Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IE2060

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija għall-ġid komuni: mudell ekonomiku sostenibbli mmirat lejn il-koeżjoni soċjali” (opinjoni fuq inzjattiva proprja)

    ĠU C 13, 15.1.2016, p. 26–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 13/26


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija għall-ġid komuni: mudell ekonomiku sostenibbli mmirat lejn il-koeżjoni soċjali”

    (opinjoni fuq inzjattiva proprja)

    (2016/C 013/06)

    Relatur:

    is-Sur Carlos TRÍAS PINTÓ

    Korelatur:

    is-Sur Stefano PALMIERI

    Nhar id-19 ta’ Frar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    “L-ekonomija għall-ġid komuni: mudell ekonomiku sostenibbli mmirat lejn il-koeżjoni soċjali

    (opinjoni fuq inzjattiva proprja).”

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Lulju 2015.

    Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-17 ta’ Settembru 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’144 vot favur, 13-il vot kontra u 11-il astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jaħseb li l-mudell tal-Ekonomija għall-Ġid Komuni (EĠK) (1) huwa maħsub li jiġi inkluż kemm fil-qafas legali Ewropew kif ukoll dak nazzjonali sabiex isiru passi lejn Suq Uniku Ewropew permezz ta’ ekonomija iżjed etika bbażata fuq il-valuri Ewropej u l-kisbiet ta’ politika ta’ responsabbiltà soċjali, barra milli jiġu stabbiliti sinerġiji li jsaħħuhom.

    1.2.

    L-Ekonomija għall-Ġid Komuni hija approċċ olistiku li l-kunċetti tagħha huma qrib tal-valuri fundamentali tal-Ekonomija Soċjali, l-Ekonomija Ċirkolari, l-Ekonomija Kollaborattiva, l-Ekonomija ta’ Funzjonalità, l-Ekonomija bbażata fuq ir-Riżorsi u l-Ekonomija Blu.

    1.3.

    L-Ekonomija għall-Ġid Komuni hija appoġġjata minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, in-negozji u l-akkademja u hija meqjusa bħala mudell possibbli li jsaħħaħ il-valuri Ewropej, il-koeżjoni soċjali u jippromovi sistema ekonomika responsabbli. Fil-fatt, l-EĠK hija appoġġata minn aktar minn mitt grupp lokali, kważi 2 000 kumpanija (2) u organizzazzjoni soċjali.

    1.4.

    Allinjata mal-qafas tal-Ewropa 2020, hija tipproponi li ssir tranżizzjoni lejn “Suq Ewropew Etiku” li jrawwem l-innovazzjoni soċjali, jagħti spinta lir-rata ta’ impjiegi u jibbenefika l-ambjent. Is-“Suq Ewropew Etiku” jista’ jinbena permezz tal-implimentazzjoni ta’ diversi strateġiji:

    1.4.1.

    L-indikaturi għall-kejl tal-benesseri u l-iżvilupp soċjali lil hinn mill-PDG (3), bħall-Prodott ta’ Ġid Komuni u l-Karta tal-Bilanċ tal-Ġid Komuni.

    1.4.2.

    It-tfassil ta’ politika bil-għan li jirrikonoxxu kumpaniji b’kontribuzzjonijiet ogħla għall-ġid komuni, bħalma huma l-akkwist pubbliku etiku u l-promozzjoni ta’ kummerċ intern etiku.

    1.4.3.

    Il-promozzjoni tal-kummerċ estern etiku taħt “Ditta Ewropa”. B’dan il-mod, l-Ewropa se twitti t-triq biex tiġi rikonoxxuta bħala suq etiku u l-kumpaniji Ewropej ser imexxu s-suq globali etiku u se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ambjent madwar id-dinja.

    1.4.4.

    It-tħeġġiġ ta’ kull tip ta’ imprenditur li jibda organizzazzjoni mmirat li tikkontribwixxi għall-ġid komuni.

    1.4.5.

    It-trawwim ta’ konsum etiku u s-sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi Ewropej.

    1.4.6.

