Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE5508

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Gżejjer fl-UE: minn żvantaġġ strutturali għal territorju inklużiv” (Opinjoni esploratorja)

ĠU C 209, 30.6.2017, pp. 9–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Gżejjer fl-UE: minn żvantaġġ strutturali għal territorju inklużiv”

(Opinjoni esploratorja)

(2017/C 209/02)

Relatur:

Stefano MALLIA

Konsultazzjoni

Opinjoni esploratorja (Presidenza Maltija), 16.9.2016

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni speċjalizzata

8.3.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

29.3.2017

Sessjoni tal-plenarja Nru

524

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

163/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Għandu jsir sforz ikbar mill-UE biex tirrikonoxxi kemm huma uniċi l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-gżejjer. Dawn l-isfidi ma jistgħux jiġu indirizzati biss permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni.

1.2.

Il-gżejjer ibatu minn għadd ta’ żvantaġġi strutturali li ta’ spiss jirriżultaw f’kundizzjonijiet diffiċli biex jitwettaq in-negozju. Il-KESE huwa tal-fehma qawwija li oqsma ta’ politika ewlenin bħas-Suq Uniku, il-Politika tal-Kompetizzjoni, il-Politika tat-Trasport, il-Politika tal-Iżvilupp Rurali u l-Politika tas-Sajd, kif ukoll l-inizjattivi u l-programmi tal-UE li jappoġġjaw il-Politiki tal-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport għandhom jiġu applikati b’aktar flessibilità fil-każ ta’ ekonomiji tal-gżejjer.

1.3.

Il-KESE jaħseb li l-kriterji użati mill-Eurostat biex jiġi definit reġjun insulari għandhom jiġu evalwati mill-ġdid u b’hekk jintużaw kriterji iżjed adatti (ara l-punti 2.4-2.6).

1.4.

Persuni b’diżabilitajiet, u b’mod aktar ġenerali kull persuna bi żvantaġġi, għandhom jingħataw attenzjoni speċifika billi għandhom it-tendenza li jbatu iżjed minn oħrajn l-effetti tal-problemi li qed jiffaċċjaw il-gżejjer.

1.5.

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-isforzi kollha biex jiġu megħjuna l-gżejjer jagħtu prijorità li jiġi pprovdut aċċess għas-servizzi pubbliċi, li jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli, u li jitrawmu l-impjieg sħiħ, il-kompetittività u l-koeżjoni fil-gżejjer Ewropej.

1.6.

Il-gżejjer u r-reġjuni insulari ta’ sikwit joffru opportunitajiet uniċi għal soluzzjonijiet ta’ enerġija nadifa. Il-KESE jappoġġja l-isforzi kollha tal-Kummissjoni Ewropea f’din id-direzzjoni u b’mod aktar speċifiku jappoġġja t-tranżizzjoni tal-gżejjer lejn soluzzjonijiet ta’ enerġija nadifa mija fil-mija.

1.7.

Il-KESE jappoġġja s-sejħa tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni biex tniedi studju fil-fond dwar l-ispejjeż addizzjonali li jkollhom il-gżejjer Ewropej.

1.8.

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jikkunsidraw ir-reġjuni insulari jew l-Istati Membri gżejjer kollha bħala eliġibbli għal finanzjament relatat mal-infrastruttura fil-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020. Fid-dawl ta’ dan, il-fondi kollha tal-perjodu 2014-2020 li għandhom l-għan li jtaffu r-restrizzjonijiet speċifiċi li jiffaċċjaw il-gżejjer għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni ex post tal-effikaċja tagħhom.

1.9.

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi qafas leġislattiv iżjed adatt fir-rigward tal-applikazzjoni tal-għajnuna mill-istat fir-reġjuni insulari u l-gżejjer li jikkonsistu biss minn Stati Membri gżejjer.

1.10.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika l-koordinazzjoni permezz tal-Grupp ta’ bejn is-Servizzi dwar l-Iżvilupp Urban u Territorjali u l-użu tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali bħala għodda biex tirrevedi l-leġislazzjoni ewlenija u tidentifika fejn jistgħu jiġu inklużi klawżoli dwar l-insularità.

