This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016AE2846
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission — Nuclear Illustrative Programme presented under Article 40 of the Euratom Treaty for the opinion of the European Economic and Social Committee’ (COM(2016) 177 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Programm Nukleari Illustrattiv ppreżentat skont l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew” [COM(2016) 177 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Programm Nukleari Illustrattiv ppreżentat skont l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew” [COM(2016) 177 final]
ĠU C 487, 28.12.2016, p. 104–110
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
28.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 487/104 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Programm Nukleari Illustrattiv ppreżentat skont l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew”
[COM(2016) 177 final]
(2016/C 487/17)
Relatur: |
is-Sur Brian CURTIS |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 4.4.2016 |
Bażi legali |
Artikolu 40 tat-Trattat Euratom |
Sezzjoni kompetenti |
It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni |
Adottata fis-sezzjoni |
7.9.2016 |
Adottata fil-plenarja |
22.9.2016 |
Sessjoni plenarja Nru |
519 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
210/2/11 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Qed jitħejjew bosta reviżjonijiet leġislattivi u inizjattivi relatati mal-enerġija sabiex jappoġġjaw il-programm tal-Unjoni tal-Enerġija li qed jiġi żviluppat, u dawn ser jiġu ppreżentati fit-12-il xahar li ġejjin. Seta’ kien mistenni li din ir-reviżjoni strateġika tartikola l-kwistjonijiet ewlenin li qed jiffaċċjaw il-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari, ir-riċerka u d-dekommissjonar bħala kontribut għal dan il-pakkett leġislattiv estensiv. Madankollu, il-Programm Nukleari Illustrattiv (PINC) ma joffrix approċċ ċar u komprensiv dwar kif il-futur kumpless tal-enerġija nukleari fit-taħlita enerġetika Ewropea jista’ jiġi indirizzat b’mod strateġiku. |
1.2. |
Il-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari hija politikament delikata f’ħafna mill-Istati Membri u hija influwenzata minn kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi li jvarjaw fuq livell nazzjonali. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu din l-opportunità biex tipproponi proċess analitiku u metodoloġija ċari li jistgħu joffru qafas konsistenti u volontarju għat-teħid ta’ deċiżjonijiet nazzjonali dwar ir-rwol – jekk ikun hemm – tal-enerġija nukleari fit-taħlita tal-enerġija. |
1.3. |
Il-KESE, għaldaqstant, qed jappella biex isiru reviżjonijiet u żidiet fl-abbozz tal-Komunikazzjoni, kif spjegat f’punt 4.3, sabiex jinkludu sezzjonijiet speċifiċi dwar:
|
1.4. |
Il-monitoraġġ trasparenti huwa essenzjali kemm għas-sikurezza nukleari kif ukoll għall-kunfidenza tal-pubbliku; għaldaqstant il-KESE jipproponi li d-dokument japprova b’mod ċar il-proposti għal monitoraġġ u rapportar fil-pjani ta’ azzjoni nazzjonali tal-Istati Membri kif suġġerit mill-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari. Għandhom isiru sforzi akbar sabiex jiġu inklużi pajjiżi ġirien li mhumiex fl-UE. |
1.5. |
