Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IE0802

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-validazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali – il-kontribut prattiku tas-soċjetà ċivili organizzata” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 13, 15.1.2016, p. 49–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 13/49


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-validazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali – il-kontribut prattiku tas-soċjetà ċivili organizzata”

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2016/C 013/09)

    Relatur:

    is-Sur Pavel TRANTINA

    Korelatur:

    is-Sinjura Marie ZVOLSKÁ

    Nhar it-22 ta’ Jannar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

    “Il-validazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali – il-kontribut prattiku tas-soċjetà ċivili organizzata”

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Ġunju 2015.

    Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-16 ta’ Settembru 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’212-il vot favur, u 8 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jemmen li għandha ssir enfasi fuq l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni u, b’hekk, l-applikazzjoni tar-riżultati miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali, u dan bl-iktar mod komparabbli possibbli u li jkun jinftiehem mill-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari minn min iħaddem u mill-istituzzjonijiet edukattivi.

    1.2.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini, tkun xi tkun l-età tagħhom u l-livell ta’ kwalifiki tagħhom, ikollhom il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-validazzjoni tar-riżultati miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali. Għaldaqstant, jista’ jkun meħtieġ li l-fornituri tal-edukazzjoni mhux formali, l-awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati oħrajn jaħdmu aktar flimkien, b’mod partikolari fuq kwistjonijiet ta’ finanzjament u validazzjoni.

    1.3.

    Il-KESE jitlob li jiġu appoġġjati l-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, sabiex ikunu konxji tal-benefiċċji li ġġib magħha din il-validazzjoni u li jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fl-iżvilupp tal-oqfsa ta’ kwalifiki fil-livell nazzjonali u d-definizzjoni tal-kwalifiki professjonali.

    1.4.

    Huwa essenzjali li ċ-ċittadini jingħataw l-informazzjoni rilevanti dwar il-vantaġġi, il-possibbiltajiet u l-mekkaniżmi ta’ validazzjoni tal-ħiliet. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw l-istituzzjonijiet li jipprovdu tali gwida u konsulenza, u għandhom jinvolvu b’mod partikolari s-servizzi tal-impjieg, iżda wkoll iċ-ċentri ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ, l-istituzzjonijiet edukattivi, min iħaddem, l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins, iċ-ċentri ta’ konsulenza dwar il-karrieri, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet tan-nisa, l-organizzazzjonijiet li jgħinu lill-migranti u lill-persuni b’diżabbiltà u l-awtoritajiet pubbliċi.

    1.5.

    Qafas leġislattiv ta’ kwalità fil-livell nazzjonali huwa prerekwiżit kruċjali sabiex jiggarantixxi l-ekwivalenza taċ-ċertifikati miksuba wara tagħlim formali u mhux formali jew informali. Dan joħloq rekwiżiti ferm eżiġenti fir-rigward tal-kwalità tal-proċeduri ta’ validazzjoni, li għandhom jiġu appoġġjati anke finanzjarjament, pereżempju permezz tal-Fond Soċjali Ewropew.

    1.6.

    Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet edukattivi, b’mod partikolari l-iskejjel sekondarji u l-edukazzjoni għolja vokazzjonali u l-universitajiet, biex jappoġġjaw aktar il-validazzjoni tal-ħiliet u l-għarfien miksub b’mod mhux formali. F’dan ir-rigward, fl-UE hemm għadd ta’ eżempji tal-aħjar prattika li għandhom jinxterdu.

    1.7.

    Għalhekk, il-KESE jemmen li n-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali bejn it-trejdjunjins u min iħaddem jistgħu jokkupaw post importanti fil-proċess ta’ validazzjoni tal-edukazzjoni mhux formali u t-tagħlim tul il-ħajja. Permezz tagħhom, jeħtieġ li ssir ħidma favur il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali, bħala kontribut importanti għad-dibattitu dwar l-impjegabbiltà u l-istrumenti li jħeġġuha.

    1.8.

    F’kuntest ta’ livell għoli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, huwa utli li jiġu promossi l-possibbiltajiet ta’ interazzjoni reċiproka bejn l-aġenziji pubbliċi u privati tal-impjieg, l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat (speċjalment dawk taż-żgħażagħ) u min iħaddem. Din l-azzjoni tista’ sservi biex tissaħħaħ il-viżibbiltà u ssir sensibilizzazzjoni ikbar dwar l-importanza u l-valur tal-edukazzjoni mhux formali u t-tagħlim informali fi ħdan l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat u x’aktarx ukoll isservi biex tiżdied il-fiduċja reċiproka.

    1.9.

