Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IE0722

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “In-negozji tal-familja fl-Ewropa bħala sors ta’ tkabbir imġedded u impjiegi aħjar” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 13, 15.1.2016, p. 8–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 13/8


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “In-negozji tal-familja fl-Ewropa bħala sors ta’ tkabbir imġedded u impjiegi aħjar”

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2016/C 013/03)

    Relatur:

    is-Sur Jan KLIMEK

    Fit-22 ta' Jannar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni dwar

    “in-Negozji tal-familja fl-Ewropa bħala sors ta' tkabbir imġedded u impjiegi aħjar”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-14 ta’ Lulju 2015.

    Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-17 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’110 voti favur u 3 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    In-negozji tal-familja jiffurmaw is-sinsla ta' ħafna ekonomiji madwar id-dinja u qed jikbru b'rata impressjonanti. Huma sors ta' tkabbir ekonomiku u impjiegi u jagħtu attenzjoni konsiderevoli lil fatturi reġjonali u lokali. Hemm raġunijiet differenti għat-twaqqif ta' negozju tal-familja, iżda l-iżjed komuni minnhom hija s-sistema ta' valuri li sseħħ b'mod naturali, ir-rieda li jintwerew dedikazzjoni u sagrifiċċju u s-sens ta' responsabbiltà lejn dawk li waqqfu n-negozju u dawk li jieħdu l-kontroll tiegħu. In-negozji tal-familja huma kapaċi jifilħu aħjar perjodi diffiċli ta' reċessjoni u staġnar, u waħda mir-raġunijiet ewlenin għal-lonġevità tagħhom hija s-sens ta' responsabbiltà personali għall-immaġni tan-negozju.

    1.2.

    Billi jirrikonoxxi l-valur uniku tan-negozji tal-familja, u b'konformità mal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar li jistipula li “l-UE u l-Istati Membri għandhom joħolqu ambjent li fih l-intraprendituri u n-negozji tal-familji jistgħu jirnexxu u l-intraprenditorija tiġi ppremjata” (1), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jitlob lill-Kummissjoni Ewropea twettaq strateġija attiva għall-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri dwar in-negozji tal-familja.

    1.3.

    Il-pass li jmiss jista’ jkun li ssir ħidma fuq qafas jew regolament dwar in-negozji tal-familja. Fil-qafas ta’ dawn ir-regolamenti għandha tiġi stabbilita definizzjoni ta’ negozji tal-familja u jiġu speċifikati l-oqsma li fihom għandha tkun involuta l-Kummissjoni, flimkien mal-istituzzjonijiet legali, ekonomiċi u politiċi responsabbli għal dawn il-miżuri.

    1.4.

    F'termini ta' miżuri speċifiċi, il-KESE jitlob:

    li tiġi inkluża kategorija ta' negozji tal-familja fl-istatistika Ewropea (Eurostat) u sabiex l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika jiġbru data dwar in-negozji tal-familja b'mod effettiv;

    regolamentazzjoni aħjar dwar it-trasferiment tan-negozji tal-familja minn ġenerazzjoni għall-oħra, b'mod partikolari mill-perspettiva tat-taxxa, sabiex titnaqqas l-espożizzjoni ta' dawn in-negozji għall-problemi ta' likwidità;

    li tiġi promossal-klima organizzattiva tal-familja, li l-qofol tagħha huwa l-impjieg fit-tul;

    li tiġi promossal-innovazzjoni fost il-kumpaniji tal-familja, b'mod partikolari permezz ta' akkwist pubbliku innovattiv;

    li tiġi żviluppata l-edukazzjoni u tiġi promossa r-riċerka fil-qasam tal-intraprenditorija tal-familja;

    li jiġu appoġġati l-irziezet tal-familja u jiġu żviluppati mill-ġdid intraprenditoriji bbażati fuq kooperattiva, b'mod partikolari t-tip li jiġbor flimkien in-negozji tal-familja;

    li jiġi introdott tnaqqis fit-taxxa fuq il-profitti investiti mill-ġdid, u li jkun hemm opportunitajiet għan-negozji tal-familja sabiex iżidu l-kapital tagħhom mingħajr ma jingħataw drittijiet għall-vot;

    kooperazzjoni attiva fil-livell tal-UE mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw in-negozji tal-familja, pereżempju fi ħdan il-qafas ta' grupp permanenti ta' esperti.

