EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE5185

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 fejn tidħol il-promozzjoni tal-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali” (COM(2016) 589 final — 2016/0287 (COD))

ĠU C 125, 21.4.2017, p. 69–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 fejn tidħol il-promozzjoni tal-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali”

(COM(2016) 589 final — 2016/0287 (COD))

(2017/C 125/10)

Relatur:

Emilio FATOVIC

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 6.10.2016

Kunsill, 25.10. 2016

Bażi legali

L-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

11.1.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

26.1.2017

Sessjoni plenarja Nru

522

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

195/1/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni WiFi4EU li għandha l-għan li tipprovdi aċċess b’xejn għall-internet fil-postijiet pubbliċi u li ser twassal għal benefiċċji kemm mil-lat ta’ aċċessibbiltà, speċjalment għall-aktar gruppi soċjali żvantaġġati, kif ukoll mil-lat tat-tkabbir ekonomiku tat-territorji, b’mod partikolari fl-oqsma tas-servizzi pubbliċi, is-saħħa, il-kummerċ u t-turiżmu.

1.2

Il-Kumitat jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon il-fatt li l-proposta tiegħu, li tenna kemm-il darba f’Opinjonijiet preċedenti, fl-aħħar saret tagħmel parti integrali mill-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea (1). Dan jinbet mill-konvinzjoni li l-aċċess għall-internet huwa dritt fundamentali ta’ kull ċittadin u li huwa strument indispensabbli ta’ inklużjoni soċjali u tkabbir ekonomiku.

1.3

Il-KESE josserva li l-progress rapidu tal-qasam diġitali jista’ jwassal biex f’perjodu qasir ta’ żmien it-teknoloġiji kollha installati jsiru antikwati. Għalhekk, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika l-għanijiet ta’ żvilupp soċjali kif ukoll tat-teknoloġija, sabiex l-inizjattiva WiFi4EU ssir aktar dinamika, dewwiema u reżiljenti.

1.4

Il-Kumitat jaqbel mal-idea li l-inizjattiva WiFi4EU tissejjes fuq il-proġett EDUROAM, u jipproponi li ż-żewġ proċessi jiġu integrati sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom identità diġitali unika fl-Ewropa kollha, kif diġà ġie stabbilit fir-Regolament eIDAS. Dan il-proċess jista’ jkollu impatt importanti anke mil-lat tat-tisħiħ tas-sens ta’ ċittadinanza Ewropea u biex jingħeleb “ il-faqar diġitali ”.

1.5

Il-KESE huwa tal-fehma li WiFi4EU huwa proġett strateġiku u l-EUR 120 miljun allokati huma għalkollox inadegwati biex ikopru l-ħtiġijiet fit-territorju Ewropew kollu. Għalhekk il-KESE jittama li jkun hemm żieda sostanzjali fil-pakkett finanzjarju sabiex inkunu nistgħu naspiraw għal aċċess għall-wifi bla ħlas u b’veloċità kbira ħafna sal-2025 fil-postijiet pubbliċi kollha fit-territorju Ewropew, sabiex tiġi implimentata l-inizjattiva b’konformità mal-prinċipju “Quality WiFi4all”. F’dan il-kuntest, ikun importanti li tkun prevista integrazzjoni akbar bejn is-servizzi wifi pubbliċi kollha li huma diġà attivi sabiex jiġu sfruttati b’mod sħiħ ir-riżorsi disponibbli u tiġi evitata l-ħela.

1.6

Il-KESE huwa tal-fehma li l-kriterji identifikati għall-allokazzjoni tal-fondi ftit li xejn huma ċari u huma kontradittorji (abbażi tal-approċċ “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” u l-kriterju ġeografiku). Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu kkunsidrati l-popolazzjoni u l-estensjoni ġeografika tagħhom, biex b’hekk jiġi stabbilit minn qabel l-ammont massimu ta’ fondi allokati għal kull pajjiż, b’tali mod li r-reġjuni kollha jkunu jistgħu jaċċessawh b’mod ibbilanċjat.

1.7

Il-KESE jipproponi li titwarrab kwota ta’ 20 % għaż-żoni inqas żviluppati mil-lat ekonomiku u diġitali, b’enfasi partikolari fuq il-gżejjer, iż-żoni muntanjużi, u dawk mal-fruntiera jew periferiċi jew li jkunu ġew esposti għal diżastri naturali sabiex jinvestu r-riżorsi fejn hemm l-aktar bżonn. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-kriterji għar-reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ fornituri ma jkunux diskriminatorju fir-rigward tad-daqs tal-azjenda.