    Għandu jiġi appoġġjat l-iżvilupp u l-użu tal-istrumenti tal-awtovalutazzjoni, li jgħinu lill-persuna tidentifika u tiddeskrivi r-riżultati ta’ dak li tkun tgħallmet mill-esperjenzi miksuba fi ħdan l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Fil-passat, il-KESE diġà esprima li huwa favur il-ħolqien tal-Passaport Ewropew tal-Ħiliet u l-istrument “Europass Experience”. Għalhekk, huwa esprima d-diżappunt tiegħu li l-Kummissjoni Ewropea ssospendiet il-ħidma preparatorja marbuta mal-“Europass Experience”, u jħeġġiġha biex tħabrek ħalli tiffinalizza dan l-istrument b’suċċess.

    2.   Daħla: it-tagħlim mhux formali u informali

    2.1.

    Minkejja s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali sfavorevoli f’ħafna Stati Membri tal-UE, fejn anke l-edukazzjoni formali ma tiggarantix id-dħul fis-suq tax-xogħol, il-KESE jemmen li l-Unjoni Ewropea ma tistax tippermetti li ma jiġux validati r-riżorsi prezzjużi li jħaddnu l-esperjenza u l-ħiliet miksuba b’mod mhux formali jew informali.

    2.2.

    Din il-validazzjoni tista’ toffri opportunità partikolari għal ċerti gruppi żvantaġġati (in-nisa, il-migranti, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema mdaħħla fl-età). Madankollu, dan ma m’għandux jagħti lok għal aspettattivi foloz dwar il-possibbiltajiet li jidħlu malajr fis-suq tax-xogħol. Għal dan il-għan, jeħtieġ li l-politika ekonomika u soċjali tkun aktar iffukata fuq l-investiment, il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, il-ġlieda kontra l-faqar u r-riskju tal-esklużjoni soċjali. Dawn il-politiki għandhom ukoll iħeġġu u jappoġġjaw it-tisħiħ tas-sistemi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid.

    2.3.

    Il-KESE qed jibni fuq id-dokument importanti tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (1). Din ir-rakkomandazzjoni tenfasizza li “[i]l-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim, jiġifieri l-konoxxenza, il-ħiliet u l-kompetenzi, li jinkisbu permezz tat-tagħlim mhux formali u informali jistgħu jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-impjegabbiltà u l-mobbiltà, kif ukoll tiżdied il-motivazzjoni għal tagħlim tul il-ħajja, partikolarment fil-każ ta’ persuni żvantaġġati soċjoekonomikament jew dawk bi kwalifiki baxxi. il-validazzjoni tal-konoxxenza, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti kollha għandha kontribut iktar ta’ valur x’taqdi fit-titjib tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol, fil-promozzjoni tal-mobbiltà u t-tisħiħ tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku.”

    2.4.

    Skont il-Kunsill, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, min iħaddem fuq bażi individwali, it-trejdjunjins, il-kmamar tal-industrija, tal-kummerċ u tal-artiġjanat, l-entitajiet nazzjonali involuti fil-proċess ta’ validazzjoni tal-kwalifiki professjonali u fil-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tar-riżultati miksuba permezz tat-tagħlim, l-aġenziji tal-impjieg, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-fornituri tas-servizzi tat-tagħlim u t-taħriġ, kif ukoll organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, huma lkoll partijiet interessati prinċipali bi rwol importanti x’jaqdu fl-iffaċilitar tal-opportunitajiet tat-tagħlim mhux formali u informali u fil-proċeduri marbutin mal-validazzjoni tar-riżultati miksuba.

    2.5.

    B’konformità mar-rakkomandazzjoni pubblikata mill-Kunsill fl-2012, l-Istati Membri għandhom ikollhom fis-seħħ, mhux iktar tard mill-2018, b’konformità maċ-ċirkostanzi u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, u kif iqisu fil-kundizzjonijiet li jqisu xieraq, arranġamenti għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali li jippermettu lill-individwi li:

    “jkollhom konoxxenza, ħiliet u kompetenzi li nkisbu permezz tat-tagħlim mhux formali u informali validati, inkluż – fejn applikabbli – permezz ta’ riżorsi edukattivi miftuħin;

    jiksbu kwalifika sħiħa jew, fejn applikabbli, kwalifika parzjali, abbażi ta’ esperjenzi tat-tagħlim mhux formali u informali validati (…).”

    2.6.

    Skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, jeħtieġ li l-elementi li ġejjin jiġu inklużi f’arranġamenti għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, filwaqt li jippermettu li kull individwu jibbenefika minn kwalunkwe wieħed minnhom, kemm separatament jew b’mod kollettiv, skont il-ħtiġijiet tal-individwu partikolari:

    “IDENTIFIKAZZJONI tal-eżiti tat-tagħlim ta’ individwu miksubin minn tagħlim mhux formali u informali;

    DOKUMENTAZZJONI tal-eżiti tat-tagħlim ta’ individwu miksubin minn tagħlim mhux formali u informali;

    VALUTAZZJONI tal-eżiti tat-tagħlim ta’ individwu miksubin minn tagħlim mhux formali u informali;

    ĊERTIFIKAZZJONI tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim tal-individwu miksubin permezz tat-tagħlim mhux formali u informali f’forma ta’ kwalifika, jew krediti li jwasslu għal kwalifika, jew f’xi forma oħra meqjusa xierqa.”