    2.   Introduzzjoni

    2.1.

    In-negozji tal-familja jiffurmaw aktar minn 60 % tal-kumpaniji Ewropej kollha, kemm l-intrapriżi ż-żgħar kif ukoll dawk kbar, u jimpjegaw bejn l-40 % u l-50 % tal-impjegati kollha (2). Fil-maġġoranza l-kbira tal-ekonomiji, ħafna min-negozji huma intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, u għalhekk il-maġġoranza tan-negozji tal-familja jappartjenu wkoll lil dan is-settur.

    2.2.

    L-assi prinċipali tan-negozji tal-familja huma l-orizzont fit-tul tagħhom, il-valuri speċifiċi li jiffurmaw il-kultura organizzattiva unika tagħhom u l-involviment tagħhom fil-komunitajiet lokali. Il-kultura unika tagħhom hija bbażata fuq il-valuri promossi mill-partijiet interessati tal-familja, bħal livell għoli ta' fiduċja fin-negozju u l-kwalità għolja tas-servizzi jew il-prodotti offruti.

    2.3.

    Il-perspettiva fit-tul tan-negozji tal-familja tfisser li jistgħu joħolqu rabtiet fit-tul mal-partijiet interessati tal-kumpanija (impjegati, klijenti, fornituri u komunitajiet lokali).

    2.4.

    In-negozji tal-familja huma karatterizzati kemm mix-xewqa li jgħaddu n-negozju lill-ġenerazzjoni li jmiss kif ukoll mill-kura u r-responsabbiltà għall-impjegati. Dan l-aspett jippromwovi wkoll il-kontabilità tan-negozji tal-familja, fejn ir-relazzjonijiet huma mibnija fuq il-fiduċja.

    2.5.

    Sabiex jintlaħqu l-għanijiet, in-negozji tal-familja jinvestu kemm jista’ jkun fil-ħolqien ta' kumpanija stabbli, indipendenti u innovattiva, ibbażata fuq kapital proprju, li prinċipalment tfittex li tnaqqas ir-riskju sabiex in-negozju jkun jista' jiġi mgħoddi minn ġenerazzjoni għall-oħra. In-negozji tal-familja jiżviluppaw b'mod iktar ibbilanċjat sabiex jinkisbu l-għanijiet fit-tul (multiġenerazzjonali) tagħhom.

    3.   Id-definizzjoni ta' negozju tal-familja

    3.1.

    Huwa ġeneralment aċċettat li n-negozji tal-familja jistgħu jiġu karatterizzati fi tlett iċrieki: familji, negozji u struttura tas-sjieda (3). L-impatt tal-familja fuq iż-żewġt iċrieki l-oħra jiddetermina n-natura tal-familja tal-kumpanija. Dan l-impatt ifisser li n-negozji tal-familja huma aktar kumplessi mill-kontrapartijiet mhux tal-familja tagħhom u għaldaqstant jeħtieġu trattament xieraq.

    3.2.

    Diversi Stati Membri adottaw liġijiet speċifiċi dwar in-negozji tal-familja:

    Fi Spanja (il-Ministeru għall-Ekonomija) u l-Finlandja (il-Ministeru għall-Kummerċ) in-negozji tal-familja huma ddefiniti fuq livell ministerjali.

    Hemm ukoll definizzjoni ta' negozji tal-familja fl-Italja (il-Kodiċi Ċivili) u fir-Rumanija.

    L-Ungerija adottat definizzjoni ta' negozji agrikoli li huma proprjetà ta' familji.

    Il-leġiżlazzjoni Daniża tirreferi għar-reklutaġġ ta' żgħażagħ fin-negozji tal-familja (Arbejdsmiljølovgivningens anvendelse for elever i erhvervspraktik, VEJ Nru 60106, 1.2.1998).

    Fl-Awstrija, il-liġi federali tistipula li l-membri tal-familja jistgħu jadottaw ħinijiet tal-ftuħ tal-ħanut flessibbli (Ladenöffnungszeitenverordnung) u n-negozji tal-familja huma definiti mil-liġi reġjonali dwar l-agrikoltura.

