Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IR0854

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Id-dimensjoni lokali u reġjonali tal-Programm Orizzont 2020 u l-Programm Qafas il-Ġdid għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

    ĠU C 342, 12.10.2017, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 342/1


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Id-dimensjoni lokali u reġjonali tal-Programm Orizzont 2020 u l-Programm Qafas il-Ġdid għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

    (2017/C 342/01)

    Relatur:

    Christophe CLERGEAU (FR/PSE), Kunsillier Reġjonali tal-Kunsill Reġjonali ta’ Pays-de-la-Loire

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

    A)   IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI EWROPEJ: AMBIZZJONI LI GĦANDHA TISSAĦĦAĦ LIL HINN MILL-PROGRAMM QAFAS

    Jiġi affermat mill-ġdid ir-rwol tal-Programm Qafas fit-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-miri tal-Ewropa 2020

    1.

    jilqa’ b’sodisfazzjon is-suċċess kbir tal-politika Ewropea ta’ riċerka mnedija permezz tal-programmi qafas suċċessivi sal-Orizzont 2020 (H2020), l-aktar programm integrat ta’ riċerka importanti fid-dinja, ibbażat fuq l-eċċellenza xjentifika u l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjonijiet;

    2.

    ifakkar li l-H2020 huwa l-għodda prinċipali ta’ appoġġ għall-iżvilupp tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa, fi ħdan strateġija komprensiva Ewropa 2020 u għas-servizz tat-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER);

    3.

    jafferma mill-ġdid ir-rilevanza tal-Istrateġija Ewropa 2020 li tipproponi approċċ ikkonsolidat tat-“triangolu tal-għarfien” (riċerka – taħriġ – innovazzjoni), filwaqt li t-tibdil fl-approċċ ta’ tagħlim u ż-żieda fil-livell ta’ taħriġ għal kulħadd jibqgħu essenzjali u tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozju; jissuġġerixxi wkoll it-tfittxija għal koordinazzjoni u komplementarjetà akbar mal-Programmi Erasmus+ u Interreg, inkluż Interreg Europe, li huwa ddedikat għall-kooperazzjoni interreġjonali; jenfasizza li t-twettiq taż-ŻER għandu jissokta u jirrikjedi l-ksib ta’ għadd ta’ objettivi li fosthom l-eċċellenza xjentifika hija taqsima kruċjali u indispensabbli iżda mhux esklużiva;

    4.

    jenfasizza r-rilevanza kontinwa tal-objettivi taż-ŻER u l-benefiċċju li wieħed ifittex li jilħaqhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni transnazzjonali, il-mobbiltà tal-għarfien, suq tax-xogħol uniku għar-riċerkaturi u l-innovaturi, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-aċċess għall-informazzjoni u x-xjenza;

    5.

    jissuġġerixxi, li sabiex jiġi żviluppat l-appoġġ għall-proġett biex tinbena soċjetà fuq l-għarfien fl-Ewropa, jiġi identifikat it-talent Ewropew u jiġu mmonitorjati l-karrieri tar-riċerkaturi; għandhom jiġu stabbiliti mogħdijiet Ewropej għar-riċerkaturi, li jippermettulhom li jkollhom aċċess għall-programmi li jappoġġaw il-karriera ta’ riċerka tagħhom f’perjodi ta’ tranżizzjoni; l-involviment tar-riċerkaturi fl-ambjent tan-negozju għandu jiġi promoss;

    6.

    jirrifjuta li jillimita d-dibattitu baġitarju għall-programm qafas biss. Skont il-metodi ta’ valutazzjoni, is-sehem tal-politika ta’ koeżjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni jvarja bejn EUR 43 u 110 biljun mingħajr ma jingħaddu l-kontributi importanti ta’ politiki settorjali oħra u l-Pjan Juncker;

    Għal ritorn ta’ prijorità politika u baġitarja partikolari għall-innovazzjoni u r-riċerka

    7.

    jitlob ir-ritorn tal-innovazzjoni u r-riċerka bħala prijorità ewlenija fid-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa, u tal-prijoritajiet previsiti fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, (1) tisħiħ tal-governanza trasversali tal-kwistjonijiet ta’ riċerka, innovazzjoni u taħriġ fi ħdan l-UE, kif ukoll żieda fl-isforz fiskali ġenerali ddedikat min-naħa tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-politiki kollha fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) eżistenti u li jmiss. F’dan il-kuntest ġenerali, u f’konformità mal-abbozz ta’ rapport (2) tal-Parlament Ewropew u r-rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli indipendenti dwar il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-Programmi ta’ Riċerka u Innovazzjoni tal-UE (Rapport Lamy), (3) il-baġit għal dan il-programm qafas għandu jiżdied b’mod konsiderevoli biex tal-anqas tinżamm l-ispinta tat-tkabbir mill-programm qafas attwali. (4) Fi kwalunkwe każ, il-promozzjoni neċessarja tar-R&I ma tistax iddgħajjef l-importanza tal-politika ta’ koeżjoni, li tibqa’ l-għodda ta’ finanzjament ewlenija tal-UE sabiex tintlaħaq il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-konverġenza bejn il-bliet u r-reġjuni. Għandu jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tal-mezzi ta’ azzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u għandu jiġi ikkombinat sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp reġjonali;

    8.

    jitlob għal ambizzjoni kollettiva ġdida li ma tikkonċernax biss l-eċċellenza xjentifika fl-Ewropa iżda tikkonċerna l-eċċellenza xjentifika u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Ewropa kollha kemm hi, bl-użu tal-potenzjal kollu tar-reġjuni kollha tagħha, filwaqt li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom u tippromovi innovazzjoni miftuħa u kollaborattiva;

    9.