    Tiżdied id-diversità tal-ekosistema finanzjarja billi jiġu promossi netwerks ta’ banek u boroż etiċi madwar l-UE.

    1.5.

    Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas ta’ strateġija mġedda dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, li tagħmel qabża ta’ kwalità sabiex jiġu ppremjati (f’termini ta’ akkwist pubbliku, l-aċċess għas-swieq esterni, benefiċċji fiskali, eċċ.) dawk l-intrapriżi li jistgħu juru prestazzjoni etika għolja.

    2.   Daħla

    2.1.

    L-ekonomija u, konsegwentement, il-politika ekonomika, għandhom rwol kruċjali fis-soċjetà tal-lum, li fuqha jiddependi s-suċċess jew il-falliment ta’ politiki bażiċi oħra għall-benesseri taċ-ċittadini – l-edukazzjoni, is-saħħa, is-servizzi soċjali, il-kultura, l-ambjent, it-teknoloġija u l-innovazzjoni. Dawn kollha jiddependu fil-biċċa l-kbira tagħhom fuq is-sitwazzjoni ekonomika li taffettwa ‘l-livelli lokali u reġjonali differenti.

    2.2.

    Il-kriżi, li qed tkompli jkollha impatt negattiv fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Ewropew, wriet ir-reżiljenza fqira tas-sistema ekonomika u soċjali tal-UE.

    2.3.

    Min-naħa l-oħra, skont il-Global Poll 2014 tal-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions (ITUC) (4), m’hemmx pajjiż wieħed fejn il-biċċa l-kbira tan-nies jemmnu li s-sistema ekonomika hija ġusta. Erbgħa minn kull ħames persuni (78 %) jemmnu li s-sistema ekonomika tiffavorixxi s-sinjuri. Bl-istess mod, 88 % tal-Ġermaniżi u 90 % tal-Awstrijaċi jridu “ordni ekonomika ġdida” (stħarriġ tal-Fondazzjoni Bertelsmann (5)) u l-istess bla dubju japplika għall-pajjiżi li sofrew l-aktar mill-kriżi ekonomika bħall-Greċja, il-Portugall, l-Irlanda, Spanja u l-Italja.

    2.4.

    Fid-dawl tal-progress li sar mill-kummissjoni fir-rigward tal-innovazzjoni soċjali u l-Opinjoni tal-KESE SC/39 dwar l-Evalwazzjoni tal-Istrateġija tal-Ewropa 2020, ir-rapport dwar ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Term tal-Istrateġija Ewropa 2020, u l-inizjattiva tal-Kumitat ta’ Tmexxija Ewropa 2020 “Let’s Talk Happiness – beyond GDP”, huwa evidenti li jekk irridu li b’mod effettiv nappoġġaw il-kompetittività ekonomika u l-koeżjoni soċjali, dan jirrikjedi bidla fil-paradigma sabiex il-miri ekonomiċi, ambjentali u soċjali jkunu tassew interdipendenti, u jintlaħaq ekwilibriju ikbar bejn l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-iżvilupp, bis-saħħa ta’ approċċ olistiku.

    2.5.

    L-Ekonomija għall-Ġid Komuni (EĠK) toffri mudell adatt appoġġat mis-soċjetà Ewropea. L-għanijiet u l-valuri tagħha jmorru lil hinn mill-proposti konvenzjonali tar-responsabbiltà soċjali, u l-viżjoni olistika tagħha tagħti l-kapaċità biex tlaqqa’ flimkien l-atturi l-iżjed diversi tas-soċjetà.

    2.6.

    F’erba’ snin biss, l-Ekonomija għall-Ġid Komuni nbidlet f’moviment soċjali appoġġat minn iktar minn mitt grupp lokali, qrib ta’ 2 000 kumpanija u organizzazzjoni soċjali u għadd dejjem jikber ta’ universitajiet f’pajjiżi bħall-Awstrija, il-Ġermanja, l-Isvizzera, l-Italja u Spanja. Barra minn hekk, ir-reġjun tan-Nofinshar tat-Tirol fl-Italja u diversi gvernijiet lokali f’diversi pajjiżi Ewropej adottaw il-mudell ta’ Ekonomija għall-ġid komuni għat-territorji tagħhom.

