EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE0729

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: (a) “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, li tistabbilixxi l-proċedura ta’ notifika għal skemi ta’ awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti relatati ma’ servizzi, u li temenda d-Direttiva 2006/123/KE u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern” (COM(2016) 821 final — 2016/0398(COD)) — (b) “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet” (COM(2016) 822 final — 2016/0404(COD)) — (c) “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas legali u operattiv tal-e-Card Ewropea tas-servizzi introdotta bir-Regolament (ir-Regolament tal-ESC)” (COM(2016) 823 final — 2016/0402(COD)) — (d) “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta’ e-Card Ewropea tas-servizzi u l-faċilitajiet amministrattivi relatati” (COM(2016) 824 final — 2016/0403(COD))

ĠU C 288, 31.8.2017, p. 43–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 288/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

(a) “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, li tistabbilixxi l-proċedura ta’ notifika għal skemi ta’ awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti relatati ma’ servizzi, u li temenda d-Direttiva 2006/123/KE u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern”

(COM(2016) 821 final — 2016/0398(COD))

(b) “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet”

(COM(2016) 822 final — 2016/0404(COD))

(c) “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas legali u operattiv tal-e-Card Ewropea tas-servizzi introdotta bir-Regolament (ir-Regolament tal-ESC)”

(COM(2016) 823 final — 2016/0402(COD))

(d) “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta’ e-Card Ewropea tas-servizzi u l-faċilitajiet amministrattivi relatati”

(COM(2016) 824 final — 2016/0403(COD))

(2017/C 288/05)

Relatur:

Arno METZLER

Korelatur:

Stefano PALMIERI

Konsultazzjoni

a)

Kunsill, 30.1.2017

Parlament Ewropew, 19.1.2017

b)

Kunsill, 10.2.2017

Parlament Ewropew, 1.2.2017

c)

Parlament Ewropew, 1.2.2017

Kummissjoni Ewropea, 31.5.2017

d)

Kunsill, 20.2.2017

Parlament Ewropew, 1.2.2017

Bażi ġuridika

a)

Artikoli 53(1), 62 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

b)

Artikoli 46, 53(1) u 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

c)

L-Artikoli 53(1) u l-Artikolu 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

d)

L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

4.5.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

31.5.2017

Sessjoni tal-plenarja Nru

526

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

152/3/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE japprezza u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tisfrutta l-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku fir-rigward tas-settur tas-servizzi. Madankollu, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li — fis-sitwazzjoni politika attwali f'ħafna Stati Membri — kull tip ta’ “intervent” tal-UE relatat mal-mandat strett tal-kompetenzi tal-Istati Membri jista' jwassal għal kontroversji politiċi. Għalhekk anke f'każijiet fejn ikun legalment possibbli li jiġu applikati miżuri ta’ infurzar tal-konformità aktar stretti, dan jista’ ma jkunx sensittiv fil-kriżi politika serja. Il-KESE għaldaqstant jirrakkomanda li jiġi segwit approċċ pożittiv li jinforza l-aħjar prattiki u konsultazzjoni minflok miżuri ta’ infurzar kull fejn possibbli.

1.2

Il-KESE jikkondividi bis-sħiħ l-għan tal-Kummissjoni li jitrawwem djalogu bejn l-UE u l-Istati Membri fi stadju bikri fi kwalunkwe proċess leġiżlattiv sabiex tiġi evitata l-adozzjoni ta’ atti legali fuq livell nazzjonali li jfixklu l-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea. Il-KESE jirrakkomanda t-twessigħ ta' dan id-djalogu u biex ma ssirx enfasi fuq il-konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi biss iżda anke mad-dritt primarju tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sabiex ikun garantit bilanċ ġust bejn id-drittijiet tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-konsumaturi minn naħa u l-libertajiet ekonomiċi min-naħa l-oħra. Jenħtieġ li tiġi speċifikata l-kompożizzjoni tal-korp responsabbli għall-kontroll tal-konformità u jeħtieġ li dan jiġi kompost b’mod li jiżgura l-konformità sħiħa mal-liġijiet u l-prinċipji msemmija hawn fuq.

1.2.1

Il-KESE jissuġġerixxi li jintgħażel approċċ pożittiv u li jiġi stabbilit il-prinċipju li r-riżultat pożittiv biss ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni għandu effett fil-forma tal-għotja ta’ “garanzija ta’ konformità” għall-abbozz tal-miżura. Għal każijiet mingħajr evalwazzjoni tal-konformità pożittiva, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni m’għandhiex tkun vinkolanti u għandhom jiġu applikati l-proċeduri ta’ wara l-adozzjoni diġà disponibbli.

1.3

Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ test tal-proporzjonalità dettaljat u bir-reqqa disponibbli lill-Istati Membri u bbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-KESE jemmen li dan il-kunċett jista’ jtejjeb il-proċeduri nazzjonali ta’ proporzjonalità. Il-KESE jenfasizza li l-kontroll tal-proporzjonalità jirrikjedi kooperazzjoni msaħħa tal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet professjonali tal-Istati Membri.

1.3.1

Il-KESE jemmen li obbligu li jintuża t-test ġdid qabel kwalunkwe regolamentazzjoni professjonali mhuwiex l-aħjar approċċ għall-infurzar ta’ applikazzjoni effettiva u involuta ta’ tali test. Għalhekk jirrakkomanda li jiġi introdott it-test biss bħala offerta ta’ servizzi għar-regolaturi nazzjonali.

1.4

Il-KESE jilqa’ l-isforz li tiġi promossa l-mobilità tal-fornituri ta’ servizzi u jemmen li r-riċerka u l-issodisfar ta’ rekwiżiti nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi fi Stat Membru ieħor jistgħu xorta waħda jkunu diffiċli għall-fornituri ta’ servizzi. Madankollu, l-approċċ li tgħaddi r-responsabilità ewlenija għall-proċedura f’idejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ domiċilju huwa f’kunflitt mal-prinċipju stabbilit fl-Istat Membru ospitanti fejn l-attivitajiet tal-intrapriżi u l-ħaddiema huma regolati mil-liġi tal-pajjiż li fih ikunu mwettqa.

