This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CN0083
Case C-83/18: Request for a preliminary ruling from the Tribunal Supremo (Spain) lodged on 7 February 2018 — Iberdrola Generación Nuclear, S.A.U. v Administración General del Estado
Kawża C-83/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fis-7 ta’ Frar 2018 – Iberdrola Generación Nuclear S.A.U. vs Administración General del Estado
Kawża C-83/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fis-7 ta’ Frar 2018 – Iberdrola Generación Nuclear S.A.U. vs Administración General del Estado
ĠU C 182, 28.5.2018, p. 6–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
28.5.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 182/6 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fis-7 ta’ Frar 2018 – Iberdrola Generación Nuclear S.A.U. vs Administración General del Estado
(Kawża C-83/18)
(2018/C 182/05)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Supremo
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Iberdrola Generación Nuclear S.A.U.
Konvenuta: Administración General del Estado
Domandi preliminari
1) |
Il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, fis-sens tal-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu l-prinċipji fundamentali ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, protetti mill-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2009/72/KE (1), sa fejn huwa intiż, fost finalitajiet oħra, għat-twettiq ta’ suq tal-elettriku kompetittiv u nondiskriminatorju li jista’ jinbidel biss għal raġunijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali, inkluża l-protezzjoni tal-ambjent, jipprekludi l-introduzzjoni ta’ taxxi li japplikaw biss fir-rigward ta’ kumpanniji ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku li jużaw enerġija nukleari, meta l-għan ta’ dawn it-taxxi ma tkunx il-protezzjoni tal-ambjent iżda ż-żieda fil-volum tas-sistema finanzjarja tal-enerġija elettrika b’mod li dawn il-kumpanniji jikkontribwixxu iktar għall-finanzjament tad-defiċit tariffarju minn kumpanniji oħra li jwettqu l-istess attività? |
2) |
F’suq tal-elettriku kompetittiv u nondiskriminatarju, il-leġiżlazzjoni Ewropea tippermetti l-impożizzjoni ta’ taxxi ambjentali abbażi tat-tniġġis ikkawżat mill-attivitajiet nukleari, mingħajr ebda dispożizzjoni konkreta f’dan ir-rigward u bil-ġustifikazzjoni tal-preambolu tal-liġi Spanjola, bil-konsegwenza li, fir-rigward tat-taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv, id-dispożizzjonijiet vinkolanti tal-liġi ma jispeċifikawx liema huma l-ispejjeż li għandhom jiġu koperti u, fir-rigward tal-ħażna ta’ skart radjuattiv, id-dispożizzjonijiet vinkolanti daqstant ieħor ma jispeċifikawx dan, fid-dawl tal-fatt li l-ispejjeż ta’ ġestjoni u ta’ ħażna huma diġà koperti b’imposti oħra, u barra minn hekk, ma humiex speċifikati b’mod ċar il-finijiet tal-fondi miġbura, u tal-fatt li l-kumpanniji inkwistjoni huma marbuta jassumu responsabbiltà ċivili f’ammont ta’ EUR 1,2 miljuni f’dan ir-rigward? |
3) |
Ir-rekwiżit tal-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva, li jeżiġi li jiġu imposti obbligi abbażi tal-interess ekonomiku ġenerali, inkluża l-protezzjoni tal-ambjent, li għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorju u verifikabbli, jiġi osservat jekk l-għan ambjentali u l-karatteristiċi essenzjali li jiddefinixxu t-taxxi ambjentali ma jkunux speċifikati fid-dispożizzjoni li jkollha saħħa ta’ liġi? |
4) |
Il-prinċipji ta’ “min iniġġes iħallas”, previst fl-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, previsti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2005/89/KE (2), sa fejn huma intiżi li jiżguraw “il-funzjonament korrett tas-suq intern tal-elettriku”, u li l-Istati Membri jiżguraw “li kull miżura adottata skond din id-Direttiva tkun non-diskriminatorja u ma timponix piż eċċessiv fuq l-atturi tas-suq, inklużi l-atturi ġodda fis-suq” jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-kumpanniji tal-elettriku kollha (għajr il-kumpanniji li jipproduċu l-idroelettriku, li huwa kklassifikat bħala enerġija rinnovabbli) jiffinanzjaw id-defiċit tariffarju, iżda li tissuġġetta lill-impriżi ta’ produzzjoni ta’ elettriku nukleari għal imposti fiskali partikolarment iebsa, b’mod li jkollhom jikkontribwixxu iktar minn impriżi oħra fis-suq tal-enerġija, li wħud minnhom iniġġsu iktar iżda ma jkunux suġġetti għal dawn it-taxxi, abbażi tal-protezzjoni tal-ambjent fid-dawl tar-riskji u tal-inċertezzi li jirriżultaw mill-attivajiet nukleari, mingħajr ma jispeċifikaw la l-ispejjeż u lanqas il-finijiet tal-fondi miġbura (fid-dawl tal-fatt li l-ġestjoni tal-iskart u l-ħażna huma diġà suġġetti għal taxxi oħra, u li kumpanniji tal-produzzjoni nukleari jassumu responsabbiltà ċivili), sa fejn din il-leġiżlazzjoni toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni libera meħtieġa mil-liberalizzazzjoni tas-suq intern billi tiffavorixxi kumpanniji oħra ta’ produzzjoni tal-elettriku li ma jkunux suġġetti għal taxxi ambjentali inkluż fil-każ li jirrikorru għal sorsi ta’ produzzjoni li jniġġsu iktar? |
5) |
L-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-“prinċipju ta’ min iniġġes iħallas”, jipprekludi taxxa fuq il-produzzjoni ta’ kombustibbli nukleari eżawrit u ta’ skart radjuattiv li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-elettriku nukleari imposta biss fuq l-industrija tal-produzzjoni nukleari, bl-esklużjoni ta’ kull settur ieħor li jista’ jipproduċi tali skart, li jfisser li impriżi oħra li jużaw materjal jew sorsi nukleari ma jiġux intaxxati, minkejja li jkollhom impatt fuq l-ambjent li għandu jiġi protett? |
(1) Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009 L 211, p. 55)
(2) Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista ta’ l-elettriku u ta’ l-investiment fl-infrastruttura (ĠU 2006, L 33, p. 22)