    Il-linji gwida Ewropej għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali tal-2009 (2) (u l-verżjoni aġġornata tal-2015) huma mmirati lejn l-individwi u l-atturi inkarigati mit-tnedija, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-proċess ta’ validazzjoni. Atturi differenti huma involuti f’livelli differenti (il-livell Ewropew, nazzjonali, settorjali u lokali) u f’diversi kuntesti (dan jista’ jkun is-settur pubbliku, privat u tal-volontarjat, is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ jew is-servizzi tas-suq tax-xogħol). L-għan ta’ dawn il-linji gwida huwa li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet li fihom isiru l-verifiki u u biex tinġibed l-attenzjoni għall-opportunitajiet disponibbli għall-partijiet interessati f’kull stadju tal-proċess.

    2.7.

    Il-KESE diġà enfasizza kemm-il darba l-aspett pożittiv tal-kontribut tal-edukazzjoni mhux formali u l-importanza li din tiġi rikonoxxuta. Madankollu, din l-Opinjoni tesprimi din il-fehma għall-ewwel darba b’mod komprensiv. L-għan tagħha hu li tiġbor il-fehmiet tar-rappreżentanti ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, f’dak li għandu x’jaqsam mal-proċeduri konkreti għall-validazzjoni, u tippreżenta proposti għal soluzzjonijiet prattiċi mill-perspettiva tagħhom stess.

    3.   Ħiliet u għarfien miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali

    3.1.

    It-tnaqqis tal-produzzjoni bbażata fuq l-ispeċjalizzazzjoni u s-snajja’, l-iżviluppi teknoloġiċi u, min-naħa l-oħra, l-espansjoni tas-settur tas-servizzi, wasslu biex l-impjegaturi tas-seklu 21 issa jqiegħdu enfasi ikbar fuq il-personalità u l-ħiliet “trasversali” jew “trasferibbli”. It-tagħlim tul il-ħajja u l-validazzjoni tal-ħiliet u l-għarfien miksuba barra l-edukazzjoni skolastika saru iktar importanti.

    3.2.

    Fl-2012, fuq talba tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, l-Università ta’ Bath u GHK Consulting żviluppaw studju dwar l-impatt li jista’ jkollu t-tagħlim mhux formali fuq l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u fuq l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ (3). L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ huma fornituri prinċipali tal-attivitajiet tal-edukazzjoni mhux formali. Din ix-xorta ta’ edukazzjoni fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ mhijiex intiża prinċipalment biex tiżdied l-impjegabbiltà; madankollu, il-ħiliet li jiksbu f’dan il-kuntest jistgħu jikkontribwixxu għaliha, li kienet eżattament it-tema ta’ din l-analiżi.

    3.3.

    L-istudju jasal għall-konklużjoni ġenerali li l-ħiliet meħtieġa minn min iħaddem jikkorrispondu b’mod ċar għal dawk li jistgħu jiġu żviluppati mis-settur tat-tagħlim mhux formali. Fost is-sitt ħiliet karatterjali (soft skills) li huma l-aktar mitluba minn min iħaddem, hemm ħamsa li jiġu żviluppati l-iżjed mill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ (bl-eċċezzjoni tal-ħiliet matematiċi). Dawn il-ħiliet karatterjali li huma l-iktar meħtieġa mill-impjegaturi, huma: il-ħiliet tal-komunikazzjoni, il-kapaċitajiet ta’ organizzazzjoni jew ta’ ppjanar, il-kapaċità tat-teħid tad-deċiżjonijiet, id-dispożizzjoni li wieħed jaħdem f’tim, l-affidabbiltà jew l-awtonomija u l-ħiliet matematiċi. Dawn il-ħiliet mhux tekniċi huma meqjusa bħala kruċjali biex wieħed ikun kapaċi jaħdem b’suċċess. Bis-saħħa t’hekk jiġu żviluppati wkoll xi karatteristiċi tal-personalità, fosthom il-motivazzjoni personali, is-sens ta’ inizjattiva u l-kreattività, li huma kwalitajiet personali marbuta mal-affidabbiltà/l-awtonomija, u l-intraprenditorija.

    3.4.

