EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IR0008

Opinjoni tal-Kummissjoni għall-Politika ta’ Koeżjoni Territorjali u l-Baġit tal-UE — Semplifikazzjoni tal-FSIE mill-perspettiva tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali

ĠU C 88, 21.3.2017, p. 12–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 88/12


Opinjoni tal-Kummissjoni għall-Politika ta’ Koeżjoni Territorjali u l-Baġit tal-UE — Semplifikazzjoni tal-FSIE mill-perspettiva tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali

(2017/C 088/04)

Relatur:

is-Sur Petr Osvald (CZ/PSE) Kunsillier tal-Belt ta’ Plzeň

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jenfasizza li l-FSIE huwa wieħed mill-ftit strumenti tal-UE li għandu impatt dirett, konkret u tanġibbli fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini permezz ta’ mijiet ta’ eluf ta’ proġetti implimentati madwar l-Ewropa kollha u b’hekk għandu l-possibbiltà li jkun ta’ influwenza pożittiva fuq il-pożizzjoni ġenerali tagħhom fir-rigward tal-UE fi żmien fejn il-popolarità tagħha qed tonqos. Għalhekk, dan l-istrument għandu jibqa’ jinżamm u jiġi żviluppat skont l-objettivi u l-prinċipji ewlenin tagħha. Għall-kuntrarju, il-FSIE, u b’mod partikolari l-politika ta’ koeżjoni, għandhom jgħaddu minn proċess ta’ analiżi u titjib sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u l-valur miżjud tagħhom, bil-għan li jinkisbu kemm l-objettivi tal-UE kif ukoll l-Istrateġija Ewropa 2020, u wkoll li jkunu ta’ benefiċċju għal oqsma oħra li huma importanti għal ħajjet iċ-ċittadini u b’hekk titjieb il-perċezzjoni tagħhom tal-UE. Mod wieħed tajjeb u importanti sabiex jinkiseb dan huwa billi tiġi ssemplifikata s-sistema kollha tal-implimentazzjoni tal-FSIE biex tingħata l-possibbiltà ta’ flessibilità akbar;

2.

jirrimarka li l-proċess tal-użu tal-FSIE qed isir aktar ikkumplikat, mhux biss f’kull perjodu ġdid ta’ programmazzjoni iżda prattikament kull sena. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissarju attwali għall-iżvilupp reġjonali li abbażi tagħha l-KE bdiet tindirizza b’mod serju s-semplifikazzjoni mhux biss billi ħolqot Grupp ta’ Livell Għoli iżda wkoll billi stiednet imsieħba oħrajn għad-dibattitu. Barra minn hekk, il-KtR jinnota li mhux biss il-FSIE iżda l-programmi finanzjarji u l-politiki kollha tal-UE għandhom jiġu analizzati sabiex jiġu ssemplifikati;

3.

jilqa’ l-kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenza Netherlandiża u Slovakka tal-Kunsill biex flimkien jiddiskutu passi prattiċi għas-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-FSIE u jissuġġerixxi li dan l-eżerċizzju jitkompla mal-Presidenzi tal-Kunsill li jmiss u fid-dawl tad-dibattitu dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni;

4.

jinnota li parti mill-proċess ta’ semplifikazzjoni trid tkun li tingħata attenzjoni sabiex jintlaħaq l-għan fundamentali u l-essenza tal-politika ta’ koeżjoni, jiġifieri t-twettiq ta’ politika reġjonali. Jinnota li fil-forma attwali tagħha l-politika ta’ koeżjoni gradwalment qed titbiegħed mill-politika reġjonali u qed tindirizza aktar kwistjonijiet fil-livell nazzjonali. Dan jidher, per eżempju, fil-fatt li “ftehimiet ta’ sħubija” individwali huma bbażati fuq Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Barra minn hekk, il-politika ta’ koeżjoni hija mxekkla minn sensiela ta’ kundizzjonijiet nazzjonali li mhumiex taħt l-influwenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u benefiċjarji oħra. Il-politika ta’ koeżjoni qed issir dejjem aktar kumplessa u kkumplikata, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja fost id-diversi livelli politiċi u amministrattivi. Din il-kumplessità mbagħad tikkontribwixxi għal disparitajiet dejjem ikbar fl-iżvilupp tar-reġjuni;

5.

ifakkar li l-KtR jirrappreżenta lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jistgħu jintervjenu fi stadji differenti tal-katina fil-ġestjoni tal-proċess ta’ implimentazzjoni tal-FSIE u b’mod partikolari bħala benefiċjarji finali, awtoritajiet ta’ ġestjoni jew partijiet ikkonċernati. Minħabba dan ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-proċess ta’ semplifikazzjoni għandu jkun xprunat l-ewwel u qabel kollox mill-għarfien u s-suġġerimenti ta’ dawn;

6.

jenfasizza li, sabiex il-proċess ta’ semplifikazzjoni jkun tassew effettiv, għandhom ikunu involuti fih b’mod attiv mhux biss id-DĠs kollha tal-Kummissjoni Ewropea, li kkontribwixxew għall-ippjanar u l-monitoraġġ tal-FSIE, fosthom id-DĠ REGIO, id-DĠ EMPL, id-DĠ AGRI, id-DĠ MARE u d-DĠ COMP, iżda wkoll istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE (bħall-awtoritajiet tal-awditjar). Is-sistema għandha tkun issemplifikata kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għall-awtoritajiet amministrattivi;

7.

jirrakkomanda li l-proċess ta’ semplifikazzjoni għandu jikkonċerna b’mod partikolari t-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq il-korpi li jimplimentaw kif ukoll it-tnaqqis tal-kumplessità tal-proċess tal-verifika, tar-rappurtar u taċ-ċertifikazzjoni tan-nefqa. Il-qafas regolatorju għandu jiġi aġġustat b’mod proporzjonat b’konformità mal-iskala tal-proġetti u l-effettività tas-sistema tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri;

8.

jirrakkomanda approċċ sistematiku għall-proċess ta’ semplifikazzjoni u għalhekk iqis li hu xieraq li jiġu żviluppati metodoloġija u indikaturi tal-implimentazzjoni u s-suċċess. Għalhekk, huwa neċessarju li jkun hemm distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ riżultati: dawk fejn il-fehmiet u s-soluzzjonijiet proposti jistgħu jiġu implimentati b’mod immedjat u dawk li għandhom jintużaw għall-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, minħabba l-implimentazzjoni kontinwa tal-programmi operazzjonali, bidliet leġislattivi estensivi mhumiex realistiċi fl-interess taċ-ċertezza legali. Madankollu, għandhom jiġu previsti azzjonijiet immedjati permezz ta’ bidliet fil-prattiki tal-implimentazzjoni u r-rekwiżiti mhux legali, kooperazzjoni aħjar u gwida aktar effettiva kif ukoll aġġustamenti minuri fil-qafas leġislattiv tal-politika ta’ koeżjoni u l-leġislazzjoni relatata. Il-proċess ta’ semplifikazzjoni għandu jkun strutturat ukoll skont it-tema (trasport, ambjent…), skont il-fondi u l-kompartimentalizzazzjoni tagħhom (FEŻR, FSE eċċ.), skont il-livell (nazzjonali, reġjonali, urban, lokali u tal-komunità) u skont il-partijiet interessati involuti (pubbliċi, privati, NGOs…). F’dan il-proċess, huwa meħtieġ li jiġu identifikati r-rabtiet u l-impatti kemm interni u esterni għal din l-istruttura u b’enfasi fuq is-semplifikazzjoni tar-relazzjonijiet interistituzzjonali bejn id-diversi livelli ta’ gvern involuti fl-implimentazzjoni;