1.4.1

Il-KESE jenfasizza li huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini ma jiġi introdott fl-ebda forma. Huwa għalhekk jenfasizza li l-e-card tas-servizzi tintroduċi diversi elementi abbażi ta’ dan il-prinċipju billi tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi jittrattaw esklużivament mal-Istat Membru tad-domiċilju bħala intermedjarju u jirrikjedu lill-Istati Membri ospitanti jaċċettaw id-deċiżjonijiet tal-Istat Membru tad-domiċilju dwar l-awtentiċità tad-dokumenti, u għaldaqstant jillimitaw il-mekkaniżmi ta’ kontroll u b'hekk jarmonizzaw l-iskambju tad-data abbażi tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini.

1.4.2

Il-KESE jenfasizza li għandu jkun garantit li l-Istati Membri ospitanti jibqgħu responsabbli bis-sħiħ biex jiddeċiedu liema proċeduri għandhom jiġu segwiti sabiex jiġi rreġistrat l-istabbiliment sekondarju, inklużi aspetti ta’ rikonoxximent professjonali. Il-proċedura kompletament elettronika kkombinata ma’ possibbiltajiet limitati għall-Istati Membri ospitanti biex jivverifikaw l-informazzjoni pprovduta lill-Istat Membru tad-domiċilju permezz tal-e-card tas-servizzi tagħmilha aktar faċli biex jiġu stabbiliti kumpaniji tal-isem (letterbox companies) għal raġunijiet ta' evażjoni tat-taxxa u dumping soċjali.

1.4.3

Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni li tinsab fl-e-card tas-servizzi hija dejjem aġġornata u biex jiġi evitat il-ħolqien ta’ ċimiterju ta’ data, il-KESE jirrakkomanda li jiġi kkunsidrat mill-ġdid il-prinċipju ta’ darba biss u jiġu introdotti limiti ta’ żmien fuq il-validità ta’ e-card tas-servizzi.

1.4.4

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jitneħħew il-proċeduri ta’ revoka restrittivi, u b’mod partikolari l-ħtieġa għal deċiżjoni finali mill-qrati, sabiex kull Stat Membru jkun jista’ jwettaq kontroll effettiv fuq l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa fit-territorju tiegħu.

1.4.5

Il-proposta tistabbilixxi skadenzi stretti biex tiġi ċċekkjata l-validità tal-informazzjoni pprovduta minn applikant għal e-card tas-servizzi. Din għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid sabiex l-awtoritajiet ikollhom biżżejjed żmien sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet.

1.4.6

Il-proposta leġiżlattiva għandha ssemmi l-ħtieġa li jiġu introdotti sanzjonijiet dissważivi u effettivi, kemm għall-Istat Membru u kif ukoll għall-kumpanija applikanti, għall-abbuż tal-e-card tas-servizzi Ewropea.

1.4.7

Il-KESE jirrakkomanda li jiġi ddikjarat b’mod aktar ċar li d-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali għandha preferenza għal kwalunkwe aspett ta’ rikonoxximent professjonali fir-rigward tal-e-card il-ġdida. Għandu jiġi ċċarat b’mod espliċitu li ma tistax tinħareġ e-card tas-servizzi għal professjonisti li jipprattikaw professjoni li hija regolata fl-Istat Membru tal-oriġini u/jew l-istat membru ospitanti, irrispettivament minn jekk il-professjoni hijiex ipprattikata f’forma ta’ xogħol indipendenti (self-employed) jew ta’ kumpanija.

1.4.8

Sabiex jiġi evitat l-abbuż tal-e-card minn persuni b’impjieg indipendenti fittizju, il-KESE jemmen li l-e-card m’għandhiex tinħareġ għal persuni fiżiċi li ma għandhomx grupp organizzat ta’ persuni u ta’assi li jippermettu l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.

1.4.9

Il-KESE jixtieq iqajjem dubji dwar jekk is-sistema eżistenti tal-IMI fil-forma attwali tagħha li hija bbażata fuq mistoqsijiet/formoli b’diversi lingwi standardizzati u skambju ta’ data manwali fuq talba tal-Istati Membri u tiddependi fuq kooperazzjoni ottimali bejn l-Istati Membri hijiex aġġornata bi żviluppi attwali fil-kondiviżjoni elettronika tad-data. Għalhekk, il-KESE jemmen li trid tiġi vvalutata s-sistema tal-IMI bil-ħsieb li tkun garantita l-aħjar prestazzjoni possibbli, il-kompatibbiltà u l-komplementarjetà ma’ skemi ta’ skambju tad-data tal-imsieħba soċjali u/jew nazzjonali eżistenti inklużi inizjattivi settorjali bħall-Karti tal-identità soċjali.

1.4.10

Il-proposta tintroduċi sistema Ewropea armonizzata ta’ notifika minn qabel għal ħaddiema stazzjonati abbażi ta’ inklużjoni fakultattiva volontarja mill-Istati Membri li twitti t-triq għal espansjoni obbligatorja f’punt aktar tard, li la hija mixtieqa u lanqas kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/67/UE (1). Għalhekk il-KESE jissuġġerixxi li tiġi kkunsidrata mill-ġdid l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema.

1.4.11

Abbażi tat-tħassib imqajjem u l-fatt li r-rekwiżiti ta’ garanzija msemmija jistgħu ma jinkisbux permezz tal-użu tas-sistema ta’ skambju ta’ data kif inhi bħalissa, il-KESE jemmen li l-applikazzjoni tal-e-card fil-forma attwali tista’ twassal għal effetti negattivi deskritti f’din l-opinjoni li jistgħu ma jkunux proporzjonati u jkunu akbar minn kwalunkwe benefiċċju. Għalhekk il-KESE jissuġġerixxi li tiġi kkonsultata aktar fid-dettall il-konfigurazzjoni ta’ din is-sistema ma’ partijiet interessati involuti u tiġi aġġustata sabiex tiġi garantita l-kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri qabel ma jitkomplu l-proċeduri. Il-KESE jista’ jintalab jibda djalogu bl-għan li tinstab soluzzjoni alternattiva għall-e-card tas-servizzi sabiex jinkludi sistemi ta’ reġistrazzjoni u kwalifikazzjoni diġà eżistenti b’mod aktar effettiv.