    3.   L-Ekonomija għall-ġid komuni: għan, valuri, strateġija u indikaturi

    3.1.

    L-għan ta’ soċjetà għandu jkun il-benessri ta’ kull wieħed mill-membri tagħha, f’konformità mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali.

    3.2.

    F’konformità mal-linji gwida stabbiliti fl-Artikolu 3(1) (2) u (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (6) il-proposta ewlenija tal-mudell ta’ ekonomija għall-ġid komuni hija li l-ekonomija trid isservi n-nies ; fi kliem ieħor, il-ġid komuni. Il-punt tat-tluq biex jintlaħaq dan l-għan irid ikun li l-flus u l-kapital huma strumenti importanti ta’ skambju u ta’ investiment – iżda qatt m’huma għanijiet fihom infushom.

    3.3.

    Il-mudell ekonomiku fejn l-għan ikun il-ġid komuni għandu jissejjes fuq valuri li kulħadd jagħraf bħala universali: id-dinjità umana, is-solidarjetà, is-sostenibbiltà ekoloġika, il-ġustizzja soċjali, it-trasparenza u l-parteċipazzjoni demokratika.

    3.4.

    L-għarfien tal-ġid komuni bħala l-għan ċentrali tal-ekonomija jirrikjedi metodu speċifiku għall-kejl tas-suċċess ekonomiku skont l-għan aħħari u mhux il-mezzi: il-Prodott ta’ Ġid Komuni, il-Karta tal-Bilanċ tal-Ġid Komuni u l-Valutazzjoni tal-Affidabbiltà Kreditizja tal-Ġid Komuni li, rispettivament, jikkomplementaw il-PDG, il-karta tal-bilanċ u l-affidabbiltà kreditizja finanzjarja.

    3.5.

    L-Ekonomija għall-ġid komuni hija mudell olistiku li jfittex li jintegra l-ekonomija fil-kuntest soċjali, kulturali u ekoloġiku tas-soċjetà Ewropea. Kif jidher fit-tabella mehmuża, il-mudell tal-Ekonomija għall-ġid komuni jirrifletti l-valuri fundamentali ta’ diversi proposti ekonomiċi:

    EKONOMIJA GĦALL-ĠID KOMUNI VALURI/MUDELLI

    Dinjità umana

    Solidarjetà Kooperazzjoni

    Sostenibbiltà ekoloġika

    Ġustizzja soċjali

    Demokrazija

    L-Ekonomija Soċjali

    X

    X

    X

    X

    X

    L-Ekonomija Ċirkolari

     

     

    X

     

     

    L-Ekonomija Kollaborattiva

     

    X

     

     

    X

    L-Ekonomija ta’ Funzjonalità

     

    X

    X

     

     

    L-Ekonomija Bbażata Fuq ir-Riżorsi

     

     

    X

    X

     

    L-Ekonomija Blu

     

     

    X

     

     

    Sors: oriġinali.

    3.6.

    L-Ekonomija għall-ġid komuni hija mudell ekonomiku li jista’ jagħti kontribut siewi għall-Istrateġija Ewropa 2020, b’mod partikolari billi:

    tiżdied ir-rata tal-impjiegi u tittejjeb il-kwalità tal-impjiegi eżistenti (valuri ta’ “dinjità umana” u “ġustizzja soċjali”);

    it-trawwim tal-innovazzjoni soċjali fis-soċjetà ċivili u l-isferi kummerċjali u politiċi (valuri ta’ “parteċipazzjoni u demokrazija”);

    tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2, il-promozzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli, titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija (il-valur ta’ “sostenibbiltà ekoloġika”);

    tnaqqis tal-popolazzjoni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali (valuri ta’ “solidarjetà” u “ġustizzja soċjali”).

    3.6.1.