2.   L-insularità u l-Ewropa: ħarsa ġenerali

L-ambitu

2.1.

Fil-gżejjer tal-Ewropa jgħixu ’l fuq minn 21 miljun ruħ. Dawn jirrappreżentaw, bejn wieħed u ieħor, 4 % tal-popolazzjoni kollha tal-UE-28. Il-popolazzjoni globali tal-gżejjer kollha tal-UE (ħlief il-gżejjer li huma nazzjonijiet — il-Gran Brittanja, l-Irlanda, Ċipru u Malta) kieku tilħaq il-11-il pajjiż l-aktar popolat tal-Ewropa (1). Hemm ħtieġa urġenti li jiġi adottat qafas ta’ politika integrata sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ta’ koeżjoni territorjali li qed jiffaċċjaw il-gżejjer Ewropej.

2.2.

L-UE trid tirrikonoxxi kemm huma uniċi l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-gżejjer. F’dan ir-rigward huwa meħtieġ sforz kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali, biex b’hekk jiġi mmassimizzat il-potenzjal sħiħ tal-gżejjer tal-UE.

2.3.

Din l-Opinjoni għandha l-għan li tagħti spinta ġdida lid-dibattitu fil-livell tal-UE dwar il-valur tal-insularità fil-politiki Ewropej, u speċifikament hemm fil-mira l-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020, bit-tħeġġiġ ta’ approċċ “minn isfel għal fuq” imsejjes fuq parteċipazzjoni iżjed konkreta tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet sabiex jiġu stabbiliti politiki u programmi msejsa fuq il-ħtiġijiet reali tan-nies. Is-sħubija u l-governanza f’diversi livelli previsti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (2) għandhom jissaħħu aktar fil-perjodu wara l-2020.

2.3.1.

Din l-Opinjoni għandha l-għan ukoll li twassal sett adatt ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika li jenfasizzaw il-kunċett ta’ “gżejjer inklużivi”, li jqiegħdu fil-prattika l-prinċipji ta’ “Effiċjenza” u “Ekwità” bħala pilastri li jrawmu l-kompetittività u l-koeżjoni soċjali tal-gżejjer kollha fl-Ewropa:

“Effiċjenza” — l-iżgurar li l-gżejjer kollha jkunu jistgħu jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom;

“Ekwità” — l-iżgurar li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal opportunitajiet u servizzi jkun xi jkun il-kuntest territorjali fejn jgħixu.

Definizzjoni ta’ gżejjer u insularità

2.4.

Skont id-definizzjoni tal-Eurostat (3), gżira hija kwalunkwe territorju li tissodisfa dawn il-ħames kriterji: (1) ikollha erja ta’ mill-inqas kilometru kwadru; (2) tkun tinsab iżjed minn kilometru mill-art kontinentali; (3) ikollha popolazzjoni residenti permanenti ta’ mill-inqas 50 ruħ; (4) ma jkollha l-ebda pont fiss mal-kontinent; (5) ma jkollhiex belt kapitali tal-UE.

2.5.

Il-gżejjer tal-Ewropa jistgħu wkoll jiġu raggruppati skont l-aspetti ġeografiċi, il-klassifikazzjoni NUTS (klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika) u d-daqs tagħhom.

2.6.

Hemm tliet dimensjonijiet li jiddefinixxu l-insularità: (1) iċ-ċokon, (2) il-periferiċità u (3) l-vulnerabbiltà (4).

2.7.

L-approċċ tal-UE lejn il-gżejjer ingħata profil ogħla bl-introduzzjoni ta’ żewġ stati gżejjer żgħar, Ċipru u Malta, bħala membri tal-UE.

2.7.1.

Matul l-2008, il-“Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali” (5) ipproponiet definizzjoni tal-koeżjoni territorjali bħala “mezz ta’ kif id-diversità tista’ tinbidel f’vantaġġ li jikkontribwixxi lejn l-iżvilupp sostenibbli tal-UE kollha”. Minn din il-perspettiva, l-insularità tista’ tiġi kkunsidrata bħala ass u sors ta’ żvilupp potenzjali.