1.5

Il-KESE jixtieq jenfasizza li d-differenzi bejn il-kunċetti regolatorji ma jindikawx fihom infushom ħtieġa għal riforma. Jilqa’ l-indikatur il-ġdid ta’ restrizzjoni mfassal mill-Kummissjoni Ewropea peress li jippermetti standard ogħla ta’ analiżi mill-PMR tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Madankollu, jenħtieġ li jkun iċċarat b’mod espliċitu, li l-indikatur ta’ restrizzjoni huwa newtrali mingħajr kwalunkwe dikjarazzjoni tal-valur jew il-ġustifikazzjoni tar-regolamenti.

1.6

Il-KESE jinnota li l-Pakkett dwar is-Servizzi ma joffrix approċċ għal servizzi elettroniċi, iżda jemmen li dan huwa qasam ġdid u emerġenti tan-negozju li jeħtieġ attenzjoni speċjali. Peress li l-potenzjal għall-mobbiltà huwa ferm għoli f’dan is-settur, il-verifika tal-kwalifiki u t-twettiq tar-rekwiżiti legali u r-rekwiżiti minimi ta’ kwalità huwa partikolarment diffiċli biex jiġu stmati għall-konsumaturi u jistgħu jeħtieġu l-użu ta’ għodod speċjali. Inizjattiva li tiffoka fuq is-Suq Intern għal servizzi elettroniċi għalhekk tkun milqugħa tajjeb. Huma meħtieġa elementi ġodda biex fuqhom tinbena fiduċja personali mingħajr ma wieħed ikun jaf lill-fornitur tas-servizz personalment.

1.7

Fir-rigward tal-problema ta’ fiduċja reċiproka li huwa aspett importanti tad-diskussjoni dwar il-Pakkett tas-Servizzi u l-e-card tas-servizzi b’mod partikolari, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu evalwati s-sistemi eżistenti għar-reġistrazzjoni ta’ professjonisti u negozji u l-akkreditazzjoni relatata u l-mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità. Peress li s-Suq Intern għas-servizzi għadu jqajjem tħassib konsiderevoli fi ħdan l-Istati Membri, il-KESE jilqa’ inizjattiva biex tinġabar aktar informazzjoni dwar l-impatti taż-żieda fl-attivitajiet transkonfinali. Din l-inizjattiva tkun tikkunsidra l-effetti ekonomiċi, iżda tkun tiffoka primarjament fuq kwistjonijiet oħra bħalma huma l-impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-konsumatur. Jekk il-problemi jkunu identifikati b’mod oġġettiv, dawn jistgħu jiġu indirizzati sabiex tiżdied il-fiduċja tal-Istati Membri fuq medda twila ta’ żmien. Mingħajr fiduċja reċiproka suffiċjenti, is-Suq Intern għas-servizzi qatt mhu ser jiġi implimentat b’mod effettiv.

2.   Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri proposti

2.1

Is-servizzi jirrappreżentaw żewġ terzi tal-ekonomija tal-UE u jammontaw għal 90 % tal-impjiegi ġodda li nħolqu. Pakkett ta’ miżuri li jiffoka fuq kif jista’ jsir aktar faċli għall-kumpaniji u l-professjonisti biex jipprovdu servizzi lil bażi ta’ konsumaturi potenzjali ta’ 500 miljun persuna fl-UE għandu jagħti spinta lis-settur tas-servizzi sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tiegħu.

2.2   Proċedura ta’ notifika għall-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u rekwiżiti relatati mas-servizzi

2.2.1

Rekwiżiti aktar stretti għall-proċedura ta’ notifika għal miżuri relatati mad-Direttiva dwar is-Servizzi għandhom jipprevjenu lill-Istati Membri milli jadottaw skemi ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali jew rekwiżiti relatati mas-servizzi diskriminatorji, mhux ġustifikati u sproporzjonati.

Il-proċedura twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika skont id-Direttiva dwar is-Servizzi u tiddefinixxih b’mod aktar ċar. Din tistabbilixxi perjodu ta’ konsultazzjoni li jipprevedi djalogu bejn l-Istat Membru tan-notifika, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri l-oħra dwar il-konformità ta’ abbozz ta’ miżura nazzjonali mad-Direttiva dwar is-Servizzi.

2.3   Test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet

2.3.1

Ħafna drabi l-Istati Membri jkollhom raġunijiet tajba għar-regolamentazzjoni professjonali, ibbażati fuq il-ħtieġa li jiġu protetti objettivi essenzjali ta’ interess pubbliku. Huwa l-kompitu tal-Istat Membru li jivvaluta fuq bażi ta’ każ b’każ jekk huwiex meħtieġ li jitqiegħdu restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal u t-twettiq ta’ attivitajiet professjonali.

2.3.2

Biex jiġi evitat impatt negattiv fuq il-forniment ta’ servizzi u l-mobilità ta’ professjonisti kkawżat minn valutazzjoni ta’ proporzjonalità mhux uniformi tar-regolamentazzjoni tal-professjonijiet madwar l-UE, jiġi introdott test tal-proporzjonalità, li se jintuża mill-Istati Membri qabel l-adozzjoni jew l-emenda ta’ regolamenti nazzjonali dwar il-professjonijiet.

2.3.3

Id-Direttiva tistabbilixxi l-kriterji ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati għall-valutazzjoni, bħal pereżempju n-natura tar-riskji, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet riżervati, ir-rabta bejn il-kwalifiki u l-attivitajiet, l-impatt ekonomiku ta’ miżura, eċċ.

2.3.4

It-Trattati jispeċifikaw li r-regolamentazzjoni għandha tkun proporzjonata; madankollu, lil hinn minn din l-għażla dwar jekk għandhiex tiġi regolata professjoni u kif għandha tiġi regolata tibqa’ l-kompetenza tal-Istati Membri.

2.4   E-card Ewropea tas-servizzi

2.4.1

L-e-card hija proċedura kompletament elettronika u ġdida għal persuni impjegati għal rashom u l-kumpaniji f’għadd ta’ oqsma bħas-settur tas-servizzi tal-kostruzzjoni, tat-tindif u tan-negozju. Għandha tissostitwixxi formalitajiet amministrattivi f’lingwi differenti, minħabba li l-fornitur ta’ servizzi jsegwi proċedura fil-lingwa tal-pajjiż tad-domiċilju u mal-amministrazzjoni tal-pajjiż tad-domiċilju.

2.4.2

Il-proċedura tal-e-card għandha tiddependi fuq kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti, implimentata permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) eżistenti. M’għandhiex tibdel is-sustanza tar-regoli applikabbli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema skont id-Direttivi 96/71/KE (2) u 2014/67/UE (3).

