EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE5212

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — 5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni” (COM(2016) 588 final)

ĠU C 125, 21.4.2017, p. 74–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/74


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — 5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni”

(COM(2016) 588 final)

(2017/C 125/11)

Relatur uniku:

Mihai MANOLIU

Konsultazzjoni

Kummissjoni, 24.11.2016

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

11.1.2017

Adottata fil-plenarja

26.1.2017

Sessjoni plenarja Nru

522

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

199/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis opportun li jappoġġja l-għanijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu tal-ewwel netwerks 5G (sal-2018) u t-tnedija ta’ servizzi kummerċjali fl-Ewropa (sal-aħħar tal-2020).

1.2

Skont il-KESE, il-fatturi determinanti ser ikunu s-suċċess tal-proġetti mwettqa fil-qafas tas-Sħubija Pubblika-Privata għall-infrastrutturi 5G (il-5G-PPP) matul il-fażi tar-riċerka u l-integrazzjoni tan-netwerks fronthaul man-netwerks backhaul tat-trażmissjoni tad-data permezz tal-produzzjoni ta’ swiċċijiet ta’ kapaċità għolja, ta’ rabtiet eteroġenji ta’ trażmissjoni u ta’ proċessuri li jinsabu fil-cloud filwaqt li jintużaw diversi fornituri tal-aċċess għall-internet.

1.3

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkollabora mal-Istati Membri u mal-korpi ta’ livell internazzjonali sabiex jiġu solvuti l-problemi tekniċi relatati mal-frekwenzi u l-faxxa tal-frekwenzi (bandwidth), kif ukoll biex jiġu żviluppati standards (mingħajr standards speċifiċi, mhu ser ikun hemm l-ebda żvilupp fuq skala kbira u għalhekk mhux ser ikun hemm kummerċjalizzazzjoni ta’ tagħmir bi prezz raġonevoli).

1.4

Il-KESE huwa konxju tar-riskji possibbli (diversi fatturi jistgħu fil-fatt joħolqu ostakli biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti) għaż-żoni urbani kollha u r-rotot ewlenin tat-trasport li, fil-ġejjieni, ser jibbenefikaw minn kopertura tal-5G. Il-miżuri li għandhom l-għan li jżidu d-domanda għadhom ma wrewx li huma effikaċji fil-provvista ta’ servizzi f’dawn iż-żoni.

1.5

Il-Kumitat jappoġġja l-kumpens, permezz ta’ investimenti pubbliċi jew soluzzjonijiet oħra ta’ finanzjament, għan-nuqqas ta’ investiment privat fiż-żoni remoti jew b’popolazzjoni baxxa ta’ xi Stati Membri. Fl-istess ħin, il-KESE jqis li meta wieħed jivvaluta l-merti tad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament pubbliku, jeħtieġ li jitqiesu l-effetti sekondarji (spill-over) tagħhom fuq l-ekonomija lokali, it-teleħidma, il-provvista tal-kura tas-saħħa u l-opportunitajiet ġodda fil-qasam tal-edukazzjoni.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri u d-definizzjoni ta’ speċifikazzjonijiet għall-fażijiet kollha tal-proġett 5G bil-għan li jkun hemm relazzjonijiet ta’ xogħol ġusti. L-imsieħba soċjali jistgħu jevalwaw oġġettivament kemm in-nuqqasijiet kif ukoll il-livell ta’ progress għall-kisba tal-miri stabbiliti.

1.7

Il-KESE huwa tal-fehma li n-netwerks 5G, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom bħalma huma l-interoperabbiltà, it-trasparenza u s-sigurtà tad-data, jistgħu jikkontribwixxu ħafna għall-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri u t-tnaqqis tal-burokrazija.