Anke fir-rigward tal-kunfidenza pubblika, għandha ssir aktar referenza għall-ħidma estensiva dwar it-tħejjija lil hinn mis-sit u transkonfinali għall-emerġenzi (Review of Current Off-site Nuclear Emergency Preparedness and Response Arrangements in EU Member States and Neighbouring Countries. Euratom ta’ Diċembru 2013) u għall-konklużjonijiet tas-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari 2016, b’mod partikolari fir-rigward ta’ theddid terroristiku potenzjali. |
1.6. |
B’rikonoxximent tal-impenn kbir li qed tieħu l-UE għar-riċerka dwar il-fużjoni nukleari, ikun ta’ għajnuna li jiġi inkluż pjan direzzjonali li juri l-progress li għamlet lejn il-produzzjoni kummerċjali. |
1.7. |
Fid-dawl tal-votazzjoni mir-Renju Unit biex titlaq mill-UE, għandu jitqies l-impatt strateġiku ta’ din l-azzjoni u b’mod partikolari s-sinifikat tagħha għat-Trattat tal-Euratom. Il-ħtieġa għal deliberazzjoni dwar il-konsegwenzi b’effetti kbar potenzjali għandha tiġi rikonoxxuta b’mod espliċitu fil-PINC. |
2. Introduzzjoni
2.1. |
B’konformità mal-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom, il-Kummissjoni għandha tippubblika programm nukleari illustrattiv fuq bażi regolari, b’mod partikulari dwar l-objettivi tal-produzzjoni tal-enerġija nukleari u kull tip ta’ investiment meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu. Il-Kummissjoni għandha tikseb l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar dan it-tip ta’ programmi qabel ma jiġu ppubblikati” (COM(2003) 370 final). Mill-1958 ġew ippubblikati ħames programmi nukleari illustrattivi (PINCs), l-aħħar wieħed fl-2007 u aġġornament wieħed fl-2008. Il-verżjoni finali ser titħejja u tiġi ppubblikata hekk kif il-Kummissjoni tirċievi l-Opinjoni tal-KESE. |
2.2. |
Il-Kumitat, bħal f’okkażjonijiet preċedenti, japprezza l-opportunità li jippreżenta l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ dokument qabel ma l-Kummissjoni tippreżenta verżjoni finali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni bl-aktar mod qawwi biex tinkorpora r-rakkomandazzjonijiet li jidhru fl-ewwel sezzjoni ta’ din l-Opinjoni, sabiex il-PINC ikun dokument aktar komprensiv u strateġiku u jiġi żgurat li jagħti kontribut aktar qawwi għall-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija. |
2.3. |
L-enerġija nukleari hija waħda mill-aktar sorsi ta’ enerġija importanti fl-UE. Ir-rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija fl-2015 jindika li l-UE hija waħda minn tliet ekonomiji prinċipali biss li jiġġeneraw aktar minn nofs l-elettriku tagħhom mingħajr ma jipproduċu emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, 27 % prodotti minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u 27 % oħra prodotti mill-enerġija nukleari. Ir-rapport jgħid ukoll li l-PINC għandu jġib aktar ċarezza dwar “il-ħtiġijiet ta’ investiment nukleari fuq perjodu ta’ żmien twil u dwar l-immaniġġjar tar-responsabbiltajiet nukleari” (COM(2015) 572 final). |
2.4. |
L-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija ġiet żviluppatta b’mod estensiv mill-aħħar PINC u bħalissa hija ta’ prijorità għolja. Il-miri għall-2020, l-2030 u l-2050 huma stabbiliti iżda għad hemm varjabbli ewlenin u inċertezzi. Dawn jinkludu l-punt sa fejn se jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, il-volatilità tas-suq internazzjonali fil-fjuwils fossili, ir-rata li biha se jiġu applikati teknoloġiji ġodda, liema pajjiżi huma membri tal-UE, l-influwenza tal-perspettiva ekonomika globali u sa liema punt se jkunu disponibbli l-investimenti massivi previsti fil-katina kollha tal-enerġija. |
2.5. |