    iqis li dan l-ambizzjoni hijaa iktar u iktar meħtieġa fil-kuntest ta’ globalizzazzjoni li l-effetti tagħha għad iridu jiġu indirizzati, b’mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali, u li fir-rigward tagħha r-riċerka u l-innovazzjoni huma fatturi ta’ reżiljenza, ta’ valur miżjud għoli u kompetittività sostenibbli;

    10.

    għandu l-għan li jippromwovi approċċ olistiku għall-finanzjament Ewropew, nazzjonali u reġjonali li mingħajru din l-ambizzjoni u d-dibattitu dwar il-baġit tal-UE ma jkunux jagħmlu sens; jindika l-importanza tal-mira li jintefaq 3 % tal-PDG fuq R&I pubbliċi u privati li kienet stabbilita għall-Istati Membri kollha mill-istrateġija Ewropa 2020, li baqgħet staġnata fi 2,03 % sa mill-2015 u ddgħajfet, fost affarijiet oħra, mit-tnaqqis f’approprjazzjonijiet f’bosta Stati Membri; għal dak il-għan, iqis essenzjali li jibqgħu jissaħħu s-sistemi tar-R&I, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi f’kull pajjiż u reġjun, billi tittejjeb il-koordinazzjoni tal-politiki fil-livell Ewropew u jiġu promossi r-riformi neċessarji fil-livell nazzjonali u reġjonali, inkluż permezz tas-Semestru Ewropew u l-istrateġiji tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti;

    Niċċaraw id-dibattitu dwar is-sinerġiji mal-politiki Ewropej l-oħra

    11.

    iqis neċessarju li jiġi ċċarat aktar id-dibattitu dwar is-sinerġiji u jipproponi ħames prinċipji operattivi li jistgħu jiġu kondiviżi bejn l-Unjoni, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet:

    il-prinċipju ta’ koerenza: il-kondiviżjoni tal-governanza, l-għażla tal-objettivi ewlenin, tal-istrateġiji u l-proġetti ewlenin;

    il-prinċipju tal-komparabbiltà: ikunu jistgħu jiġu kkombinati u integrati r-riżorsi b’mod effiċjenti u sempliċi li speċifikament jindirizzaw il-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat;

    il-prinċipju ta’ komplementarjetà: jiġi żgurat tqassim ċar tar-rwoli u kontinwità tajba tal-azzjoni fil-finanzjament tal-partijiet differenti tal-proġetti, u l-appoġġ tagħhom upstream (tisħiħ tal-kapaċità, eċċ.) u downstream (valutazzjoni tar-riżultati tar-riċerka, it-tqegħid fis-suq, eċċ.);

    il-prinċipju ta’ kostruzzjoni konġunta: jiġi stabbilit approċċ koerenti abbażi tal-idea “l-iffinanzjar flimkien jimplika t-tfassil flimkien u t-tmexxija flimkien”;

    il-prinċipju ta’ ekosistemi: jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-inizjattivi kollettivi lokali;

    B)   IR-RINNOVAZZJONI TAL-PEDAMENTI TAL-PROGRAMM QAFAS FILWAQT LI TINŻAMM L-ARKITETTURA TIEGĦU

    Programm miftuħ u kollaborattiv għas-servizz ta’ kulħadd

    12.

    ifakkar li l-valur miżjud Ewropew tal-Programm Qafas huwa bbażat qabel kollox fuq id-dimensjoni kollettiva u kollaborattiva tiegħu u l-kontribut tiegħu għan-netwerking tar-riċerkaturi u l-ekosistemi tal-innovazzjoni. Din id-dimensjoni għandha tkompli tieħu preċedenza fuq l-appoġġ għal proġetti individwali;

    13.

    jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis tar-rata ta’ suċċess medju tas-sejħiet għall-proposti, rata aktar baxxa milli għall-Programm Qafas preċedenti, li jfixkel serjament it-tixrid tiegħu fil-bliet u r-reġjuni; Il-kompetizzjoni meħtieġa għal approċċ ta’ eċċellenza m’għandhiex twassal għall-esklużjoni u l-konċentrazzjoni eċċessiva;

    14.

    jemmen li ż-żamma tal-ftuħ tal-programm qafas hija essenzjali biex tiżgura t-tixrid tiegħu fl-Ewropa kollha, ir-reġjuni tagħha u kif ukoll fost iċ-ċittadini tagħha; iħeġġeġ għal innovazzjoni akbar fl-għodod tal-programm qafas sabiex jingħaqdu l-eċċellenza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni;

    15.

    ifakkar fl-importanza li jinżamm bilanċ bejn ir-riċerka fundamentali u r-riċerka qrib it-tqegħid fis-suq, iżda wkoll bejn ir-riċerka ħielsa u riċerka li tindirizza l-mistoqsijiet li jsiru mis-soċjetà u l-atturi ekonomiċi, u dan sabiex jiġu mmirati kemm l-innovazzjoni inkrementali kif ukoll l-innovazzjoni ta’ tfixkil, li t-tnejn jistgħu joħolqu attivitajiet u impjiegi ġodda;

    16.

    jinnota s-supremazija li tingħata attwalment lill-proġetti b’livelli għoljin ta’ tħejjija teknoloġika (TRL), li tagħti prijorità lill-innovazzjoni inkrementali billi tinkoraġġixxi lir-riċerkaturi jiffokaw fuq ideat maturi li jistgħu jinġiebu fis-suq fi żmien qasir; fl-istess ħin, jargumenta li l-appoġġ għall-proġetti f’livelli aktar baxxi ta’ TRLs huwa wkoll importanti sabiex tinġieb aktar innovazzjoni lis-suq; jenfasizza l-importanza ta’ innovazzjonijiet li jfixklu li huma bbażati fuq livelli aktar baxxi ta’ TRLs u jippermettu li prodotti u servizzi ġodda jinħarġu fis-suq malajr. Fi kwalunkwe każ, l-għajnuna lill-SMEs jaċċessaw is-suq u l-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli għandha tkun prijorità ewlenija tal-politika ta’ innovazzjoni. Dan għandu jkun ir-rwol ta’ Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni;