    Il-Qorti Suprema tal-Litwanja ħarġet opinjoni li tistipula li kumpanija stabbilita b'konnessjoni ma' żwieġ għandha titqies bħala negozju tal-familja.

    Fil-Bulgarija u s-Slovakkja, il-koproprjetà tal-familja hija kkunsidrata fil-każ ta' impjieg indipendenti.

    F’Malta, qed issir ħidma fuq l-ewwel liġi fid-dinja ddedikata speċifikament għan-negozji tal-familja (Family Business Act).

    3.3.

    Il-Kumitat jemmen li jkun siewi li titwettaq proċedura leġiżlattiva mmirata lejn l-introduzzjoni ta' kategorija tan-negozji tal-familja fir-reġistri ta' attività ekonomika fl-Istati Membri kollha.

    3.4.

    Ir-rapport tal-grupp ta' esperti tal-Kummissjoni dwar in-negozji tal-familja jirrakkomanda l-adozzjoni tad-definizzjonijiet li ġejjin dwar in-negozji tal-familja:

    Il-maġġoranza tad-drittijiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet hija fil-pussess tal-persuna(i) naturali li stabbilixxiet/stabbilixxew il-kumpanija, jew li tkun/jkunu akkwistat/akkwistaw il-kapital azzjonarju tal-kumpanija, jew fil-pussess tal-konjugi, il-ġenituri, it-tfal jew il-werrieta diretti tat-tfal tagħhom.

    Il-maġġoranza tad-drittijiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet huma indiretti jew diretti.

    Mill-inqas rappreżentant wieħed tal-familja jew qarib huwa involut formalment fit-tmexxija tal-kumpanija.

    Il-kumpaniji elenkati jissodisfaw id-definizzjoni ta' intrapriża tal-familja jekk il-persuna li stabbilixxiet jew akkwistat il-kumpanija (kapital azzjonarju) jew il-familji jew id-dixxendenti tagħhom għandhom 25 fil-mija tad-drittijiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet mogħtija mill-kapital azzjonarju tagħhom.

    3.5.

    Madankollu, id-definizzjoni t’hawn fuq hija wiesgħa wisq. Għandha titnaqqas b’tali mod li tenfasizza n-natura tal-familja tan-negozju, speċjalment l-għan multiġenerazzjonali tal-ħidma tiegħu.

    3.6.

    L-adozzjoni ta' din id-definizzjoni fost il-pajjiżi Ewropej tippermetti l-ġabra tad-data kwantitattiva, li tippermetti li jiġu kkumpilati statistiċi dwar dawn l-entitajiet ladarba din tiġi aggregata. Din id-data b'mod partikolari tista' tgħin fl-analiżi tan-negozji tal-familja fl-Istati Membri l-ġodda, fejn dawn in-negozji għandhom rwol ewlieni. Dan il-kompitu jista' jsir mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.

    3.7.

    Fuq livell nazzjonali qed isiru tentattivi sabiex jikkwantifikaw in-negozji tal-familja. Dan huwa l-każ fl-Irlanda, pereżempju, fejn l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika pproduċa pubblikazzjoni intitolata Family Business in Ireland – Services Sector 2005. Il-federazzjoni Ewropea dwar in-Negozji tal-Familja, f'kooperazzjoni mal-kumpanija konsultattiva KPMG, tippubblika l-Barometru Ewropew dwar in-Negozji tal-Familja. Fil-Polonja, fl-2008 sar studju kwalitattiv u kwantitattiv komprensiv, mill-Aġenzija Pollakka għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi.

    3.8.

    Il-parteċipazzjoni tal-Eurostat tippermetti li jintlaħqu żewġ għanijiet importanti: li tiġi standardizzata d-definizzjoni tan-negozji tal-familja u, fuq bażi ta' dan, li tinġabar data statistika dwar dawn l-entitajiet.

    4.   Sfidi li jiffaċċjaw in-negozji tal-familja

    4.1.

    L-isfidi li jiffaċċjaw in-negozji tal-familja jistgħu jinqasmu f'żewġ kategoriji: dawk applikabbli għall-kumpaniji kollha u dawk speċifiċi għan-negozji tal-familja. L-ewwel kategorija tinkludi l-fatturi kollha li jaffettwaw l-ekonomija ta' pajjiż, bħad-domanda domestika, id-demografija u s-sitwazzjoni soċjoekonomika. Din l-opinjoni tiffoka fuq it-tieni kategorija, jiġifieri l-isfidi speċifiċi għan-negozji tal-familja li jippermettu li dawn jiżviluppaw u jikbru.