    Kulħadd jitgħallem b’mod mhux formali u informali fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja. Pereżempju, bosta nisa (u rġiel) jiżviluppaw ħiliet tal-ġestjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-familja, li jistgħu jiġu implimentati fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari fil-qasam tas-servizzi soċjali. Jekk ikollhom jibdlu l-impjieg minħabba tkeċċija jew għal raġunijiet familjari, huma jistgħu jużaw dawn il-ħiliet ukoll waqt it-tranżizzjoni lejn impjieg ġdid jew, fil-każ tan-nisa migranti, sabiex jiksbu l-ewwel impjieg. Il-KESE diġà appella lill-Istati Membri (4) biex “jaċċelleraw il-proċess tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u tal-esperjenza miksuba barra l-pajjiż sabiex in-nisa jkunu jistgħu jsibu impjieg li jikkorrispondi mal-ħiliet u l-aspirazzjonijiet tagħhom” u “jikkunsidraw li x-xogħol f’xi setturi (it-tindif, il-kura tat-tfal u l-anzjani, il-lukandi u ristoranti, l-agrikoltura, eċċ.) jista’ joffri opportunitajiet lin-nisa immigranti inqas kwalifikati, sakemm jittieħdu passi sabiex ix-xogħol mhux iddikjarat jiġi legalizzat, isir professjonali u jiġi vvalutat, biex in-nisa jingħataw taħriġ f’dawn l-impjiegi u jkunu jistgħu jipprogressaw fil-karriera tagħhom”. Huwa kien appella wkoll lill-imsieħba soċjali biex “jiffaċilitaw, fil-ftehimiet kollettivi, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tan-nisa migranti”.

    3.5.

    Sabiex il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali jkollha suċċess, huwa importanti li ssir enfasi akbar fuq ir-riżultat miksub permezz ta’ dan it-tagħlim. Barra minn hekk dan ilu jiġi appoġġjat b’mod espliċitu u sistematiku sa mill-2004 fil-qafas tal-programm tal-politika tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u l-impjieg. Studju ġdid mis-Cedefop (abbażi tar-riċerka mwettqa mill-2013 sal-2015) juri li din l-enfasi iktar qawwija fuq ir-riżultati tat-tagħlim qed tiżdied bla waqfien fl-Ewropa – fil-fażi tal-iżvilupp tal-oqfsa tal-kwalifiki fil-livell nazzjonali, fid-definizzjoni u fid-deskrizzjoni tal-kwalifiki professjonali, fl-użu ta’ dawn ir-riżultati tat-tagħlim fil-kurrikuli u fil-proċeduri ta’ evalwazzjoni bħala punti ta’ referenza għall-finijiet tal-validazzjoni. Dan għandu jippermetti iktar trasparenza, rilevanza u kwalità tal-edukazzjoni u ftuħ għat-tagħlim mhux formali u informali. Mil-lat prattiku, dan jippermetti li t-tfal tal-iskola jew l-istudenti jistabbilixxu objettivi ċari, waqt li jkollu effett ta’ inċentiv u jippermetti li l-perkors edukattiv ikun flessibbli u li l-għażla tal-orjentazzjoni tal-istudji ssir abbażi tal-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba. Fl-istess ħin, sabiex jinkisbu riżultati ta’ kwalità tajba, hemm bżonn li jittejbu wkoll il-metodi u l-proċessi nnifishom tal-edukazzjoni pprovduta lill-istudenti u t-tagħlim min-naħa tagħhom.

    3.6.

    Għandha ssir enfasi fuq il-valutazzjoni u d-dokumentazzjonil tar-riżultati miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali, u dan b’mod li jkun jinftiehem mill-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari minn min iħaddem u mill-istituzzjonijiet edukattivi. Dawn ir-riżultati jistgħu jiġu vvalidati wara, sakemm il-persuna kkonċernata tkun interessata u sakemm jinħolqu l-kundizzjonijiet adegwati, bħall-kwalifiki professjonali normali, ekwivalenti għall-programmi ta’ taħriġ formali.

    4.   Perspettiva prattika tal-validazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki

    4.1.    Qafas, konsulenza u informazzjoni

    4.1.1.

    Fil-qafas tal-proċeduri ta’ validazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-individwi u l-organizzazzjonijiet ikollhom l-informazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ validazzjoni u l-vantaġġi relatati, kif ukoll il-proċeduri marbuta magħhom; barra minn hekk, il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali għandha titħeġġeġ mil-linji gwida u l-konsulenza rilevanti, filwaqt li jiġi żgurat li jkunu aċċessibbli faċilment.

    4.1.2.

    Is-sistemi ta’ validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali għandhom jirrispettaw il-prinċipji rilevanti u jqisu l-ħtiġiet u l-kuntesti nazzjonali, reġjonali u lokali, iżda anke dawk settorjali.

    4.1.3.

    Jeħtieġ li jiġi żgurat li ċ-ċittadini, hi x’inhi l-età tagħhom u l-livell tal-kwalifiki tagħhom, ikollhom l-opportunità li jagħmlu dan. Għaldaqstant, jista’ jkun meħtieġ li s-settur mingħajr skop ta’ qligħ, l-awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati oħrajn jaħdmu aktar flimkien, b’mod partikolari rigward kwistjonijiet ta’ finanzjament u validazzjoni.