1.8

Il-KESE jappoġġja l-prinċipju li jiġu allokati fondi għal konnessjoni tal-internet b’xejn f’dawk l-inħawi fejn bħalissa ma jeżistix. Madankollu, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni biex — fl-ambitu tal-viżjoni strateġika — tintegra l-inizjattiva pubblika ma’ dawk l-inizjattivi li jipprevedu sħubija pubblika-privata.

1.9

Il-KESE jitlob li jiġi implimentat servizz tal-wifi bla ħlas ta’ kwalità tajba, li jiżgura konnessjoni minima sa 100 megabit/s fil-perjodu 2017-2020, iżda wieħed għandu jżomm f’moħħu ġà minn issa li dan irid jiġi adattat għal veloċitajiet ogħla fuq perjodu medju ta’ żmien. Hemm tliet raġunijiet għal dan:

a)

il-koerenza tal-WiFi4EU mal-Komunikazzjoni dwar is-Soċjetà tal-Gigabits;

b)

il-fatt li sempliċi konnessjoni tal-ADSL, minħabba l-limitazzjonijiet tekniċi tagħha, ma tistax tiżgura konnessjoni ta’ kwalità sodisfaċenti għal għexieren ta’ persuni fl-istess ħin;

c)

il-fatt li servizz pubbliku mingħajr ħlas ma għandux neċessarjament ikun ta’ kwalità fqira.

1.10

Il-KESE japprova l-adozzjoni ta’ mekkaniżmi mingħajr piżijiet burokratiċi u semplifikati biex ikun hemm aċċess għall-finanzi. Madankollu, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi perjodu minimu ta’ 3 snin, soġġett għall-ħlas lura tal-fondi mogħtija.

2.   Introduzzjoni u sfond għall-metodoloġija

2.1

Il-Proposta għal Regolament COM(2016) 589 li temenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 fir-rigward tal-promozzjoni tal-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali hija parti minn pakkett ta’ miżuri dwar it-telekomunikazzjoni, adottat mill-Kummissjoni Ewropea fit-13 ta’ Settembru 2016, li jinkludi wkoll il-pubblikazzjonijiet li ġejjin:

il-Komunikazzjoni “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv — Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits”, COM(2016) 587;

il-Pjan ta’ Azzjoni “5G għall-Ewropa”, COM(2016) 588;

il-Proposta għal Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, COM(2016) 590;

il-Proposta għal Regolament li jsaħħaħ il-Korp attwali tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika, billi jibdlu f’aġenzija, minkejja li jżomm l-isem attwali, COM(2016) 591.

2.2

Il-KESE abbozza opinjoni dwar kull proposta iżda ma’ amministrazzjoni waħda, sabiex ikun garantit li d-dokumenti tiegħu jkunu armonizzati u koerenti fl-objettiv u fil-kontenut (l-opinjoni attwali hija relatata mill-qrib ma’ dawn li ġejjin: TEN/611 “Soċjetà Ewropea tal-Gigabits”, TEN/612 “Kodiċi Ewropew dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi”, TEN/613 “Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC)” u TEN/615 “5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni”) u kif ukoll tkompli mal-opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar is-suġġett.

3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-Proposta għal Regolament, li jniedi l-inizjattiva intitolata “WiFi4EU”, tagħmel parti minn pakkett ta’ miżuri raggruppati fil-Komunikazzjoni “Soċjetà Ewropea tal-Gigabits”. Din l-inizjattiva hija maħsuba biex tiffinanzja l-ħolqien ta’ hotspots mingħajr ħlas għall-konnessjoni mal-internet f’postijiet pubbliċi (libreriji, pjazez, parks, sptarijiet, bini pubbliku inġenerali, eċċ.), abbażi u bl-integrazzjoni tal-inizjattiva li rnexxiet EDUROAM, li diġà tipprovdi dan is-servizz fl-universitajiet u l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni għolja.

3.2

Il-Kummissjoni Ewropea allokat EUR 120 miljun u tistma li matul il-perjodu 2017-2020 kienu ser jiġu involuti bejn is-6 000 u t-8 000 muniċipalità. Ġaladarba tiġi implimentata l-iskema, jibda jkun hemm bejn 40 u 50 miljun konnessjoni kuljum. L-allokazzjoni finanzjarja fqira timplika li l-inizjattiva titqies bħala proġett pilota.