    4.2.

    Il-sjieda fin-negozju tal-familja ma tikkonsistix f'assi likwidi iżda pjuttost f'dak li tibni u tiżviluppa l-familja matul il-ġenerazzjonijiet, u li tinkludi valuri, tradizzjonijiet u għarfien (4). Għalhekk, it-trasferiment tal-proprjetà ta' kumpanija għall-ġenerazzjoni li jmiss hija l-iktar sfida serja li jista' jiffaċċja negozju bħal dan.

    4.2.1.

    Pass wieħed importanti li għandu jittieħed min-negozji tal-familja jidher li huwa l-ippjanar komprensiv ta' suċċessjoni, minħabba li l-intenzjoni tas-sidien ta' dawn il-kumpaniji hija li jgħaddu kumpanija f’qagħda tajba lill-ġenerazzjoni li jmiss.

    4.2.2.

    Kull sena madwar 450 000 kumpanija li timpjega madwar 2 miljun persuna, jiffaċċjaw din l-isfida. Madwar 150 000 negozju jagħlqu kull sena minħabba suċċessjoni mingħajr suċċess, li mbagħad twassal għat-telf ta' 600 000 impjieg (5).

    4.2.3.

    Il-kawżi prinċipali tal-falliment fl-ippjanar ta' suċċessjoni għandhom jiġu eżaminati, u għandhom jiġu appoġġati l-miżuri biex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti tan-negozju, pereżempju liġi tas-suċċessjoni jew inċentivi tat-taxxa li jappoġġaw it-trasferimenti.

    4.2.4.

    L-ambitu u l-iskala ta' diversi approċċi fl-Ewropa għat-taxxi tas-suċċessjoni u tal-ġid juru li għad hemm ħafna affarijiet li għandhom jittejbu fir-rigward tar-regolament f'dan il-qasam (6).

    4.2.5.

    Eżempju wieħed ta' soluzzjoni potenzjali fil-qasam tat-trasferimenti tan-negozju huwa l-Pajjiżi l-Baxxi, fejn il-Ministeru għall-Ekonomija introduċa “l-pakkett ta' suċċessjoni” (Overdrachtspakket). L-intraprendituri li jilħqu l-età ta' 55 jirċievu pakkett ta' suċċessjoni li jfakkarhom dwar l-importanza tal-ippjanar tat-trasferiment tan-negozju u li jipprovdi sett ta' għodod biex jassistu f'dan il-proċess. L-istitut Belġjan dwar in-negozji tal-familja (Instituut voor het Familiebedrijf) introduċa karta dwar is-suċċessjoni disponibbli fi tliet lingwi: bl-Olandiż (Scorecard Opvolging), bil-Franċiż (Scorecard Transmission) u bl-Ingliż (Succession Scorecard). Eżempju ieħor huwa s-Slovenja, li l-Kamra tas-Snajja’ u l-Intrapriżi ż-Żgħar tagħha (Obrtno-podjetniška zbornica Slovenije) torganizza seminars u taħriġ li jirrigwardaw il-kwistjonijiet kollha relatati mas-suċċessjoni, u l-Finlandja għandha programm ta' suċċessjoni (ViestinVaihto-ohjelma). Fl-Awstrija hemm liġi dwar il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet ta' negozju (Fortbetrieb) minn membru tal-familja fil-każ tal-mewt tal-maniġer (Gesamte Rechtsvorschrift für Gewerbeordnung, 1994). Hemm arranġament simili fi Franza (successions et des libéralités) u fil-Lussemburgu. L-Aġenzija Pollakka għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi, f'kooperazzjoni mal-istitut tan-negozji tal-familja, ippreparat pakkett ta' suċċessjoni għan-negozji tal-familja. Bħala parti minn dan il-pakkett, in-negozji tal-familja jirċievu gwida għas-suċċessjoni, għodod b'xejn għall-appoġġ ta' dan il-proċess u sessjonijiet ta' ħidma b'xejn għall-implimentazzjoni.