Irrispettivament mill-politika tal-enerġija tal-UE, id-deċiżjonijiet ewlenin dwar it-taħlita ta’ sorsi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija jibqgħu prerogattiva tal-Istati Membri. Il-politika tal-enerġija tal-UE tista’ tintuża bħala referenza għal dawn id-deċiżjonijiet iżda l-enerġija hija politikament sensittiva ħafna u għalhekk hija soġġetta għal klima soċjali u politika li tvarja fil-livell nazzjonali. It-tfassil tal-politika tal-UE jirrikjedi proċess analitiku ċar u metodoloġija li jistgħu joffru qafas konsistenti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali. Il-PINC potenzjalment joffri l-opportunità li dan isir għal dawk l-istati li qegħdin jikkunsidraw l-enerġija nukleari kif ukoll għal dawk li għandhom enerġija nukleari u qed jivvalutaw il-futur tagħha. |
3. Il-kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni
3.1. |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiftaħ bid-dikjarazzjoni li “Il-PINC [Programm Nukleari Illustrattiv] jipprovdi bażi għal diskussjoni dwar kif l-enerġija nukleari tista’ tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-enerġija tal-UE” u tikkonkludi li “Bħala teknoloġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u kontributur sinifikanti għas-sigurtà tal-provvista u tad-diversifikazzjoni, l-enerġija nukleari mistennija tibqa’ komponent importanti tat-taħlita tal-enerġija tal-UE fl-orizzont 2050”. |
3.2. |
Il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-investimenti relatati mal-aġġornamenti sabiex tittejjeb is-sikurezza wara Fukushima u għat-tħaddim sikur tal-faċilitajiet eżistenti. Barra minn hekk din tenfasizza l-ħtiġijiet finanzjarji stmati relatati mad-dekummissjonar tal-impjanti tal-enerġija nukleari u mal-ġestjoni ta’ skart radjuattiv u fjuwil nukleari rradjat (spent fuel). |
3.3. |
129 reattur tal-enerġija nukleari joperaw f’14-il Stat Membru b’reatturi mibnijin ġodda previsti f’10 minn dawk l-istati. L-UE għandha l-aktar standards legalment vinkolanti avvanzati għas-sikurezza nukleari madwar id-dinja. Dawn jinżammu u jiġu aġġornati permezz ta’ reviżjoni regolari tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari (1). |
3.4. |
L-industrija nukleari tal-UE topera f’suq dinji b’valur ta’ EUR 3 triljun sal-2050 u tinsab fuq quddiem nett fil-qasam tat-teknoloġija bl-impjieg dirett ta’ 400 000-500 000 persuna u l-iffaċilitar ta’ 400 000 impjieg addizzjonali. |
3.5. |
Il-kumpaniji Ewropej huma involuti sew fil-produzzjoni tal-fjuwil nukleari globali, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom, li tissupplixxi l-bżonnijiet tar-reatturi mfassla mill-Punent tal-UE u b’kapaċità li tiżviluppa assemblaġġi ta’ fjuwil għal reatturi b’disinn Russu (li minnhom 19 bħalissa huma operattivi fl-UE). |
3.6. |
Il-Kummissjoni tbassar tnaqqis fil-kapaċità ta’ ġenerazzjoni nukleari attwali tal-UE (120 GWe) sa mhux aktar tard mill-2025, filwaqt li din it-tendenza tieħu direzzjoni opposta qabel l-2030. Il-kapaċità nukleari għandha tibqa’ stabbli f’livell bejn 95 u 105 GWe sal-2050 jekk 90 % tal-flotta nukleari eżistenti tiġi sostitwita f’dan il-perjodu. L-investiment huwa stmat għal bejn EUR 350 u 450 biljun, u għandu jipprovdi ġenerazzjoni sa tmiem is-seklu. |
3.7. |
L-ispejjeż mhux ibbaġitjati u d-dewmien twil fuq proġetti ġodda, u l-approċċi differenti minn korpi ta’ liċenzjar nazzjonali, ħolqu diffikultajiet ta’ investiment. L-istandardizzazzjoni tad-disinn u l-kooperazzjoni msaħħa bejn regolaturi nazzjonali huma meqjusa bħala elementi essenzjali tal-politika futura. |
3.8. |