2.4.3

L-e-card Ewropea tas-servizzi hija simili għall-Karta Professjonali Ewropea (KPE). Iżda, filwaqt li l-KPE tiffaċilita l-forniment ta’ servizzi permezz tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali għal persuni fiżiċi bħala ħaddiema jew fornituri ta’ servizzi impjegati għal rashom, l-e-card tindirizza firxa ħafna aktar wiesgħa ta’ rekwiżiti.

2.5   Rakkomandazzjonijiet għal riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali

2.5.1

Billi r-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali hija prerogattiva tal-Istati Membri, jeżistu ħafna mudelli regolatorji differenti. Irrispettivament mill-mudell applikabbli f’kull pajjiż jew reġjun, l-għan tal-komunikazzjoni huwa li l-Istati Membri jiġu megħjuna bit-tneħħija ta’ restrizzjonijiet sostantivi mhux ġustifikati u speċifiċi, u li jinħoloq għarfien regolatorju “virtuż” min-naħa tal-Istati Membri.

2.5.2

Ir-rakkomandazzjonijiet tar-riforma jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ rekwiżiti u jipprovdu analiżi dettaljata tar-regolamenti li japplikaw għal periti, inġiniera ċivili, kontabilisti, avukati, aġenti tal-privattivi, aġenti tal-proprjetà immobbli u gwidi turistiċi. Mhux kollha jitqiesu bħala ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Kummissjoni Ewropea.

2.5.3

Il-Kummissjoni Ewropea fasslet indikatur ġdid dwar ir-restrizzjoni tar-regolamentazzjoni okkupazzjonali sabiex tiġi appoġġjata analiżi kwalitattiva tal-ostakoli. Dan ikopri l-aspetti ta’ approċċ regolatorju, ir-rekwiżiti ta’ kwalifika, il-kundizzjonijiet oħra tad-dħul u r-rekwiżiti ta’ eżerċizzju.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE japprezza u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tisfrutta l-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku fir-rigward tas-settur tas-servizzi. Il-miżuri relatati ma’ xulxin tal-pakkett dwar is-servizzi bla dubju jipprovdu approċċ solidu lejn dan l-għan. Madankollu, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li — fil-kriżi politika serja f'ħafna Stati Membri — kull tip ta’ “intervent” tal-UE relatat mal-mandat strett tal-kompetenzi tal-Istati Membri jista' jwassal għal kontroversji politiċi. Is-setgħat leġiżlattivi — li jistgħu jidhru li huma affettwati mill-proċedura ta’ notifika l-ġdida u t-test tal-proporzjonalità obbligatorju — u sistemi tradizzjonali li ilhom stabbiliti ta’ regolamentazzjoni professjonali nazzjonali huma ħafna drabi meqjusa bħala pedamenti tas-sistemi nazzjonali u għalhekk iridu jiġu trattati bħala kwistjonijiet sensittivi. Anke fejn ikun legalment possibbli li jiġu applikati miżuri ta’ infurzar tal-konformità aktar stretti, dan jista’ ma jkunx sensittiv fis-sitwazzjoni attwali. Approċċ pożittiv li jinforza l-aħjar prattika jew li jsegwi approċċ ta’ konsulenza jista’ jkun aktar effettiv.

3.1.1

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-kwalità u s-sikurezza tas-servizzi mogħtija fl-Unjoni Ewropea.

3.1.2

Barra minn hekk, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għas-sensittività partikolari marbuta mal-oqsma bħas-saħħa u l-protezzjoni tal-pazjent. Jekk l-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni tista’ tkun komplementari għal dik tal-Istati Membri, ir-responsabbiltà sħiħa tagħhom għandha tkun rispettata, kif ukoll il-possibbiltà li jdaħħlu fis-seħħ miżuri iktar stretti għall-protezzjoni tal-pazjenti, kif previst fl-Artikoli 168 tat-TFUE.

3.2

Billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-partijiet interessati prinċipali josservaw ir-regolamenti l-ġodda tal-professjoni tagħhom, sabiex ikun assigurat li r-regolamentazzjoni hija soda u effettiva, il-KESE jipproponi li jiġu kkonsultati l-partijiet interessati bħalma huma l-organizzazzjonijiet professjonali, l-imsieħba soċjali, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar l-applikazzjoni prattika tal-miżuri ppjanati.

3.3

Irridu nkunu konxji li l-introduzzjoni ta’ obbligi u miżuri ta’ infurzar ġodda f’dan il-kuntest tista’ tagħti l-impressjoni li l-Istati Membri ġeneralment jidhru bħala mhux kapaċi biżżejjed li jifhmu r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar is-Servizzi u d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, filwaqt li fil-fatt l-għodda leġiżlattivi bħat-testijiet tal-proporzjonalità huma rekwiżiti bażiċi ta’ kwalunkwe proċedura leġiżlattiva nazzjonali fil-maġġoranza vasta tal-Istati Membri.

3.4

Bosta dispożizzjonijiet fil-Pakkett tas-Servizzi jirriskjaw li jwasslu għal nuqqas ta' ċarezza fid-distinzjoni bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-istabbiliment. Il-KESE għaldaqstant jenfasizza l-importanza li tinżamm din id-distinzjoni — definita b’mod ċar kemm mid-Direttiva dwar is-Servizzi kif ukoll mid-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — fil-valutazzjoni tar-riżultati ta’ test tal-proporzjonalità applikat għal regolamentazzjonijiet nazzjonali ġodda ta’ professjonijiet u meta ssir l-implimentazzjoni tar-regolament u d-direttiva dwar l-e-card Ewropea tas-servizzi. Għalhekk, bl-għan li tiġi garantita l-kompetizzjoni ġusta bejn l-impriżi, għandhom ikunu pprojbiti l-miżuri diskriminatorji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti minn liġijiet u ftehimiet kollettivi fil-pajjiż ospitanti kif ukoll id-drittijiet tal-konsumatur u r-regoli tas-saħħa u s-sigurtà għandhom jiġu rispettati.