2.8.

“Il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE 2014-2020” tipprovdi l-bażi biex jiġu allinjati l-programmi tal-UE, għall-bżonnijiet ta’ territorji bi żvantaġġi, bħall-gżejjer, b’kont meħud partikolarment tal-isfidi territorjali ewlenin identifikati fil-Qafas Strateġiku Komuni. Għodod ġodda għall-appoġġ ta’ strateġiji ta’ żvilupp territorjali integrati li ġew introdotti għall-2020-2014 bħall-Investiment Territorjali Integrat u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-Komunità għandhom jerġgħu jiġu analizzati mill-perspettiva tal-gżejjer bi tħejjija għall-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020.

2.9.

B’kont meħud tal-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-problemi speċifiċi tal-gżejjer” u “Gżejjer intelliġenti” (6), u wara r-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-“Istrateġija Ewropa 2020” (7), jidher b’mod ċar li f’dak li jirrigwarda l-gżejjer, il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni ma ħadmux kif kien mistenni. Huwa evidenti li hemm bżonn ta’ approċċ ġdid.

2.10.

F’Jannar 2016, permezz tar-Riżoluzzjoni “Is-sitwazzjoni speċjali tal-gżejjer” (8), il-Parlament Ewropew ipprovda l-bażi għar-reviżjoni tal-politiki eżistenti tal-UE.

3.   Il-problemi ewlenin li jaffettwaw lill-gżejjer Ewropej

3.1.

Skont il-konklużjonijiet tal-istudju tal-ESPON, Euroislands (9), qabel ma jiġu analizzati l-problemi li jaffettwaw lill-gżejjer Ewropej, tkun utli deskrizzjoni qasira tas-“saħħiet u d-dgħufijiet” u l-“opportunitajiet u t-theddid”, sabiex jiġu kontestwalizzati aħjar l-isfidi li l-gżejjer se jiffaċċjaw fis-snin li ġejjin.

3.1.1.

Fir-rigward tas-“saħħiet”, il-kwalità tal-ħajja, il-preżenza ta’ densità għolja ta’ kapital naturali u kulturali u identità kulturali b’saħħitha, jippreżentaw elementi tanġibbli li għandhom jiġu sfruttati biex jinħolqu ġid u impjieg ġodda fil-gżejjer.

3.1.2.

Fir-rigward tad-“dgħufijiet”, l-insularità taffettwa direttament u b’mod permanenti uħud mill-parametri l-iżjed importanti li jservu ta’ attrazzjoni għall-gżejjer, bħall-aċċessibilità, is-servizzi ta’ interess pubbliku, is-servizzi privati u n-netwerks, l-ekonomiji ta’ skala u l-organizzazzjoni tas-suq.

3.1.3.

L-“opportunitajiet” jistgħu jiġu elenkati bħala d-domanda għall-kwalità tal-ħajja, il-prodotti tal-ikel ta’ kwalità u sikuri, it-turiżmu b’interess speċifiku u s-servizzi residenzjali. Dawn il-fatturi għandhom jiġu sfruttati u trasformati f’saħħiet sabiex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet negattivi ewlenin tal-insularità relatati maċ-ċokon, il-periferiċità u l-vulnerabbiltà.

3.1.4.

It-“theddid” jista’ jiġi identifikat fir-rigward tat-tibdil fil-klima, il-globalizzazzjoni, il-kriżijiet ekonomiċi, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, l-iskarsezza tal-ilma, id-degradazzjoni tal-ħamrija u l-estinzjoni tal-istokkijiet tas-sajd.

3.2.

Anke jekk il-problemi li jaffettwaw lill-gżejjer Ewropej ikollhom effetti li jvarjaw ħafna skont fatturi speċifiċi (10), huwa possibbli li jiġu raggruppati fi tliet gruppi ewlenin: (1) l-ekonomija tal-gżejjer; (2) l-ekwità soċjali; u (3) il-konservazzjoni ambjentali.