    L-Ekonomija għall-Ġid Komuni hija proċess ta’ “innovazzjoni soċjali” u intraprenditorija pożittiva utli għall-promozzjoni u l-appoġġ ta’ ideat ġodda li simultanjament isolvu l-ħtiġijiet soċjali, joħolqu relazzjonijiet soċjali ġodda u jsaħħu l-ħolqien ta’ valur ekonomiku. F’dan il-kuntest, “Innovazzjoni” tirriferi għall-kapaċità li jinħolqu u jiġu implimentati ideat li juru l-kapaċità li jiġi prodott il-valur; “Soċjali” tirriferi għal kwistjonijiet ta’ kwalità tal-ħajja, solidarjetà, kuntentizza u benessri.

    3.7.

    L-EĠK hija għodda biex tinbena sistema soċjali u ekonomika b’saħħitha li tista’ tagħti lis-soċjetà ċivili Ewropea “il-protezzjoni u l-iżvilupp”, li tikkontribwixxi biex jinstabu soluzzjonijiet u, fejn possibbli, tevita l-kriżijiet u li barra minn hekk tikkontribwixxi għall-bidla ekonomika u soċjali. L-EĠK huwa l-mod kif ir-reżiljenza titqiegħed fiċ-ċentru tal-proċessi għall-appoġġ tat-tranżizzjoni mill-kriżi għall-irkupru u l-iżvilupp.

    3.7.1.

    Ir-reżiljenza hija fattur li jaffettwa l-ħila tas-soċjetà ċivili biex tirreaġixxi għal taqlib soċjali kbir u biex jiġu indirizzati problemi fit-tul u tensjonijiet mhux mistennija. Jeżistu mezzi ta’ tħejjija tas-soċjetà ċivili biex jiġu evitati u affrontati l-kriżijiet, iżda dawn jeħtieġu ġestjoni aktar effettiva u kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-livelli kollha li jirrappreżentaw l-interessi soċjali, ekonomiċi u istituzzjonali.

    3.8.

    Iż-żieda tal-kapaċità tal-imsieħba ekonomiċi u soċjali biex jassorbu, jimmaniġġaw u jevitaw l-effetti ta’ kriżijiet u tibdil strutturali hija element ewlieni għas-soċjetà ċivili meta wieħed jiġi biex jappoġġa l-kisba ta’ standards ta’ għajxien li huma xierqa għall-ħtiġijiet tan-nies. Dan jappoġġa wkoll il-kompetittività ekonomika tal-UE għal koeżjoni soċjali u sostenibbiltà, bil-għan li ma jiġux limitati l-opportunitajiet għal ġenerazzjonijiet futuri.

    3.9.

    Biex dawn l-ideat jitwettqu fil-prattika, il-mudell EKĠ huwa bbażat fuq il-parteċipazzjoni diretta tan-nies kemm fis-sfera tan-negozju kif ukoll dik politika. Għodod bħar-rapport dwar il-ġid komuni, il-karta tal-bilanċ, u b’mod partikolari, l-Indiċi Muniċipali tal-Ġid Komuni, huma bbażati fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-gruppi kollha tal-partijiet interessati.

    4.   Tranżizzjoni lejn il-bini ta’ Suq Etiku Ewropew

    4.1.

    Bħala riżultat tal-effetti dannużi li nħassu matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti, in-nies fl-Ewropa huma inqas toleranti għal kwistjonijiet bħat-telf ta’ dħul, tnaqqis fil-proviżjoni u s-servizzi soċjali, dannu ambjentali, inċertezzi fl-impjieg u t-tnaqqis fl-importanza tad-drittijiet soċjali tagħhom flimkien mad-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi u utenti.

    4.2.

    Fl-istess waqt, il-politiki ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva, ta’ natura volontarja u mhux ambizzjużi biżżejjed, li mhux qed jippreżentaw biżżejjed informazzjoni rilevanti, jeħtieġu nifs ġdid, fid-dawl tal-fatt li d-differenzi fil-pagi qed jikbru f’ħafna mill-kumpaniji l-kbar, in-nies huma minoranza fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-impenn lejn l-iżvilupp tal-karriera ta’ ħaddiema żgħażagħ qed jonqos.

    4.3.

