Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XX0422(02)

    Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — Liberty Global/BASE Belgium (M.7637)

    ĠU C 141, 22.4.2016, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 141/5


    Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

    Liberty Global/BASE Belgium

    (M.7637)

    (2016/C 141/05)

    1.

    Fis-17 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta li permezz tagħha Telenet NV (“Telenet”), ikkontrollata minn Liberty Global Broadband I Limited (“il-Parti Notifikanti”), takkwista l-kontroll tal-impriża BASE Company NV kollha kemm hi (“BASE”) permezz tax-xiri ta’ ishma (“it-Tranżazzjoni Proposta”).

    2.

    Fil-5 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tagħti bidu għal proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) (ir-Regolament dwar l-Għaqdiet). F’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li l-operazzjoni notifikata kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u li kienet tqajjem dubji serji dwar il-kompatibiltà tagħha mas-suq komuni u mal-Ftehim dwar iż-ŻEE fir-rigward is-swieq potenzjali għal servizzi bl-imnut u bil-grossa ta’ telekomunikazzjoni bil-mowbajl fil-Belġju. Fl-istess jum, il-Kummissjoni qasmet dokumenti ewlenin mal-Parti Notifikanti.

    3.

    Fis-6 ta’ Ottubru 2015, b’talba tal-Parti Notifikanti u skont l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-perjodu tat-tieni fażi għar-rieżami tat-Tranżazzjoni Proposta ġie estiż b’għaxart (10) ijiem ta’ xogħol. Il-limitu ta’ żmien ġie estiż b’għaxart (10) ijiem ta’ xogħol oħra fit-30 ta’ Ottubru 2015, bi qbil tal-Parti Notifikanti skont it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

    4.

    Fis-27 ta’ Ottubru 2015, b’talba motivata, jiena ppermettejt li Proximus NV van publiek recht jinstema’ bħala persuna terza interessata skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE.

    5.

    Fl-14 ta’ Settembru 2015, matul l-ewwel fażi tal-investigazzjoni, il-Parti Notifikanti ppreżentat proposti ta’ impenji sabiex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni. Fit-18 ta’ Settembru 2015, il-Parti Notifikanti ppreżentat impenji modifikati.

    6.

    Abbażi tar-riżultati tal-ittestjar tas-suq tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-impennji modifikati ma indirizzawx b’mod sħiħ u b’mod ċar id-dubji serji identifikati mill-Kummissjoni matul l-ewwel fażi tal-investigazzjoni u għalhekk ma ssodisfawx l-istandard għal rimedji aċċettabbli fl-ewwel fażi tal-investigazzjoni.

    7.

    Wara l-bidu tat-tieni fażi tal-investigazzjoni, il-Parti Notifikanti ppreżentat sett ġdid ta’ impenji fis-27 ta’ Ottubru 2015. Fl-istess data, il-Parti Notifikanti infurmat lill-Kummissjoni dwar ftehimiet li jinvolvu Medialaan NV bħala riċevitur potenzjali ta’ rimedju inizjali.

    8.

    Fl-istess jum, il-Kummissjoni nediet eżami tas-suq ta’ dawn il-proposti.

    9.

    Wara dan it-tieni test tas-suq, il-Parti Notifikanti ppreżentat impenji riveduti fis-26 ta’ Novembru 2015 u fit-2 ta’ Diċembru 2015. Hija ppreżentat sett finali ta’ impenji fit-18 ta’ Diċembru 2015 (“l-Impenji Finali”).

    10.

    Il-Kummissjoni ma ħarġitx dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 802/2004 (3). Ma kien hemm l-ebda smigħ orali formali f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament.

    11.

    Fl-abbozz ta’ deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Impenji Finali jindirizzaw bis-sħiħ l-impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva li ġie identifikat mill-Kummissjoni bħala li jirriżulta mit-Tranżazzjoni Proposta. B’riżultat ta’ dan, l-abbozz ta’ deċiżjoni jiddikjara t-Tranżazzjoni Proposta kompatibbli mas-suq intern u l-Ftehim dwar iż-ŻEE, skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, suġġetta għall-konformità sħiħa mal-Impenji Finali.

    12.

    Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jiena eżaminajt jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jippreżentaw l-opinjoniet tagħhom. Nikkonkludi li dan hu minnu.

    13.

    B’mod ġenerali, inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali ġie rrispettat matul il-proċedimenti preżenti

    Brussell, is-26 ta’ Jannar 2016.

    Joos STRAGIER


    (1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1).


    Top