3.3

Il-muniċipalitajiet li sal-lum il-ġurnata għadhom ma joffrux dan is-servizz huma l-benefiċjarji tal-inizjattiva. Il-proġetti ma jistgħux jaqbżu l-baġit ta’ EUR 60 000, u se jiġu koperti sa 100 % tal-ispejjeż tax-xiri u l-installazzjoni tal-hotspots, filwaqt li l-ispejjeż ta’ abbonament għas-servizz tal-internet, kif ukoll il-manutenzjoni tat-tagħmir, se jitħallsu mill-awtoritajiet lokali.

3.4

L-awtoritajiet lokali ser ikollhom l-inċentiv biex jiżviluppaw u jippromovu s-servizzi diġitali tagħhom mingħajr ħlas speċjalment fl-oqsma tat-turiżmu elettroniku, is-saħħa elettronika u l-gvern elettroniku.

3.5

Il-proposta hija limitata għall-postijiet pubbliċi, bil-għan li ma tidħolx f’kunflitt u ma toħloqx distorsjonijiet fis-suq ħieles tat-traffiku diġitali, iżda ssaħħu permezz tat-tixrid tat-teknoloġija diġitali fit-territorji inqas żviluppati.

3.6

Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi tliet kriterji ewlenin għall-allokazzjoni tal-fondi:

a)

l-aċċess huwa disponibbli biss għall-komunitajiet lokali li s’issa ma jipprovdux dan is-servizz;

b)

allokazzjoni diretta tal-fondi f’ordni kronoloġiku skont it-tressiq tal-applikazzjonijiet (il-prinċipju ta’ “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel”);

c)

l-adozzjoni ta’ kriterju ġeografiku bil-għan li jkun hemm tqassim bilanċjat tal-fondi allokati.

3.7

Il-proposta tipprevedi mudell semplifikat għall-aċċess tal-finanzjament u rappurtar dwar l-attività mwettqa permezz ta’ serje ta’ vawċers li mbagħad jintużaw biex jitħallsu l-kumpaniji inkarigati mil-installazzjoni tat-tagħmir. Il-Kummissjoni se tkun tista’ tiċċekkja f’ħin reali l-funzjonament effettiv tal-hotspots sabiex tkun tista’ tieħu azzjoni u tagħmel spezzjonijiet jekk meħtieġ.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni WiFi4EU li għandha l-għan li tipprovdi aċċess għall-internet fil-postijiet pubbliċi u li ser twassal għal benefiċċji kemm mil-lat ta’ aċċessibbiltà (2), speċjalment favur l-aktar gruppi soċjali żvantaġġati li jiffaċċjaw il-problema tal- faqar diġitali  (3), kif ukoll mil-lat tat-tkabbir ekonomiku tat-territorji, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, is-servizzi pubbliċi, il-kummerċ u t-turiżmu (4).

4.2

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li waħda mill-proposti tiegħu, li tenna kemm-il darba f’Opinjonijiet preċedenti, fl-aħħar saret tagħmel parti integrali mill-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea (5). Dan jinbet mill-konvinzjoni li l-aċċess għall-internet huwa dritt fundamentali ta’ kull ċittadin u li huwa strument ta’ inklużjoni soċjali u tkabbir ekonomiku.

4.3

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tirrifletti dwar l-impatt dejjiemi tal-inizjattiva WiFi4EU fit-territorji benefiċjarji. Fil-fatt, il-progress rapidu tal-qasam diġitali jista’ jwassal biex f’perjodu qasir ta’ żmien it-teknoloġiji kollha installati jsiru antikwati. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jirrakkomanda li l-proġett pilota jagħmel parti minn viżjoni strateġika usa’ u reżiljenti li tpoġġi l-għanijiet soċjali qabel dawk purament teknoloġiċi.

4.4

Il-Kumitat jemmen li l-proposta ma tiċċarax biżżejjed kif din l-inizjattiva ser tiġi integrata fil-proċess ta’ diġitalizzazzjoni tal-UE, attwalment inkomplet. Fil-fatt, huma koperti territorji li għad m’għandhomx konnessjoni ADSL u oħrajn li diġà għandhom netwerks UWB (Ultra Wide Band) u li diġà qed jesperjenzaw b’suċċess veloċità ta’ gigabit kull sekonda. Il-KESE jittama li l-inizjattiva tfittex li tilħaq għanijiet ambizzjużi mil-lat tal-kwalità tas-servizz ipprovdut.