    17.

    jitlob li jiġu kkunsidrati aħjar il-forom kollha ta’ eċċellenza u innovazzjoni, u jfakkar li l-innovazzjoni mhux teknoloġika u l-innovazzjoni soċjali joħolqu ħtieġa ta’ għarfien ġdid li jista’ jsawwar oqsma ġodda ta’ eċċellenza;

    18.

    jitlob rikonoxximent sħiħ tal-innovazzjoni soċjali, li jfisser ideat ġodda (prodotti, servizzi u mudelli) li jagħmluha possibbli li jiġu sodisfati l-ħtiġijiet soċjali fis-sens wiesa’ tat-terminu;

    19.

    jenfasizza li r-riċerka u l-innovazzjoni mhumiex immirati esklużivament lejn il-kumpaniji iżda jikkonċernaw ukoll il-politiki pubbliċi, is-saħħa, il-kultura u l-ħajja komunitarja, kif ukoll l-ekonomija soċjali u mudelli ekonomiċi ġodda, li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ sħubijiet ġodda, attivitajiet ġodda u relazzjonijiet soċjali ġodda. Għalhekk, l-isfruttar tar-riżultati tal-innovazzjoni għandhom jiffokaw mhux biss fuq il-kunċett ta’ prodott b’valur ekonomiku fis-suq, iżda wkoll fuq il-kunċett ta’ servizz b’valur soċjali għaċ-ċittadini;

    Approċċ ġdid għall-eċċellenza

    20.

    jenfasizza li t-terminu eċċellenza jintuża biex issir referenza għal realtajiet differenti ħafna; jipproponi li ssir distinzjoni bejn l-isfidi li ġejjin li l-Programm Qafas għandu jgħin fl-indirizzar tagħhom:

    l-eċċellenza tax-xjenza, ibbażata l-ewwel nett fuq il-prinċipju ta’ kollaborazzjoni u mbagħad dak tal-kompetizzjoni;

    l-eċċellenza tal-proġett tax-xjenza u l-innovazzjoni li hija kkaratterizzata wkoll mill-impatt tagħhom u l-kontribuzzjoni tagħhom għat-trasferiment tal-għarfien;

    l-eċċellenza tal-ekosistemi ta’ innovazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn atturi differenti;

    l-eċċellenza madwar l-Ewropa kollha u l-kapaċità globali tagħha ta’ innovazzjoni;

    Approċċ ġdid għall-impatt tal-proġetti

    21.

    jissuġġerixxi li, fil-valutazzjoni tal-impatt tal-proġetti, kemm fil-fażi ex-ante fil-każ tal-proposti, kif ukoll fil-fażi ex-post fil-każ tal-proġetti mogħtija, jiġu kkunsidrati:

    l-impatt xjentifiku, imkejjel b’mod predominanti permezz ta’ kwotazzjonijiet;

    l-impatt tad-disseminazzjoni u s-sjieda tar-riżultati tal-proġetti;

    l-impatt tal-innovazzjoni miftuħa u kollaborattiva u l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda offruti b’mod partikolari mill-SMEs;

    l-impatt fuq l-ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni u fuq it-tliet pilastri tagħhom (riċerka-edukazzjoni-innovazzjoni) u fuq il-bliet u r-reġjuni u ċ-ċittadini tagħhom, b’mod partikolari fuq l-impjieg u l-benesseri;

    Approċċ ġdid lejn ir-rwol tar-reġjuni fi ħdan il-Programm Qafas

    22.

    sabiex jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-eċċellenza fil-forom kollha tagħha, jissuġġerixxi rwol akbar fil-programm qafas futur għar-reġjuni u l-bliet:

    imsieħba fil-governanza globali tal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa u tal-Programm Qafas;

    fil-qalba tan-netwerks Ewropej tal-eċċellenza tar-raggruppamenti (hubs) u l-ekosistemi ta’ innovazzjoni;

    parteċipanti fil-proġetti bl-involviment iffaċilitat;

    atturi prinċipali tal-innovazzjoni, l-isfruttar u d-disseminazzjoni tar-riżultati tal-H2020;

    rwol ewlieni fid-djalogu kontinwu bejn ix-xjenza u s-soċjetà.

    Nibdlu l-isfidi tas-soċjetà biex jissaħħu r-rilevanza u l-impatt tagħhom

    23.

    jitlob l-introduzzjoni ta’ żewġ sfidi tas-soċjetà ġodda biex tiġi żviluppata l-produzzjoni ta’ xjenza eċċellenti dwar l-isfidi ewlenin għall-futur tas-soċjetajiet Ewropej:

    jingħelbu l-isfidi tal-aġenda Ewropea dwar il-kompetenzi: it-taħriġ tul il-ħajja fi ħdan il-mudell Ewropew soċjali u bbażat fuq il-prestazzjon;

    id-dinamika territorjali tal-produzzjoni ta’ valur, l-innovazzjoni u l-impjiegi, ir-rabtiet soċjali, u l-iżvilupp sostenibbli, anke b’rabta mal-isfidi demografiċi li jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea;

    24.

    jirrakkomanda li fl-isfidi tas-soċjetà jissaħħaħ ir-rwol tal-interdixxiplinarjetà u tax-xjenzi umani u soċjali, kif ukoll it-teħid ta’ riskju, biex jiġu ġġenerati ideat u soluzzjonijiet ġodda b’mod partikolari permezz tal-introduzzjoni ta’ sejħiet għal proġett ġodda;

    25.