1.8

Il-KESE jenfasizza r-rwol li jista’ jkollhom l-SMEs fil-qasam diġitali. Fil-fatt, dawn huma kapaċi jintroduċu mudelli ġodda ta’ innovazzjoni fis-suq; il-finanzjament pubbliku ta’ ċerti raggruppamenti virtwali ddedikati għall-SMEs jista’ jkun soluzzjoni biex jiġu apoġġjati n-negozji ġodda u opportunità li m’għandhiex titwarrab, b’mod parallel għall-mudelli ta’ finanzjament innovattivi u personalizzati.

1.9

Fil-fehma tal-KESE, l-iżvilupp tal-ħiliet informatiċi taċ-ċittadini inġenerali u tal-ħaddiema b’mod partikolari għandu jkun prijorità għall-Unjoni Ewropea. L-azzjoni tal-UE dwar l-istrateġija għall-ħiliet diġitali u l-koalizzjoni kbira għall-impjiegi fis-settur diġitali joħolqu rabtiet bejn l-imsieħba soċjali, il-professjonisti tal-edukazzjoni u atturi soċjali oħra kompetenti f’dan il-qasam. Il-KESE jixtieq li tingħata attenzjoni partikolari lill-persuni b’diżabilità, li għalihom għandhom jiġu stipulati l-kundizzjonijiet neċessarji biex jiġi żgurat aċċess faċli għat-teknoloġiji ġodda marbutin mal-5G.

1.10

Il-KESE jitlob li l-investiment li jistrieħ fuq il-Fondi Strutturali joħloq kundizzjonijiet ugwali għall-Istati Membri kollha u aċċess ġust u mhux diskriminatorju għall-operaturi ekonomiċi kollha.

1.11

Is-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u bosta negozji fiż-żoni rurali u mbiegħda tal-Ewropa ġew imwiegħda b’mod konsistenti broadband aktar veloċi u netwerks mobbli 3/4G, iżda dawn il-wegħdiet qatt ma nżammu. Jekk iż-żoni rurali, remoti u muntanjużi u l-gżejjer tal-Ewropa għandu jkollhom futur, mela ċertament li għandhom id-dritt li jitolbu għal aċċess għal mill-inqas broadband 5Mb u komunikazzjoni mobbli 3/4G.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Fl-opinjonijiet tiegħu kollha, il-KESE appoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-ICT bħala prerekwiżit għat-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali bħala mutur għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-UE. Il-KESE japprezza l-impenn tal-Kummissjoni sabiex jinħolqu netwerks tal-5 ġenerazzjoni (teknoloġija taċ-ċirkwit integrat għan-netwerk tal-mowbajl) u jappoġġja l-passi li ħadet sa mill-fażi tar-riċerka. Bħalma huwa l-każ għal kwalunkwe prodott jew servizz ġdid, l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu jinkludu għadd ta’ riskji u opportunitajiet li għandhom jiġu evalwati b’mod oġġettiv, sabiex jiġu implimentati l-linji ta’ politika l-aktar adatti biex jintlaħqu r-riżultati mixtieqa.

2.2

Minkejja li hija bbażata fuq it-teknoloġija attwali, il-ġenerazzjoni 5G m’għandhiex titħawwad mal-4G, li tista’ tinkludi diversi teknoloġiji globali avvanzati bħal-LTE u l-LTE Advanced (TD-LTE, AXGP, LTE-A, TD-LTE-A, LTE b’VoLTE), WiMax, WiMAx2, Network Function Virtualization/Software Defined Network (NFV/SDN), HetNets (Heterogeneous Networks) u l-LPLT (Low Power Low Throughput network).