3.5

Il-KESE jinnota li t-tkabbir tas-settur tas-servizzi m’għandux jinkludi dumping soċjali u frodi (4). Għalhekk, il-KESE jenfasizza n-nuqqas ta’ salvagwardji suffiċjenti biex iżommu d-drittijiet tal-ħaddiema u l-ħarsien tal-konsumatur f’livell għoli fl-Istati Membri kollha u r-riskju li jkun introdott il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini li jkun jikser ir-regoli fundamentali skont liema l-attivitajiet tal-intrapriżi u tal-ħaddiema huma regolati mil-liġi tal-pajjiż fejn dawn jitwettqu.

3.6

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-partijiet ikkonċernati fis-setturi fil-mira mill-proposta għal e-card Ewropea tas-servizzi u jistaqsi dwar il-valur miżjud tal-inizjattiva leġiżlattiva u l-utilità tagħha.

3.7

Sfortunatament, il-pakkett tas-suq intern propost ma jindirizzax il-kwistjonijiet reali li jħabbtu wiċċhom magħhom uħud mis-setturi fil-mira mill-proposti. Il-KESE jqis li huwa importanti li jitnaqqas il-potenzjal għal frodi u l-abbuż tas-suq intern minn ditti ta’ reputazzjoni ħażina sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u d-diversi partijiet interessati.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Proċedura ta’ notifika għall-iskemi ta’ awtorizzazzjoni u rekwiżiti relatati mas-servizzi

4.1.1

Il-KESE jikkondividi bis-sħiħ l-għan tal-Kummissjoni li jitrawwem djalogu bejnha u l-Istati Membri fi stadju bikri fil-proċess leġiżlattiv sabiex tiġi evitata l-adozzjoni ta’ standards li jfixklu s-Suq Uniku. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll it-twessigħ ta' dan id-djalogu u biex ma ssirx enfasi fuq il-konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi biss iżda anke mad-dritt primarju tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea peress li dan ikun jiggarantixxi l-bilanċ ġust bejn id-drittijiet tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-konsumaturi minn naħa u l-libertajiet ekonomiċi min-naħa l-oħra. Jenħtieġ li tiġi ċċarata l-kompożizzjoni tal-korp responsabbli għall-kontroll tal-konformità u jeħtieġ li dan jiġi kompost b’mod li jiżgura l-konformità sħiħa mal-liġijiet u l-prinċipji msemmija hawn fuq u kif ukoll ir-rappreżentanza u l-indipendenza tagħha.

4.1.2

Madankollu, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jidher li l-impatt dirett tal-proposta fuq il-proċeduri leġiżlattivi nazzjonali huwa konsiderevoli.

4.1.3

Il-proposta twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika regolata mid-Direttiva dwar is-Servizzi u hija wkoll pjuttost kumplessa. Flimkien ma’ perjodu sospensiv, din tfixkel għaldaqstant il-kapaċità tal-leġiżlaturi nazzjonali li jwettqu riformi f’perjodu ta’ żmien qasir, anke f’każijiet ta’ emendi leġiżlattivi żgħar.

4.1.4

Miżuri ta’ infurzar bħall-perjodu sospensiv, il-mekkaniżmu ta’ twissija u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrikjedi lill-Istat Membru li jieqaf milli jadotta l-abbozz ta’ miżura jnaqqsu b’mod konsiderevoli r-ritmu tal-proċessi leġiżlattivi nazzjonali u jsiru restrizzjonijiet konsiderevoli fuq il-libertà tal-leġiżlatur nazzjonali. Sabiex tiġi garantita proċedura leġiżlattiva demokratika, huwa meħtieġ li tiġi preservata bis-sħiħ is-setgħa leġiżlattiva tal-Parlamenti nazzjonali. Il-KESE jesprimi dubji kbar dwar jekk ikunx proporzjonat — jew sensittiv — li wieħed jinterferixxi fi proċeduri leġiżlattivi nazzjonali billi jiġu introdotti miżuri ta’ infurzar aktar stretti anke fi kwistjonijiet koperti mill-prinċipju ta’ sussidjarjetà meta jkunu disponibbli proċeduri ta’ wara l-adozzjoni perfettament adegwati.

4.1.5

Jenħtieġ li d-deċiżjonijiet negattivi marbuta mal-konformità tal-abbozz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali ma jkunux vinkolanti. Il-KESE jissuġġerixxi li r-riżultat pożittiv biss ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni jkollu effett fil-forma tal-għotja ta’ “garanzija ta’ konformità” għall-abbozz ta' miżura. Dan l-approċċ pożittiv iġib benefiċċji konsiderevoli għall-Istati Membri u jservi ta’ motivazzjoni biex dawn jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fil-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista u biex jaċċettaw l-isforzi relatati. Għal każijiet mingħajr evalwazzjoni tal-konformità pożittiva, għandhom jiġu applikati l-proċeduri ta’ wara l-adozzjoni diġà disponibbli.

4.1.6

Il-KESE jenfasizza li, kif stabbilit mid-Direttiva dwar is-Servizzi, il-proċedura ta’ notifika mhix ser taffettwa d-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi u jinforza ftehimiet kollettivi.

4.2   Test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet

4.2.1

Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ test tal-proporzjonalità dettaljat u bir-reqqa disponibbli għall-Istati Membri u bbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Huwa jemmen li dan il-kunċett jista’ jtejjeb il-proċeduri nazzjonali ta’ proporzjonalità.

4.2.2

Il-KESE jenfasizza li l-kontroll tal-proporzjonalità li jiffoka fuq rekwiżiti professjonali ser jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet professjonali b’kompetenzi għall-assigurazzjoni tal-kwalità tal-professjoni regolata inkwistjoni. Dan għandu jipprevedi wkoll id-dritt tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur għandhom jiġu kkonsultati sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa mad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi. L-istrutturi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jibqgħu strettament f’idejn l-Istati Membri.

4.2.3

Madankollu, il-KESE jiddubita jekk direttiva li timplimenta obbligu li jintuża t-test qabel kwalunkwe regolamentazzjoni professjonali ġdida hijiex l-aħjar mod kif jiġi infurzat dan it-test. Għal din ir-raġuni, huwa jippreferi l-introduzzjoni ta’ linji gwida li jippermettu lill-Istati Membri jadattaw it-test biex jaqbel bl-aħjar mod mas-sistemi leġiżlattivi tagħhom.