    L-intraprendituri u l-SMEs huma, min-naħa tagħhom, mhedda minn kompetizzjoni żleali u prattiki mhux etiċi, li jfisser li s-sopravivenza ta’ ħafna impriżi bħal dawn hija f’riskju. In-nies b’mod ġenerali qed isejħu għal ekonomija bbażata fuq il-valuri li huma, fit-teorija, minquxa fil-kostituzzjonijiet nazzjonali.

    4.4.

    Il-klima ta’ distakkament soċjali hija riflessa fit-telf ta’ fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet u dawk li jirrappreżentawhom. Jekk trid tirbaħ lura din il-kunfidenza neċessarja u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali, l-Unjoni Ewropea ser ikollha tfassal mill-ġdid il-politiki tagħha u tħejji strateġija ġdida skont it-talbiet u l-valuri tan-nies.

    4.5.

    F’dan is-sens, l-Opinoni tal-KESE dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014 issejjaħ biex it-tabella ta’ valutazzjoni tal-indikaturi soċjali tiġi inkluża b’mod proattiv fis-Semestru Ewropew b’mod indaqs mal-indikaturi makroekonomiċi u baġitarji. Barra minnhekk, l-objettivi, il-metodi u l-istrumenti tas-Semestru Ewropew għandhom ikomplu jinkludu t-tranżizzjoni ekoloġika tal-proċessi industrijali eżistenti f’kull settur u tal-ekonomija kollha kemm hi, sabiex jiġi żgurat irkupru ekonomiku abbażi ta’ mudell ta’ żvilupp aktar sostenibbli.

    4.6.

    Għalhekk il-mudell EĠK jipproponi bidla għal “Suq Etiku Ewropew” li fih il-politiki ekonomiċi u kummerċjali huma allinjati mal-kultura u l-valuri li n-nies jidentifikaw bħala universali. Permezz ta’ din l-istrateġija, l-ekonomija Ewropea u l-kumpaniji Ewropej għandhom jerġgħu iqajmu l-immaġni tal-marka internazzjonali tagħhom bħala organizzazzjonijiet eżemplari f’termini ta’ protezzjoni u promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-kwalità u t-tifsira tax-xogħol, u l-ħarsien tal-ambjent.

    4.7.

    Għalhekk jiġu rikonoxxuti l-organizzazzjonijiet li jikkummerċjalizzaw prodotti u servizzi skont kriterji etiċi u li jikkontribwixxu għall-ġid komuni. B’mod aktar speċifiku, il-prodotti u s-servizzi li ma jiggarantixxux minimu etiku tul il-katina tal-valur x’aktarx joħorġu barra miż-żona ta’ profittabbiltà.

    4.8.

    Fil-qosor, il-mudell EĠK mudell huwa ugwali għall-proposti ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) f’dak li għandu x’jaqsam ma’ valuri, iżda jmur lil hinn f’termini ta’ għanijiet u metodi. Is-CSR fl-Ewropa prinċipalment kienet ibbażata fuq il-prinċipju ta’ “jagħtu lura lis-soċjetà parti mill-profitt miksub minnha” qabel ma bdiet tiffoka fuq l-għan ta’ “jimmassimizzaw il-ħolqien ta’ valur komuni għas-sidien/azzjonisti u għall-partijiet interessati l-oħra tagħhom u s-soċjetà inġenerali” (7). Din hija r-raġuni għaliex, sfortunatament, għadd sinifikanti ta’ kumpaniji naqsu s-CSR għal xejn iktar minn azzjonijiet filantropiċi jew azzjonijiet simboliċi ta’ relazzjonijiet pubbliċi.

    5.   Srateġiji futuri għall-bini ta’ Suq Etiku Ewropew

    5.1.