9.

jissuġġerixxi titjib tal-koordinazzjoni bejn il-Fondi u programmi individwali fil-livell nazzjonali. Dan għandu jinkiseb ukoll permezz ta’ ġestjoni u ppjanar strateġiċi matul il-perjodu tal-ipprogrammar b’enfasi fuq il-ħidma strateġika ġenerali;

Mistoqsijiet bażiċi u l-parametri li jiddeterminaw id-direzzjoni tas-semplifikazzjoni:

10.

jenfasizza li għas-suċċess ta’ dan il-proċess ta’ semplifikazzjoni huwa importanti li jitwieġbu l-mistoqsijiet bażiċi li ġejjin:

Għal min qed nagħmluha s-semplifikazzjoni?

Il-KtR huwa tal-fehma li l-grupp fil-mira huwa l-ewwel u qabel kollox il-benefiċjarji finali fl-implimentazzjoni tal-FSIE, u sussegwentement biss awtoritajiet oħrajn, minn isfel għal fuq, l-ewwel l-entitajiet lokali li huma ddelegati jwettqu r-rwol ta’ awtoritajiet implimentattivi permezz tal-programmi operattivi.

Għaliex nissemplifikaw – x’inhu l-iskop?

Il-KtR jemmen li l-iskop ewlieni tas-semplifikazzjoni huwa li jiġu ffurmati u implimentati proġetti kreattivi li jikkontribwixxu għal aktar żvilupp tat-territorji, ta’ sens ta’ appartenenza tal-UE, tal-kompetittività u l-kwalità tal-ħajja, u għaldaqstant fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-UE kollha u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-għan tas-semplifikazzjoni lanqas huwa l-infiq akbar jew iktar sempliċi tal-fondi tal-FSIE, iżda li l-proġetti jkunu aktar effettivi u kreattivi, u l-ħolqien u l-implimentazzjoni tagħhom ikunu aktar faċli għall-utent u inqas riskjużi għall-benefiċjarji.

Għalfejn is-sistema saret daqshekk kumplikata?

Il-KtR jemmen li r-raġuni għalfejn is-sistema saret iżjed kumplikata hija l-ewwel u qabel kollox l-isforz biex sejbiet individwali u għarfien jiġu trasferuti f’linji gwida u mudelli li huma ġeneralment validi, jiġifieri sforz biex is-sistema tiġi unifikata. Raġuni oħra għal din hi prova tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-iżgurar ta’ aktar trasparenza akkost ta’ kollox. Il-KtR jemmen li mhux qed issir biżżejjed enfasi fuq l-analiżi tal-effetti negattivi ta’ miżuri individwali (għalkemm b’intenzjoni tajba) u ta’ interventi fis-sistema għal miżuri oħra. It-tagħlimiet li jittieħdu minn każ wieħed mhux neċessarjament jistgħu jiġu trasferiti u estrapolati lejn oħrajn.

11.

Dawn li ġejjin ma jitqisux bħala semplifikazzjoni mill-KtR:

Tnaqqis biss tan-numru ta’ paġni tar-regolamenti u l-linji gwida.

Linji gwida u regolamenti għandhom ikunu fformulati b’mod ċar b’tali mod li jinftiehmu u l-interpretazzjoni tagħhom tkun ċara.

It-tnaqqis tas-setgħat tal-Kummissjoni u, b’mod partikolari, id-DĠ REGIO.

F’bosta każijiet, hija ħaġa raġunata, fl-interessi ta’ approċċ u interpretazzjoni uniformi madwar l-Ewropa, li d-DĠ kompetenti għall-finanzjament ikollha l-kompetenza regolatorja konsolidata sabiex livelli oħra ta’ implimentazzjoni ma jadottawx interpretazzjonijiet u approċċi diverġenti u mhux koordinati. Għadd ta’ kumplikazzjonijiet bdew preċiżament minħabba nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn id-DĠs u istituzzjonijiet oħra tal-UE (DĠ COMP, l-awtoritajiet tal-awditjar u l-bqija).

Il-ħolqien ta’ aktar dokumenti u mudelli armonizzanti.

Huwa neċessarju li jiġi vvalidat jekk il-passi li twettqu matul l-aħħar snin fis-setturi rilevanti tassew ikkontribwewx għal aktar effettività, u li dawn il-passi jiġu evalwati. Jekk irridu nissemplifikaw huwa imperattiv li jitħassru u jitneħħew il-linji gwida u l-iskemi ġenerali li ma ġabux effettività akbar u nirrilassaw il-proċess ta’ implimentazzjoni minflok nostakolawh.

12.

Dawn li ġejjin jitqiesu bħala semplifikazzjoni mill-KtR:

Li jiġu stabbiliti regoli li jippermettu l-użu ta’diversi approċċi kreattivi u proġetti biex jintlaħaq l-objettiv ġenerali.

Il-ħolqien u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja bejn il-partijiet interessati individwali u l-introduzzjoni ta’ ftehim ġenwin ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, bl-iskop ta’ ġestjoni, kontrolli tal-fondi strutturali, u l-ġlieda kontra l-frodi.

L-introduzzjoni mill-ġdid ta’ flessibilità akbar għall-benefiċjarji u aktar skop għall-implimentazzjoni fil-livell reġjonali bil-possibbiltà ta’ rabtiet ta’ xogħol diretti u aktar komunikazzjoni bejn il-KE u l-benefiċjarji jekk is-sitwazzjoni ma tistax tiġi regolarizzata fil-kuntest nazzjonali;

Flessibbiltà ikbar fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità ta’ ġestjoni (nazzjonali jew reġjonali) u l-awtoritajiet lokali (benefiċjarji jew il-korpi ta’ implimentazzjoni) u s-semplifikazzjoni tar-regoli tal-verifika u taċ-ċirkwit għall-kontroll, ir-rappurtar u ċ-ċertifikazzjoni tan-nefqa;

Promozzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità b’tali mod li d-daqs tal-piżijiet amministrattivi iqis b’mod invers mhux biss id-daqs tal-proġett, iżda, b’mod partikolari, l-ammont ta’ għajnuna mogħtija.