Huma ppjanati programmi ta’ estensjoni tat-tul tal-ħajja (għal 10-20 sena) għal ħafna mir-reatturi tal-UE, bi spiża stmata għal madwar EUR 45-50 biljun, u l-ammont ta’ xogħol regolatorju involut, skont id-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari emendata, għandu jiġi antiċipat u ppjanat. |
3.9. |
Huwa ppjanat li jingħalqu ħamsin reattur sal-2025. Minkejja li l-kwistjoni hija sensittiva politikament, l-azzjoni u l-investimenti dwar ir-rimi ta’ skart ġeoloġiku u l-immaniġġjar fit-tul ta’ skart radjuattiv kif ukoll il-kwistjonijiet relatati mad-dekommissjonar jirrikjedu deċiżjonijiet rapidi min-naħa tal-Istati Membri. |
3.10. |
Jeżisti għarfien espert sinifikanti dwar il-ħżin u r-rimi ta’ skart ta’ livell radjuattiv baxx u intermedju, u l-faċilitajiet ta’ rimi ġeoloġiku fil-fond se jibdew joperaw fil-Finlandja, fl-Iżvezja u fi Franza bejn l-2020 u l-2030 għar-rimi finali ta’ skart ta’ livell radjuattiv għoli. Il-potenzjal ta’ kondiviżjoni ta’ dan l-għarfien espert u l-possibbiltà li jkun hemm qbil dwar faċilitajiet konġunti bejn l-Istati Membri se ġġib effiċjenzi kif ukoll benefiċċji ta’ sikurezza. Dan se jissaħħaħ bl-istabbiliment ta’ ċentru Ewropew ta’ eċċellenza. |
3.11. |
L-operaturi nukleari jistmaw li se jkunu meħtieġa EUR 253 biljun għall-ispejjeż ta’ dekummissjonar filwaqt li ġew identifikati EUR 133 biljun f’fondi dedikati. L-Istati Membri huma responsabbli biex jiggarantixxu li jintlaħqu bis-sħiħ l-obbligi tal-operaturi u li d-dekommissjonar isir f’perjodu ta’ żmien ċar |
3.12. |
Hemm bżonn ta’ aktar koordinazzjoni fl-iżvilupp tekniku u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ użi tat-teknoloġija tar-radjazzjoni mhux għal skopijiet ta’ enerġija. Pereżempju, fl-Ewropa biss it-tagħmir għal immaġni medika jiswa EUR 20 biljun fis-sena u l-agrikoltura, l-industrija u r-riċerka qed jesperjenzaw użu dejjem akbar ta’ din it-teknoloġija. Qed jissokta investiment sinifikanti fir-riċerka kemm fl-impjanti tal-ġenerazzjoni l-ġdida u dawk tal-fissjoni modulari kif ukoll biex titkompla t-tmexxija fir-riċerka dwar il-fużjoni, u dan jitqies essenzjali biex jinżammu l-għarfien espert, il-karrieri u l-influwenza globali. Dan huwa partikolarment importanti peress li l-enerġija nukleari qiegħda tkompli tespandi b’mod globali, għalkemm mhux fl-Ewropa. |
4. Kummenti ġenerali
4.1. |
Il-Kumitat ta l-opinjoni tiegħu fuq bażi regolari dwar is-sikurezza u r-rwol tal-enerġija nukleari fit-taħlita tal-enerġija tal-UE (2). Din il-Komunikazzjoni hija l-ewwel reviżjoni illustrattiva dwar l-enerġija nukleari mill-Kummissjoni minn Fukushima ‘l hawn u għalkemm il-PINC preċedenti wiegħed li jżid il-frekwenza tal-pubblikazzjoni tal-Programm Nukleari Illustrattiv (COM(2007) 565 final), dan ma seħħx. Il-PINC tal-2016 – għalkemm kien appoġġjat minn dokument estensiv ta’ ħidma tal-persunal – huwa nofs it-tul tal-Komunikazzjoni tal-2007. Il-Kumitat jissuġġerixxi li xi punti għandhom jinżiedu mal-PINC sabiex ikun dokument strateġiku li fih jiġu diskussi l-fatturi kuntestwali li jinfluwenzaw l-investiment u d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-miri. |
4.2. |
Il-Kumitat japprezza l-analiżi estensiva li l-PINC jipprovdi dwar l-investiment fiċ-ċiklu kollu tal-fjuwil nukleari, filwaqt li jirrikonoxxi li dan jiddefinixxi kemm l-isfidi kif ukoll l-opportunitajiet li jiffaċċja s-settur. L-enfasi dwar l-ogħla standards ta’ sikurezza u dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament komprensiv għall-aspetti kollha tad-dekummissjonar hija milqugħa tajjeb ukoll. Id-dokument ta’ ħidma jagħti dettall konsiderevoli, u huwa nnotat ukoll ir-rwol ta’ riċerka kontinwa. Madankollu, f’ħafna oqsma oħra ma ntqal kważi xejn, u dan idgħajjef il-valur strateġiku tad-dokument. |