    Diversi srateġiji huma proposti għall-bini ta’ Suq Etiku Ewropew. Il-pjan direzzjonali ser jibda bil-kejl tal-kontribuzzjoni tal-kumpaniji għall-ġid komuni u l-konverġenza lejn rappurtar mhux finanzjarju Ewropew. Imbagħad, is-soċjetà ċivili Ewropea tkun infurmata dwar il-prestazzjoni tal-kumpaniji permezz tal-iżvilupp ta’ tikkettar etiku. It-tfassil tal-politika se jirrikonoxxi dawk il-kumpaniji b’kontribuzzjoni ogħla għall-ġid komuni permezz ta’ akkwist pubbliku etiku u politiki mmirati lejn il-bini ta’ suq intern u internazzjonali etiku. Fl-aħħar nett, l-intraprenditorija, il-konsum u l-politiki bankarji ser ikunu wkoll allinjati mal-prinċipji tal-ġid komuni. Dan kollu se jseħħ billi jiġu evitati piżijiet amministrattivi eċċessivi u jintużaw mekkaniżmi tas-suq.

    5.2.

    Il-kejl tal-kontribuzzjoni tal-kumpaniji għall-ġid komuni permezz tat-tlestija ta’ Karta tal-Bilanċ tal-Ġid Komuni. Il-Karta tal-Bilanċ tal-Ġid Komuni tkejjel il-parti mhux finanzjarja tas-suċċess ta’ kumpanija: is-suċċess etiku u l-kontribuzzjoni tagħha lejn il-ġid komuni. Il-verżjoni attwali tal-Karta tal-Bilanċ tal-Ġid Komuni tkejjel il-valuri kostituzzjonali l-iżjed importanti: id-dinjità, is-solidarjetà, is-sostenibbiltà, il-ġustizzja u l-parteċipazzjoni demokratika: “prestazzjoni etika” f’dak li jirrigward il-gruppi ta’ kuntatt kollha.

    5.3.

    Sabiex jimxi lil hinn minn CSR konvenzjonali, il-moviment EĠK jipproponi li l-karta tal-bilanċ għandha tilħaq tliet “metakriterji”: għanda tkun 1. Universali, 2. Titkejjel f’punti newtrali, 3. Komparabbli bejn il-kumpaniji, 4. Tinftiehem għall-azzjonisti, 5. Pubblika, 6. Verifikata esternament, 7. Mandatorja, 8. Legalment vinkolanti: iktar ma jkun tajjeb ir-riżultat, inqas ikun hemm taxxi, tariffi doganali, interessi eċċ. ikun konformi mas-slogan “bl-etika għas-suċċess”.

    5.4.

    Bħala parti mill-moviment EĠK, aktar minn 200 SME wettqu l-Karta tal-Bilanċ tal-Ġid Komuni sal-aħħar stadju: evalwazzjoni minn pari jew verifika esterna. It-tranżizzjoni lejn sistema obbligatorja tal-karta tal-bilanċ tista’ tkun waħda gradwali. Reċentement l-UE ħadet l-ewwel pass bid-direttiva tagħha dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju. It-tieni pass jista’ jkun li d-direttiva tinkludi biss standards li jikkonformaw mal-metakriterji kollha msemmija hawn fuq u li jġibu magħhom vantaġġi legali skont ir-riżultat. L-istandards li jifdal jistgħu sussegwentement jiġu kkombinati f’wieħed, jiġifieri l-parti mhux finanzjarja tal-karta tal-bilanċ obbligatorja tal-kumpanija. Il-karta tal-bilanċ “universali” (finanzjarja u mhux finanzjarja) għandha ssir passaport għad-dħul fis-Suq Etiku Ewropew futur.

    5.5.

    Tikkettar etiku. L-EĠK jargumenta li informazzjoni dwar imġiba etika għandha tiġi pprovduta dwar il-prodotti kollha mibjugħa fuq is-suq komuni Ewropew permezz ta’ tikkettar etiku komuni li jistabbilixxi l-kontribut tal-kumpanija għall-ġid komuni. L-ittikkettjar jista’ viżwalment jikklassifika r-riżultat tal-Karta tal-Bilanċ tal-Ġid Komuni, pereżempju, f’ħames kuluri differenti. Permezz tal-kodiċi QR, il-konsumaturi jistgħu jaraw il-karta tal-bilanċ fid-dettall.

    5.6.