    iħeġġeġ l-adozzjoni ta’ approċċ komplementari ġdid ibbażat fuq il-missjonijiet, sabiex jitwettqu proġetti fuq skala kbira u ta’ ħidma esploratorja, kif ukoll fuq enfasi trasversali, billi jintuża l-mudell ta’ bliet intelliġenti, kwistjonijiet tal-ambjent, jew kwistjonijiet marittimi u tar-riċerka dwar il-baħar; għal dan il-għan, itenni mill-ġdid is-sejħa tal-Kumitat biex tiġi stabbilita mira, fil-programm qafas li jmiss, għal 10 % tal-proġetti biex ikollhom impatt sinifikanti fuq ir-riċerka marittima u dwar il-baħar (5);

    Għal modalitajiet ta’ parteċipazzjoni li jinkoraġġixxu diversità akbar ta’ proġetti

    26.

    jinsab sorpriż li bosta opportunitajiet offruti mir-regolamenti attwali ma jiġux użati biżżejjed u jipproponi diversi punti ta’ titjib:

    sejħiet għal proposti aktar wesgħin u miftuħa li jippermettu l-iżvilupp ta’ approċċi ġodda;

    aktar interdixxiplinarjetà fil-formulazzjoni tas-sejħiet għal proposti b’tali mod li jiġi mobilizzat l-għarfien kollu, teknoloġiku jew ieħor;

    integrazzjoni aħjar tax-xjenzi umani u soċjali, li attwalment hemm nuqqas tagħha;

    appoġġ aħjar għan-netwerks u l-inizjattivi minn isfel għal fuq;

    trasparenza u responsabbiltà akbar fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ valutazzjoni u l-għażla tal-proġetti u allokazzjoni tal-fondi, kif ukoll fir-redditi, sabiex il-proġetti jiġu emendati għas-suċċess tal-applikazzjoni li jmiss;

    inċentiv għal aktar involviment ta’ parteċipanti ġodda f’sejħiet għall-proposti lejn parteċipanti li qed jieħdu sehem għall-ewwel darba;

    użu akbar u koerenti għall-fondi kaskata, li huma metodu kif jintlaħqu l-udjenzi li ma tantx jafu dwar il-programm qafas;

    l-istabbiliment ta’ proċeduri semplifikati sabiex titnaqqas il-burokrazija bla bżonn għall-utenti finali;

    27.

    jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-elementi ta’ evalwazzjoni li jiġġustifikaw il-livell għoli ta’ finanzjament tal-intrapriżi kbar fil-qafas tal-Orizzont 2020, filwaqt li l-infiq tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni ftit li xejn żdied, u jipproponi għaldaqstant żviluppi għall-Programm Qafas li jmiss;

    28.

    jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu ffinanzjati attivitajiet ta’ riċerka permezz ta’ sussidji; jiddispjaċih dwar it-tendenza li s-sussidji qed jiġu sostitwiti b’self iżda jirrikonoxxi li l-proġetti ta’ livell għoli ta’ maturità teknoloġika, qrib l-attivitajiet tas-suq, għandhom ikunu jistgħu jirrikorru għas-self, fost strumenti oħra;

    29.

    iqis li l-iżvilupp ta’ għodod finanzjarji għall-appoġġ tal-objettivi tal-Programm Qafas huwa ġġustifikat biss, fi sħubija mal-istituzzjonijiet finanzjarji, jekk dawn ikunu jistgħu jkopru riskji għoljin li għalihom is-suq ma jkunx biżżejjed, pereżempju fuq il-mudell InnovFin; jiddispjaċih dwar l-użu limitat attwali tal-Pjan Juncker biex ikun hemm protezzjoni kontra dan it-tip ta’ riskju;

    30.

    jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jittejjeb il-finanzjament ta’ proġetti ta’ innovazzjoni għall-SMEs, b’enfasi fuq il-programmi Industrija 4.0, bħala mod aħjar biex tiġi strutturata n-nisġa industrijali Ewropea, filwaqt li tiġi ġġenerata wkoll domanda interna għat-teknoloġija li tiffavorixxi l-iżvilupp Ewropew;

    C)   PROGRAMM QAFAS LI JAPPOĠĠJA R-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI ANKRATI FIL-BLIET U R-REĠJUNI KOLLHA

    Il-promozzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq l-eċċellenza li hija ankrata sew fil-bliet u r-reġjuni

    31.

    jinnota li l-eċċellenza xjentifika hija inkluża f’ragruppamenti u ekosistemi ta’ innovazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji tal-Orizzont 2020 (universitajiet, organizzazzjonijiet ta’ riċerka, SMEs, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) huma ankrati sew fil-bliet u r-reġjuni tagħhom u l-kwalità tagħhom tikkontribwixxi għall-kwalità tax-xjenza. Din ir-realtà għandha tiġi rikonoxxuta bis-sħiħ fil-Programm Qafas;

    32.

    ifakkar li d-dimensjoni territorjali għandha titqies sistematikament fit-tfassil tal-politiki kollha, peress li l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) jipprovdu riżorsi għall-partijiet interessati xjentifiċi u tan-negozji u joħolqu l-valur għall-bliet, ir-reġjuni u u kif ukoll għaċ-ċittadini;

    33.

    jenfasizza li l-RIS3 ġew adottati u żviluppati mir-reġjuni bħala mezz biex jitfassal l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp ekonomiku u b’komplementarjetà mar-reġjuni l-oħra, u li jiġu kkoordinati investimenti reġjonali u investimenti Ewropej fuq proġetti strutturali fl-oqsma tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti iżid l-impatt tal-Programm Qafas, filwaqt li jiġi evitat il-finanzjament ta’ proġetti li mhumiex relatati maċ-ċirkostanzi lokali;

    34.

    jiddikjara li l-Programm Qafas għandu jippromovi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-bliet u r-reġjuni, sabiex jiġu akkumpanjati jitilgħu t-taraġ tal-eċċellenza, partikolarment fl-oqsma ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, u tissaħħaħ il-kapaċità tar-reġjuni kollha li jipparteċipaw fl-H2020 billi jikkontribwixxu bi proġetti ta’ kwalità għolja;