4.3. |
L-abbozz tal-PINC 2016 juri bidla sinifikanti fl-approċċ mill-Kummissjoni. PINCs preċedenti taw analiżi fil-kuntest tal-isfidi tal-enerġija li jiffaċċjaw l-UE u l-komunità globali. Pereżempju l-PINC tal-2007 kellu sezzjonijiet li mhumiex replikati fl-2016 li kienu joffru viżjoni strateġika ċara. Dawn għandhom jiġu miżjuda ma’ din il-proposta, u għandhom ikopru:
Dawn il-kwistjonijiet kollha saru aktar importanti matul l-aħħar disa’ snin iżda fil-PINC tiddomina l-enfasi fuq is-sikurezza u ċ-ċiklu tal-fjuwil u ftit huwa elaborat sew dwar dawn l-oqsma fil-komunikazzjoni jew fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal. La jiddeskrivi n-natura tad-dibattitu dwar dawn it-temi, li ħafna minnhom huma kkontestati u kontroversjali (pereżempju, billi jinżammu standards għoljin fix-xogħol sottokuntrattat), u lanqas joffri sett ta’ linji gwida jew approċċ strateġiku għad-diskussjoni tal-enerġija nukleari fit-taħlita tal-enerġija kollha kemm hi. Dan jirrifletti l-approċċ tal-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija fejn jeżisti l-istess nuqqas ta’ rieda li tinġibed attenzjoni dwar l-implikazzjonijiet ta’ strateġija Ewropea dwar l-enerġija għal dibattiti nazzjonali dwar ir-rwol li l-enerġija nukleari għad għandha (jekk għandha) fit-taħlita tal-enerġija. |
4.4. |
Kif innutat, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiddikjara li tipprovdi bażi għal diskussjoni dwar kif l-enerġija nukleari tista’ tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-enerġija tal-UE”… bħala … “komponent importanti tat-taħlita tal-enerġija tal-UE fl-orizzont 2050”. Tali dikjarazzjonijiet ma jistgħux jiġu appoġġjati bis-sħiħ mill-kontenut ta’ dan id-dokument. Programmi illustrattivi preċedenti taw rieżemi analitiku importanti dwar ir-rwol tal-enerġija nukleari u offrew linji gwida għall-politika futura. |
4.5. |
B’mod partikolari, l-analiżi tal-ħtiġijiet ta’ investiment għall-enerġija nukleari (li jidher ċar li huwa diffikultà kbira fiċ-ċirkustanzi attwali) għandha ċertament tiġi stabbilita fil-kuntest tal-investiment totali meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija peress li hemm interazzjonijiet u kompromessi fost id-deċiżjonijiet ta’ investiment fir-rigward tat-teknoloġiji tal-ġenerazzjoni u l-infrastruttura kollha. |
4.6. |
Barra minn hekk, hemm ħafna fatturi kuntestwali addizzjonali li jsawru l-politiki u l-ekonomija nukleari li għadhom ma ġewx indirizzati b’mod sħiħ u li huma diffiċli biex il-Kummissjoni telabora dwarhom peress li jgħaddu minn rieżami u riforma kontinwi. Dawn jinkludu l-funzjonament tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, proposti għal sussidji għall-mekkaniżmu ta’ kapaċità, l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija rinnovabbli, eċċ. |
4.7. |
Bħalissa, l-enerġija nukleari tirrappreżenta 28 % tal-produzzjoni domestika tal-enerġija fl-UE, u 50 % tal-elettriku tagħha b’livell baxx ta’ karbonju (Eurostat, Mejju 2015). It-tnaqqis tas-CO2 huwa mira kruċjali fil-politika tal-UE u dik globali dwar l-enerġija. Biex ma tinqabiżx żieda ta’ 2 oC fit-temperatura, hemm bżonn ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet globali tas-CO2 mill-enerġija b’medja ta’ 5,5 % fis-sena bejn l-2030 u l-2050. Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 spjega kif jista’ jintlaħaq il-kontribut tal-UE għal dan, u segwa approċċ b’diversi xenarji dwar kif it-taħlita tal-enerġija tista’ tvarja skont diversi fatturi politiċi, ekonomiċi u soċjal (COM(2011) 885 final). Fuq il-bażi taċ-ċifri pprovduti mill-Istati Membri, il-Komunikazzjoni tassumi kapaċità nukleari ta’ madwar 100 GWe fl-2050 iżda, fid-dawl tad-dibattitu attwali, ftit hemm ċertezza dwar din is-suppożizzjoni. |