    Akkwist pubbliku etiku. Il-prijorità fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku għandha tingħata lil organizzazzjonijiet li jistgħu juru l-akbar kontribut għall-ġid komuni fil-Karta tal-Bilanċ tal-Ġid Komuni tagħhom. L-akkwist pubbliku fl-Ewropa jista’ jservi bħala xprun għall-implimentazzjoni tas-“Suq Etiku Ewropew” billi jiġu adottati kriterji marbuta mal-kontribut għall-ġid komuni u l-kwalità tal-impronta ekoloġika u soċjali stabbiliti fid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u l-implimentazzjoni tal-klawsola soċjali korrispondenti.

    5.7.

    Kummerċ Intern Etiku. Il-kummerċ ħieles intern għandu jitħeġġeġ f’dawk l-organizzazzjonijiet li jistgħu juru l-akbar kontribut għall-ġid komuni fil-Karta tal-Bilanċ tal-Ġid Komuni tagħhom. L-ewwel nett, għandhom jiġu faċilitati s-suq ħieles u l-moviment ta’ prodotti u servizzi għal dawk li jistgħu juru konformità ma’ standards etiċi minimi taħt is-“Suq Etiku Ewropew”. It-tieni, għandhom jiġu faċilitati l-importazzjoni ta’ prodotti, l-investiment u l-forniment ta’ servizzi minn kumpaniji f’pajjiżi li mhumiex fl-UE li jistgħu juru wkoll li huma konformi mal-istandards etiċi minimi taħt is-“Suq Etiku Ewropew”. B’dan il-mod, politiki dwar it-tariffi fuq l-importazzjoni u dawk fiskali relatati mal-kummerċ intern u l-importazzjonijiet għandhom jiġu rregolati skont l-imġiba etika murija minn kumpaniji.

    5.8.

    Kummerċ Internazzjonali Etiku. L-imġiba etika u l-kontribut għall-ġid komuni għandhom ikunu l-aspett rikonoxxibbli tal-ekonomija Ewropea – fi kliem ieħor, “Marka Ewropa”. Il-kumpaniji Ewropej, bħala ambaxxaturi għas-soċjetà, il-kultura u l-valuri Ewropej, għandhom jiżguraw li dawn jaġixxu b’mod etiku u juru dan permezz tal-karta tal-bilanċ. Il-politiki tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi mħeġġeġ il-kummerċ estern (programmi ta’ għajnuna għall-kummerċ estern, standards etiċi għar-regoli tal-kummerċ, eċċ.) għandhom għalhekk fl-ewwel lok jappoġġjaw lil dawk il-kumpaniji li juru l-akbar kontribut għall-ġid komuni.

    5.9.

    Intraprendituri għall-ġid komuni. It-trawwim tal-intraprenditorija huwa kruċjali biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ekonomika tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, l-innovazzjoni soċjali trid tkun immirata fiha nnifisha lejn il-provvista ta’ prodotti u servizzi li jikkontribwixxu għall-ġid komuni tas-soċjetà. Għal din ir-raġuni, il-politiki li jippromwovu l-intraprenditorija fis-“Suq Etiku Ewropew” għandhom irawmu negozji ġodda u taħriġ għall-intraprendituri abbażi tal-valuri tad-dinjità umana, is-solidarjetà, is-sostenibilità ekoloġika, il-ġustizzja soċjali u l-parteċipazzjoni demokratika. Ċentri tal-ġid komuni jistgħu jiġu stabbiliti fil-bliet kollha (ta’ Ġid Komuni), u joħolqu intrapriżi li jew jipprattikaw il-karta tal-bilanċ mill-bidu jew inizjalment jiġu stabbiliti bħala “impriżi għall-ġid komuni”.

    5.10.

    Il-konsumaturi u t-trawwim ta’ konsum etiku. Is-suċċess tas-“Suq Etiku Ewropew” se jiddependi fuq id-domanda f’isem il-konsumaturi Ewropej għal prodotti u servizzi li jikkontribwixxu għall-ġid komuni. Iridu jiġu mfassla u promossi strateġiji u programmi li għandhom l-għan li jixprunaw il-konsum etiku. Dawn il-programmi għandhom jipprovdu informazzjoni dwar in-natura tas-“Suq Etiku Ewropew” permezz tal-edukazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u kampanji pubbliċitarji. L-“att doppju” tal-karta tal-bilanċ tal-ġid komuni u t-tikkettar għandu jipprovdi l-għodod ideali biex jintlaħaq dan l-għan.