4.2.4

Ħafna mill-kriterji ta’ proporzjonalità proposti li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati huma pjuttost wiesgħa u miftuħa, u jippermettu diversi risposti skont l-approċċ tal-ittestjar magħżul, il-persuni/korpi li jwettqu t-testijiet eċċ. Bħala tali, jistgħu jintużaw bħala linji gwida ta’ appoġġ, iżda fuq livell aktar baxx, bħala proċedura obbligatorja b’impatt konsiderevoli fuq il-proċess leġiżlattiv kollu. Barra minn hekk, sabiex tiġi evitata l-impressjoni li l-kriterji msemmija jitqiesu b’mod ġenerali bħala ostakoli, jenħtieġ li jiġi garantit li l-lista hija newtrali mingħajr kwalunkwe dikjarazzjoni tal-valur jew il-ġustifikazzjoni tar-regolamenti. Fi kwalunkwe każ, kull fejn possibbli, il-kriterji jenħtieġ li jkunu kemm jista’ jkun konkreti u oġġettivi sabiex jiffunzjonaw bħala punti ta’ riferiment.

4.2.5

It-testijiet tal-proporzjonalità huma diġà rekwiżiti bażiċi fi kwalunkwe proċedura leġiżlattiva nazzjonali fil-maġġoranza vasta tal-Istati Membri. L-armonizzazzjoni ta’ kriterji ta’ proporzjonalità tkun tinterferixxi fil-kompetenzi leġiżlattivi nazzjonali u tista’ twassal għall-ħolqien ta’ obbligi sproporzjonati f’xi Stati Membri u aktar distorsjonijiet fis-suq.

4.2.6

Id-Direttiva tindirizza biss regolamentazzjoni ex ante (bħall-protezzjoni tat-titoli, ir-reġistrazzjoni obbligatorja, ir-rekwiżiti ta’ kwalifika, eċċ), għalkemm regolamentazzjoni ex post (bħal skemi ta’ ċertifikazzjoni professjonali, regolamenti lokali jew permessi tal-bini) tista’ timponi restrizzjonijiet sinifikanti fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi. Għal din ir-raġuni, it-tqabbil oġġettiv ta’ sistemi regolatorji jidher diffiċli.

4.2.7

L-obbligu li jiġu pprovduti rapporti ta’ proporzjonalità abbażi tas-sistema tat-test pjuttost kumplessa — u anke parzjalment xjentifika — jista’ jnaqqas b’mod konsiderevoli r-ritmu ta' kwalunkwe riforma fir-rigward tar-regolamentazzjoni professjonali jew saħansitra jfixkilha.

4.2.8

Għalkemm il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li l-għażla fir-rigward ta’ jekk u kif jiġu rregolati l-professjonijiet tibqa’ f'idejn l-Istati Membri, din il-libertà hija teoretika ħafna. Jekk it-test obbligatorju jkun negattiv, xorta waħda bilkemm ikun possibbli li l-leġiżlatur jargumenta l-konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi. Barra minn hekk, il-proposta trid tidher f’konnessjoni ma’ dik għal proċedura ta’ notifika ġdida skont id-Direttiva dwar is-Servizzi minħabba li fejn ikunu kkonċernati r-regolamenti professjonali, il-miżuri jaqgħu spiss fil-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ direttivi. Il-marġni ta’ flessibbiltà tal-leġiżlatur huwa prattikament żero, ladarba l-obbligu tan-notifika jirrikjedi wkoll l-għoti ta’ informazzjoni li turi l-konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi, li jkun ifisser, għal miżuri duplikati bħal dawn, ir-riżultati tat-test tal-proporzjonalità.

4.2.8.1

Il-KESE għalhekk jiddubita li l-impatti negattivi tal-implimentazzjoni ta’ obbligu li jiġi armonizzat test tal-proporzjonalità f’termini tar-restrizzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali — b’mod speċjali fil-qafas tal-proċedura ta’ notifika aktar stretta — jistgħu jiġu ġġustifikati mill-benefiċċji tagħha. Huwa jemmen li linji gwida mhux obbligatorji jew offerta ta’ konsultazzjoni jistgħu jwasslu għal effetti simili mingħajr l-impatti negattivi.

4.3   E-card Ewropea tas-servizzi

4.3.1

Il-KESE jilqa’ l-isforz li tiġi promossa l-mobilità tal-fornituri ta’ servizzi u jemmen li r-riċerka u l-issodisfar ta’ rekwiżiti nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi fi Stat Membru ieħor jistgħu xorta waħda jkunu diffiċli għall-fornituri ta’ servizzi.

4.3.2

Madankollu, l-approċċ tat-trasferiment tar-responsabbiltà ewlenija għall-proċedura lill-awtoritajiet tal-Istat Membri tad-domiċilju huwa f’kunflitt mal-prinċipju stabbilit tal-Istat Membru ospitanti. L-e-card tas-servizzi ma għandhiex tipprevjeni jew tipperikola l-kontrolli li l-Istat Membru ospitanti jrid iwettaq fuq l-attivitajiet ekonomiċi li jsiru fuq it-territorju tiegħu. Għalhekk, l-e-card tas-servizzi proposta ma għandhiex tinkludi elementi tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini. Madankollu, il-KESE jesprimi l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi biex tiżdied il-fiduċja bejn l-Istati Membri, fost affarijiet oħra permezz ta’ involviment ċar f’sistemi ta’ kontroll u ta’ skambju ta’ data adegwati u korretti.

4.3.3

Hemm raġuni biex wieħed jemmen li xi karatteristiċi tal-e-card tas-servizzi bħal pereżempju l-prinċipju “ta’ darba biss” għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni, il-perjodu ta’ validità indefinit tagħha, l-obbligu għall-Istati Membri biex jużaw l-informazzjoni li tinsab fl-e-card tas-servizzi mingħajr il-possibbiltà li tintalab prova tal-validità tal-informazzjoni pprovduta fi stadju aktar tard, u kif ukoll peress li proċeduri għal revoka restrittivi li jistgħu jirrikjedu deċiżjoni finali mill-qrati jistgħu jipperikolaw b’mod sinifikanti l-kontroll tal-konformità mal-liġijiet nazzjonali u l-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet tal-konsumaturi.

4.3.4

Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li jiġi żgurat li l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) ma jbiddilx is-sustanza tar-regoli applikabbli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema skont id-Direttiva 2014/67/UE u li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, li attwalment qed tiġi eżaminata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tiddikjara b’mod ċar il-prinċipju ta’ “paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post”, b’rispett għall-kondizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti minn liġijiet u ftehimiet kollettivi fl-Istat Membru ospitanti, is-saħħa u s-sigurtà u l-ħarsien ambjentali u tal-konsumatur.