2.3

Meta mqabbla mal-4G, il-kwalità prinċipali tat-teknoloġija 5G tinsab fil-veloċità ħafna iktar għolja tagħha (Samsung ħabbar veloċità ta’ 7,5 Gbps, Nokia ta’ 10 Gbps, filwaqt li l-Università ta’ Surrey fir-Renju Unit, is-sena l-oħra ddikjarat li laħqet veloċità sorprendenti ta’ 1 Tbps, li titqabbel ma’ dak li huwa possibbli bil-fibra ottika, u dawn ir-riżultati kollha nkisbu f’kundizzjonijiet tal-laboratorju). Minbarra l-veloċità, il-latenza baxxa (latenza inferjuri għal 1 millisekonda ggarantita fuq in-netwerks prinċipali) u l-kapaċità għolja jikkostitwixxu progressi importanti ħafna. Fil-każ fejn ma jistax jintlaħaq livell ta’ latenza inferjuri għal 1 millisekonda f’kundizzjonijiet reali, parti mis-servizzi assoċjati mat-teknoloġija 5G (ir-realtà miżjuda, ir-realtà virtwali, karrozzi mingħajr xufier, internet tattili) ma tistax tiġi assigurata bil-karatteristiċi meħtieġa.

2.4

Fl-istess ħin, ir-reazzjonijiet tal-partijiet interessati kollha fis-suq ser jiddependu minn dawn il-karatteristiċi tekniċi mistennija. Għandu jitfakkar li, meta mxejna min-netwerk 2G għat-3G, l-aspettattivi rigward l-aċċess tal-utenti tat-telefonija ċellulari għall-internet ma mmaterjalizzawx. Kienu biss meta l-kapaċitajiet tekniċi speċifiċi tat-3,5G setgħu jintużaw, li l-kombinazzjoni ta’ smart phones u netwerks tal-broadband mobbli ppermettiet l-aċċess għall-internet fuq dan l-apparat.

2.5

In-netwerks 5G u n-netwerks tal-fibra ottika huma komplementari. Fuq id-distanzi qosra u fiż-żoni li fihom hemm għadd kbir ta’ konnessjonijiet, il-5G hija soluzzjoni aħjar. Għat-trasferiment tal-informazzjoni fuq distanza twila, in-netwerks tal-fibra ottika (tat-tip backhaulbackbone) għandhom benefiċċji insuperabbli: veloċità ta’ trażmissjoni li tasal sa 1 Tb, m’hemmx riskji ta’ interferenza ma’ sinjali elettromanjetiċi oħra li jniġġsu l-ambjent u jolqtu t-teknoloġiji bla fili, u s-sinjal ma jonqosx matul it-trażmissjoni.

2.6

L-istandardizzazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa kemm għat-tagħmir u l-apparat kif ukoll għan-netwerks hija fattur ewlieni fit-tħassib tal-intrapriżi kkonċernati u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li jaħdmu f’dan il-qasam. L-ispeċifikazzjonijiet jipprovdu struzzjonijiet li jippermettu li jiġu ttestjati u vvalidati komponenti tekniċi importanti għall-5G. L-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet jagħti lill-imsieħba industrijali, lill-fornituri ta’ komponenti u ta’ netwerks u lill-operaturi l-possibbiltà li jiġu żviluppati soluzzjonijiet interoperabbli, u jikkontribwixxi għall-proċess ta’ prestandardizzazzjoni. Waqt li l-ITU, it-3GPP u korpi oħra tal-istandardizzazzjoni ddeċidew li l-2020 ser tkun is-sena sa meta jistgħu jiġu definiti l-istandards 5G, il-fornituri tat-telefonija ċellulari żiedu l-isforzi tagħhom bil-għan li jagħtu l-aktar offerta kompetittiva ta’ servizzi 5G.

2.7

Il-KESE huwa tal-fehma li l-pjani ta’ azzjoni għall-iżvilupp tal-5G u l-użu tagħha fuq skala kbira għandhom jiġu appoġġjati permezz ta’ inizjattivi ta’ appoġġ (sabiex tiġi stimulata d-domanda għall-internet bil-broadband bi prezzijiet raġonevoli għall-utenti) u dawk operattivi, b’mod li dawn l-iskadenzi ottimisti jkunu jistgħu jintlaħqu.

2.8

Il-KESE jinsab imħasseb li dan l-iżvilupp (in-netwerks tal-5G) jista’ jirriżulta fit-twaqqif ta’ żviluppi eżistenti tat-3G u l-4G f’żoni rurali, remoti u bil-muntanji għall-unika raġuni li hemm xi ħaġa aħjar li qed titwiegħed xi darba fl-20 sena li ġejja.