    5.11.

    Il-Banek Etiċi u l-estensjoni tal-Ftehimiet ta’ Basel, inklużi l-kriterji ta’ kwalità etika fir-regolamentazzjoni bankarja. Wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-avvenimenti avversi bankarji u finanzjarji, il-pubbliku Ewropew progressivament tilef il-fiduċja mhux biss fis-sistema bankarja tiegħu, iżda wkoll fir-regolaturi nazzjonali u Ewropej. Din is-sitwazzjoni toħloq riskju kbir għall-istabbiltà ekonomika taż-żona tal-euro.

    5.11.1.

    Huwa għalhekk neċessarju li jitjiebu l-istandards etiċi fl-industrija finanzjarja, u fl-istess waqt, tiżdied id-diversità tal-ekosistema finanzjarja, sabiex jissaħħu n-netwerks ta’ banek etiċi madwar l-UE (kooperattivi, banek tat-tfaddil, banek etiċi ġodda) li jikkontribwixxu għall-ġid komuni. Dan jsita’ jgħin fil-promozzjoni tal-qasam bankarju fl-Ewropa li a) jwettaq biss servizzi bażiċi (tfaddil, pagamenti, self), b) ma jħallasx dividendi jew dawn huma limitati, c) iwettaq verifika tal-ġid komuni għal kull talba għal self. Valutazzjoni etika tal-affidabbiltà kreditizja ta’ dan it-tip għandha tirrappreżenta estensjoni tal-Ftehimiet ta’ Basel għal kriterji etiċi. Għandha tkejjel il-valur etiku miżjud li investiment iġib miegħu.

    5.11.2.

    Prototip inizjali ta’ tali kontroll tal-ġid komuni bħalissa qed jiġi żviluppat mill-proġett ta’ “bank ta’ ġid komuni” fl-Awstrija. Il-kondizzjonijiet ta’ self jistgħu jkunu orjentati lejn ir-riżultat tal-valutazzjoni. B’dan il-mod, is-suq finanzjarju għandu jsir għodda għal żvilupp sostenibbli soċjali u ekonomiku.

    5.12.

    “Borża tal-Ġid Komuni (Reġjonali)”. Il-banek etiċi kollha li jaħdmu għall-ġid komuni jistgħu b’mod konġunt joħolqu borża tal-ġid komuni reġjonali, li tilqa’ applikazzjonijiet għal self li jgħaddu t-test tal-etika iżda mhux wieħed ta’ solvenza finanzjarja. Dawn il-boroż, għall-kuntrarju tal-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom, mhux se jkunu forum biex jiġu negozjati l-ishma tal-kumpaniji jew biex jinkiseb dħul finanzjarju – dan m’għandux jirrappreżenta r-raġuni għal investiment f’kumpanija. Il-benefiċċju għal investituri finanzjarji għandu jinstab band’oħra, pereżempju: tifsira, utilità u etika (il-“promontorju triplu”). B’dan il-mod, in-nies u l-kumpaniji Ewropej ikollhom l-opportunità li jagħmlu investimenti etiċi li jirriflettu l-valuri tal-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri u t-Trattati tal-UE stess.

    Brussell, is-17 ta’ Settembru 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Ara l-paġna web tal-ekonomija għall-ġid komuni.

    (2)  Xi wħud minnhom huma inkwadrati fi swieq kompetittivi ħafna.

    (3)  Biex jitqies il-PDG u indikaturi komplementari oħra.

    (4)  ITUC Global Poll 2014.

    (5)  Bertelsmann Foundation“Bürger wollen kein Wachstum um jeden Preis”(“It-tkabbir bi kwalunkwe prezz mhix dak li jixtieq il-pubbliku”).

    (6)  ĠU C 83, 30.3.2010.

    (7)  COM(2011) 681 final.

    (8)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.


    Top