4.3.5

Mhuwiex ċar xi jkun l-impatt tal-proposta għal e-card Ewropea tas-servizzi fuq il-karti tal-identità soċjali settorjali eżistenti li huma inizjati mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-imsieħba soċjali, u kif kieku jinteraġixxu mal-miżura mal-estensjoni proposta tas-sistema tal-IMI. Barra minn hekk, hemm evidenza, inkluż Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li tissuġġerixxi li s-sistema attwali tal-IMI għandha xi nuqqasijiet li jeħtieġu li jiġu indirizzati, pereżempju minħabba l-volum ta’ xogħol assoċjat u n-nuqqas ta’ ċarezza tat-tweġibiet għat-talbiet (5). Il-KESE għalhekk jemmen li s-sistema tal-IMI teħtieġ evalwazzjoni mill-ġdid u attwalment mhijiex lesta tiggarantixxi kooperazzjoni ottimali bejn l-Istati Membri. It-titjib għas-sistema tal-IMI għandu jsir bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati kontrolli aħjar fil-pajjiż fejn tiġi eżerċitata l-attività ekonomika u l-komplementarjetà ma’ sistemi eżistenti, u filwaqt li jitqiesu l-possibbiltajiet ta’ kondiviżjoni ta’ data fil-ħin reali (aċċess dirett għad-data banks) flimkien mal-iskambju manwali ta’ data li attwalment huwa possibbli taħt is-sistema tal-IMI.

4.3.6

Il-KESE huwa kkonċernat li l-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini jista’ jiġi introdott b’mod indirett. L-e-card tas-servizzi tintroduċi diversi elementi abbażi ta’ dan il-prinċipju billi tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi jittrattaw esklużivament mal-Istat Membru tad-domiċilju bħala intermedjarju u jirrikjedu lill-Istati Membri ospitanti jaċċettaw id-deċiżjonijiet tal-Istat Membru tad-domiċilju dwar l-validità tad-dokumenti u l-veraċità tal-kontenut tagħhom, u għaldaqstant jillimitaw il-mekkaniżmi ta’ kontroll u b'hekk jarmonizzaw l-iskambju tad-data abbażi tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini.

4.3.7

Il-fatt li, kif inhu propost, awtorità ta’ koordinazzjoni trid tiċċekkja r-rekwiżiti nazzjonali fl-iqsar żmien possibbli jidher partikolarment problematiku. Dawn il-limiti ta’ żmien għandhom jerġgħu jiġu kkunsidrati peress li l-awtorità kompetenti responsabbli mill-e-card tas-servizzi għandha tikkoordina kull każ mal-awtoritajiet kompetenti relevanti l-oħra fir-rigward tal-aspetti differenti tar-rekwiżiti legali. Jenħtieġ li jiġi ddikjarat ukoll, b’mod aktar ċar, li d-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali għandha preċedenza għal kwalunkwe aspett ta’ rikonoxximent professjonali fir-rigward tal-e-card il-ġdida.

4.3.8

Il-proċedura kompletament elettronika kkombinata ma’ possibbiltajiet limitati għall-Istati Membri ospitanti biex jivverifikaw l-informazzjoni pprovduta lill-Istat Membru tad-domiċilju permezz tal-e-card tas-servizzi tagħmilha aktar faċli biex jiġu stabbiliti kumpaniji tal-isem (letterbox companies) għal skopijiet ta' evażjoni tat-taxxa u dumping soċjali. Il-KESE għalhekk jemmen li l-proċedura teħtieġ aktar aġġustamenti sabiex jiġi garantit li dawn l-iżviluppi jistgħu jiġu evitati.

4.3.8.1

Barra minn hekk, il-proposta ma tiċċarax liema elementi għandhom jiġu vvalutati mill-Istat ta’ domiċilju biex jiġi ddikjarat li fornitur ta’ servizz huwa stabbilit legalment fl-Istat. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda referenza għall-elementi fattwali elenkati fid-Direttiva 2014/67/UE sabiex ikun determinat jekk impriża twettaqx ġenwinament attivitajiet sostanzjali fl-Istat Membru.

4.3.9

Il-verifika tal-identitajiet u l-eżami dettaljat tad-dokumenti oriġinali huma kruċjali biex jiġi evitat id-dħul ta’ impriżi b’reputazzjoni ħażina u kriminali (diskussjoni simili bblukkat id-Direttiva dwar l-SUP (6)). Għalhekk, l-Istat Membru ospitanti għandu jkun kompletament responsabbli mill-proċedura għall-ħruġ ta' e-card Ewropea tas-servizzi.

4.3.9.1

L-Istati Membri ospitanti għandhom ikunu responsabbli biex jiddeċiedu liema proċeduri jridu jiġu segwiti sabiex jiġu rreġistrati stabbilimenti sekondarji, inklużi aspetti ta’ rikonoxximent professjonali. Li jiġu involuti l-Istati Membri tad-domiċilju bħala intermedjarji fi proċedura biex tiġi stabbilita fergħa ser iżid piż amministrattiv addizzjonali fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti u jista’ jevita kontrolli dettaljati fil-pajjiż fejn abbużi, pereżempju tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi, jitfaċċaw.

4.3.10

Għalkemm ir-regolament propost jiddikjara li s-sistemi ta’ notifika minn qabel għal ħaddiema stazzjonati huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, il-proposta tintroduċi sistema Ewropea, armonizzata ta’ notifika minn qabel għal ħaddiema stazzjonati bbażata fuq inklużjoni fakultattiva volontarja mill-Istati Membri. Dan iwitti t-triq għal espansjoni obbligatorja f’punt aktar tard, li la hija mixtieqa u lanqas kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/67/UE. Matul id-diskussjonijiet politiċi dwar id-Direttiva dwar l-Infurzar 2014/67/UE kien miftiehem b’mod ċar li l-Istat Membru ospitanti kien l-awtorità nazzjonali kompetenti biex jistabbilixxi għodod ta’ infurzar (l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/67/UE).