    35.

    jenfasizza l-importanza tal-bliet bħala ċentri ta’ innovazzjoni li għandhom rwol ċentrali fil-bini tal-eċċellenza; jenfasizza wkoll li konċentrazzjoni kbira wisq tax-xjenza fiċ-ċentri tal-innovazzjoni tista’ tkun ostakolu għat-tfittxija ta’ effett kollaterali fuq in-nisġa ekonomika u soċjali u li hemm bżonn li jiġu mobilizzati l-gruppi ta’ eċċellenza remoti tas-siti ewlenin; ifakkar ir-rwol kruċjali li għandha l-politika reġjonali f’dan il-qasam;

    Il-ħolqien ta’ alleanza ġdida bejn il-politika Ewropea tar-riċerka u l-bliet u r-reġjuni

    36.

    tipproponi sħubija ġdida għall-eċċellenza tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa bejn l-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet imsejsa madwar governanza f’diversi livelli msaħħa, ir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kultura komuni tal-innovazzjoni miftuħa u l-valutazzjoni tal-inizjattivi li joriġinaw mir-reġjun f’approċċ orjentat minn isfel għal fuq;

    37.

    jitlob li jkun hemm kontribuzzjoni tal-Programm Qafas għat-tisħiħ tar-raggruppamenti u l-ekosistemi reġjonali tal-innovazzjoni, aktar appoġġ għan-netwerks tat-trasferiment tat-teknoloġija, u l-ħolqien ta’ azzjoni ġdida “tal-konnessjonijiet territorjali” biex, permezz tal-Programm Qafas, jiġu rikonoxxuti u ffinanzjati n-netwerks reġjonali ta’ eċċellenza.

    38.

    jappella sabiex reġjuni pijunieri jiffurmaw konsorzji Ewropej bil-ħsieb li jinħolqu innovazzjonijiet rivoluzzjonarji madwar l-Ewropa. L-identifikazzjoni tal-opportunitajiet għall-kollaborazzjoni u tal-partijiet tal-katina tal-valur, u l-identifikazzjoni tal-partijiet interessati ewlenin u tal-kapaċitajiet permezz tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, huma passi ewlenin fil-proċess ta’ ħolqien ta’ valur miżjud tal-UE;

    L-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni bejn ir-reġjuni u bejn l-Istati Membri

    39.

    jiddispjaċih li f’nofs it-terminu hemm nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-Orizzont 2020 min-naħa tal-pajjiżi tal-UE-13  (6) , u jenfasizza d-disparitajiet tal-parteċipazzjoni fil-livell reġjonali u lokali; Huwa importanti li l-programm qafas, u mhux biss il-politika ta’ koeżjoni, ikun jaħdem fil-bliet u r-reġjuni kollha tal-Unjoni biex jiġu appoġġjati l-aqwa pijunieri tal-eċċellenza u u jkun żgurat l-aċċess tagħhom għall-isforzi kollaborattivi Ewropej;

    40.

    jixtieq li l-programm It-tixrid tal-eċċellenza u ż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-Orizzont 2020 jitkompla u jitwessa’ f’dan ir-rigward. Jitlob għal approċċ speċifiku għar-reġjuni li għadhom lura sew fl-iżvilupp tar-riċerka u l-innovazzjoni u li jinsabu f’pajjiżi mhux eliġibbli għal dan il-programm, li huwa l-każ tal-parti l-kbira tar-reġjuni ultraperiferiċi mingħajr ma titwarrab l-eċċellenza bħala kriterju fundamentali; jenfasizza s-sehem baxx tal-Orizzont 2020 mobilizzat f’dan il-programm (1 %), jinnota n-nuqqas ta’ evoluzzjoni sinifikanti fl-aċċess għall-programm qafas, u jinsab sorpriż li l-pajjiżi li huma l-benefiċjarji ewlenin tiegħu, huma wkoll il-benefiċjarji ewlenin għall-programm dwar It-tixrid tal-eċċellenza; iqis li din is-sitwazzjoni ddgħajjef il-leġittimità tal-Programm Qafas u jitlob għal aktar inizjattivi;

    41.

    jirrakkomanda li jkun hemm approċċ integrat għat-“triq lejn l-eċċellenza”, ibbażat fuq pjan ta’ koordinazzjoni għal kull pajjiż u reġjun sabiex tittieħed azzjoni dwar ir-riformi meħtieġa, il-bini ta’ ċentri ta’ eċċellenza li huma miftuħa għal kulħadd, li jiġi miġġieled l-eżodu ta’ mħuħ u ssir parteċipazzjoni bis-sħiħ fin-netwerks Ewropej ta’ riċerka. Dan il-pjan ta’ koordinazzjoni jkun iffinanzjat b’mod konġunt permezz ta’ finanzjament reġjonali, nazzjonali u Ewropej, inklużi riżorsi ta’ Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej;

    42.

    jipproponi għal dan l-għan li jissaħħaħ l-aċċess għall-kollaborazzjonijiet Ewropej:

    billi jissaħħaħ l-appoġġ għall-infrastrutturi tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, u jiġu multiplikati l-kattedri taż-ŻER (“ERA chairs”) biex jiġu attirati riċerkaturi żgħażagħ promettenti u mexxejja xjentifiċi;

    billi jissaħħu l-inċentivi għall-akkoljenza ta’ atturi ġodda fil-proġetti sottomessi u l-ftuħ tal-proġetti magħżula għal atturi ġodda komplementari;

    billi jiżdied l-appoġġ għall-SMEs għall-ħolqien ta’ Unitajiet ta’ Riċerka u Żvilupp u Innovazzjoni u sabiex dawn jirreklutaw professjonisti fl-oqsma tat-teknoloġija u r-riċerka;

    billi jiżdied l-appoġġ għall-ħolqien ta’ strutturi interni għall-SMEs li jippermettilhom jipparteċipaw f’netwerks ta’ riċerka u/jew innovazzjoni;