2.9

F’ħafna partijiet tal-Ewropa m’hemmx sinjali tal-mowbajl, u lanqas 2G, 3G jew 4G. Ir-raġuni hija li kull darba li jsiru disponibbli teknoloġiji ġodda, tieqaf l-implimentazzjoni tal-verżjonijiet preċedenti, u dan ifisser li ħafna żoni rurali, imbiegħda u muntanjużi tal-Ewropa għandhom servizzi tal-komunikazzjoni li skadew 20 sena ilu.

2.10

L-użu ta’ broadband superveloċi ser isir parti ntegrali min-netwerk 5G, iżda x’jiġri jekk in-negozji ma jkollhomx broadband tal-fibra superveloċi u l-veloċità tan-netwerk bil-wajers tagħhom tkun ta’ inqas minn 1Mb? Is-setturi tal-agrikoltura u l-foresterija u ħafna negozji fiż-żoni rurali u mbiegħda tal-Ewropa ġew imwiegħda b’mod konsistenti broadband aktar veloċi u netwerks tal-mobile 3/4G, iżda dawn il-wegħdiet qatt ma nżammu.

2.11

Hija problema komuni madwar l-Ewropa li jgħixu ftit nies mifruxin fuq żona kbira, u tiġi msemmija minn fornituri bħala r-raġuni għala dawn iż-żoni ma jistgħux jirċievu s-servizz. Jekk iż-żoni rurali, remoti, muntanjużi u tal-gżejjer tal-Ewropa se jkollhom futur, mela ċertament li għandhom id-dritt li jitolbu għal aċċess għal mill-inqas 5Mb broadband u 3/4G komunikazzjoni mobbli.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1

L-ispejjeż li jirriżultaw mill-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda huma enormi. Il-KESE jenfasizza li l-ħtiġijiet ta’ investiment fl-UE jaqbżu sew il-valur tal-investiment ippjanat (EUR 4,2 biljun) fil-qafas tas-sħubija pubblika-privata li fiha hija involuta l-Kummissjoni Ewropea. Il-KESE huwa tal-fehma li l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni Ewropea jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiġu appoġġjati l-isforzi finanzjarji, umani u tekniċi jekk din il-kwistjoni tibqa’ tħassib permanenti, jekk jiġi implimentat qafas ta’ inċentivi għall-investimenti privati u jekk l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri jkunu kkoordinati perfettament.

Azzjoni 1 — Il-Kummissjoni ser taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija biex jistabbilixxu, fuq bażi volontarja, programm ta’ ħidma għat-tnedija tan-netwerks 5G mill-aktar fis possibbli

3.2

L-għanijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tnedija tal-ewwel netwerks 5G sal-aħħar tal-2018, segwita mit-tnedija tas-servizzi kummerċjali 5G fl-Ewropa sa l-aħħar tal-2020, jiddependu l-aktar mir-riżultati tal-proġetti mwettqa fil-qafas tal-5G-PPP matul il-fażi ta’ riċerka. Fost dawn, il-proġett 5GXCrosshaul, li għandu l-għan li jintegra n-netwerks fronthaul (netwerks 5G mingħajr fili) man-netwerks backhaul (netwerks li fil-parti l-kbira huma magħmula mill-fibra ottika) għat-trażmissjoni tad-data, huwa ta’ importanza kruċjali. Hemm bżonn li jinħolqu swiċċijiet ta’ kapaċità kbira, rabtiet eteroġenji ta’ trażmissjoni, proċessuri li jinsabu fil-cloud (ċentri żgħar ta’ data) u punti ta’ preżenza ta’ netwerks bażiċi ta’ fornitur wieħed jew aktar tas-servizzi tal-internet.