    4.1.4.

    Iċ-ċittadini għandhom ikunu infurmati dwar il-benefiċċji addizzjonali li ġġib magħha il-parteċipazzjoni sostenibbli fl-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-volontarjat. Anke perjodu qasir ta’ parteċipazzjoni jista’ jkollu impatt sostanzjali fuq l-iżvilupp tal-ħiliet u jwassal għal impjegabbiltà akbar.

    4.1.5.

    Huwa essenzjali li ċ-ċittadini jiġu indirizzati b’mod koordinat u li dawn jingħataw informazzjoni rilevanti dwar il-vantaġġi, l-opportunitajiet u l-mekkaniżmi biex jiġu verifikati l-ħiliet. Nirrakkomandaw li l-Istati Membri jiżviluppaw l-istituzzjonijiet li jipprovdu tali tagħlim u konsulenza u li, għal dan il-għan, jinvolvu b’mod partikolari s-servizzi tal-impjieg, iżda anke ċ-ċentri ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ, l-istituzzjonijiet edukattivi, min iħaddem, l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins, iċ-ċentri ta’ konsulenza dwar il-karrieri, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat u l-awtoritajiet pubbliċi.

    4.1.6.

    L-attivitajiet ta’ konsulenza fil-qafas tal-proċess ta’ validazzjoni jaqdu rwol essenzjali u utli, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ fil-livelli kollha, mill-identifikazzjoni saċ-ċertifikazzjoni. Huma għandhom:

    jgħinu lin-nies biex jidentifikaw ħtiġiethom u jiddeterminaw il-motivazzjoni tagħhom biex jipparteċipaw f’dan il-proċess;

    joħolqu ambjent sigur u li jwassal għat-trawwim ta’ relazzjoni ta’ fiduċja mal-konsulent, jiġifieri mhux wisq formali, ħalli jħossuhom komdi;

    jintegraw b’mod adegwat l-informazzjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni bħala metodu rikonoxxut iċċentrat fuq il-parteċipazzjoni f’korsijiet ta’ taħriġ bl-użu ta’ strutturi ta’ informazzjoni u konsulenza, jiġifieri juru li ċ-ċertifikazzjoni tikkostitwixxi triq waħda possibbli, filwaqt li fl-istess ħin jiġi evitat li jinħolqu aspettattivi mhux realistiċi.

    4.2.    Koordinazzjoni tal-partijiet konċernati

    4.2.1.

    Skont il-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jippromovu l-koordinazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-elementi u l-prinċipji ta’ validazzjoni. “Biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni f’dan il-proċess:

    dawk li jħaddmu, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jippromwovu u jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim miksuba waqt ix-xogħol jew waqt attivitajiet volontarji, bl-użu tal-għodod rilevanti tal-Unjoni ta’ trasparenza bħal dawk żviluppati skont il-qafas tal-Europass u l-Youthpass;

    jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ formali abbażi tal-eżiti tat-tagħlim f’kuntesti mhux formali u informali u, jekk ikun xieraq u possibbli, l-għoti ta’ eżenzjonijiet u/jew krediti għal eżiti rilevanti tat-tagħlim miksubin f’tali kuntesti;”

    4.2.2.

    Il-KESE b’hekk iqis li għandhom jiġu appoġġjati l-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, sabiex ikunu konxji tal-benefiċċji li ġġib magħha din il-validazzjoni u li jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fl-iżvilupp tal-oqfsa ta’ kwalifiki fil-livell nazzjonali u d-definizzjoni tal-kwalifiki professjonali. Jista’ jkun diffiċli li ssir ħidma favur bidla “ġenwina” fil-kuntest tad-definizzjoni tal-partijiet interessati, speċjalment fl-Istati Membri li ma jqisux din il-kwistjoni bħala prijorità, jew fejn l-approċċ tas-soċjetà lejn il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali ma jkollux appoġġ nazzjonali ġenwin. Ikun utli li tiġi pprovduta pjattaforma u/jew appoġġ, eċċ. għal dawk li diġà għamlu progress f’dan il-qasam (pereżempju, bis-saħħa ta’ proġetti pilota) fl-isforzi tagħhom fil-livell nazzjonali.

    4.3.    Il-validazzjoni, l-oqfsa nazzjonali u s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni

    4.3.1.

    L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-individwi biex jiksbu kwalifika sħiħa, jew, fejn applikabbli, parzjali, abbażi ta’ esperjenzi ta’ tagħlim mhux formali u informali validati. Huma għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ta’ validazzjoni jkunu marbuta mal-oqfsa ta’ kwalifiki fil-livell nazzjonali u konformi mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u li jkunu garantiti s-sinerġiji bejn l-arranġamenti ta’ validazzjoni u s-sistemi ta’ krediti applikabbli għas-sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ formali, bħall-ECTS u l-ECVET.