It-tnaqqis tal-għadd ta’ programmi – pereżempju billi jiġi limitat l-għadd ta’ programmi operattivi tematiċi u s-sostituzzjoni tagħhom pereżempju bl-iżvilupp ta’ programm operattiv integrat;

Il-kunċett ta’ ambjent metodoloġiku wieħed – jiġu stabbiliti regoli komuni għas-sistema kollha. Aktar żvilupp ta’ għodod tekniċi għall-ħidma strateġika, bħal pereżempju d-database tal-istrateġiji – sistema ta’ informazzjoni li jkun fiha dokumenti rispettivi, għanijiet, responsabbiltajiet, u indikaturi;

It-twessigħ tal-funzjonament tas-sistema ta’ monitoraġġ bl-għan li tiġi ssemplifikata l-amministrazzjoni għall-applikanti tal-proġetti;

L-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ għodda oħra għall-iżvilupp ta’ ħidma ta’ strateġija, pereżempju evalwazzjoni tal-kwalità tal-istrateġiji u l-kwalità ta’ dak li nkiseb, il-ġerarkija ta’ strateġiji, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-ħidma strateġika fl-amministrazzjoni pubblika;

L-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ terminoloġija unika għall-Fondi;

13.

jenfasizza li l-approċċ ta’ semplifikazzjoni huwa proċess kontinwu, li m’għandux ikun limitat għall-implimentazzjoni ta’ xi miżuri jew it-tfassil ta’ rapport jew opinjoni;

14.

iwissi li l-infiq tal-FSIE bħalissa jitqies bħala “negozju riskjuż” minn għadd ta’ benefiċjarji, minħabba li l-benefiċjarju m’għandux garanzija li ma jsirx vittma ta’ force majeure, jiġifieri li l-finanzjament tal-proġett tiegħu ma jitħassarx jew ma jittardjax minħabba xi tilwim bejn il-KE u l-pajjiż, per eżempju minħabba li ma jintlaħqux ir-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità jew jekk jinstabu impreċiżjonijiet fl-implimentazzjoni tas-sistema. Anki meta l-benefiċjarju jilħaq l-objettiv u l-effetti mixtieqa tal-proġett, l-appoġġ li jirċievi jista’ jitnaqqas jew jiġi ttardjat minħabba diversi żbalji żgħar jew minħabba diversi raġunijiet oġġettivi li wasslu għal bidliet fil-proġett waqt l-implimentazzjoni tiegħu. Il-proġetti jiffaċċjaw il-periklu li sejbiet ta’ korpi ta’ awditjar f’xi proġett ieħor jiġu applikati retroattivament, fost għadd ta’ riskji oħrajn. Dan kollu jaffettwa r-rieda li l-fondi tal-FSIE jiġu utilizzati b’mod effettiv. Huwa indispensabbli li l-proġett u l-promotur tiegħu jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-politika ta’ koeżjoni billi jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-benefiċjarju, b’mod partikolari billi jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiġi limitat ir-rapportar tal-promoturi tal-proġett għad-data tat-twettiq tal-proġett biss; billi jiġu ġġeneralizzati l-ispejjeż semplifikati u jiġi delimitat in-nuqqas ta’ kontestazzjoni tagħhom mill-kontroll; billi l-promoturi jiġu informati b’liema dokumenti obbligatorji jridu jinżammu bħala kopja stampata għal perjodu stabbilit ta’ żmien;

15.

jikkunsidra li tkun semplifikazzjoni konsiderevoli jekk l-istess regoli tal-eliġibbiltà jkunu applikati għall-fondi kollha tal-UE. Madankollu, huwa essenzjali li r-responsabbiltà sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż eliġibbli tibqa’ fil-livell nazzjonali, u dan għandu jkun armonizzat fl-Istati Membri tal-UE;

16.

jipproponi li xi istituzzjonijiet jew entitajiet diġà eżistenti jingħataw il-kompetenzi u r-rwol ta’ ombudsman għall-FSIE, fejn il-benefiċjarju jista’ jirrikorri għaliha bħala l-aħħar għażla minħabba li għadd ta’ benefiċjarji, minkejja l-isforzi tagħhom li jimplimentaw il-proġett b’tali mod li jagħti l-akbar effett possibbli, jispiċċaw f’sitwazzjoni paradossali u problematika, li mhux biss hija devastanti għalihom mil-lat ekonomiku u anke dak mhux materjali, iżda wkoll tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex toħloq immaġni pubblika negattiva tal-FSIE u tal-UE b’mod ġenerali. Din l-istituzzjoni m’għandhiex tkun immirata biss biex tikkomunika mad-DĠ REGIO, iżda b’mod partikolari, biex tindirizza l-problema tal-FSIE fil-qafas tal-Kummissjoni Ewropea kollha u ta’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE. Istituzzjoni bħal din hija nieqsa fil-livell tal-UE, minkejja li sensiela ta’ DĠs oħrajn u istituzzjonijiet differenti huma involuti fil-problema tal-FSIE. Għalhekk ikun xieraq, li jinħolqu istituzzjonijiet simili fl-Istati Membri wkoll fejn attwalment ma jeżistux;

17.

itenni għal darba oħra li huwa kruċjali li jiġu evitati s-sejbiet retroattivi. L-għan hawnhekk huwa li s-sejbiet attwali u t-tibdil tal-prattiki u l-linji gwida ma jistgħux ikunu applikati għall-proġetti oħrajn b’mod retroattiv, u dan anki għal proġetti li ma ġewx terminati li huma fi stadju avvanżat ta’ implimentazzjoni. L-evitar tar-retroattività hu miżura li tista’ tiġi applikata malajr u li tippromovi ċ-ċertezza legali għall-benefiċjarji;

18.

jirrakkomanda li fi ħdan il-proċess ta’ semplifikazzjoni jsiru bidliet li jippermettu aktar flessibbiltà, peress li minn sejbiet speċifiċi individwali jinħolqu linji gwida u direttivi ġenerali li primarjament jagħmlu l-proċess aktar kumplikat. Jirrakkomanda, għal dan l-għan, li jinħoloq grupp ta’ ħidma, magħmul minn esperti fl-implimentazzjoni prattika tal-FSIE, bil-kompitu li jressqu proposti għal emendi u jiddiskutuhom mal-KE u istituzzjonijiet oħra;

19.

jiġbed l-attenzjoni għal każijiet frekwenti ta’ nuqqas ta’ konformità bejn il-qafas legali tal-UE fir-rigward tal-FSIE u l-leġislazzjonijiet nazzjonali f’oqsma li ma jidhrux relatati ma’ xulxin, pereżempju l-liġijiet dwar il-kontroll finanzjarju jew l-akkwist pubbliku, li joħolqu frammentazzjoni u approċċ differenti fi Stati Membri individwali; jirrakkomanda, għalhekk, li l-leġislazzjoni u l-linji gwida tal-UE li jikkonċernaw il-FSIE jieħdu preċedenza fuq il-leġislazzjoni kontradittorja nazzjonali, jew saħansitra Ewropea irrispettivament ta’ kofinanzjament nazzjonali jew f’livell aktar baxx sabiex tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda;

20.

