EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XE0987

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew b’appoġġ għall-Ftehim ta’ Schengen — Il-liberta’ li niċċaqalqu, nappoġġjaw il-Ftehim ta’ Schengen

ĠU C 133, 14.4.2016, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew b’appoġġ għall-Ftehim ta’ Schengen

Il-liberta’ li niċċaqalqu, nappoġġjaw il-Ftehim ta’ Schengen

(2016/C 133/01)

Il-moviment liberu huwa l-akbar suċċess tanġibbli tal-integrazzjoni Ewropea. Il-Ftehim ta’ Schengen, li jippermetti lill-persuni jivvjaġġaw liberament minn pajjiż għal ieħor għax-xogħol, l-istudju u d-divertiment, u li jeħles il-moviment ta’ merkanzija u servizzi minn ostakli materjali, huwa l-pedament tas-suq intern li jiswa EUR 2 800 biljun, jinvolvi 1,7 miljun ħaddiem li jaqsmu l-fruntieri interni u jirrappreżenta 57 miljun moviment transkonfinali bit-triq annwali. It-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandha rwol sinifikanti fit-tneħħija tal-ostakli, ġabet lill-persuni iktar qrib xulxin u tat spinta lill-ekonomija Ewropea. Diversi ġenerazzjonijiet ta’ Ewropej kibru bil-benefiċċji tax-Schengen mingħajr ma jafu. Li nerġgħu lura għall-kontrolli fuq il-fruntieri interni jfisser spiża stmata ta’ EUR 100 biljun, li tirrappreżenta 0,8 % tal-PDG; u nsiru ifqar kulturalment, soċjalment u ekonomikament.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja bis-sħiħ il-prinċipji li wasslu lill-Istati Membri firmatarji għall-Ftehim tal-1985, jiġifieri “konxji li l-unjoni dejjem eqreb bejn il-popli tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għandha tiġi riflessa fil-libertà tal-qsim ta’ fruntieri interni għaċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri u fiċ-ċaqlieq ħieles ta’ merċa u servizzi” u “anzjużi biex isaħħu s-solidarjetà bejn il-popli tagħhom billi jneħħu l-ostakli għaċ-ċaqliq ħieles fil-fruntieri komuni bejn l-Istati […]”. Dan il-Ftehim kellu l-għan li jikseb l-unjoni tal-popli u s-solidarjetà bejn il-popli. Għaldaqstant l-imminar ta’ dan il-Ftehim, mhux biss ikollu konsegwenzi ekonomiċi tal-biża, iżda jista’ jġib il-qerda tas-solidarjetà u l-Unjoni nnifisha.

Il-Kumitat jappoġġja wkoll bis-sħiħ il-prinċipju li wassal lill-Istati Membri firmatarji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE li jistabilixxu li “l-Unjoni għandha tiżviluppa politika bl-għan li […] tassigura li ma jkun hemm l-ebda kontroll fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni”, filwaqt li jipprovdu għal ġestjoni effettiva ta’ kontroll fil-fruntieri esterni (Artikolu 77(1)).

Il-membri tal-KESE, bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Ewropea, għaldaqstant huwa dejjem aktar imħassbin dwar il-pressjoni li qed issir fuq il-Ftehim ta’ Schengen. Il-KESE jappella lill-gvernijiet tal-Ewropa biex ma jaqgħux għall-pressjoni u l-biża’ populista imma minflok jiddefendu d-drittijiet li stinkajna tant għalihom. Il-Kumitat jirrikonoxxi li avvenimenti riċenti qajmu kwistjonijiet serji dwar il-lakuni fil-qafas tal-fruntieri Ewropej u l-kapaċità tagħna li effettivament nikkontrollaw il-moviment ta’ dawk li jixtiequ jagħmlu l-ħsara. Dan it-tħassib għandu jiġi indirizzat, iżda l-problema mhix il-Ftehim ta’ Schengen u dan m’għandux jintuża bħala skuża faċli. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jevitaw akkost ta’ kollox li r-regoli ta’ Schengen, u għaldaqstant is-Suq Intern, jispiċċaw fix-xejn, li fl-aħħar mill-aħħar ikun ta’ ħsara għalina lkoll.

Iż-żona Schengen ma tistax tkun b’saħħitha daqs l-iktar ħolqa dgħajfa tagħha. Il-protezzjoni tal-fruntieri tal-UE għandha tkun eżerċizzju komuni, bl-Istati Membri kollha jaqsmu r-responsabbiltà biex jiżguraw dan. L-impenji li ħadu l-Istati Membri biex jimplimentaw u jsaħħu Frontex operattiva u effiċjenti, għandhom jiġu rispettati. Mingħajr il-kontrolli tal-fruntieri esterni effiċjenti, l-Unjoni mhux se tkun tista’ tagħti aċċess għal dawk ir-refuġjati li għandhom bżonn l-għajnuna. Kontrolli tal-fruntieri esterni effiċjenti, fl-aħħar mill-aħħar huma prekundizzjoni biex tinżamm is-Sistema ta’ Schengen. Is-sigurtà tal-fruntieri ma tfissirx l-għeluq tagħhom għal min għandu bżonn protezzjoni għal raġunijiet umanitarji, skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

Għandna nkunu ppreparati nilħqu soluzzjonijiet kuraġġużi li kapaċi jħarsu d-drittijiet tagħna filwaqt li jipproteġu l-Unjoni tagħna bla fruntieri interni, li tippermetti lin-nies li jaħdmu, jinnegozjaw, jistudjaw, jiskambjaw l-ideat, il-prodotti u s-servizzi b’mod ħieles. Din hija l-Ewropa tagħna, ix-Schengen tagħna u d-drittijiet fundamentali u soċjali tagħna li għandha bżonn niddefendu.

Il-Kumitat għalhekk għamel sejħa lill-organizzazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tas-soċjetà ċivili biex juru l-appoġġ tagħhom mhux biss għaż-żamma iżda wkoll għall-konsolidazzjoni taż-żona Schengen u t-tkabbir tagħha. Huwa jimpenja ruħu min-naħa tiegħu, li jintervjeni fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-Kunsill, sabiex l-Istati Membri jibqgħu leali lejn il-prinċipji tat-trattati u l-ftehimiet li jirrappreżentaw kisbiet kbar għall-Unjoni u l-popli Ewropej.

Brussell, is-17 ta’ Frar 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


Top