4.5

Il-KESE josserva li l-proposta mhijiex appoġġjata minn studju adatt u approfondit ta’ fattibbiltà. Dan joħroġ fid-dieher mill-fatt li d-data pprovduta mill-Kummissjoni dwar il-kapaċità tal-impatt hija ġenerika wisq, mhijiex appoġġjata b’mod adegwat minn valutazzjoni soċjoekonomika u, x’aktarx, sopravalutata fir-rigward tal-potenzjal reali minħabba t-tnaqqis fl-allokazzjoni finanzjarja.

4.6

Il-KESE jiddispjaċih li l-baġit previst huwa limitat għal EUR 120 miljun, li jagħmel minn inizjattiva tant importanti sempliċi proġett pilota. Il-Kumitat għalhekk jispera li l-allokazzjoni finanzjarja tiżdied b’mod sostanzjali sabiex l-istatus tal-inizjattiva WiFi4EU jiġi elevat għal dak ta’ miżura strutturali u strateġika, b’għanijiet miżurabbli, imsejsa fuq il-mudell tas-soċjetà tal-gigabits u funzjonali b’mod li jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp diġitali previsti sal-2025. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-programm dwar is-soċjetà tal-gigabits jiġi integrat bil-għan li naslu għal konnessjoni wifi bla ħlas ta’ 100 % fil-postijiet pubbliċi kollha sal-2025.

4.6.1

Il-KESE jfakkar li l-previżjoni inizjali tal-KEF (Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju) fir-rigward it-tisħiħ tan-netwerks u s-servizzi diġitali kien jilħaq għal iżjed minn EUR 9 biljun, li tnaqqas suċċessivament sakemm niżel għal ftit iżjed minn biljun euro. Il-Kumitat għal darb’ oħra jikkonferma d-dispjaċir tiegħu għal dan it-tnaqqis tal-fondi disponibbli għal prijorità essenzjali ta’ Ewropa kompetittiva u jittama li jkun jista’ jirkupra r-riżorsi mill-partiti baġitarji.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-Kumitat jinnota li l-kriterji definiti għall-allokazzjoni tal-fondi mhumiex żviluppati biżżejjed fil-proposta u jibża’ li dawn jistgħu jkunu f’kunflitt ma’ xulxin. B’mod partikolari, ta’ min jinnota li l-prinċipju “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” jirriskja li jiffavorixxi entitajiet diġà diġitalizzati u dan iwassal biex jitnaqqsu l-fondi disponibbli għall-Istati u l-awtoritajiet lokali li l-iktar għandhom bżonnhom.

5.2

Il-KESE jirrakkomanda li, meta jitqassmu l-fondi, jiġu kkunsidrati l-popolazzjoni u l-estensjoni ġeografika tagħhom, biex b’hekk jiġi stabbilit minn qabel l-ammont massimu ta’ fondi allokati għal kull pajjiż, b’tali mod li r-reġjuni kollha jkunu jistgħu jaċċessawh b’mod ibbilanċjat.

5.2.1

Il-KESE jittama li r-reġistru għat-twettiq tal-infrastruttura, li l-kumpanniji kkonċernati jkunu obbligati li jirreġistraw fih biex jintgħażlu mill-muniċipalitajiet, ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni fih minħabba d-daqs tal-impriża.

5.3

Il-KESE jipproponi li titwarrab kwota ta’ 20 % għaż-żoni inqas żviluppati mil-lat ekonomiku u diġitali, b’enfasi partikolari fuq il-gżejjer, iż-żoni muntanjużi, u dawk mal-fruntiera jew periferiċi jew li jkunu ġew esposti għal diżastri naturali sabiex jinvestu r-riżorsi fejn hemm l-aktar bżonn (6).

5.4

Il-KESE jappoġġja l-prinċipju li jiġu allokati fondi għal konnessjoni tal-internet b’xejn f’dawk l-inħawi fejn bħalissa ma jeżistix. Madankollu, il-Kumitat huwa konxju tal-urġenza u l-kumplessità tal-isforz teknoloġiku u ekonomiku meħtieġ biex dan is-servizz jiġi pprovdut fl-Ewropa kollha. Madankollu, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni biex — fl-ambitu tal-viżjoni strateġika — tintegra l-inizjattiva pubblika ma’ dawk l-inizjattivi li jipprevedu sħubija pubblika-privata.