jissuġġerixxi li jiġu trasmessi l-aħjar prattiki mill-pajjiżi u l-programmi li fil-passat kellhom rata ta’ żbalji negliġibbli jew baxxa. Fl-istess ħin, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li (anke jekk il-leġislazzjonijiet nazzjonali huma differenti) il-kundizzjonijiet ikunu l-istess għall-pajjiżi kollha. Unitajiet territorjali differenti attwalment ta’ spiss ikollhom approċċ fundamentalment differenti. Jiġu sitwazzjonijiet fejn dak li huwa meqjus bħala proċedura korretta u standard fil-każ ta’ pajjiż wieħed huwa meqjus bħala mġiba ħażina ħafna fil-każ ta’ pajjiż ieħor. Naturalment, dan ma jbiddilx il-fatt li l-piż amministrattiv għandu jieħu kont tad-daqs tal-proġetti, l-ammont tal-għajnuna u l-kwalità tal-istruttura ta’ implimentazzjoni;

21.

jinnota li biex il-proċess ta’ semplifikazzjoni jirnexxi jeħtieġ li tinstab soluzzjoni għal, minn naħa waħda, id-dilemma bejn miżuri fil-qafas tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tnaqqis tar-rata ta’ żball, u s-semplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv tal-FSIE min-naħa l-oħra. Hemm bżonn li jiġu riveduti d-dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni u tal-ġestjoni, li jqisu fuq l-istess livell żbalji serji u żbalji mhux intenzjonati, li jikkawżaw nuqqas ta’ fiduċja bejn il-partijiet interessati u piż amministrattiv sproporzjonat għall-promotur tal-proġett. Il-miżuri individwali li huma implementati gradwalment għall-fini tat-trasparenza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jikkumplikaw is-sistema kollha b’mod konsiderevoli. Hemm bżonn li jiġi eżaminat a posteriori liema minn dawn il-miżuri huma verament effettivi u liema jikkumplikaw lis-sistema u jikkriminalizzaw benefiċjarji onesti talli ħadu żbalji trivjali. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni m’għandhiex tfisser li aħna a priori nittrattaw kull benefiċjarju b’nuqqas ta’ fiduċja. Għandha tkun mibnija fuq il-fiduċja, il-koperazzjoni u responsabbiltà ċara. Din il-ġlieda għandha tkun imsejsa fuq prinċipji morali bażiċi u l-kontabilità għal dak kollu li kiseb il-benefiċjarju u mhux abbażi ta’ sejba ta’ żbalji li nħolqu fuq skemi ta’ mudelli li bil-kontra, u ħafna drabi b’mod ineffettiv, ixekklu benefiċjarji oħrajn. Konċentrazzjoni fuq l-implimentazzjoni ta’ skemi u rekwiżiti formali biss tista’ twassal f’ċerti każijiet għal utilizzazzjoni tal-fondi b’mod inġust jew mhux adatt u dan b’impunità;

X’tinvolvi l-kwistjoni:

22.

tidentifika, fuq il-bażi ta’ diskussjonijiet fi ħdan il-KtR u ma’ msieħba oħrajn, l-aspetti ewlenin tal-kwistjoni li għandhom jiġu indirizzati.

Akkwist:

23.

Kif intwera f’laqgħat ta’ ħidma dwar is-semplifikazzjoni, għalkemm hemm Stati Membri fejn isir akkwist pubbliku mingħajr problemi kbar, rappreżentanti minn għadd ta’ pajjiżi jqisu l-akkwist pubbliku bħala wieħed mill-problemi ewlenin għall-implimentazzjoni. Għalhekk qed inqisu, li sabiex jiġu implimentati proġetti fi ħdan il-FSIE għandhom ikunu ċari r-regoli rigward l-akkwist pubbliku li japplikaw għall-UE kollha li għandhom jieħdu preċedenza fuq il-leġislazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam. Dawn huma fondi tal-UE u mhux nazzjonali u għalhekk l-akkwisti għandhom jimxu skont ir-regoli tal-UE tal-akkwist u mhux skont dawk nazzjonali. Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għandhom jgħinu sabiex jiġi żgurat li l-prodott finali jitwassal bl-aktar mod effettiv, u sabiex jipprovdu flessibbiltà għal tipi differenti ta’ akkwist, minflok li jorbtu lill-awtoritajiet kontraenti u l-offerenti b’mod purament formali b’diversi proċeduri u proċessi vinkolanti u skematizzati. Barra minn hekk, għandu jiżdied il-valur limitu għall-pubblikazzjoni fuq il-portal tal-akkwisti pubbliċi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

24.

Kif intwera f’laqgħat ta’ ħidma dwar is-semplifikazzjoni, għalkemm hemm Stati Membri fejn isir akkwist mingħajr problemi kbar, rappreżentanti minn għadd ta’ pajjiżi jiġbdu l-attenzjoni li s-sistema attwali tant hija kumplikata u ta’ riskju għal awtorità kontraenti iżgħar li din mhijiex kapaċi tfassal kuntratt weħidha, u trid tuża servizzi pprovduti minn ditti speċjalizzati esterni, għalkemm b’dan ma tneħħix ir-responsabbiltà għall-iżbalji eventwali. B’hekk inħoloq settur sħiħ ġdid ta’ negozju. Il-paradoss ta’ dan hu li f’xi każi trid toħroġ sejħa anki għal kumpanija li se jkollha tabbozza s-sejħa għal offerti.

25.

Kif intwera f’laqgħat ta’ ħidma dwar is-semplifikazzjoni, għalkemm hemm Stati Membri fejn isir akkwist pubbliku mingħajr problemi kbar, rappreżentanti minn għadd ta’ pajjiżi jwissu li l-biċċa l-kbira tal-iżbalji fl-akkwist pubbliku huma verament żbalji li jirriżultaw minn regoli kumplessi. B’konsegwenza ta’ dan, il-promoturi tal-proġetti huma frustrati minn verifiki li ta’ spiss isiru fi stadju avvanzat tal-proċess, fejn il-korrezzjoni tal-iżbalji m’għadhiex possibbli filwaqt li lanqas ma jkollhom possibbiltà li jitolbu għal deċiżjoni vinkolanti proviżorja. Għalhekk il-KtR jipproponi li l-opinjonijiet tal-awditjar u l-kontrolli l-oħrajn dwar il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku jkunu prinċipalment implimentati ex ante bl-għan li jiġu antiċipati l-iżbalji, li huma spissi ħafna b’mod partikolari f’dan il-qasam, u jitnaqqas l-ammont ta’ korrezzjonijiet finanzjarji.

26.

Hemm bżonn ukoll li jiġi indikat li l-leġislazzjoni tal-proċess tal-akkwist tiffoka fuq l-awtorità kontraenti, li tinżamm responsabbli u tiġi ppersegwitata għal kull żball żgħir, filwaqt li livell għoli ta’ effetti ħżiena tar-riżultati tal-akkwisti iseħħ fuq il-bażi ta’ ftehimiet differenti bejn l-offerenti li ngħataw il-kuntratt. B’mod partikolari, fl-oqsma u s-setturi fejn is-suq huwa konsiderevolment monopolizzat, is-sistema attwali tal-akkwist pubbliku sikwit ma jkollhiex l-effett mixtieq u tista’ tkun saħansitra kontroproduttiva. Għalhekk ikun xieraq li s-sistema kollha kemm hi tiġi eżaminata u tiġi kkunsidrata jekk il-filosofija tas-sistema sħiħa tiġi evalwata mill-ġdid. Dan l-aspett huwa rifless b’mod partikolari f’pajjiżi żgħar fejn il-monopolizzazzjoni tas-suq hija ħafna ikbar.