    4.3.2.

    B’mod partikolari, l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili organizzata għandhom jiġu involuti kemm jista’ jkun fl-iżvilupp tal-klassifiki nazzjonali tal-kwalifiki (u jħeġġuhom kif dovut). L-esperjenza ta’ xi Stati Membri turi li biex jiġu implimentati proċeduri ta’ validazzjoni fil-livell settorjali, jeħtieġ li jinħolqu kumitati u unitajiet għall-ħiliet settorjali u li l-persuni kkonċernati jintgħażlu sew. Għalhekk, fl-oqsma identifikati huwa possibbli li jiġu żviluppati b’mod adegwat standards nazzjonali għad-diversi professjonijiet u kwalifiki professjonali.

    4.4.    Niżguraw il-kwalità tal-validazzjoni

    4.4.1.

    L-Istati Membri jridu jiżguraw li “[j]kun hemm fis-seħħ miżuri trasparenti ta’ kwalità konformi ma’ oqfsa eżistenti li jiżguraw il-kwalità u li jappoġġjaw metodoloġiji u għodod ta’ valutazzjoni li jkunu affidabbli, validi u kredibbli.” Qabel kollox din hija kwistjoni ta’ leġislazzjoni adegwata, jiġifieri qafas regolatorju għall-validazzjoni u l-garanziji li jikkonċernaw l-għoti ta’ ċertifikati skont l-oqfsa ta’ kwalifiki fil-livell nazzjonali li jinbtu mill-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki.

    4.4.2.

    Għall-KESE dan jimplika li għandha tiġi żgurata l-ekwivalenza taċ-ċertifikati miksuba wara l-edukazzjoni formali u mhux formali jew tagħlim informali. Dan joħloq rekwiżiti ferm eżiġenti fir-rigward tal-kwalità tal-proċeduri ta’ validazzjoni, li għandhom jiġu appoġġjati anke finanzjarjament, pereżempju permezz tal-Fond Soċjali Ewropew.

    4.5.    Il-validazzjoni mill-istituzzjonijiet edukattivi

    4.5.1.

    L-istituzzjonijiet edukattivi jaqdu rwol essenzjali fil-proċess ta’ validazzjoni. Il-Kunsill jirrakkomanda li “fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ formali abbażi tal-eżiti tat-tagħlim f’kuntesti mhux formali u informali u, jekk ikun xieraq u possibbli, l-għoti ta’ eżenzjonijiet u/jew krediti għal eżiti rilevanti tat-tagħlim miksubin f’tali kuntesti.”

    4.5.2.

    Il-KESE jistieden lill-universitajiet biex jappoġġjaw aktar il-validazzjoni tal-ħiliet u l-għarfien miksub b’mod mhux formali. F’dan ir-rigward, l-Irlanda tista’ sservi bħala eżempju tajjeb. L-istrateġija nazzjonali tagħha għall-edukazzjoni għolja sal-2030 tappoġġja l-missjoni ċivika tal-edukazzjoni għolja u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà inġenerali bħala wieħed mit-tliet rwoli prinċipali interkonnessi tal-edukazzjoni għolja. Hija tiddefinixxih bħala l-kooperazzjoni man-negozji, mas-soċjetà ċivili, il-politiki pubbliċi, il-ħajja artistika, kulturali u sportiva, u ma’ fornituri oħra tat-tagħlim fi ħdan il-komunità u r-reġjun, u tipprevedi li tiffoka dejjem aktar fuq l-involviment internazzjonali (5).

    4.5.3.

    Naturalment, l-universitajiet mhumiex l-uniċi istituzzjonijiet kapaċi jivvalidaw ir-riżultati tat-tagħlim mhux formali u informali. B’hekk, pereżempju, f’Malta, iċ-ċertifikat u l-profil tal-edukazzjoni sekondarja, ippreżentat f’Settembru 2010, jivvalida l-għamliet kollha ta’ tagħlim tul il-ħames snin ta’ edukazzjoni sekondarja. Permezz tal-edukazzjoni, kemm dik formali jew le, jistgħu jinkisbu l-krediti li jħeġġu lill-istudenti biex ikomplu u jwessgħu iktar l-edukazzjoni tagħhom.

    4.6.    Validazzjoni b’rabta mas-suq tax-xogħol

    4.6.1.

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tenfasizza l-importanza tal-validazzjoni fuq il-post tax-xogħol, u għaldaqstant tgħid li “l-Istati Membri jħeġġu l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti kollha, bħal dawk li jħaddmu, it-trade unions, il-kmamar tal-industrija, il-kummerċ u s-snajja’ ta’ ħila, l-entitajiet nazzjonali involuti fil-proċess tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Barra minn hekk, l-impjegaturi huma mistiedna wkoll “jippromwovu u jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim miksuba.”