Azzjonijiet 2 u 3 — Il-Kummissjoni ser taħdem mal-Istati Membri biex (sa tmiem l-2016) tidentifika lista provviżorja ta’ baned tal-ispettru “pijunieri” għall-ewwel tnedija tas-servizzi 5G, u (sa tmiem l-2017) taqbel fuq is-sett kollu tal-baned tal-ispettru li jridu jiġu armonizzati għall-ewwel introduzzjoni tan-netwerks 5G kummerċjali fl-Ewropa

3.3

Peress li l-frekwenzi użati mit-teknoloġiji 3G u 4G huma staġnati, is-soluzzjoni tal-problemi tekniċi relatati mal-frekwenzi u l-faxex ta’ frekwenzi għall-5G hija imperattiva fuq skala globali. Minbarra l-kollaborazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea għandha tqis ukoll il-miżuri li diġà ttieħdu fil-livell internazzjonali mill-korpi kompetenti. Għall-5G, l-ITU u t-3GPP, li jlaqqgħu flimkien il-korpi tal-istandards tat-telekomunikazzjonijiet bħall-ARIB, l-ATIS, l-ETSI, it-TSDSI, it-TTA, it-TTC u s-CCSA, qablu dwar pjan f’żewġ stadji: ir-riċerka qabel kollox, segwita mill-iżvilupp fuq skala kbira.

Azzjoni 4 Bħala parti mill-iżvilupp tal-pjani direzzjonali nazzjonali tal-5G, il-Kummissjoni ser taħdem mal-industrija kkonċernata, mal-Istati Membri kif ukoll ma’ partijiet interessati oħra (kopertura tal-5G li ma jkollhiex interruzzjonijiet sal-2025)

3.4

L-għan tal-UE, li huwa li tiġi żgurata kopertura tal-5G fiż-żoni urbani kollha u fl-assi ewlenin tat-trasport ta’ kull Stat Membru sal-2025, ser ikun diffiċli li jintlaħaq. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa riskjuż ħafna li titħabbar il-kisba ta’ għanijiet ambizzjużi f’qasir żmien. L-analiżi tal-implimentazzjoni tan-netwerks ta’ aċċess tal- ġenerazzjoni ġdida (Next Generation Network) u ta’ politiki biex jitnaqqas id-distakk diġitali wriet li ż-żoni bla kopertura u żoni ambigwi, kif definiti fil-linji gwida għan-netwerks ta’ veloċità kbira, huma saħansitra akbar. La l-leġislazzjoni ex ante u lanqas il-miżuri li għandhom l-għan li jżidu d-domanda ma ppermettew li tiġi żgurata l-provvista ta’ servizzi tal-broadband f’dawn iż-żoni.

3.5

Il-KESE jenfasizza li l-promozzjoni u l-finanzjament ta’ proġetti li jimplimentaw in-netwerks 5G permezz ta’ tnaqqis fil-finanzjament iddestinat għan-netwerks tal-fibra ottika (netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss NGA u NGN) jistgħu jwasslu biex jiżdied id-distakk diġitali bejn ir-reġjuni ta’ ċerti Stati. In-nuqqas ta’ investiment privat fin-netwerks 5G u fin-netwerks tal-fibra ottika fir-reġjuni remoti u f’reġjuni fejn il-popolazzjoni hija baxxa jew mifruxa, li jirrifletti redditu limitat tal-kapital investit, għandu jiġi kkumpensat minn investimenti pubbliċi jew l-istabbiliment ta’ soluzzjonijiet oħra ta’ finanzjament definiti fil-livell nazzjonali. Fil-promozzjoni ta’ miżuri ta’ finanzjament pubbliċi, jeħtieġ li jitqiesu l-effetti sekondarji (spill-over) fuq l-ekonomiji lokali, it-teleħidma, is-servizzi tas-saħħa u l-opportunitajiet fl-edukazzjoni.

