Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE3926

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (riformulazzjoni)” (COM(2015) 294 final – 2015/0133 (COD))

    ĠU C 13, 15.1.2016, p. 201–202 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 13/201


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (riformulazzjoni)”

    (COM(2015) 294 final – 2015/0133 (COD))

    (2016/C 013/29)

    Relatur uniku:

    is-Sur Brian CURTIS

    Nhar it-2 ta’ Lulju 2015 u nhar is-6 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

    “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (riformulazzjoni)”

    (COM(2015) 294 final – 2015/0133 (COD)).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2015.

    Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-16 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’141 vot favur u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jaqbel b’mod ġenerali mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibni fuq dawk l-affarijiet li jaħdmu sew, u b’hekk iżżomm livell għoli ta’ kontinwità, filwaqt li fl-istess ħin tirreaġixxi għar-rekwiżiti l-ġodda. Huwa jqis ukoll li l-bidliet proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju u adatt biex jintlaħaq l-għan bażiku tat-titjib tal-kwalità, l-aċċess u d-disponibbiltà tad-data fis-settur tas-sajd.

    1.2.

    Id-disponibbiltà tad-data hija l-qasam fejn għandu jsir l-aktar progress. Il-proċess li bih l-utenti finali jitolbu d-data mill-Istati Membri (“data calls”) huwa ta’ piż wisq kbir u jitlob wisq riżorsi; l-aċċessibbiltà għad-data dwar l-attività tas-sajd tvarja skont l-Istat Membru minħabba r-regoli differenti dwar l-aċċess, parzjalment minħabba l-limitazzjoni tal-użu b’diversi skopijiet ta’ din id-data; id-data tal-Qafas għall-Ġbir tad-Data (DCF) mhix qed tintuża biżżejjed peress li diffiċli li tiġi aċċessata, u dan qed iwassal biex jintilfu opportunitajiet kbar fl-użu potenzjali ta’ din id-data u għal investimenti mhux meħtieġa meta l-istess data tinġabar għal skopijiet oħra (pereżempju fil-politiki dwar li ġestjoni taż-żoni marittimi). Ir-reviżjoni tad-DCF hija opportunità biex, minn naħa waħda, tiġi żgurata disponibbiltà aħjar ta’ data dwar is-sajd għal ċirku usa’ ta’ partijiet interessati, u min-naħa l-oħra, sabiex jitnaqqas il-piż tat-talbiet għal data li jridu jġorru l-Istati Membri billi jintużaw l-aktar żviluppi tekniċi reċenti.

    1.3.

    It-titjib fil-kwalità u l-affidabbiltà għad irid jinkiseb. Mod kif tiġi żgurata kwalità għolja tad-data hu li jiġu applikati l-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea u l-Qafas ta’ Garanzija tal-Kwalità tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika.

    2.   Sfond

    2.1.

    Fl-2000 (1) ġie stabbilit qafas tal-UE għall-ġbir u l-ġestjoni tad-data tas-sajd, u dan saritlu riforma fl-2008 li rriżultat fil-Qafas għall-Ġbir tad-Data (DCF) (2). Id-DCF kien jirrappreżenta progress ewlieni fit-twaqqif ta’ sett armonizzat ta’ regoli tal-UE li jirregolaw il-ġbir tad-data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjoekonomika dwar is-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar.

    2.2.

    Waqt l-adozzjoni tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) (3) fl-2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew talbu lill-Kummissjoni biex tgħaġġel il-proċess għall-adozzjoni ta’ proposta li temenda d-DCF sabiex il-prinċipji u l-objettivi għall-ġbir tad-data, li huma essenzjali għall-appoġġ tal-Politika Komuni tas-Sajd riformata jkunu jistgħu jsiru effettivi b’mod prattiku mill-aktar fis possibbli. Din il-proposta hija maħsuba biex tilħaq dan l-għan, billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u billi jsir aġġustament għall-bżonnijiet ġodda tad-data.

    2.2.1.

    Id-DCF irid ikun allinjat mal-bżonnijiet li jinħolqu mir-Regolament il-ġdid tal-PKS: il-bidla gradwali lejn ir-Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY), l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistemi (pereżempju l-ispeċijiet protetti, il-ħabitats f’qiegħ il-baħar), l-impatti ambjentali u oħrajn tal-akkwakultura (murija mill-informazzjoni dwar il-mortalità/telf jew l-użu tal-mediċini) u l-effetti tal-obbligu ta’ żbark.

    2.2.2.

    Ir-reviżjoni tad-DCF għandha wkoll tiżgura li d-data tinġabar skont analiżi tal-kostijiet-benefiċċji jew analiżi tal-kostijiet-użu tal-preċiżjoni miksuba permezz ta’ mudelli xjentifiċi u l-livell ta’ riskju assoċjat (pereżempju minflok ma jitwettaq stħarriġ kull sena, isir kull tliet snin). Tali analiżi għandha tkun ibbażata fuq diskussjoni bejn l-amministraturi tas-sajd, dawk li jiġbru d-data u l-persuni li jipprovdu l-pariri xjentifiċi.

    2.3.

    Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tallinja d-DCF u l-leġiżlazzjoni rilevanti l-oħra tal-UE dwar il-ġbir tad-data dwar is-sajd sabiex titneħħa d-duplikazzjoni u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż tas-sistema kollha tad-data dwar il-baħar. Valutazzjoni separata dedikata ma tqisitx neċessarja minħabba li d-DCF kien soġġett għall-valutazzjoni tal-impatt għall-PKS peress li l-intenzjoni kienet ċara li d-DCF għandu jkun parti minnha.

    3.   Kummenti

    3.1.

    Id-DCF huwa kumpless wisq, kemm fil-qafas legali kif ukoll f’termini ta’ arranġamenti ta’ implimentazzjoni. Sors wieħed ta’ kumplessità u ineffiċjenza huwa d-duplikazzjoni bejn ir-rekwiżiti tad-data koperti mid-DCF u leġiżlazzjoni oħra tal-UE, bħar-regolament dwar il-kontroll (4) u r-regolamenti speċifiċi tal-istatistika (5). Il-fatt li l-istess data mhux ipproċessata trid tintbagħat f’formati aggregati b’mod differenti lill-utenti finali differenti huwa sors ieħor ta’ kumplessità u ineffiċjenza.

    3.2.

    L-istruttura legali tad-DCF hija eċċessivament preskrittiva u dettaljata, u dan wassal għal sistema ineffiċjenti u li ma tirreaġixxix biżżejjed għall-ħtiġiet li dejjem qed jevolvu. Għalhekk jeħtieġ li l-uttenti finali jiġu inkorporati fit-tħejjija tar-rekwiżiti tad-data biex jiġi żgurat li dawn jissodisfaw ħtiġiethom.

    3.3.

    Qasam ieħor ta’ interess huwa l-ħtieġa li jiżdiedu s-sinerġiji mal-għanijiet tal-politiki l-oħra tal-UE. Dan huwa primarjament il-każ għad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD).

    Brussell, is-16 ta’ Settembru 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  ĠU L 176, 15.7.2000, p. 1.

    (2)  ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1.

    (3)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

    (4)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

    (5)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 1.

    ĠU L 403, 30.12.2006, p. 1.

    ĠU L 87, 31.3.2009, p. 1.

    ĠU L 87, 31.3.2009, p. 42.

    ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70.

    ĠU L 97, 9.4.2008, p. 13.


    Top