    4.3.

    In-negozji tal-familja jippruvaw joħolqu impjiegi fit-tul, li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' klima organizzattiva bbażata fuq il-familja. Għal din ir-raġuni, in-negozji tal-familja jistgħu jipprovdu impjiegi mixtieqa għall-ommijiet li qed irabbu t-tfal, pereżempju. Għandu jingħata appoġġ lill-klima organizzattiva bbażata fuq il-familja, li tista' tagħti vantaġġ kompetittiv lil dawn in-negozji.

    4.4.

    Il-konjugi jew is-sħab tas-sidien tal-kumpanija ta' spiss ikollhom rwol importanti fin-negozji tal-familja, għalkemm, għal diversi raġunijiet, m'għandhomx status formali. Dan jista' jwassal għal diffikultajiet legali u finanzjarji, pereżempju, fil-każ ta' tħassir ta' relazzjoni. L-għoti ta' status aktar formali lil dawn il-persuni, kif ukoll lil membri tal-familja oħra involuti b'mod informali fl-attivitajiet tal-kumpanija, jgħin billi jiġu evitati diffikultajiet fil-każ ta' problemi relatati mal-familja.

    4.5.

    Fir-rigward tal-innovazzjoni fin-negozji tal-familja, dawn il-kumpaniji għandhom jiffukaw mhux biss fuq swieq u prodotti tradizzjonali, iżda wkoll fuq soluzzjonijiet innovattivi ġodda.

    4.5.1.

    L-innovazzjoni fin-negozji tal-familja tista' tiġi appoġġata permezz ta' sistema ta' akkwist innovattiva pubblika fejn il-prezz m'għandux ikun l-uniku kriterju għall-għażla ta' offerent. In-negozji tal-familja huma karatterizzati mill-fatt li jistgħu jikkompetu fuq il-bażi ta' kwalità għolja u servizz lill-klijent, żgurat inter alia mill-marka tal-familja (li spiss ikun l-isem tas-sid jew tal-familja tas-sid). Għalhekk, in-negozji tal-familja ġeneralment ma jitfgħux offerti għal kuntratti pubbliċi li għandhom il-prezz bħala l-uniku kriterju tagħhom. Huwa ssuġġerit li l-valuri tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża (MEAT – Most Economically Advantegous Tender) (7) tiġi promossa bħala l-kriterju ta' valutazzjoni, u li tiġi mxerrda din l-informazzjoni fost in-negozji tal-familja.

    4.6.

    Il-globalizzazzjoni tirrikjedi li l-intrapriżi jinfetħu għal swieq, teknoloġiji u ħiliet ġodda, ilkoll elementi li n-negozji tal-familja għandhom iqisu b’attenzjoni fl-istrateġiji tagħhom għall-iżvilupp. Dan jista’ jimplika l-ħtieġa li jkunu miftuħa għal persunal ġdid, ake għall-karigi maniġerjali.

    4.7.

    Fuq livell nazzjonali, ir-rwol tan-negozji tal-familja fl-ekonomiji nazzjonali għandu jiġi rikonoxxut u mbagħad għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet favorevoli għal dawn in-negozji fl-oqsma tat-tassazzjoni, leġiżlazzjoni dwar l-attività ekonomika (inkluża possibbilment liġi dwar in-negozji tal-familja) u appoġġ għat-taħriġ għan-negozji tal-familja. Dan it-taħriġ għandu jqis l-ispeċifiċitajiet tan-negozji tal-familja, bħas-suċċessjoni, is-superviżjoni tal-familja, eċċ.

    4.8.

    Eżempji ta' edukazzjoni speċifikament għar-rappreżentanti tan-negozji tal-familja jinkludu pajjiżi bħal Ċipru (Cyprus International Institue of Management); Franza (Master 2 professionel: Gouvernance des entreprises familiales et patrimoniales – M2 GEFP, organizzat mill-Università ta' Bordeaux) u l-Finlandja (Omistajuus ja hallitustyöskentely – valmennusohjelma jatkajille – struttura tas-sjieda u ġestjoni tal-kumpanija – programm ta' taħriġ għas-suċċessuri) (8). L-organizzazzjonijiet ta' appoġġ għan-negozji tal-familja jagħmlu wkoll korsijiet għall-intraprendituri tal-familja, bħall-Akkademja FBN, immexxija mill-fergħa Svediża tal-FBN u programmi ta' taħriġ immexxija mill-Instituto de la Empresa Familiar Spanjol, pereżempju.