Azzjoni 5 Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Istati Membri u lill-industrija kkonċernata biex jistabbilixxu għanijiet ta’ standardizzazzjoni (standards inizjali sal-aħħar tal-2019)

3.6

Kif inhuma, il-pjani relatati mal-5G ma jistgħux jipproteġu la lin-netwerk u lanqas lill-utenti. Sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta’ protezzjoni, hemm bżonn li n-netwerks u l-proċeduri jiġu standardizzati. L-iżgurar ta’ segwitu tal-infrastrutturi tan-netwerk 5G, is-separazzjoni tan-netwerk ta’ ġestjoni min-netwerk tas-servizzi, l-iżvilupp ta’ proċeduri preċiżi f’każ ta’ inċident, kif ukoll proċessi oħra jistgħu jippermettu li jiġi żgurat livell ottimali ta’ sigurtà, kemm għall-utenti kif ukoll għall-infrastrutturi tan-netwerk. It-testijiet ta’ sigurtà huma essenzjali. Il-protokolli ta’ interazzjoni kollha jridu jaħdmu tajjeb, anki f’każ ta’ piraterija (il-pirati jfittxu kontinwament biex isibu u jisfruttaw il-punti vulnerabbli tal-prodotti).

3.7

Il-KESE jemmen li l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri fi ħdan il-proċessi industrijali u l-eżistenza ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi għat-tagħmir huma kundizzjonijiet essenzjali jekk irridu nibnu relazzjonijiet ta’ xogħol ġusti fl-intrapriżi tas-settur. L-imsieħba soċjali jistgħu jevalwaw oġġettivament il-kawżi ta’ kwalunkwe nuqqasijiet u jikkontribwixxu għar-rettifiki meħtieġa, kif ukoll għall-kisba tal-għanijiet imsemmija. F’diversi opinjonijiet preċedenti, il-KESE diġà stqarr li standardizzazzjoni eċċessiva tista’ xxekkel il-progress f’dan il-qasam.

Azzjoni 6 Sabiex jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ ekosistemi diġitali bbażati fuq il-konnettività tal-5G, jeħtieġ li jiġu ppjanati esperimenti teknoloġiċi ewlenin u l-ittestjar ta’ applikazzjonijiet permezz tal-5G-PPP (2017), kif ukoll li jitfasslu pjani direzzjonali dettaljati dwar it-twettiq ta’ testijiet li jsiru qabel il-fażi tal-kummerċjalizzazzjoni (Marzu 2017) (2018: l-Ewropa – mexxejja globali fit-tnedija tal-5G)

3.8

L-ittestjar fl-aktar stadju bikri tat-terminals u l-applikazzjonijiet fil-livell Ewropew jista’ jikkostitwixxi vantaġġ għall-atturi ewlenin fix-xena globali. Mil-lat kummerċjali, l-introduzzjoni fuq skala kbira tal-5G jirrikjedi sensiela ta’ prekundizzjonijiet. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li jekk ma jiġux adottati standards speċifiċi, mhu ser ikun hemm l-ebda żvilupp fuq skala kbira, li mingħajr żvilupp, l-ebda apparat mhu ser jiġi kkummerċjalizzat bi prezz affordabbli, u li nuqqas ta’ tagħmir ifisser nuqqas ta’ komponenti essenzjali għall-5G.

3.9

Il-KESE tkellem dwar waħda mill-isfidi ewlenin relatata mal-5G, jiġifieri li jiġi attirat l-investiment għal żvilupp u implimentazzjoni fuq skala kbira, fid-dawl tal-fatt li t-teknoloġija tal-4G, li l-parti l-kbira tal-utenti jitfixkluha mal-istandard LTE, ser tkompli turi potenzjal konsiderevoli fil-futur u li l-investimenti tal-operaturi fin-netwerks LTE x’aktarx jiġġeneraw dħul finanzjarju.