27.

Huwa importanti li l-linji gwida li ħarġu reċentement għall-akkwist pubbliku taħt il-FSIE (akkwist pubbliku — Gwida prattika) jiġu immedjatament riveduti għaliex jirreferu għad-Direttiva l-antika u mhux għad-Direttiva l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku, li ġiet adottata fl-2014 u daħlet fis-seħħ aktar kmieni din is-sena. F’dan ir-rigward, huwa kruċjali li l-linji gwida l-ġodda jkunu ġew suġġetti għal valutazzjoni tal-impatt territorjali tajba li tippermetti l-kontribut dirett tal-esperti lokali u reġjonali. Dan huwa definit fil-pakkett ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, li jirrikonoxxi r-rwol tal-KtR bħala msieħeb ċentrali għal valutazzjoni aħjar tal-impatt tal-proposti tal-UE fil-livell lokali u reġjonali.

L-applikazzjoni tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat:

28.

Il-qasam tal-għajnuna mill-Istat matul is-snin spiċċa fi stat ikkumplikat ħafna minkejja li reċentement kien hemm titjib frekwenti f’xi programmi, is-sitwazzjoni xorta waħda tibqa’ kumplikata ħafna għall-benefiċjarji u għall-awtoritajiet ta’ ġestjoni. Attwalment m’hemm l-ebda interpretazzjoni ċara u li tinftiehem, u kollox jiġi ġġudikat fuq bażi ta’offerti u sejbiet. L-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jagħtu interpretazzjoni ħafna drabi jvarjaw ħafna fl-opinjonijiet tagħhom u mhumiex lesti li joħorġu opinjonijiet vinkolanti ċari. F’għadd ta’ pajjiżi dawn mhumiex parti mill-istruttura ta’ implimentazzjoni tal-FSIE u m’hemm l-ebda responsabbiltà ċara abbinata mal-opinjonijiet tagħhom. Għalhekk huwa xieraq li dawn l-awtoritajiet nazzjonali (f’pajjiżi fejn dan mhux hekk) jiġu inkorporati fl-istruttura ta’ implimentazzjoni u li jkun obligatorju għalihom li joħorġu dikjarazzjonijiet ċari. Barra minn hekk, f’xi każijiet l-operaturi fis-settur privat jinsabu paradossalment f’pożizzjoni aktar favorevoli (m’għandhomx għaliex jiġu ggwidati minn numru ta’ linji gwida, regolamenti u miżuri) minn dawk fis-settur pubbliku. Entitajiet pubbliċi, għalkemm jissodisfaw ħafna inqas spiss il-funzjoni ta’ entitajiet ekonomiċi kompetittivi u l-attività tagħhom ma ssirx għal profitt, iridu jgħaddu mill-istess proċessi bħall-entitajiet privati

29.

Barra minn hekk, hemm aktar inkonsistenzi sinifikanti fl-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Filwaqt li programmi li huma ġestiti b’mod ċentrali mill-Kummissjoni Ewropea (pereżempju Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-fond Ewropew għal investiment strateġiku) huma eżentati mill-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat, il-finanzjament fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni mhuwiex eżentat. Għaldaqstant il-proġetti huma fil-prattika evalwati, mill-perspettiva tal-għajnuna mill-Istat, mhux abbażi tan-natura tal-proġett, iżda skont jekk il-fondi ġewx approvati mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru u skont is-sors ta’ finanzjament tagħhom.

30.

Fid-dawl ta’ dan, il-KtR jixtieq jenfasizza li n-natura essenzjali tal-politika ta’ koeżjoni hija li jiġi żgurat ambjent ekwu fir-reġjuni inqas żviluppati, bl-għoti ta’ aktar fondi u rata ogħla ta’ kofinanzjament min-naħa tal-UE. Għaldaqstant, il-politika ta’ koeżjoni tista’ titqies bħala tfixkil intenzjonali tas-suq innifsu. Għalhekk, il-KtR iqis li proċeduri relatati ma’ għajnuna pubblika m’għandhom bl-ebda mod japplikaw għall-FSIE.

31.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-applikazzjoni ta’ għajnuna pubblika fil-qafas tal-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea. Bħala regola ġenerali, l-isforz li jittieħed biex jinżammu r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, mhuwiex proporzjonat mar-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk l-għajnuna mill-Istat fi Stati Membri individwali hija miftuħa għal interpretazzjonijiet diversi u r-regoli ma jistgħux jiġu applikati b’ċertezza legali adegwata, li ta’ spiss tagħmilha impossibli għal kollox biex jiġu implimentati proġetti ta’ kwalità. Waħda mill-miżuri li jistgħu jiġu implimentati malajr sabiex issir semplifikazzjoni tal-FSIE għalhekk tkun it-tneħħija tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea mill-ambitu tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif sar ukoll, per eżempju, fil-programm Orizzont 2020.

32.

Hemm ukoll kwistjoni ta’ ċarezza u ta’ proporzjonalità. Minħabba l-iskala żgħira ta’ ċerti proġetti, b’mod partikolari fil-livell lokali, huwa importanti li l-qafas ta’ eżenzjonijiet mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ikun aktar ċar. Bħalissa ħafna drabi jkun hemm konfużjoni dwar meta u kif joperaw il-linji gwidi ta’ de minimis, tas-servizz ta’ interess ġenerali, tal-eżenzjoni ġenerali sħiħa u tal-għajnuna reġjonali mill-Istat. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jitlob li tiġi żviluppata gwida konsolidata li tkun aħjar u aktar faċli u dan diġà matul il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss u jitlob biex ir-reviżjoni li jmiss tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ittejjeb u tissemplifika l-qafas eżistenti.

33.

Fid-dawl tat-tibdil fil-perspettiva rigward id-definizzjoni ta’ impriża, għall-promozzjoni tal-impjiegi, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija fir-reġjuni jeħtieġu li l-limitu tal-għajnuna tiżdied b’konformità mar-regola de minimis.

Monitoraġġ u awditjar:

34.