    4.6.2.

    Il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali tista’ tagħmel parti minn ftehimiet kollettivi (bħal fil-każ tan-Netherlands), li hija eżempju eċċellenti tal-possibbiltajiet offruti lill-ħaddiema biex ikollhom aċċess għal din il-validazzjoni u tikkontribwixxi għal ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani fl-intrapriżi. L-impjegaturi għandhom ikunu involuti b’mod attiv fl-evalwazzjoni tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi, kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fl-iżvilupp tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li jżid il-valur ta’ din il-validazzjoni u jgħin biex tinħoloq fiduċja ikbar fih.

    4.6.3.

    In-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali bejn it-trejdjunjins u min iħaddem jista’ jkollhom rwol importanti fil-proċess ta’ validazzjoni tal-edukazzjoni mhux formali u t-tagħlim tul il-ħajja. Il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tal-Metall tipprovdi eżempju konkret madwar l-Ewropa kollha, peress li twettaq il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali, li hija kontribut importanti għad-dibattitu dwar l-impjegabbiltà u l-istrumenti li jħeġġu dan.

    4.6.4.

    F’xi Stati Membri, l-attivisti tat-trejdjunjins qed ikollhom jaqdu dejjem iktar rwol ġdid meta jipprovdu servizzi ta’ konsulenza matul is-sigħat tax-xogħol tagħhom u meta jinnegozjaw ma’ min iħaddem dwar l-aċċess liberu għall-opportunitajiet ta’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Fl-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja, l-Iżvezja u r-Renju Unit, ir-rappreżentanti tat-trejdjunjins jaġixxu bħala “ambaxxaturi tat-tagħlim”, li jħeġġu lill-ħaddiema li jkomplu jitgħallmu u li jkomplu jindirizzaw xi nuqqasijiet f’ħiliethom, filwaqt li jagħtu parir lill-kumpaniji dwar il-ħtiġiet tat-taħriġ tagħhom (6).

    4.6.5.

    Minħabba li l-impjegaturi li jimpjegaw ħaddiema ġodda żgħażagħ bi ftit jew l-ebda esperjenza professjonali japprezzaw ħafna li dawn ikunu ħadu sehem f’attivitajiet organizzati minn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, din il-parteċipazzjoni għandha titħeġġeġ bħala waħda mill-miżuri biex tgħin liż-żgħażagħ jagħmlu t-tranżizzjoni mill-iskola għad-dinja tax-xogħol (7).

    4.6.6.

    Barra minn hekk, il-persuni interessati kollha għandhom jingħataw validazzjoni tal-aħjar servizz ta’ gwida u appoġġ, b’tali mod li meta japplikaw għax-xogħol, ikunu jafu kif jistgħu jippreżentaw b’mod effettiv il-kompetenzi u l-ħiliet li jkunu kisbu b’mod mhux formali u informali, u jifhmu aħjar kif dawn il-ħiliet ikunu jistgħu jintużaw fil-ħidma tagħhom u jgħinu biex iwettqu l-kompiti speċifiċi relatati magħha. Huwa proċess li għalih jistgħu jikkontribwixxu l-fornituri tas-servizzi ta’ gwida professjonali, il-konsulenti fl-iskejjel u l-universitajiet, is-settur taż-żgħażagħ u s-servizzi tal-impjieg, kif ukoll min iħaddem u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. F’dan ir-rigward, iż-żgħażagħ jistgħu jiġu megħjuna wkoll billi jingħataw informazzjoni dwar “suġġerimenti utli”.

    4.7.    Il-validazzjoni fis-settur tal-volontarjat

    4.7.1.

    Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu l-Kunsill jenfasizza li dawk li jħaddmu għandhom jinvolvu b’mod attiv lis-settur tal-volontarjat fil-proċessi ta’ validazzjoni; l-“organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jippromwovu u jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim miksuba waqt ix-xogħol jew waqt attivitajiet volontarji, bl-użu tal-għodod rilevanti tal-Unjoni ta’ trasparenza bħal dawk żviluppati skont il-qafas tal-Europass u l-Youthpass.”

    4.7.2.

    Iċ-ċittadini għandhom ikunu aktar konxji tal-valur li l-impjegaturi jagħtu lill-kompetenzi u l-ħiliet miksuba b’mod mhux formali jew informali, pereżempju permezz ta’ attivitajiet tal-volontarjat. Dan jgħodd speċjalment għall-persuni b’livell baxx ta’ edukazzjoni, u li spiss ikunu inqas konxji tal-valur ta’ tali attivitajiet fil-konfront ta’ min iħaddem, u li jkunu wkoll inqas imħarrġa dwar kif għandhom jippreżentaw dawn il-ħiliet.