5.5

Il-KESE jitlob li jiġi implimentat servizz tal-wifi bla ħlas ta’ kwalità tajba, li jiżgura konnessjoni minima sa 100 megabit/s (UWB) fil-perjodu 2017-2020, iżda wieħed għandu jżomm f’moħħu diġà minn issa li dan irid jiġi adattat għal veloċitajiet ogħla fuq perjodu medju ta’ żmien. Hemm tliet raġunijiet għal dan:

a)

il-koerenza tal-WiFi4EU mal-Komunikazzjoni dwar is-Soċjetà tal-Gigabits, li għandha l-għan li l-fibra ultraveloċi (gigabit wieħed/s) tkun disponibbli fis-siti kollha tal-UE li jipprovdu servizz pubbliku (l-amministrazzjoni pubblika, l-isptarijiet, il-libreriji) sal-2025;

b)

il-fatt li sempliċi konnessjoni tal-ADSL, minħabba l-limitazzjonijiet tekniċi tagħha (il-perjodi latenti, l-istabbiltà tal-konnessjoni u l-banda massima) ma tistax tiżgura konnessjoni ta’ kwalità sodisfaċenti għal għexieren ta’ persuni fl-istess ħin;

c)

il-fatt li l-kunċett ta’ servizz pubbliku mingħajr ħlas ma għandux jikkorrispondi għal servizz ta’ kwalità fqira.

5.6

Il-KESE jappoġġja l-idea li l-inizjattiva WiFi4EU tissejjes fuq il-proġett EDUROAM, iżda huwa tal-fehma li tali inizjattivi għandhom ikunu sa mill-bidu nett komplementari u, l-ewwel u qabel kollox, jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess b’identità diġitali unika fl-Ewropa kollha. F’dan ir-rigward il-Kumitat jipproponi li jerġa’ jintuża dak li diġà ġie stabbilit u previst fir-Regolament eIDAS (7) dwar l-identità diġitali li ta prova li jipprovdi kemm għall-protezzjoni tad-data kif ukoll għas-sigurtà kontra l-użu ħażin tas-servizz (terroriżmu). Dan il-proċess jista’ jkollu impatt importanti anke mil-lat tat-tisħiħ tas-sens ta’ ċittadinanza Ewropea.

5.7

Il-KESE japprova l-adozzjoni ta’ mekkaniżmi mingħajr piżijiet burokratiċi u semplifikati biex ikun hemm aċċess għall-finanzi. Madankollu, il-Kumitat jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni ma tipprevedix perjodu minimu li fih il-benefiċjarji lokali jkunu obbligati li jipprovdu s-servizz ta’ konnessjoni bil-wifi bla ħlas (soġġett għall-ħlas lura tal-fondi mogħtija). Il-KESE jirrakkomanda li dan l-obbligu ta’ provvista minima tas-servizz ikun ta’ 3 snin.

5.8

Il-Kummissjoni għandha wkoll tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippromwovu l-introduzzjoni ta’ aċċess bla ħlas għall-internet bil-wifi fil-postijiet pubbliċi kollha. Dan ikun ta’ importanza partikolari fi rħula żgħar u f’territorji fejn hemm livell baxx ta’ kummerċ, fejn il-kummerċjanti kbar diffiċli biex jagħmlu wisq investiment sinifikanti fl-infrastruttura diġitali, bl-għan li jkun hemm żvilupp aktar armonjuż tal-UE li jipprovdi aktar opportunitajiet u kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.

5.9

Il-KESE jtenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tqis l-aspett demografiku. Ħafna anzjani għadhom, fil-fatt, diġitalment illitterati. Għalhekk l-Kumitat jirrakkomanda li l-inizjattiva Wifi4EU tkun tinkludi l-ħolqien ta’ punt uniku ta’ aċċess, multilingwi u faċli li jintuża; u barra minn hekk jirrakkomanda li l-muniċipalitajiet li jirċievu l-finanzjament joffru taħriġ speċjalment għall-anzjani, sabiex jiġi promoss it-tixrid tal-Internet, ikun garantit is-suċċess tal-inizjattiva, tiġi miġġielda l-esklużjoni u l-komunitajiet lokali jsiru aktar koeżivi.

Brussell, is-26 ta' Jannar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 8.

(2)  ĠU C 389, 21.10.2016, p. 28.

(3)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 25.

(4)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9.

(5)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(6)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(7)  ĠU C 257, 28.8.2014, p. 73.


Top