3.10

Fl-Ewropa, il-migrazzjoni tan-netwerks 3G lejn il-4G għadha limitata, meta mqabbla mal-Korea t’Isfel, l-Istati Uniti u l-Ġappun. Huwa possibbli li l-operaturi u l-utenti jagħtu preferenza lin-netwerks 4G, u dan iktar u iktar peress li l-iżvilupp attwali ta’ dawn tal-aħħar ser ikompli irrispettivament mill-5G, sabiex kull waħda mit-teknoloġiji li tikkostitwixxi l-4G tkun tista’ tiġġenera benefiċċji kwantifikabbli għall-operaturi fis-snin li ġejjin, bi spejjeż ferm aktar baxxi minn dawk relatati mal-iżvilupp ta’ teknoloġija ġdida.

Azzjoni 7 Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jużaw l-infrastruttura tal-5G futura biex itejbu l-prestazzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjoni li jużaw sabiex jiġu garantiti s-sigurtà pubblika, il-protezzjoni ċivili u l-għajnuna f’każ ta’ diżastru (pjani direzzjonali nazzjonali dwar il-5G)

3.11

Il-KESE huwa konvint li n-netwerks 5G jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, għall-isfruttar tad-data u għall-interoperabbiltà. Il-fatt li l-Istati Membri jitħeġġu jappoġġjaw l-użu mill-istituzzjonijiet pubbliċi tal-infrastruttura tal-5G futura jippermetti li jiġu promossi netwerks ġodda. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tesplora wkoll il-possibbiltà li jsir investiment regolari bil-għan li jinbidel it-tagħmir użat kuljum mill-persuni li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, bil-għan li jintwera wkoll ir-rwol tal-konsumatur li hija beħsiebha taqdi sabiex tippromovi l-5G. Barra minn hekk, għandha tiġi indirizzata l-istess rakkomandazzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-investimenti pubbliċi.

3.12

Waqt li jemmen li huwa indispensabbli għall-UE li tattira l-investiment privat, il-KESE jirrakkomanda li jitfassal pakkett ta’ politiki li jistimulaw mhux biss ir-riċerka, iżda wkoll l-innovazzjoni. Il-Kunsill tal-UE inkarigat mill-innovazzjoni jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-promozzjoni tal-innovazzjoni, flimkien ma’ bosta possibbiltajiet oħra.

3.13

Il-Kummissjoni Ewropea għandha bi prijorità timpenja ruħha li tippromovi r-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp fl-UE, li tinkoraġġixxi l-intrapriżi Ewropej biex iżidu l-investiment tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea u li tattira investituri oħra barra mill-UE. Matul il-perjodu 2007-2015, il-fondi esportati mill-intrapriżi Ewropej għal skopijiet ta’ riċerka u żvilupp żdiedu. Din iż-żieda fl-esportazzjonijiet barra mill-Ewropa (iċ-Ċina saret il-benefiċjarju prinċipali tal-infiq mill-intraprizi fir-riċerka u l-iżvilupp), flimkien ma’ tnaqqis fl-importazzjonijiet ta’ fondi destinati għar-riċerka u l-iżvilupp, ikkontribwixxew għal tnaqqis fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa.

Azzjoni 8 Il-Kummissjoni ser taħdem mal-industrija kkonċernata kif ukoll mal-Grupp tal-BEI/FEI (finanzjament tal-SMEs), sabiex tiddefinixxi l-objettivi, il-konfigurazzjoni u d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament permezz ta’ kapital ta’ riskju (fattibbiltà evalwata sa Marzu 2017, finanzjament privat u sorsi differenti ta’ finanzjament pubbliku)

3.14

Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li tinkoraġġixxi lill-intraprendituri fil-qasam diġitali. Il-Forum Politiku Ewropew dwar l-intraprenditorija diġitali, stabbilit fl-2014, ippubblika r-riżultati tal-ħidma tiegħu f’dan il-qasam. Il-KESE huwa konvint li l-SMEs jistgħu jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni ta’ mudelli ġodda ta’ innovazzjoni. Il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ finanzjament li għandhom l-għan li joħolqu u jiżviluppaw raggruppamenti virtwali ta’ innovazzjoni għall-SMEs huma soluzzjoni ta’ appoġġ għan-negozji innovattivi Ewropej żgħar, li jkollhom jużaw fondi pubbliċi biex jiżviluppaw is-servizzi u l-applikazzjonijiet, u dan jirrappreżenta opportunità sinifikanti.