3.3.

L-ekonomija tal-gżejjer — il-gżejjer għandhom PDG medju għal kull ras inqas mill-medja għall-UE-28 (11). B’mod ġenerali l-proċess ta’ konverġenza ekonomika jimxi iżjed bil-mod milli għall-bqija tar-reġjuni tal-UE. Għal ħafna gżejjer, il-livelli tal-PDG u ta’ impjieg huma sostnuti mit-turiżmu u minn settur pubbliku kbir, li juri li l-ekonomija għandha kompetittività baxxa.

3.3.1.

L-ispiża għolja tat-trasport u n-nuqqas ta’ konnessjonijiet ma’ territorji oħrajn jikkostitwixxu problema maġġuri għat-territorji insulari. Din il-problema trid tiġi rikonoxxuta u indirizzata b’mod flessibbli bil-għan li l-ekonomiji tal-gżejjer jissopravivu u jiffjorixxu. Għalkemm il-qafas legali tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 jippermetti lill-Istati Membri jorganizzaw servizzi pubbliċi li jiżguraw konnessjonijiet regolari ma’ territorji insulari, hemm il-ħtieġa li jiġi rivedut x’kien l-impatt reali ta’ din il-miżura.

3.3.2.

Aspett ieħor li jaffettwa b’mod negattiv il-kompetittività tal-ekonomija ta’ wħud mill-gżejjer huwa dak relatat mal-ekonomiji monokulturali, fejn ċerti ekonomiji insulari jispeċjalizzaw f’qasam wieħed jew ftit oqsma ekonomiċi (pereżempju t-turiżmu) jew ikollhom attività ekonomika limitata minħabba ċ-ċokon tagħhom.

3.3.3.

Il-KESE jappoġġja s-sejħa mill-Parlament Ewropew biex il-Kummissjoni tniedi studju/analiżi fil-fond dwar l-ispejjeż żejda li jkollhom gżejjer Ewropej, f’termini tas-sistema tat-trasport għan-nies u l-oġġetti, il-provvista tal-enerġija u l-aċċess għas-swieq, b’mod partikolari għall-SMEs.

3.4.

L-ekwità soċjali — Matul l-aħħar għaxar snin l-ekwità soċjali fil-gżejjer Ewropej inbidlet b’mod profond minħabba għadd ta’ fatturi interni u esterni: trasportazzjoni, tibdil ekonomiku, tibdil fl-istili ta’ ħajja, kulturi u aspirazzjonijiet. Il-kriżi ekonomika affettwat b’mod negattiv fatturi ta’ ekwità soċjali.

3.4.1.

It-tinqis demografiku jaffettwa lill-gżejjer l-inqas żviluppati li għandhom it-tendenza li jbatu iżjed minn popolazzjoni li qed tixjieħ.

3.4.2.

F’ċerti sistemi insulari (pereżempju gżejjer Mediterranji) il-migrazzjoni tar-refuġjati ħalliet impatt fuq l-istandards ta’ ekwità soċjali. Numru kbir ta’ migranti reċentement waslu fit-territorji insulari, xi kultant anke iżjed fin-numru mill-popolazzjoni lokali, li min-naħa tagħhom mhumiex f’qagħda li jagħtu l-appoġġ u l-għajnuna neċessarja. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli ssaħħaħ is-sinerġiji bejn il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jużaw il-Fondi SIE biex jappoġġjaw politiki effettivi ta’ integrazzjoni li jkopru l-edukazzjoni, l-impjieg, l-akkomodazzjoni u n-nondiskriminazzjoni.

3.4.3.

L-inizjattivi u l-programmi tal-UE li jappoġġjaw il-politiki tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, bħall-Erasmus+, għandhom iqisu l-fatt li l-gżejjer huma iżolati, kif ukoll in-nuqqas ta’ għarfien espert u għarfien li xi kultant ikun hemm bil-għan li jiġu żgurati l-finanzjament u l-funzjonament ta’ skambji u interazzjonijiet internazzjonali.

