ta' Mejju 2013,

    wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Russa, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tagħha, li jipproteġi l-libertà ta' espressjoni, u l-Artikolu 31, li jinkludi d-dritt għall-għaqda paċifika,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fil-bidu ta' Diċembru 2015 l-attivist Russu tal-oppożizzjoni Ildar Dadin ġie kkundannat għal tliet snin ħabs wara li organizza għadd ta' protesti u għaqdiet paċifiċi kontra l-gwerra, u dan għamlu bħala l-ewwel persuna fir-Russja li nstabet ħatja taħt liġi dwar l-għaqda pubblika iebsa adottata fl-2014;

    B.

    billi Ildar Dadin ġie kkundannat għal tliet snin ħabs, kundanna li tmur lilhinn mis-sentenza rakkomandata mill-prosekuzzjoni ta' sentejn ħabs; billi s-sentenza tnaqqset b'appell għal sentejn u nofs;

    C.

    billi matul il-priġunerija tiegħu li għadha għaddejja, is-Sur Dadin allegatament sofra tortura, swat, trattament inuman u theddid ta' qtil ripetuti min-naħa tal-awtoritajiet Russi, fil-kolonja penali numru 7 f'Karelia;

    D.

    billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) approvat it-talba tal-avukat tas-Sur Dadin u obbligat lill-Federazzjoni Russa tiżgura investigazzjoni effettiva, tressaq lis-Sur Dadin f'penitenzjarju differenti u tiżgura l-komunikazzjoni tiegħu mar-rappreżentant legali tiegħu;

    E.

    billi l-każ ta' Ildar Dadin mhuwiex iżolat, u rapporti kredibbli dwar id-drittijiet tal-bniedem jindikaw l-użu sistematiku tat-tortura, trattament ħażin u trattament inuman fis-sistema penali Russa; billi dawk li jwettqu u li huma responsabbli mit-tortura u l-abbuż ta' dawk fil-ħabs jew f'faċilitajiet penali u ta' detenzjoni ta' spiss igawdu minn impunità;

    F.

    billi fit-3 ta' Novembru 2016, Thorbjørn Jagland, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, esprima t-tħassib tiegħu dwar l-allegazzjonijiet ta' trattament ħażin tas-Sur Dadin lil Alexander Konovalov, Ministru tal-Ġustizzja tal-Federazzjoni Russa;

    G.

    billi n-numru ta' priġunieri politiċi fir-Russja żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin u, skont il-Memorial Human Rights Centre, issa huwa ta' 102 priġunier, fosthom Alexander Kostenko Fedorovic, Ivan Nepomnyaschih, Dmitry Buchenkov, Vladimir Ionov, Maxim Panfilov u oħrajn; billi fl-2015 ir-Russja nstabet li kisret il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 109 darbiet, fi kliem ieħor aktar minn kwalunkwe pajjiż ieħor;

    H.

    billi kienu rreġistrati 197 mewta fil-kustodja tal-pulizija fl-2015, inklużi 109 dovuti għal “deterjorament f'daqqa tal-kundizzjonijiet tas-saħħa” u 62 suwiċidju, u dan jista' jindika abbuż, tortura u trattament ħażin mifruxa ta' priġunieri fis-sistema penitenzjarja tal-Federazzjoni Russa;

    I.

    billi fis-26 ta' Ottubru 2016 qorti f'Moska imponiet multa ta' 300 000 rubli liċ-Ċentru Analitiku Yuriy Levada (Ċentru Levada), waħda mit-tliet organizzazzjonijiet prinċipali li jistudjaw l-opinjoni pubblika fir-Russja, minħabba li dan kien naqas milli jirreġistra bħala “aġent barrani”;

    J.

    billi l-President Putin dan l-aħħar iffirma digriet li bih ir-Russja minn issa 'l quddiem tirrifjuta li tipparteċipa fl-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); billi f'dikjarazzjoni, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Russu iddeskriva x-xogħol tal-QKI bħala “ineffiċjenti u parzjali” u esprima tħassib dwar l-investigazzjoni tagħha rigward l-avvenimenti ta' Awwissu 2008 fl-Ossezja tan-Nofsinhar; billi l-prosekuturi tal-QKI ressqu rapport fuq il-websajt tal-qorti li jiddikjara li “l-okkupazzjoni Russa kienet akkumpanjata minn fastidju u intimidazzjoni tat-Tatari tal-Krimea”;

    K.

    billi f'Ottubru 2016 il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li ma jerġax jeleġġi lir-Russja bħala membru, wara li aktar minn 80 organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-għajnuna internazzjonali ffirmaw ittra li tħeġġeġ lill-membri tan-NU jimblukkaw l-elezzjoni tar-Russja f’dan il-korp;

    1.

    Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Ildar Dadin u ta' dawk kollha li ġew arrestati fuq akkużi foloz jew mhux sostanzjati jew għaliex użaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda;

    2.

    Huwa mħasseb profondament li l-Kodiċi Kriminali tal-Federazzjoni Russa ġie emendat permezz ta' artikolu li jqiegħed restrizzjonijiet ġodda fuq il-laqgħat pubbliċi u jipprovdi biex tali laqgħat jitqiesu bħala att kriminali;

    3.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jwettqu investigazzjoni dettaljata u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet magħmula minn Ildar Dadin ta' tortura u trattament ħażin, bil-parteċipazzjoni ta' esperti indipendenti dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta' tortura, abbuż u trattament degradanti u inuman min-naħa ta' uffiċjali tal-Istat Russu f'faċilitajiet ta' detenzjoni, kampijiet tax-xogħol u ħabsijiet;

    4.

    Jistieden lill-Federazzjoni Russa, f'dan ir-rigward, biex twettaq reviżjoni fil-fond tas-sistema penitenzjarja tagħha bl-għan li tinbeda riforma profonda tas-sistema, u li jiġu implimentati bis-sħiħ l-istandards maqbula skont il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti;

    5.

    Jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' dawk li ġew arrestati fir-Russja u fit-territorji okkupati temporanjament tal-Ukrajna, inklużi t-Tatari tal-Krimea, abbażi ta' akkużi foloz u mhux sostanzjati, u jitlob il-ħelsien immedjat tagħhom;

    6.

    Ifakkar lir-Russja dwar l-importanza tal-konformità sħiħa mal-obbligi legali internazzjonali tagħha, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u mal-istat tad-dritt kif minquxa f'diversi trattati u ftehimiet internazzjonali li r-Russja iffirmat u hija firmatarja tagħhom; jenfasizza li l-Federazzjoni Russa tista' titqies bħala sieħeb affidabbli fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali unikament jekk timxi mal-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali; f'dan ir-rigward, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-digriet presidenzjali li jirtira lir-Russja mill-Istatut ta' Ruma tal-QKI;

    7.

    Jistieden lill-gvern tar-Russja biex jieħu passi konkreti u immedjati biex jikkonforma mas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kontra r-Russja; f'dan ir-rigward jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Federazzjoni Russa, b'leġiżlazzjoni ġdida adottata f'Diċembru 2015, tat is-setgħa lill-Qorti Kostituzzjonali tagħha li tbiddel is-sentenzi tal-QEDB;

    8.

    Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżviluppa politika komuni fir-rigward tar-Russja li timpenja lit-28 Stat Membru tal-UE u lill-istituzzjonijiet tal-UE li jibagħtu messaġġ komuni qawwi dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u r-rispett tad-dritt internazzjonali; jistieden lill-VP/RGħ biex, flimkien mas-SEAE u l-Kummissjoni, tiżviluppa strateġija sostantiva u konkreta li tappoġġa lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet Russi, bl-użu tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

    9.

    Jistieden lill-Kunsill jadotta sensiela ta' sanzjonijiet immirati biex jikkastigaw lil dawk responsabbli għal dan it-trattament ħażin ta' Ildar Dadin u ta' attivisti oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

    10.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-SEAE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

    (1)  ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 13.

    (2)  ĠU C 65, 19.2.2016, p. 150.

    (3)  Testi adottati, P7_TA(2014)0253.

    (4)  Testi adottati, P7_TA(2014)0258.

    (5)  ĠU C 274, 27.7.2016, p. 21.

    (6)  ĠU C 316, 30.8.2016, p. 126.

    (7)  ĠU C 407, 4.11.2016, p. 35.

    (8)  Testi adottati P8_TA(2015)0314.


    Top