3.15

Il-KESE huwa tal-fehma li l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali taċ-ċittadini inġenerali u tal-ħaddiema b’mod partikolari, għandu jibqa’ prijorità għall-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-introduzzjoni tal-ġenerazzjoni ta’ netwerks 5G. L-azzjoni tal-UE dwar il-ħiliet diġitali u l-qafas ta’ referenza Ewropew tal-ħiliet informatiċi għadhom rilevanti.

3.16

Il-KESE jqis li l-koalizzjoni kbira għall-impjiegi fis-settur diġitali, li tlaqqa’ l-imsieħba soċjali, il-professjonisti tal-edukazzjoni u partijiet interessati pubbliċi u privati oħra, tikkostitwixxi għodda li tista’ tiġbed iktar żgħażagħ fis-settur tal-ICT.

L-aċċess diffiċli tal-gruppi żvantaġġjati għas-servizzi tan-netwerk 5G u għall-applikazzjonijiet speċifiċi, minħabba l-kapaċità tal-akkwist baxxa tagħhom, ser jirrappreżenta fil-ġejjieni sfida strateġika għall-UE. Trid tingħata attenzjoni speċjali lill-persuni b’diżabbiltà, li għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw faċilment it-tagħmir u t-teknoloġiji ġodda li ser jiġu żviluppati mill-manifatturi.

3.17

Il-KESE huwa tal-fehma li l-pjani ta’ investiment ibbażati fuq il-Fondi Strutturali għandhom jipprevedu kundizzjonijiet ekwi għall-Istati Membri kollha. Il-kriterji stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet għall-approvazzjoni tal-proġetti għandhom jiżguraw aċċess ibbilanċjat u mhux diskriminatorju tal-Istati Membri u tal-atturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha. Sabiex jiġi evitat li jiġu approfonditi d-differenzi diġitali bejn l-Istati Membri, li jistgħu jippreġudikaw l-għan li jinħoloq Suq Uniku Diġitali fl-UE, il-KESE jirrakkomanda analiżi tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-pjan ta’ Juncker. Jeħtieġ li nitgħallmu min-nuqqasijiet identifikati, b’mod li d-deċiżjoni politika dwar il-finanzjament tan-netwerks 5G tkun waħda mill-fatturi ewlenin biex tissaħħaħ il-koeżjoni fi ħdan l-UE.

3.18

Barra r-riskji marbuta mal-prestazzjonijiet tekniċi tan-netwerks l-ġodda, kif ukoll mal-politiki u d-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi u r-riskji kummerċjali minħabba l-isfida li jirrappreżentaw l-investimenti f’teknoloġiji ġodda jew it-tkomplija ta’ investimenti bil-għan li jittejbu s-sistemi eżistenti (in-netwerk 4G għandu jilħaq il-punt ta’ saturazzjoni fl-2030), l-investituri għandhom jeżaminaw bir-reqqa fatturi oħra qabel ma jiddeċiedu jekk għandhomx jinvestu jew le.

3.19

Il-kontroll permanenti tal-progress li sar fl-introduzzjoni tan-netwerks 5G ser jippermetti li jissolvew in-nuqqasijiet li jirriżultaw inevitabbilment fil-perjodu li jissepara l-valutazzjonijiet ex ante mill-valutazzjonijiet ex post, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu ż-żewġ għanijiet imħabbra fil-Komunikazzjoni, wieħed dwar il-brevetti essenzjali għall-istandards (20 % minnhom huma proprjetà ta’ organizzazzjonijiet Ewropej) u l-ieħor, is-sehem tas-suq ta’ mill-inqas 35 % miżmum mill-fornituri Ewropej tal-infrastruttura tan-netwerk 5G.

Brussell, is-26 ta' Jannar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


Top