In-nuqqas ta’ konsistenza fil-metodoloġiji tal-awditjar fil-livell nazzjonali u Ewropew huwa forsi l-akbar sfida għall-proċess ta’ implimentazzjoni tal-FSIE. L-awtoritajiet ta’ ġestjoni u d-diversi awtoritajiet ta’ awditjar Ewropej u nazzjonali spiss jaslu għal interpretazzjonijiet differenti tal-istess regoli, filwaqt li ma jieħdu l-ebda responsabbiltà għall-awditjar imwettaq. Il-proġetti tal-FSIE għandhom ikunu soġġetti għal sistema ta’ awditjar unika (one-stop shop) fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE li toħroġ opinjoni vinkolanti – anke dwar l-akkwist pubbliku – u tkun responsabbli għaliha. Il-benefiċjarju finali għandu jkollu wkoll id-dritt li jitlob verifiki sabiex ikun żgur li l-implimentazzjoni saret sew u li fil-futur ma tkunx f’periklu u, fejn xieraq, isiru korrezzjonijiet. Dan jirrikjedi wkoll approċċ iktar flessibbli għall-kondiviżjoni tad-data u s-soluzzjonijiet integrati tal-IT, bħal forom elettroniċi u bażijiet ta’ data bħala prekundizzjoni sabiex jiġi żviluppat punt uniku ta’ kontrolli li jnaqqas il-piż tal-mili tal-formoli għall-benefiċjarji u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni. It-tixrid tal-użu ta’ sistema elettronika faċli għall-utent biex jiġu limitati kemm jista’ jkun dokumenti li jridu jiġu skennjati u mniżżla. Għaldaqstant għandha tingħata prijorità lill-applikazzjonijiet tal-IT li jippermettu li d-data amministrattiva tal-benefiċjarju tiġi akkwistata direttament mis-sors (impjegati, fatturat, li jiġu ssodisfatti l-obbligi tat-taxxa/soċjali eċċ.). Madankollu dan jeħtieġ valutazzjoni minn qabel tar-riskji fuq x’tip u liema data tista’ tiġi kondiviża u anke mill-bidu nett, l-involviment tal-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet ta’ awditjar nazzjonali u reġjonali, u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, forsi bl-iżvilupp ta’ Vademecum ta’ Verifika komuni, biex jiġu evitati kwistjonijiet ta’ awditjar fil-futur. Attwalment, il-verifika hija meqjusa bħala miżura ripressiva u punittiva. Bħala regola ġenerali, il-verifiki jindirizzaw biss il-ġestjoni tal-proġett u l-konformità mal-proċeduri stabbiliti, filwaqt li kull tip ta’devjazzjoni, anki jekk issir għal raġunijiet ta’ titjib tal-proġett jew minħabba sitwazzjoni mhux prevedibbli, jew biex jiffrankaw il-flus, tispiċċa sanzjonata bla ħniena. Għaldaqstant, il-KtR jipproponi li l-awdituri jiffukaw fuq l-effettività tal-ispiża reali, u jqisu kemm hu serju l-iżball mill-lat finanzjarju kif ukoll is-sitwazzjoni partikolari (aktar proporzjonalità fl-awditjar). Matul il-kontrolli u l-verifika tal-konformità mar-regoli għandha tiġi wkoll applikata l-adegwatezza, b’tali mod li jiġu permessi livelli ogħla ta’ tolleranza għal ksur mhux daqshekk gravi. Għandna nimxu lejn approċċ aktar ġust (inqas verifiki fuq il-post fil-każ ta’ programmi u korpijiet ta’ implimentazzjoni b’riżultati aħjar), abbażi tar-riżultati (biex ikun possibli t-twettiq ta’ iżjed minn tip wieħed ta’ kontroll waqt żjara waħda, li huwa partikolarment importanti fi programmi u operazzjonijiet iffinanzjati minn sorsi multipli), u lejn awditjar iżjed proporzjonat, li jiffoka inqas fuq is-sanzjonijiet u iżjed fuq it-titjib u biex jintlaħqu l-objettivi usa’ tal-politika ta’ koeżjoni. L-awditur għandu jitqies bħala sieħeb fis-soluzzjonijiet tal-problemi, fit-tfittxija għall-aħjar kors effettiv tal-implimentazzjoni u fil-korrezzjoni tal-iżbalji. Dan jeħtieġ attitudni differenti mill-awdituri.

35.

L-awtoritajiet amministrattivi u tal-awditjar għandhom jaħdmu id f’id mill-fażi tal-ipprogrammar sal-konklużjoni tal-programmi, peress li dan huwa l-uniku mod biex jiġu evitati interpretazzjonijiet differenti tal-istess regoli. Sistema komuni ta’ kontroll jew fehim komuni tas-sistema ta’ kontroll li għandna nimmiraw lejha għandha tevita li l-istess operazzjoni tiġi awditjata diversi drabi, peress li l-awtoritajiet ta’ awditjar differenti għandhom, bħala regola, jibnu fuq u jikkomplementaw l-opinjonijiet ta’ xulxin. F’dan il-kuntest, il-KtR jipproponi li jitwessa’ l-ambitu tal-mekkaniżmu ta’ kontroll proporzjonali definit fl-Artikolu 148 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 billi jiġi applikat mhux biss lill-awtorità tal-awditjar u l-Kummissjoni iżda wkoll għat-tipi kollha ta’ verifiki, inklużi dawk li jitwettqu mill-awtoritajiet ta’ ġestjoni u ta’ ċertifikazzjoni u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. B’mod iktar ġenerali, għandha tiġi introdotta iktar sussidjarjetà fil-verifika. Il-verifika Komunitarju għandha tiġi limitata għall-konformità tar-regolamenti tal-FSIE. Fir-rigward tal-Istat Membru u tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni tiegħu, dawn għandhom jieħdu r-responsabbiltà li jivverifikaw il-konformità mar-regolamenti nazzjonali (inklużi dawk li jirriżultaw mil-leġislazzjoni Ewropea). Din is-sussidjarjetà fl-attivitajiet ta’ verifika għandha tkun soġġetta għal kuntratt ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membru.

36.

Jissuġġerixxi wkoll li jogħlew b’50 % il-limiti massimi li taħthom operazzjoni ma tkunx soġġetta għal iktar minn verifika waħda qabel il-preżentazzjoni tal-infiq finali.

37.

Fejn proġetti jinvolvu diversi msieħba, huwa inaċċettabbli li, minħabba irregolaritajiet misjuba b’rabta ma’ wieħed mill-imsieħba, is-sħubija kollha jew, f’każ estrem, il-programm kollu għandu jiġi penalizzat b’korrezzjoni finanzjarja.

38.

Minkejja li hemm pajjiżi fejn is-sistema ta’ appell taħdem mingħajr problemi kbar, f’għadd ta’ pajjiżi dawn is-sistemi ta’ appell, anke jekk ġew stabbiliti skont l-Artikolu 74(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ivarjaw ħafna u mill-perspettiva tal-benefiċjarju mhux dejjem jaqdu r-rwol tagħhom. Jeħtieġ għalhekk li tinħoloq sistema ta’ appell uniformi u li tinftiehem malajr, kemm fil-livell tal-Istati Membri (fejn ma tinsabx) u fil-livell tal-UE. Din is-sistema għandha tapplika mhux biss għas-sejbiet tal-verifika, iżda rigward id-deċiżjonijiet fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha (eż. appoġġ pubbliku).

It-tixrid tal-piżijiet regolatorji (regolamentazzjoni żejda):

39.

Il-prattika li biha l-Istati Membri, fit-traspożizzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE fil-liġi nazzjonali, imorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tagħha apparentement hija problema tal-Istati Membri, u mhux tal-Kummissjoni. Madankollu, huma r-regolamenti tal-KE u l-linji gwida ta’ implimentazzjoni li jagħmluha possibbli li dan il-proċess jiġri. Jekk l-għan huwa li jiġi mnaqqas dan il-proċess, huwa meħtieġ li f’dan il-qasam jissaħħaħ ir-rwol tal-KE. Għandu jiġi stabbilit b’mod ċar fir-regolament u l-linji gwida għall-implimentazzjoni rekwiżiti ċari assoluti li ma jistgħux ikunu la ssikkati u lanqas maħlula. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-oqsma tal-akkwist pubbliku u tal-awditjar. Il-fondi tal-FSIE huma l-fondi tal-UE, u għalhekk, għandha tkun l-UE li tistabbilixxi r-regoli u mhux l-Istati Membri.