3.4.4.

Persuni b’diżabilitajiet, u b’mod aktar ġenerali l-persuni kollha bi żvantaġġi, ibatu iktar minn oħrajn mill-effetti tal-problemi msemmija hawn fuq. L-eżempju pożittiv tal-Politika ta’ Koeżjoni li teħtieġ lill-benefiċjarji finali biex iwettqu proġetti ffinanzjati permezz tal-Fondi SIE biex ikunu aċċessibbli għall-persuni bi żvantaġġi għandu jkun ta’ eżempju gwida għall-politiki kollha tal-UE.

3.5.

Konservazzjoni ambjentali — Il-gżejjer Ewropej ta’ sikwit jinsabu f’reġjuni li huma kkunsidrati postijiet uniċi għall-bijodiversità tagħhom.

3.5.1.

Waħda mir-raġunijiet għal dan hija l-frammentazzjoni għolja ta’ ħabitats. Ħafna gżejjer huma kkunsidrati partikolarment rikki fil-bijodiversità terrestri u tal-baħar. B’mod ġenerali, dan huwa rifless fil-fatt li hemm żoni protetti fil-biċċa l-kbira tal-gżejjer.

3.5.2.

Il-gżejjer Ewropej għandhom aspetti naturali uniċi, iżda l-ekosistemi tagħhom huma wkoll fraġili u vulnerabbli ħafna għall-pressjonijiet mill-bniedem u pressjonijiet esterni oħrajn. Ġieli huma kkaratterizzati wkoll minn raba’ limitat, nixfiet, livelli tal-baħar li qed jogħlew u erożjoni tal-art.

3.5.3.

Bejn wieħed u ieħor il-gżejjer kollha jiffaċċjaw problemi serji fir-rigward tat-tniġġis tal-baħar, b’mod partikolari l-perikli tat-tniġġis abbażi tal-plastik, li huwa endemiku fl-oċeani tagħna (l-iżjed minħabba attivitajiet li ma jseħħux fil-gżejjer), id-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-pajsaġġ, l-iskarsezza tal-ilma ħelu, id-dipendenza mill-karburanti fossili u l-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma mormi.

4.   Lejn “gżejjer inklużivi”: it-triq ’il quddiem

4.1.

It-triq ‘il quddiem hija li dawn l-isfidi jiġu trasformati billi jiġi armonizzat u mtejjeb il-bilanċ bejn is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali, billi jiġi applikat approċċ olistiku mmirat lejn l-implimentazzjoni tal-kunċetti ta’ “Gżejjer ta’ kwalità”, “Gżejjer ekoloġiċi” u “Gżejjer b’opportunitajiet indaqs”.

“Gżejjer ta’ kwalità” — Titjib tal-kompetittività, il-prosperità u l-koeżjoni tal-gżejjer Ewropej

4.2.

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa essenzjali li jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli (ekonomiku, ambjentali u soċjali) u jitrawwmu l-impjieg sħiħ, l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-koeżjoni fil-gżejjer Ewropej, u jiġu konsolidati u diversifikati attivitajiet ekonomiċi speċifiċi fid-dawl ta’ solidarjetà reċiproka bejn il-gżejjer infushom u bejn il-gżejjer u l-art kontinentali.

4.2.1.

Minkejja l-konsegwenzi tad-daqs u l-insularità, il-prodotti tal-gżejjer imsejsa fuq riżorsi lokali u l-għarfien espert jistgħu jkunu kompetittivi. L-għarfien ġdid, l-innovazzjoni u r-riżorsi umani b’ħiliet huma l-prerekwiżit għas-suċċess ta’ strateġija bħal din li trid tkun orjentata lejn “swieq niċċa”.

4.3.

Il-KESE huwa tal-fehma qawwija li oqsma ta’ politika ewlenin bħas-Suq Uniku, il-Politika tal-Kompetizzjoni, il-Politika tat-Trasport, il-Politika tal-Iżvilupp Rurali u l-Politika tas-Sajd għandhom jiġu applikati b’aktar flessibilità fil-każ ta’ ekonomiji tal-gżejjer. Ma nistgħux niddependu biss fuq il-Politika ta’ Koeżjoni biex nilħqu l-għanijiet meħtieġa.