4.8. |
Il-Kumitat jinnota l-eżempju reċenti tal-Iżvezja, imħabbar wara l-pubblikazzjoni tal-PINC u għalhekk mhux inkluż, fejn ittieħed impenn biex għaxar reatturi nukleari ġodda jieħdu post daqstant impjanti li ġew dikummissjonati u b’mod parallel, jiġu addotati miżuri biex jiġi żgurat li sal-2040 il-provvista tal-enerġija tkun 100 % minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (Financial Times 10 ta’ Ġunju 2016). F’dan il-każ, il-fatt li jkun hemm kemm politika robusta dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll kapaċità addizzjonali għall-forniment ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju lill-ġirien, huwa politikament aċċettabbli għall-partijiet kollha u konsegwentament għandu sinifikat strateġiku fil-kuntest Ewropew. Id-dokument għandu għalhekk jiġi aġġornat biex jikkunsidra dan. |
4.9. |
Il-KESE argumenta b’mod konsistenti tul ħafna snin favur approċċ aktar strateġiku għall-kwistjonijiet tal-enerġija u enfasi akbar fuq djalogu pubbliku estensiv dwar il-ġenerazzjoni u l-użu tal-enerġija (4). It-teknoloġija għandha valur u t-teknoloġija tal-enerġija tinvolvi firxa wiesgħa ta’ ġudizzji etiċi, soċjali u politiċi. L-Istati Membri għandhom diskrezzjoni dwar il-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija tagħhom, nofshom biss għandhom impjanti nukleari operattivi, u mill-aħħar PINC “l hawn l-opinjonijiet dwar l-enerġija nukleari saru polarizzati. Dan id-dokument importanti ta’ reviżjoni ċiklika jista” jissaħħaħ permezz ta’ preżentazzjoni oġġettiva tal-kwistjonijiet topiċi u ta’ profil għoli involuti fid-diskussjoni dwar kif l-enerġija nukleari tista’ tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-enerġija tal-UE. Għalhekk huwa ssuġġerit li jiġu inklużi għadd ta’ sezzjonijiet ġodda fid-dokument finali, kif stipulat f’4.3, u li l-istrateġija kollha kemm hi tqis aktar il-kummenti speċifiċi 5.3.1 – 5.3.4 hawn taħt. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1. |
Id-dokument jenfasizza l-importanza ta’ koordinazzjoni nazzjonali aħjar bejn l-Istati Membri, kooperazzjoni aħjar bejn il-partijiet interessati u trasparenza u parteċipazzjoni pubblika akbar fi kwistjonijiet nukleari. F’dan ir-rigward, jiġi nnotat ir-rwol importanti tal-Grupp ta’ Livell Għoli Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari u l-Ġestjoni tal-Iskart Nukleari (ENSREG) u li jitkompla jiġi promoss id-djalogu bejn il-partijiet interessati fil-Forum Ewropew dwar l-Enerġija Nukleari (ENEF). F’Diċembru 2015, l-ENSREG ħareġ dikjarazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali (NAcPs) wara Fukushima li fiha nnota li l-istatus tal-implimentazzjoni huwa differenti u li għandha tissaħħaħ r-rata tal-implimentazzjoni tal-aġġornamenti ta’ sikurezza sabiex jintlaħqu l-iskadenzi ta’ implimentazzjoni maqbula. Dan irrakkomanda li għal kull pajjiż parteċipanti għandu jiġi aġġornat u ppubblikat rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-NAcPs fuq bażi regolari sabiex jiġi żgurat monitoraġġ trasparenti bl-għan li jiġi ppubblikat rapport dwar l-implimentazzjoni fl-2017 (ENSREG Fourth Report, Novembru 2015). Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tinkludi approvazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni fil-PINC. |