40.

Iż-żieda fil-piżijiet regolatorji sseħħ ukoll għaliex f’bosta każijiet il-linji gwida għall-implimentazzjoni mhumiex abbozzati fil-livell tal-Kummissjoni Ewropea sal-punt li fih il-programmi jkunu qed jitwettqu. L-Istati Membri u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni għalhekk għandhom l-obbligu li jiżviluppaw il-linji gwida tagħhom stess li huma differenti mil-linji gwida li tippubblika ex post il-Kummissjoni Ewropea. Ir-regolamenti għall-FSIE għalhekk għandhom jiġu abbozzati flimkien mal-linji gwida u mhux sussegwentement bħala kjarifika u interpretazzjoni tal-mod kif kull Artikolu tar-Regolament għandu jiġi interpretat. Dan l-approċċ ta’ spiss iwassal għal dewmien ta’ iżjed minn sena biex jiġu implimentati l-programmi operattivi u għal reviżjonijiet addizzjonali li għal darb’oħra jaffettwaw b’mod negattiv il-livell ta’ użu tal-FSIE. In-numru u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida u l-metodoloġiji għandhom jitnaqqsu b’mod sinifikanti. Fl-istess ħin għandu jkun hemm iffukar fuq iċ-ċarezza u l-effettività aktar milli fuq il-kontenut sabiex is-sistema ma ssirx aktar kumplessa u mhux effettiva. Huma għandhom ikunu ċari u m’għandhomx ikunu emendati matul l-implimentazzjoni. Fl-ebda każ m’għandu jkun hemm linji gwida retroattivi.

Konċentrazzjoni tematika u ta’ ipprogrammar:

41.

Ikun effettiv li jiġi vverifikat sa liema livell ikun xieraq it-twettiq ta’konċentrazzjoni tematika u ta’ pprogrammar. Attwalment l-ipprogrammar jilħaq l-iktar livell baxx ta’ implimentazzjoni. Ikun xieraq li, bħala parti minn konċentrazzjoni tematika jiġu ddeterminati l-objettivi ġenerali u l-indikatur prinċipali għall-implimentazzjoni ta’ kull wieħed minnhom. L-awtoritajiet ta’ ġestjoni għandhom jingħataw il-flessibilità li jagħżlu liema attivitajiet ser iħalluhom jilħqu dan l-għan fid-diversi reġjuni, li tippermetti wkoll li jittieħed kont aħjar tal-ħtiġijiet tar-reġjuni fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom u l-isfidi li jiffaċċjaw. Jekk l-għan hu li jiżdiedu l-impjiegi, imbagħad, għandha titħalla l-libertà b’liema mezzi dan l-objettiv jintlaħaq. F’xi reġjuni, skont il-livell tagħhom, dawn jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettiv tal-attivitajiet fil-qasam tar-riċerka, oħrajn, pereżempju, fil-qasam tat-turiżmu. B’mod partikolari hija l-promozzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali, li l-għan tagħha huwa l-integrazzjoni transkonfinali tar-reġjuni, li għandha tqis il-bżonnijiet speċifici ta’ reġjun u b’hekk tippermetti l-promozzjoni ta’ attivitajiet importanti barra mill-qafas tal-objettivi tematiċi tal-istrateġija UE 2020. Eżempju ta’ dan huma l-hekk imsejħa proġetti żgħar li jippromovu proġetti interpersonali, il-promozzjoni tat-turiżmu jew tal-konnessjonijiet tat-trasport neqsin. B’mod ġenerali, ikun utli li jiġi kkunsidrat jekk il-kooperazzjoni territorjali Ewropea għandhiex tkun soġġetta għar-rekwiżiti kollha tal-FSIE. Għandu jiġi żgurat li ma jkunx hemm tnaqqis fl-allokazzjonijiet finanzjarji.

42.

Il-programmi għandu jkollhom il-flessibilità b’tali mod li jkunu jistgħu jirreaġixxu b’mod flessibbli għal ċirkostanzi mhux mistennijin u għal żvilupp tekniku rapidu. Din il-flessibilità għandha, madankollu, tkun reali, jiġifieri għandha tillimita ruħha u tissemplifika b’mod komplet il-proċess tal-emenda tal-programm. Il-bżonn li ssir evalwazzjoni ġdida tal-valutazzjoni ambjentali strateġika (VAS) pereżempju, ma jitqiesx bħala flessibbiltà reali tal-programmi. Għalhekk, pereżempju, fil-każ imsemmi hawn fuq, l-implimentazzjoni tal-valutazzjoni ambjentali strateġika għandha titqies biss f’każijiet fejn l-ipprogrammar mill-ġdid jeħtieġ objettivi speċifiċi b’impatt ambjentali qawwi, li jkun diġà ġie identifikat.

43.

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 introduċa żewġ strumenti li għandhom jipprovdu approċċ territorjali integrat, jiġifieri l-Investimenti Territorjali Integrati u l-Pjani ta’ Azzjoni Konġunta (JAPs), li jippermettu żvilupp integrat ta’ żona jew reġjun partikolari. Madankollu, l-Istati Membri ftit irċevew inkoraġġiment mill-Kummissjoni biex jużaw l-istrumenti, anke minħabba l-fatt li dawn ġew iddefiniti mill-Kummissjoni fl-atti delegati u tal-implimentazzjoni tagħha b’mod pjuttost vag u kumpless. Aktar implimentazzjoni taż-żewġ strumenti tirriżulta fi:

approċċ ta’ sħubija għal tfassil ta’ politika ta’ żvilupp għal oqsma individwali,

implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri skont il-prinċipju minn isfel għal fuq, flimkien ma’ sinerġiji li huma eħfef biex jinkisbu f’żona sottonazzjonali iżgħar,

bażi addizzjonali għal approvazzjoni diretta ta’ proġett integrat kif ukoll allokazzjoni diretta ta’ fondi, grazzi għal definizzjoni aktar ċara tal-għan u r-raġunament wara l-elementi individwali tal-approċċ integrat, u

kisba aktar effettiva u effiċjenti tal-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni;

44.

Għall-investiment territorjali integrat (ITI) huwa meħtieġ l-istabbiliment ta’ strutturi ta’ ġestjoni kompletament sproporzjonati fid-dawl tal-ammonti ta’ fondi li jitqassmu b’dan l-istrument. Bl-istess mod, kif enfasizzat mill-Opinjoni tal-Kumitat dwar Żvilupp Lokali mmexxi mill-Komunità (CLLD), l-għadd ta’ regoli separati li huma meħtieġa jikkonformaw għal kull Fond, li wkoll huma ta’ spiss ġestiti minn Awtoritajiet ta’ Ġestjoni separati, jaġixxu bħala diżinċentiv għall-iżvilupp tas-CLLD lil hinn mill-FAEŻR. Dan jirriżulta li dawn l-għodod ta’ żvilupp lokali integrati u innovattivi ħafna drabi s’issa raw użu limitat fuq il-post. Il-ħtieġa għall-ħolqien ta’ dawn l-istrutturi mhux biss tagħmel il-ġestjoni ta’ dan l-istrument iżjed għoli b’mod sproporzjonat u tpoġġi piż fuq l-atturi iżda b’mod sinifikanti tikkumplika u tittardja l-implimentazzjoni tal-proġetti.