4.3.1.

Prijorità li għandha titqies sabiex jitrawmu “Gżejjer ta’ kwalità”, meta wieħed iqis l-oqsma ta’ politika msemmija hawn fuq, hija relatata mal-isfruttar tal-innovazzjoni miftuħa u soċjali lejn il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg ġodda u ta’ intrapriżi, biex b’hekk jinħolqu gżejjer li huma iżjed attraenti għall-abitanti.

“Gżejjer ekoloġiċi” — Garanzija tas-sostenibbiltà fil-gżejjer Ewropej

4.4.

Huwa essenzjali li l-Istati Membri, permezz tal-użu tal-Fondi SIE, issaħħu l-impenn immirat lejn il-ġestjoni sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent, barra mit-tisħiħ tal-assi territorjali tal-gżejjer. Huwa vitali wkoll li jiġu implimentati strateġiji mmirati lejn it-tnaqqis tal-użu ta’ riżorsi bħall-ilma, l-art, l-enerġija u r-riċiklaġġ tal-iskart prodott kemm min-negozji kif ukoll mill-popolazzjoni lokali.

4.5.

Il-KESE jaħseb li l-“ekonomija ċirkolari” hija prijorità għall-gżejjer Ewropej. L-iżvilupp ta’ mudell ta’ ekonomija ċirkolari għall-gżejjer Ewropej se jgħin biex jiġu protetti l-ekonomiji insulari kontra l-esponiment għal riskji fil-provvista ta’ riżorsi u prezzijiet volatili ta’ prodotti bażiċi.

4.6.

Il-gżejjer u r-reġjuni insulari ta’ sikwit joffru opportunitajiet uniċi għal soluzzjonijiet ta’ enerġija nadifa. Il-Kummissjoni Ewropea rikonoxxiet dan u wegħdet l-appoġġ tagħha għall-iżvilupp u l-adozzjoni tal-aqwa teknoloġiji disponibbli fil-gżejjer tal-UE u fir-reġjuni insulari, inklużi l-iskambju tal-aħjar prattika fil-finanzjament u sistemi legali u regolatorji (12). Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal dan l-isforz mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-gżejjer, u joffri l-appoġġ sħiħ tiegħu sabiex jiġi implimentat qafas legali komprensiv għall-appoġġ tat-tranżizzjoni tal-gżejjer Ewropej lejn soluzzjonijiet ta’ enerġija nadifa mija fil-mija.

“Gżejjer b’opportunitajiet indaqs” — Garanzija tal-aċċessibilità u l-konnettività għall-abitanti kollha

4.7.

Il-KESE japprova l-promozzjoni tal-iżvilupp territorjali msejjes fuq l-aċċess ugwali għaċ-ċittadini insulari kollha għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali, il-kooperazzjoni bejn sistemi insulari u fl-art kontinentali, aċċessibilità aħjar tas-servizzi, il-mobilità sostenibbli, u t-titjib tal-modi ta’ trasport u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni.

4.8.

Huwa essenzjali li jiġu promossi ll-proċessi tat-taħriġ mill-ġdid u tat-tagħlim tul il-ħajja li jisfruttaw għall-massimu r-riżorsi umani disponibbli lokalment, jiġu żgurati kundizzjonijiet u opportunitajiet indaqs għal persuni b’diżabilitajiet u jiġi appoġġjat it-tixjiħ attiv bħala riżorsa lokali strateġika. Huwa fundamentali wkoll li ż-żgħażagħ li jgħixu fil-gżejjer ikunu mħeġġa jinvolvu ruħhom aktar fil-programmi tal-UE mmirati lejn il-promozzjoni tal-mobilità għal korsijiet ta’ taħriġ u kwalifiki, bħal Erasmus +.

4.9.