    D)   IL-PROMOZZJONI TAL-GĦODOD KOLLETTIVI U KOMUNI GĦAS-SERVIZZ TA’ EĊĊELLENZA XJENTIFIKA U L-INNOVAZZJONi

    In-netwerks tal-atturi Ewropej – in-nieqa tal-eċċellenza u l-innovazzjoni

    43.

    jafferma mill-ġdid bil-qawwa l-preċedenza tal-kollaborazzjoni stabbilita fin-netwerks dwar il-kompetizzjoni fi ħdan il-Programm Qafas skont il-valuri tal-Unjoni, kif ukoll l-importanza ta’ dawn in-netwerks bħala nieqa tal-proġetti u l-eċċellenza;

    44.

    jenfasizza, f’dan ir-rigward, ir-rilevanza tal-programm Reġjuni tal-Għarfien integrat fis-Seba’ Programm Qafas, li ippermetta l-interazzjonijiet mal-politika reġjonali billi għen biex jingħata bidu għal kollaborazzjonijiet fit-tul bejn l-atturi tat-trijangolu tal-għarfien fit-territorji, jiġi involut is-settur privat (b’mod partikolari l-SMEs) fi proġetti tal-Programm Qafas, jappoġġja l-kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-ekosistemi innovattivi u jintegra l-atturi lokali u reġjonali fiż-ŻER;

    45.

    jitlob li tiġi stabbilita politika ambizzjuża għall-iżvilupp ta’ dawn in-netwerks kollaborattivi:

    bejn ir-riċerkaturi, it-timijiet jew il-laboratorji, u bejn l-infrastrutturi ta’ riċerka għall-bini ta’ kwistjonijiet xjentifiċi, u biex jiġu proposti sejħiet għal proġetti u proġetti;

    bejn ir-raggruppamenti (clusters), il-proġetti pilota u d-dimostraturi;

    bejn diversi atturi, fosthom ir-reġjuni u l-bliet, ir-raggruppamenti u l-ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni, b’rabta mar-RIS3;

    46.

    ifakkar li jeżistu diversi possibbiltajiet fi ħdan l-Orizzont 2020 biex jiġu appoġġjati dawn l-inizjattivi, għandu tħassib dwar ir-riżorsi u l-mobilizzazzjoni dgħajfa tagħhom u jitlob li jsir użu iktar intens tal-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ; iħeġġeġ rikonoxximent aħjar tal-inizjattivi innovattivi mwettqa mir-reġjuni permezz tal-programm qafas. Jitlob ukoll aktar appoġġ għall-koperazzjoni interreġjonali madwar l-RIS3, kemm fil-kuntest tal-Orizzont 2020 kif ukoll tal-politika ta’ koeżjoni;

    L-iżvilupp ta’ programmi ta’ kostruzzjoni konġunta fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp flimkien mal-bliet u r-reġjuni

    47.

    jinnota li l-involviment tar-reġjuni fit-twettiq tal-Orizzont 2020 żdied minn mindu tnieda, b’għadd dejjem jikber ta’ reġjuni msieħba ta’ strumenti ta’ Programmazzjoni Konġunta bħall-azzjonijiet ERA-NET, l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie COFUND u s-sħubijiet pubbliċi-privati ta’ riċerka u innovazzjoni, bħall-inizjattiva Clean Sky;

    48.

    jitlob li jiġu żviluppati dawn l-azzjonijiet ta’ kostruzzjoni konġunta, jitlob li jiġu ssemplifikati u armonizzati r-regoli ta’ implimentazzjoni u, pereżempju, li tiġi ffaċilitata bil-qbil tal-Istati Membri l-parteċipazzjoni tar-reġjuni fl-Inizjattivi ta’ Programmazzjoni Konġunta (Artikolu 185 TFUE);

    49.

    jappella għal aktar semplifikazzjoni ta’ kif tiġi trattata l-għajnuna; kontinwazzjoni u estensjoni taċ-ċentralizzazzjoni tas-sussidji u għajnuna permezz ta’ portal ta’ informazzjoni uniku; informazzjoni dwar il-programmi, proċeduri u l-pjattaforma għall-ġestjoni tal-għajnuna fil-portal tal-parteċipant għandhom ikunu kollha fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, sabiex jiġi faċilitat l-aċċess tal-parteċipanti;

    50.

    jinkoraġġixxi mekkaniżmi għall-għoti ta’ “top-up” tal-UE fil-Programm Qafas bħala appoġġ għal inizjattivi ta’ eċċellenza mit-territorji u li jimmobbilizza finanzjamenti sinifikanti u diversifikati;

    51.

    iqis li l-esperjenza ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u l-implimentazzjoni tagħhom tipprovdi rispons siewi għat-tmexxija tal-Orizzont 2020 u l-Programm Qafas futur u d-definizzjoni ta’ programmi ta’ ħidma li jistabbilixxu s-suġġetti eliġibbli għall-finanzjament; jistieden lill-awtoritajiet involuti f’dan il-programm biex jinvolvu aktar lil-livell lokali fil-proċess, sabiex tissaħħaħ il-konsistenza mal-isfidi fil-livell lokali;

    52.

    iqis li huwa fundamentali li d-diversi sfidi tal-programm Orizzont 2020 jikkunsidraw l-impatt soċjoekonomiku fir-reġjuni sa mit-tfassil, l-ippjanar u l-identifikazzjoni tal-oqsma ta’ finanzjament ta’ dan il-programm, b’tali mod li l-għażla tagħhom tikkontribwixxi b’mod effettiv għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-reġjuni Ewropej kollha;

    53.