5.2. |
Il-Komunikazzjoni tittratta r-relazzjonijiet ma’ stati nukleari fil-viċinat tal-UE, u l-KESE jemmen li l-estensjoni ta’ involviment attiv, b’mod partikolari mal-Belarussja, ser tgħin biex jissolva t-tħassib dwar nuqqas ta’ trasparenza u ta’ sikurezza li nqalgħu fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-ewwel reattur nuklear f’Ostrovets. Ir-relazzjonijiet permezz tal-ENSREG għandhom jingħataw prijorità. |
5.3. |
Rigward id-djalogu u t-trasparenza inġenerali, il-KESE jinnota li, fil-prattika, ir-rwol, ir-riżorsi, il-kapaċità u l-istatus tal-Forum Ewropew dwar l-Enerġija Nukleari (ENEF) naqsu b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar sentejn. Huwa essenzjali li jkun hemm aktar kjarifika dwar il-kwistjonijiet prinċipali li qed jiffaċċja d-djalogu dwar il-politika nukleari Ewropea kif ukoll qafas komuni li qed jiġi propost għal diskussjoni f’livell nazzjonali. Dan issa huwa improbabbli li jintlaħaq progress dwaru fi ħdan l-ENEF u ma jinsabx fil-PINC. Qafas bħal dan ikun ta’ għajnuna wkoll għall-governanza futura tal-Unjoni tal-Enerġija u għandu jiġi applikat b’mod konsistenti għas-sorsi tal-enerġija primarji kollha. Għalhekk, biex jgħin f’din il-kjarifika, il-PINC għandu jinkludi sezzjonijiet speċifiċi li jiddeskrivu l-implikazzjonijiet u r-relevanza għall-politika ta’ investiment fil-qasam nukleari. Dawn it-temi, dettaljati fl-erba’ paragrafi li ġejjin, huma oqsma kruċjali tad-dibattitu li huwa essenzjali għal kwalunkwe viżjoni strateġika. |
5.3.1. |
Il-bidla għall-elettriku u l-punt sa fejn tista’ tiġi żgurata provvista konsistenti tal-elettriku minn sorsi primarji. Minn naħa waħda, l-enerġija nukleari tista’ tgħin fis-sigurtà tal-enerġija peress li jistgħu jiġu ġġenerati volumi kbar ta’ elettriku prevedibbli b’mod kontinwu għal perjodi twal, u tista’ tagħti kontribut pożittiv għall-funzjonament stabbli tas-sistemi tal-elettriku (pereżempju ż-żamma ta’ frekwenza tal-grilja). Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż kapitali ta’ kostruzzjoni huma għoljin, ir-rekwiżiti ta’ sikurezza ġodda huma onerużi, il-finanzjament huwa inċert u l-kundizzjonijiet tas-suq futuri huma imprevedibbli ħafna. Dawn huma kwistjonijiet li jiffaċċja kull Stat Membru li għandu kapaċità ta’ ġenerazzjoni nukleari, u jistgħu jkunu kritiċi fil-mod kif u jekk il-pjani nazzjonali realistiċi jistgħux jitwettqu bħala kontribut għall-miri tal-UE tal-enerġija u l-klima. Il-PINC għandu jkun marbut ma’ qafas komuni għad-diskussjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet, kif ipproponiet il-Kummissjoni f’komunikazzjonijiet strateġiċi oħrajn dwar l-enerġija, u għandu jressaq analiżi bilanċjata tar-rwol tal-enerġija nukleari. |
5.3.2. |
Għarfien, attitudnijiet u sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar ir-riskju fil-ġenerazzjoni tal-enerġija. Minn naħa waħda, is-sikurezza nukleari, l-impatti ta’ Chernobyl u Fukushima u l-kwistjonijiet pendenti dwar id-dekummissjonar u r-rimi ta’ skart radjuattiv huma kwistjonijiet ta’ tħassib pubbliku serju f’xi pajjiżi. Min-naħa l-oħra, hemm fatturi negattivi sinifikanti u ta’ spiss sottovalutati marbuta ma’ sorsi ta’ enerġija primarja oħrajn. Il-KESE konsistentement enfasizza r-rwol kruċjali ta’ fehim pubbliku dwar “id-dilemma” tal-enerġija – essenzjalment kif għandhom jiġu bbilanċjati l-għanijiet interkonnessi u kultant konfliġġenti tas-sigurtà tal-enerġija, l-affordabbiltà u s-sostenibbiltà ambjentali. Ir-rieda politika tissawwar fil-biċċa l-kbira skont l-attitudnijiet tal-pubbliku, u l-livell baxx ta’ sensibilizzazzjoni komprensiva dwar l-enerġija jista’ jirriżulta fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi inferjuri. Aktar riżorsi u qafas legali ta’ appoġġ li jippermettu, pereżempju, kumitati lokali ta’ informazzjoni kif stabbilit fi Franza, ikunu utli. |