Minbarra appoġġ politiku sod, l-isfidi li l-gżejjer tal-UE se jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom fis-snin li ġejjin se jkunu jeħtieġu wkoll aktar parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fil-proċess lejn “strateġija ġdida għal gżejjer”, kif ukoll ta’ sistema intraprenditorjali msaħħa permezz ta’ miżuri mmirati li jtejbu l-kompetittività tal-SMEs.

4.9.1.

Din hija r-raġuni għaliex il-partijiet interessati ekonomiċi pubbliċi u privati, l-imsieħba soċjali u d-diversi komponenti tas-soċjetà ċivili organizzata għandu jkollhom għarfien dwar il-politiki, il-programmi u l-opportunitajiet ta’ fondi tal-UE, permezz ta’ programmi ta’ taħriġ ad hoc, appoġġ organizzattiv u assistenza teknika.

4.10.

Il-KESE jenfasizza li l-kapaċità diġitali hija mezz vitali biex jiġu kontrobilanċjati l-iżvantaġġi tal-konnettività tal-gżejjer Ewropej. Huwa meħtieġ aktar investiment għall-infrastruttura u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni sabiex tiġi żgurata disponibbiltà suffiċjenti tas-servizzi pubbliċi sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ dawk kollha li jgħixu f’territorji insulari.

5.   Kummenti u proposti speċifiċi

5.1.

Il-KESE jaħseb li l-kriterji użati mill-Eurostat biex jiġu definiti l-gżejjer għandhom jiġu evalwati mill-ġdid f’termini ta’ kemm huma adatti.

5.2.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Qafas Strateġiku Komuni 2014-2020 (13) talab lill-Istati Membri sabiex iqisu l-karatteristiċi ġeografiċi jew demografiċi u jieħdu passi biex jindirizzaw l-isfidi territorjali speċifiċi ta’ kull reġjun biex jiżviluppaw il-potenzjal ta’ żvilupp speċifiku tagħhom, u b’hekk jgħinu wkoll biex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv bl-aktar mod effiċjenti. Hemm bżonn ta’ aktar sforz f’din id-direzzjoni għall-kisba ta’ riżultati aktar tanġibbli.

5.3.

L-isfida ewlenija biex jiġu appoġġjati l-kompetittività u l-koeżjoni tal-gżejjer Ewropej hija li jsiru iżjed attraenti. Skont il-konklużjonijiet tal-istudju tal-Euroislands (14), meta jiġu ppjanati l-proċessi ta’ żvilupp lejn it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tal-gżejjer Ewropej iridu jitqiesu żewġ fatturi ewlenin: kemm huma attraenti biex wieħed jgħix hemm u kemm huma attraenti għan-negozju.

5.4.

Meta jqis ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni speċjali tal-gżejjer” u r-Riżoluzzjonijiet tas-CRPM, il-KESE jidentifika t-triq ‘il quddiem sabiex il-gżejjer ikunu iżjed attraenti, kif ġej:

Ir-reġjuni insulari u l-gżejjer li jikkonsistu biss minn Stati Membri gżejjer jiġu kkunsidrati bħala reġjuni inqas żviluppati fil-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020;

Jiġu definiti kriterji ġodda u iżjed adatti għall-għajnuna mill-istat;

Tiġi attivata “Unità tal-gżejjer” fi ħdan id-DĠ Regio flimkien ma’ programm speċifiku għall-gżejjer;

Jiġu inklużi klawżoli ta’ insularità fl-atti leġislattivi ewlenin tal-UE (fejn dan ikun xieraq).

5.5.

Il-KESE jappoġġja lill-KtR fis-sejħa tiegħu għal appoġġ aktar intensiv u mmirat mill-Politika ta’ Koeżjoni u politiki oħrajn tal-UE biex jagħtu ħajja mill-ġdid lill-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet, inklużi l-gżejjer, filwaqt li jsir użu mill-opportunitajiet maħluqa mill-Aġenda Territorjali, l-Aġenda Urbana, il-Karta ta’ Leipzig u l-Patt ta’ Amsterdam (15).

5.6.