    jitlob li jerġgħu jiġu analizzati d-dispożizzjonijiet tal-Programm Qafas fid-dawl tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-komplementarjetà biex tissaħħaħ ir-rabta bejn id-diversi atturi mil-lat mhux biss tal-finanzjament konġunt iżda wkoll mil-lat ta’ diviżjoni ġdida ta’ rwoli, billi l-azzjoni tal-Programm Qafas tkun ikkonċentrata fuq is-suġġetti b’valur miżjud Ewropew;

    54.

    jipproponi li tiġi żviluppata “t-tikketta ta’ eċċellenza”, mogħtija lill-aħjar applikazzjonijiet li ma kellhomx suċċess taħt l-istrument għall-SMEs, sabiex din issir strument ġenwin ta’ sħubija li t-tmexxija tiegħu tinqasam bejn l-UE u r-reġjuni biex tiġi definita aħjar l-azzjoni tagħhom upstream u downstream fir-rigward tal-applikazzjonijiet ippreżentati; Dawn il-prinċipji japplikaw għal miżuri oħra koperti mit-tikketta ta’ eċċellenza, bħalma huma l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie u l-għotjiet tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, kif ukoll il-proġetti l-oħra kollha li jwasslu għal sinerġiji;

    It-tisħiħ fi sħubija mal-bliet u r-reġjuni tal-effetti kollaterali, l-innovazzjoni u t-tixrid tal-għarfien

    55.

    jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali bħala raġuni ta’ ttestjar u li jkunu minn tal-ewwel li jadottaw permezz ta’ akkwist pubbliku; jitlob għal tħaffif tal-qafas regolatorju għal dawn l-attivitajiet u s-semplifikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ appoġġ għall-akkwist pubbliku innovattiv, li attwalment mhux utilizzat biżżejjed u li r-regoli tiegħu mhumiex mifhuma biżżejjed mill-awtoritajiet kontraenti;

    56.

    jafferma mill-ġdid l-importanza ta’ approċċ ta’ 360o tal-innovazzjoni, inkrimentali u ta’ interruzzjoni, teknoloġiku u mhux teknoloġiku, l-innovazzjoni permezz tad-disinn u l-użu, l-innovazzjoni soċjali, l-innovazzjoni miftuħa u kollaborattiva; ifakkar li ċ-ċentri u l-ekosistemi lokali huma l-atturi ewlenin ta’ azzjonijiet ta’ innovazzjoni, ta’ trasferiment u żvilupp. Jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC), tikkunsidra r-rwol li għandhom l-awtoritajiet lokali fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet u biex dawn ikunu involuti fil-missjonijiet futuri tal-EIC;

    57.

    jipproponi l-introduzzjoni fil-Programm Qafas li jmiss ta’ strutturazzjoni ġdida tal-istrument tal-SMEs li r-rekwiżiti ta’ ppjanar u implimentazzjoni tagħha joħolqu rabta bejn it-territorji, kemm ’il fuq kif ukoll ‘isfel, sabiex dan jiġi adattat aħjar mal-ispeċjalizzazzjonijiet intelliġenti u l-finanzjamenti lokali u sabiex jittaffa l-effett ta’ skoraġġiment relatat mar-rata baxxa ta’ suċċess tiegħu;

    58.

    jopponi kwalunkwe idea ta’ trasferiment ta’ parti mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni lejn azzjonijiet tal-programm qafas li awtomatikament jiffinanzjaw aktar proġetti jew jappoġġjaw “proġetti eċċellenti li ġew miċħuda”; beħsiebu jiddefendi l-awtonomija tal-politiki reġjonali u jiddefendi l-approċċ propost ta’ kostruzzjoni konġunta u t-tisħiħ ta’ komplementarjetajiet u kooperazzjonijiet;

    59.

    jinsisti fuq il-ħtieġa li, sa mill-ħolqien tal-proġetti, jiġu kkunsidrati l-isfidi kollaterali, tat-tixrid u tas-sjieda tar-riżultati; iqis il-limiti tal-impatt attwali tal-proġetti f’dawn l-oqsma; jappoġġja għaldaqstant l-iżvilupp ta’ programmi Ewropej u lokali speċifikament iddedikati għal dawn l-attivitajiet; jistieden li r-reġjuni jiġu involuti aktar fl-esplojtazzjoni u t-tixrid tar-riżultati tal-proġetti fi ħdan il-programm qafas;

    60.

    jappoġġja wkoll l-iżvilupp ta’ għodod li huma intiżi biex il-prova tal-kunċett tgħaddi għas-suq bħall-proġett pilota “Rotta rapida lejn l-Innovazzjoni”, jew l-istrutturar ta’ setturi industrijali ġodda permezz tal-inizjattiva INNOSUP u t-taqsima tagħha ta’ “Proġetti ffaċilitati minn clusters tal-ktajjen ta’ valur industrijali ġodda” (“cluster-facilitated projects for new industrial value chain”), u jitlob l-estensjoni tagħhom;

    61.

    għandha tiġi żviluppata taħlita ta’ għodod ta’ appoġġ għar-raggruppamenti maħsubin għal gruppi ta’ intrapriżi aktar milli għal dawk individwali biex jippermettu approċċi intersettorjali u sħubiji kollaborattivi tal-UE. Barra dan, ir-rwol li jistgħu jaqdu r-raggruppamenti bħala pont bejn l-atturi ġewwa u barra r-reġjuni u bħala mezzi ta’ appoġġ tan-negozju għall-SMEs għandu jkun rifless fil-politiki tal-UE;

    62.

    jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tar-riformi mnedija fl-2013 biex jinkoraġġixxu s-sinerġiji bejn l-Orizzont 2020 u l-Fondi SIE;

    63.