45.

jinnota li l-fatt li r-regoli tal-politika ta’ koeżjoni jinbidlu fuq bażi ta’ seba’ snin jew anke aktar spiss ma għenx biex tiġi ssemplifikata l-politika ta’ koeżjoni iżda pjuttost kellu l-effett oppost. Madankollu, qafas leġislattiv li jkopri aktar minn perjodu wieħed ta’ programmar jeħtieġ semplifikazzjoni radikali. Bidliet iżgħar u ta’ benefiċċju tas-sistema ta’ implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni huma dejjem possibbli u mixtieqa, iżda bidliet aktar sostanzjali għandhom jiġu introdotti b’mod inqas frekwenti u għandhom ikunu ppreparati minn qabel sew. L-implikazzjonijiet ta’ dawn il-bidliet għandhom jiġu analizzati minn qabel u għandhom jiġu diskussi minn qabel, b’konformità mal-prinċipju ta’ sħubija, mal-imsieħba rilevanti, jiġifieri mhux biss l-Istati Membri iżda wkoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali, rappreżentati mill-Kumitat tar-Reġjuni.

Strumenti Finanzjarji:

46.

Iqis li l-użu tal-istrumenti finanzjarji bħala element importanti biex jiżdied l-effett ta’ lieva tal-programmi tal-FSIE u li jikkombinaw il-finanzjament tal-FSIE tal-EFSI. Madankollu hemm ħtieġa urġenti għas-semplifikazzjoni tal-istruttura, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar u tar-regoli tal-awditjar għal strumenti finanzjarji taħt il-FSIE kif dan l-aħħar ġie ddikjarat f’workshop konġunt tal-Presidenza Slovakka tal-Kunsill (1) dwar il-kwistjoni.

47.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea teżamina għaliex l-istrumenti standard għall-istrumenti finanzjarji sa issa mhumiex qed jintużaw fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri;

48.

Jieħu nota tas-sejbiet li ġew ippubblikati dan l-aħħar fir-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-Implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz tal-istrumenti finanzjarji – lezzjonijiet li jistgħu jinstiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013 u jistieden lill-Qorti sabiex tevalwa wkoll l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji fil-perjodu ta’ finanzjament attwali.

Rakkomandazzjonijiet finali:

49.

jieħu nota li ġiet ippubblikata dan l-aħħar Regolament Omnibus (2) li jinkludi wkoll bidliet fir-regolamenti tal-FSIE partikolarment fir-rigward tas-semplifikazzjoni tal-użu ta’ strumenti finanzjarji u għażliet ta’ spejjeż issemplifikati fil-programmi tal-FSIE.

jindika li din l-opinjoni ma tistax tipprovdi valutazzjoni sħiħa tal-bidliet proposti fir-Regolament Omnibus u l-impatti pożittivi li jista’ jkollhom fuq il-benefiċjarji u l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jimplimentaw il-fondi tal-FSIE;

jissottolinja l-ħtieġa li jiġu analizzati dawn l-effetti u li jiġi żgurat li l-benefiċjarji finali u l-awtoritajiet pubbliċi li jimplimentaw il-fondi fil-livell lokali u reġjonali ser jibbenefikaw minn semplifikazzjoni reali u mhux ibatu minn kumplikazzjonijiet ulterjuri tas-sitwazzjoni attwali;

jgħid li r-Regolament Omnibus ma jistax jitqies waħdu, iżda għandu jkun analizzat u evalwat skont l-effetti tiegħu ma’ politiki oħra tal-UE u l-liġijiet nazzjonali, li jista’ jkollu effett importanti fuq is-suċċess tal-effett attwali tal-implimentazzjoni tiegħu fil-post; jitlob għal adozzjoni rapida tal-proċess tal-bidliet proposti fir-Regolament Omnibus biex jiġi żgurat effett immedjat fil-perjodu ta’ finanzjament attwali għal implimentazzjoni aħjar tal-programmi tal-FSIE;

50.

Huwa propost li għal finijiet ta’ semplifikazzjoni, il-KE għandha tiġbor u timmonitorja l-proġetti b’“prattika ħażina”. Dan jista’ jintuża biex juri l-ħtieġa għas-semplifikazzjoni u l-bidliet fl-approċċ u jissupplementa t-tqassim tal-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tal-FSIE. Minħabba l-esperjenza prattika tal-membri tal-KtR, il-KtR għandu jkollu rwol ewlieni f’dan il-proċess;

51.

Id-dokumenti fundamentali għal kull fond matul il-perjodu ta’ programmar 2014-2020 ġew ippubblikati mill-Kummissjoni Ewropea tard wisq u b’hekk il-bidu tal-implimentazzjoni flimkien mal-bidu tal-perjodu ta’ programmar kien impossibbli. Kien hemm perjodi twal ta’ stennija, kif ukoll diffikultajiet fil-koordinazzjoni tal-POs individwali. Fil-futur, id-dokumenti għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq u fl-istess ħin.

52.

itenni mill-ġdid li jeżistu għodod prattiċi li jistgħu jgħinu jiżgura li s-semplifikazzjoni tal-ġestjoni tal-FSIE tkun effettiva. L-istandardizzazzjoni tal-proċeduri, l-użu estiż tal-għodod tal-IT u l-amministrazzjoni elettronika huma fost l-elementi bażiċi tal-użu globali ta’ dawn il-fondi. Barra minn hekk, għandu jkompli jsir progress, fost l-oħrajn, fl-użu ta’ spejjeż standard, li jeliminaw il-piżijiet amministrattivi u fis-semplifiakzzjoni tar-rapporti u l-monitoraġġ li tista’ tevita piżijiet burokratiċi addizzjonali għall-benefiċjarji u l-awtoritajiet differenti involuti fil-ġestjoni ta’ dawn ir-riżorsi.

53.

jirrimarka li permezz tal-applikazzjoni aktar ta’ spiss u speċifikament aktar reali tal-prinċipju tas-sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-FSIE u matul l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea jkollha reazzjoni mingħandhom, li ċertament tikkontribwixxi għal aktar effiċjenza u semplifikazzjoni tal-proċess ta’ implimentazzjoni.

Brussell, il-11 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tat-18 ta’ Novembru 2015, il-KtR, flimkien mal-Presidenza Netherlandiża u Slovakka tal-Kunsill organizza tliet workshops dwar is-semplifikazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Aktar informazzjoni tista’ tinstab hawnhekk: http://cor.europa.eu/en/takepart/Pages/simplification-documents.aspx.

(2)  Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill COM(2016) 605 final – 2016/0282 (COD).


Top