    4.7.3.

    F’kuntest ta’ livell għoli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, huwa utli li jiġu promossi l-possibbiltajiet ta’ interazzjoni reċiproka bejn l-aġenziji pubbliċi u privati tal-impjieg, l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat (speċjalment dawk li jindirizzaw liż-żgħażagħ) u min iħaddem. Din l-azzjoni tista’ sservi biex tissaħħaħ il-viżibbiltà u ssir sensibilizzazzjoni ikbar dwar l-importanza u l-valur tal-edukazzjoni mhux formali fi ħdan l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat u x’aktarx ukoll isservi biex tiżdied il-fiduċja reċiproka.

    4.7.4.

    Għandu jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ programmi ta’ valutazzjoni u taħriġ fi ħdan l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat, għax dan huwa marbut ma’ livell iddikjarat ogħla ta’ żvilupp tal-ħiliet. F’dan il-kuntest, għandha titfakkar ukoll id-diversità kbira tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-volontarjat u, b’hekk, tal-kriterji li l-organizzazzjonijiet jużaw biex jivvalutaw il-ħiliet żviluppati permezz tal-attivitajiet tagħhom. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li titħeġġeġ konverġenza akbar fil-qasam tal-volontarjat fir-rigward tat-terminoloġija u l-metodi ta’ valutazzjoni. L-approssimazzjoni ta’ dawn il-kriterji tista’ tikkontribwixxi, pereżempju, biex iktar voluntiera jsiru konxji tal-ħiliet li jkunu żviluppaw billi jieħdu sehem f’servizz volontarju għall-benefiċċju tas-soċjetà.

    4.8.    Għodod ta’ validazzjoni

    4.8.1.

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tiffoka fuq l-importanza li għandhom l-istrumenti Ewropej komuni tar-rikonoxximent, jiġifieri l-Europass u l-Youthpass, biex tiġi żgurata t-trasparenza. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-eżistenza ta’ “sinerġiji bejn l-arranġamenti ta’ validazzjoni u s-sistemi ta’ krediti applikabbli fis-sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ formali, bħall-ECTS u l-ECVET.”

    4.8.2.

    L-għarfien u l-ħiliet miksuba permezz tal-parteċipazzjoni fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ukoll valur fis-suq tax-xogħol, iżda spiss ma jkunux dokumentati u lanqas identifikati b’mod suffiċjenti. Għalhekk għandhom jiġu appoġġjati l-iżvilupp u l-użu tal-istrumenti ta’ awtovalutazzjoni, li jgħinu lill-persuna tidentifika u tiddeskrivi r-riżultati ta’ dak li tkun tgħallmet mill-esperjenzi miksuba fi ħdan l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Pereżempju, il-ħolqien ta’ portafoll personali ta’ ħiliet jista’ joffri valur miżjud għall-persuni meta dawn isegwu t-taħriġ tagħhom u jixtiequ jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom fil-ħajja tax-xogħol.

    4.8.3.

    Iċ-ċertifikati u l-portafolli huma element importanti tal-validazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki miksuba b’mod mhux formali. Il-fornituri tal-edukazzjoni mhux formali għandhom iħabirku biex jipprovdu ċertifikati jew dokumenti li jiddeskrivu fid-dettall in-natura u r-riżultati tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet edukattivi tagħhom, u biex ifiehmu liċ-ċittadini għaliex din il-parteċipazzjoni hija ta’ valur. Huwa fuq kollox il-valur li dawn id-dokumenti jirrappreżentaw mill-perspettiva ta’ taħriġ (li n-nies jiġu infurmati aħjar dwar il-ħiliet u l-kapaċitajiet li jkunu kisbu fi ħdan l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u dwar kif dawn il-ħiliet jistgħu jiġu sfruttati waqt li jkunu qed ifittxu impjieg jew taħriġ addizzjonali), iktar milli prova ta’ suċċess.

    4.8.4.

    Fil-passat, il-KESE diġà esprima li huwa favur il-ħolqien tal-Passaport Ewropew tal-Ħiliet u l-istrument “Europass Experience”. Għalhekk huwa diżappuntat li l-Kummissjoni Ewropea ssospendiet l-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument.

    Brussell, is-16 ta’ Settembru 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2012:398:0001:0005:MT:PDF

    (2)  http://www.cedefop.europa.eu/en/publications-and-resources/publications/4054

    (3)  http://issuu.com/yomag/docs/reportnfe_print

    (4)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-inklużjoni tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol”, (ĠU C 242, 23.7.2015, p. 9).

    (5)  National Review of Higher Education 2030. www.hei.ie

    (6)  Ara: Learning while working. Success stories on workplace learning in Europe, Cedefop, 2012, p. 72.

    (7)  http://issuu.com/yomag/docs/reportnfe_print


    Top