5.3.3. |
Metodoloġija għall-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-kompetittività. L-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju affordabbli hija essenzjali biex jintlaħqu l-miri maqbula dwar il-klima u l-enerġija, iżda dan il-qasam huwa protett mill-kompetizzjoni tas-suq. Lanqas ma hemm metodoloġija standard jew aċċettabbli li qed tintuża mill-Istati Membri biex jivvalutaw l-ispejjeż futuri tal-alternattivi għat-taħlita tagħhom għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, qabel ma jieħdu deċiżjoni politika (li tkun influwenzata minn fatturi oħrajn). |
5.3.4. |
Ir-rilevanza ta’ riċerka attiva u ta’ bażi ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku fit-tmexxija tas-suq, tat-teknoloġija u tas-sikurezza. Kemm huwa importanti li tinżamm industrija tal-ġenerazzjoni nukleari li tkun sinifikanti u tevolvi jekk irridu li jinżammu l-impjieg u l-influwenza u t-tmexxija Ewropea f’industrija li qed tinfirex globalment (US Energy Information Administration, Mejju 2016 – World nuclear generation to double by 2040)? Pereżempju, iċ-Ċina beħsiebha tirdoppja l-kapaċità nukleari tagħha għal mill-inqas 58 GWe sal-2020-21, b’żieda għal 150 GWe sal-2030. L-importanza ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u mħallsin tajjeb hija nnotata u kieku dawn kellhom jitneħħew gradwalment ikollu jiddaħħal programm biex jiżgura tranżizzjoni ġusta u appoġġjata. |
5.4. |
L-aktar element sinifikanti ta’ finanzjament għar-riċerka nukleari tal-UE huwa impenjat għall-iżvilupp ta’ programm konġunt ta’ fużjoni nukleari (ITER – Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali). Il-pjan direzzjonali tal-EFDA (Ftehim Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-Fużjoni) jiddeskrivi r-rotta minn esperimenti ta’ fużjoni attwali għal impjant ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija mill-fużjoni bi produzzjoni netta ta’ elettriku għall-grilja. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra provvista ta’ elettriku potenzjali minn impjanti tal-enerġija mill-fużjoni fix-xenarji tal-enerġija kosteffettivi kollha għal wara l-2050. Barra minn hekk, għandu jitħeġġeġ appoġġ kontinwu għar-riċerka dwar ir-reatturi tar-raba’ ġenerazzjoni, bil-potenzjal tagħhom għal tnaqqis fl-ispejjeż u tnaqqis sinifikanti ta’ skart ta’ livell radjuattiv għoli. |
5.5. |
L-abbozz tal-proposta tħejja qabel il-votazzjoni mir-Renju Unit biex titlaq mill-Unjoni Ewropea u l-opinjoni legali fil-preżent tissuġġerixxi li t-tluq mill-UE jfisser wkoll it-tluq mill-Euratom. Dan għandu implikazzjonijiet strateġiċi kbar, mhux l-inqas għall-miri tal-enerġija 2030, iżda wkoll għall-kooperazzjoni fir-riċerka, regolatorja, fil-katina tal-provvista u fis-sikurezza. Din il-kwistjoni għalhekk jeħtieġ tiġi rikonoxxuta minn dan l-abbozz ta’ proposta, anke jekk f’dan l-istadju huwa problematiku li wieħed jantiċipa riżultati speċifiċi. |
Brussell, it-22 ta’ Settembru 2016
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) ĠU L 219, 25.7.2014, p. 42.
(2) ĠU C 341, 21.11.2013, p. 92; ĠU C 133, 14.4.2016, p. 25.