4.3.11

Il-proċeduri biex tiġi kkanċellata l-e-card tas-servizzi jistgħu jirrikjedu li tidħol fis-seħħ deċiżjoni finali tal-qorti u l-fornituri tas-servizzi jiġu pprovduti b’diversi mekkaniżmi biex sadanittant ikomplu bis-servizzi tagħhom. Dan jevita kontrolli ex post effettivi mill-Istat Membru ospitanti, li jxekklu l-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-leġiżlazzjoni eżistenti. Barra minn hekk, il-proposti leġiżlattivi ma jinkludu l-ebda penali dissważiva, kemm għall-Istat Membru kif ukoll għall-kumpanija applikanti, għall-abbuż tal-e-card Ewropea tas-servizzi.

4.3.12

Ir-regolament jagħti dritt lill-persuni fiżiċi japplikaw għal e-card tas-servizzi. F’xi setturi, jeżisti riskju sinifikanti li jkun hemm abbuż mill-kard, u għaldaqstant jiġi faċilitat l-impjieg indipendenti fittizju.

4.3.13

Peress li jekk persuna tikkwalifikax bħala impjegata għal rasha jew impjegata jiddependi mill-mod li bih titwettaq l-attività, l-awtorità emittenti tal-Istat Membru tad-domiċilju ma tistax toħroġ e-card li tiddikjara li persuna topera bħala li taħdem għal rasha skont ir-regoli tal-Istat Membru ospitanti.

4.3.14

F’uħud mill-każijiet, il-kanċellazzjoni tal-e-card tas-servizzi għal dawk impjegati għal rashom tirrikjedi deċiżjoni finali minn qorti. Din tipprevjeni kanċellazzjoni rapida f’każijiet ta’ abbuż u tista’ tippermetti lill-persuni b'impjieg indipendenti fittizju jkomplu l-attivitajiet tagħhom sakemm tittieħed deċiżjoni finali mill-qorti. Dan joħloq lakuna ewlenija li twaqqaf l-isforzi biex jiġi miġġieled xogħol mhux iddikjarat bħall-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-Xogħol mhux Iddikjarat.

4.3.15

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-livell tal-UE proċedura simili biex jinħarġu l-formoli tad-Dokument Portabbli A1 marbuta mal-istazzjonar tal-ħaddiema diġà indikat ostakoli potenzjali involuti meta jkun hemm dipendenza esklużiva fuq l-Istat Membru tad-domiċilju biex tiġi validata d-data dwar il-fornituri tas-servizzi minn barra l-pajjiż, speċjalment fil-każ ta’ impjieg indipendenti falz. Hawnhekk, il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema tissuġġerixxi li: “Il-preċiżjoni tal-informazzjoni inkluża fid-dokumenti PD A1 ma tistax tiġi garantita minħabba fin-nuqqas ta’ kontrolli formali mill-awtoritajiet fil-pajjiżi li jibgħatu, fost affarijiet oħra.” (7)

4.3.16

Il-proposta tintroduċi għodda armonizzata għall-għoti ta’ informazzjoni dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni. Madankollu, ladarba din ser tkun marbuta mal-e-card tas-servizzi, l-informazzjoni trid tiġi pprovduta darba biss, u dan jagħmel l-ispezzjonijiet u l-kontrolli fl-Istat Membri ospitanti potenzjalment anqas effettivi.

4.3.16.1

Barra minn hekk, l-assiguraturi jkunu mġiegħla jikkalkolaw primjums abbażi tar-rekord fl-Istat Membru tad-domiċilju, u dan ikun jinterferixxi mad-dritt u r-responsabbiltà tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni biex jevalwaw ir-riskji.

4.3.17

Il-Kummissjoni tirriżerva firxa wiesgħa ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni li jfasslu l-kontenut u l-parametri tekniċi tal-e-card tas-servizzi. Madankollu, l-armonizzazzjoni f’dan il-qasam tista’ tillimita l-kapaċità tal-Istati Membri biex iwettqu kontrolli effiċjenti ta’ fornituri tas-servizzi li jiġu minn barra l-pajjiż fuq id-drittijiet tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema.

4.4   Rakkomandazzjonijiet għal riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali

4.4.1

Il-KESE jixtieq jenfasizza li d-differenzi bejn kunċetti regolatorji ma jindikawx fihom infushom ħtieġa għal riforma. Ħafna regolamenti huma bbażati fuq it-tradizzjonijiet u l-esperjenza. Dawn huma importanti għall-protezzjoni tal-konsumatur u jridu jiġu ppreservati. Il-prinċipju ta’ “ekwivalenza” huwa bbażat fuq il-fatt li jeżistu dawn is-sistemi differenti. Il-KESE jqis il-fatt li s-sistemi professjonali nazzjonali huma bbażati fuq tradizzjonijiet fit-tul. Il-proġett ta’ riċerka juri riżultati pjuttost differenti fir-rigward tal-benefiċċji ta’ miżuri ta’ deregolamentazzjoni.

4.4.2

Il-KESE jilqa’ l-indikatur il-ġdid ta’ restrizzjoni billi jippermetti standard ogħla ta’ analiżi mill-PMR tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Għad hemm xi dettalji li jkun tajjeb li jiġu kkunsidrati mill-ġdid (eż. l-elenkar tal-Iżvilupp Professjonali Kontinwu bħala restrizzjoni negattiva jidher li mhuwiex xieraq). Il-KESE jixtieq jenfasizza li sabiex tiġi pprovduta opinjoni mhux diskriminatorja tas-sistemi regolatorji differenti jkun meħtieġ li tiġi inkluża mhux biss regolamentazzjoni ex ante (eż. protezzjoni tat-titoli, rekwiżiti ta’ kwalifika) iżda anke regolamentazzjoni ex post (eż. rekwiżiti fil-kodiċi tal-bini u l-ippjanar tal-permessi). Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun iċċarat b’mod espliċitu, li l-indikatur ta’ restrizzjoni huwa newtrali mingħajr kwalunkwe dikjarazzjoni tal-valur jew il-ġustifikazzjoni tar-regolamenti.

Brussell, il-31 ta’ Mejju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.

(2)  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

(3)  ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.

(4)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 1

(5)  Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, rapport speċjali tal-2016, Il-Kummissjoni żgurat l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar is-Servizzi?, p. 25.

(6)  COM(2014) 212 final u ĠU C 458, 19.12.2014, p. 19.

(7)  SWD (2016) 52 p. 8.


Top