Ħafna mill-finanzjament mill-Politika ta’ Koeżjoni jiġi kkonċentrat f’reġjuni inqas żviluppati. Il-klassifikazzjoni ta’ reġjuni fil-Politika ta’ Koeżjoni fil-biċċa l-kbira hija bbażata fuq il-PDG reġjonali, li mhuwiex indikatur perfett għal għadd ta’ raġunijiet.

5.6.1.

Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-KESE dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020, għandhom jiġu investigati indikaturi addizzjonali li jikkomplementaw il-PDG fil-metodoloġija ta’ allokazzjoni għal fondi strutturali. Dan ix-xenarju għandu jirriżulta f’żieda fil-fondi għal territorji insulari. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa indikaturi oħrajn lil hinn mill-PDG li jqisu l-vulnerabbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tal-gżejjer.

5.6.2.

Fid-dawl tal-approċċ “Lil hinn mill-PDG”, il-gżejjer Ewropej jistgħu jiġu kklassifikati bħala “territorji inqas żviluppati”. F’dan il-każ, il-gżejjer Ewropej kollha għandhom ikunu jistgħu jużaw il-Fondi ta’ Koeżjoni biex iwettqu u jimplimentaw infrastrutturi strateġiċi u l-ammont ta’ għajnuna lill-intrapriżi għall-kompetittività u l-koeżjoni ta’ dawn iż-żoni jista’ jiżdied ukoll u jiġu modulat skont il-livell ta’ attrazzjoni tagħhom.

5.6.3.

Il-valur miżjud ta’ programm ta’ azzjonijiet innovattivi għall-gżejjer għandu jiġi eżaminat mill-Kummissjoni u għandu jkollu l-għan li jidentifika u jittestja soluzzjonijiet innovattivi għall-iżvilupp sostenibbli tal-gżejjer għall-perjodu ta’ wara l-2020.

5.6.4.

Meta wieħed iqis il-karatteristiċi ġeomorfoloġiċi u ekonomiċi ta’ xi gżejjer Ewropej (żoni kostali u interni, żoni muntanjużi), huwa possibbli li jiġi implimentat approċċ innovattiv bil-għan li tiġi promossal-komplementarjetà bejn il-Fondi SIE u s-sinerġiji bejn strateġiji li jappoġġaw it-“Tkabbir blu” u l-“Iżvilupp rurali”.

Brussell, id-29 ta’ Marzu 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  https://europeansmallislands.com/2017/02/11/the-11th-nation/

(2)  L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013.

(3)  Portrait of Islands, Kummissjoni Ewropea, Eurostat, 1994.

(4)  “Insularity and economic development: a survey”, Manuela Deidda, CRENOS 2014.

(5)  Kummissjoni Ewropea, COM(2008) 616 final – Brussell, 6 ta’ Ottubru 2008.

(6)  ĠU C 181, 21.6.2012, p.7, ĠU C 268, 14.8.2015, p. 8.

http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.ten-opinions&itemCode=40697

(7)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 (ĠU C 12, 15.1.2015, p. 105).

(8)  Parlament Ewropew – Strasburgu, 4 ta’ Frar 2016.

(9)  The Development of the Islands – European Islands and Cohesion Policy (EUROISLANDS), ESPON 2013 European Programme.

(10)  Il-post ġeografiku, il-prossimità jew il-periferiċità mill-art kontinentali jew miċ-ċentri ekonomiċi, il-klima, kemm hi attraenti mil-lat tat-turiżmu, id-daqs tal-popolazzjoni, il-prospetti għall-agrikoltura u s-sajd u l-livell ġenerali ta’ żvilupp.

(11)  Statistika tal-Eurostat – Data minn Marzu 2016.

(12)  Communication on Clean Energy For All Europeans. (mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 (Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni) Artikolu 10 u Anness I.

(14)  The Development of the Islands – European Islands and Cohesion Policy (EUROISLANDS) — Programm Ewropew ESPON 2013.

(15)  http://cor.europa.eu/en/activities/opinions/Pages/opinions-and-resolutions.aspx


Top