    jiddispjaċih li l-industriji emerġenti mhumiex biżżejjed fil-qalba tat-tieni pilastru, jiddispjaċih dwar l-appoġġ dgħajjef wisq għan-netwerks ta’ eċċellenza tar-raggruppamenti u l-ekosistemi tal-innovazzjoni mmirati lejn l-industrija tal-futur bħall-inizjattiva Vanguard; jinsab imħasseb ħafna dwar id-diffikultajiet persistenti li wieħed jiltaqa’ magħhom għall-finanzjament tal-proġetti pilota industrijali u d-dimostraturi fuq skala kbira; jitlob lill-Kummissjoni biex minn issa ssaħħaħ l-allokazzjonijiet u tipprevedi azzjonijiet ġodda f’dan ir-rigward;

    64.

    jipproponi l-ħolqien ta’ programm ta’ appoġġ għall-infrastrutturi ta’ dimostrazzjoni biex jippromovi n-netwerking ta’ siti tat-test, dimostraturi, u proġetti pilota, fuq il-mudell ta’ netwerking tal-infrastrutturi ta’ riċerka;

    L-iżvilupp tar-relazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà b’rabta mar-reġjuni

    65.

    jinnota li, fi żmien meta l-kunċett ta’ progress qed jiġi kkontestat u diskuss, ir-relazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà għandha titqiegħed fil-qalba tar-riflessjoni dwar il-futur tal-politika Ewropea tar-riċerka u l-innovazzjoni, fir-rigward kemm tal-linji ta’ riċerka, il-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ proġetti kif ukoll l-għażliet għall-iżvilupp ta’ użi ġodda soċjali u tekniċi tax-xjenza.

    66.

    għaldaqstant jissuġġerixxi li tiġi promossa l-fiduċja fix-xjenza u fil-progress waqt li jiġi żviluppat approċċ għall-iżvilupp sostenibbli; f’dan ir-rigward beħsiebu jiddefendi l-prinċipju ta’ prekawzjoni, li huwa prinċipju ta’ prudenza fejn l-azzjoni tittieħed bil-kunsiderazzjoni sħiħa tar-riskju;

    67.

    jenfasizza l-isfida ewlenija li llum tirrappreżenta x-xjenza miftuħa (open science), permezz ta’ aċċess miftuħ għar-riżultati tar-riċerka u l-pubblikazzjonijiet, id-disponibbiltà ta’ informazzjoni għall-pubbliku ġenerali affidabbli u minn sorsi differenti, u d-dibattitu maċ-ċittadini u l-partijiet interessati;

    68.

    iqis li bejn ix-xjenza miftuħa u x-xjenza finalizzata għandu jkun hemm spazju ta’ djalogu bejn l-atturi ekonomiċi, xjentifiċi, iżda wkoll mis-soċjetà ċivili, biex niddiskutu u nibnu flimkien il-kwistjonijiet xjentifiċi ġodda filwaqt li tinżamm l-indipendenza rispettiva;

    69.

    jenfasizza l-bżonn urġenti li jiġu promossi x-xjenza, it-teknoloġija u l-impjiegi kollha tagħhom, inklużi dawk tal-industrija, fost iż-żgħażagħ u l-familji tagħhom, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-promozzjoni tal-professjonijiet xjentifiċi u teknoloġiċi fost in-nisa;

    70.

    jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ riżorsi allokati għall-programm Ix-xjenza mas-soċjetà u għas-soċjetà, il-frammentazzjoni tiegħu u b’hekk l-impatt dgħajjef tiegħu; jitlob li tingħata prijorità lill-azzjonijiet b’valur miżjud Ewropew u fil-qafas ta’ kollaborazzjoni ġenwina mal-partijiet interessati, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet.

    Id-dimensjoni internazzjonali tal-Programm Qafas

    71.

    jiddefendi l-prinċipju ta’ xjenza miftuħa iżda jixtieq jippreserva n-natura speċifika tal-programm qafas, inkluż fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE; jittama li dan il-ħruġ ma jwassalx għal tnaqqis fil-finanzjament għall-programm qafas, filwaqt li jifhem li l-kwistjoni ser tiġi ttrattata bħala parti min-negozjati komprensivi mar-Renju Unit;

    72.

    jappella għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-Programm Qafas, mal-imsieħba assoċjati, il-pajjiżi emerġenti, iżda wkoll fil-qafas tal-Politika tal-Viċinat jew tal-baċini tal-baħar bħal fil-Mediterran;

    Brussell, it-12 ta’ Lulju 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    (1)  Dikjarazzjoni mill-mexxejja tas-27 Stat Membru u mill-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (25 ta’ Marzu 2017) http://www.consilium.europa.eu/press-releases-pdf/2017/3/47244656633_mt.pdf

    (2)  Abbozz ta’ rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Orizzont 2020 fid-dawl tal-evalwazzjoni interim tiegħu u l-proposta tal-Programm Qafas 9 (2016/2147(INI))

    (3)  Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli indipendenti dwar il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-Programmi ta’ Riċerka u Innovazzjoni tal-UE: “Ninvestu fil-futur Ewropew li rridu” https://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/archive/other_reports_studies_and_documents/hlg_2017_report.pdf#view=fit&pagemode=none

    (4)  “F’livell minimu, il-baġit għandu jżomm ir-rata medja ta’ tkabbir annwali ta’ Orizzont 2020, filwaqt li jittieħed il-baġit previst għas-sena finali tal-programm bħala punt ta’ tluq. Dan iwassal għal baġit ta’ seba’ snin ta’ mill-inqas EUR 120 biljun fi prezzijiet kurrenti.” Ir-rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli indipendenti dwar il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-Programmi ta’ Riċerka u Innovazzjoni tal-UE.

    (5)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Stadju ġdid għall-politika Ewropea ta’ tkabbir blu (CDR 6622/2016).

    (6)  L-Istati Membri benefiċjarji ewlenin tal-programm It-tixrid tal-eċċellenza u ż-żieda fil-parteċipazzjoni huma l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja (ħolqa).


    Top