    4.9.

    Ir-rikonoxximent tar-rwol tan-negozji tal-familja fl-ekonomiji tal-Istati Membri u l-għoti ta' appoġġ lilhom jista' jikkontribwixxi għar-restawr tat-tradizzjoni tal-familja tas-snajja’. Proporzjon sinifikanti ta' negozji żgħar tal-familja huma kkonċentrati f'korporazzjonijiet tas-snajja’, li jfittxu li jiżguraw il-kontinwazzjoni tas-snajja’; għaldaqstant huwa leġittimu li tiġi appoġġata din it-tip ta' entità.

    4.10.

    In-negozji żgħar tal-familja huma esposti għal riskji li jistgħu jwasslu għall-għajbien tagħhom mis-suq. Għajnuna xierqa legali u relatata mat-taxxa għandha għaldaqstant tiġi pprovduta lil dawn in-negozji sabiex tappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tagħhom. Min-naħa l-oħra, negozji internazzjonali kbar tal-familja jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ u miżuri istituzzjonali mmirati lejn l-appoġġ ta' fornituri u ekonomiji lokali.

    4.11.

    Tip wieħed speċifiku ta' negozju tal-familja huwa r-razzett tal-familja. Minbarra l-isfidi tipiċi karatteristiċi tan-negozji tal-familji, dawn in-negozji jridu jittrattaw ukoll problemi speċifiċi għaż-żoni rurali.

    4.11.1.

    Ta' tħassib partikolari hawnhekk hija l-problema ta' ħtif tal-art, li twassal għal tfixkil irriversibbli fl-istruttura ekonomika f'żoni rurali u għall-industrijalizzazzjoni mhux mixtieqa tal-agrikoltura. Fl-opinjoni tiegħu ta' Jannar 2015 (9), il-Kumitat talab li jittieħdu passi xierqa għall-preservazzjoni ta' mudell agrikolu bbażat fuq l-irziezet tal-familja madwar l-UE.

    4.11.2.

    L-irziezet tal-familja ta' spiss jiffurmaw kooperattivi sabiex jiksbu ekonomiji ta' skala u jgħollu l-kompetittività tas-suq (10). Intraprenditorija bbażata fuq kooperattiva turi karatteristiċi simili għal dawk ta' intraprenditorija bbażata fuq il-familja, jiġifieri, tiffoka fuq attivitajiet fit-tul iktar milli fuq profitt għal żmien qasir. Madankollu, fi żminijiet riċenti, il-kooperattivi tilfu l-momentum u wħud minnhom saħansitra sfaxxaw, għalhekk hemm il-ħtieġa li jittieħdu passi biex terġa' titqajjem din it-tip ta' attività.

    4.12.

    It-terminu kapital paċenzjuż jintuża biex jirreferi għall-akkumulazzjoni fit-tul tal-kapital biex jiġi żviluppat negozju tal-familja (patient capital) (11). Meta jitwettaq trasferiment, in-negozju tal-familja jgħaddi l-kapital flimkien mad-dimensjoni soċjali u kulturali u x-xerrej jinvesti fi jew jixtri n-negozju flimkien mal-għarfien multiġenerazzjonali, il-kultura (relatata mal-familja) u l-impenn lejn il-komunità (lokali) tiegħu.

    4.12.1.

    Meta jiġi definit il-kapital paċenzjuż, wieħed għandu jqis l-użu tat-tnaqqis fit-taxxa fuq il-profitti investiti mill-ġdid. Għandu jiġi kkunsidrat it-tnaqqis għan-negozji tal-familja (u mhux dawn it-tip ta' negozji biss) li jinvestu profitti mill-ġdid u jippreferu jużaw il-kapital tagħhom stess milli jużaw id-dejn.

    4.12.2.

    Il-ħila li jikkumpensaw l-interessi tad-dejn mill-profitti taxxabbli hija inċentiv addizzjonali għall-kumpaniji biex jużaw finanzjament tad-dejn, minħabba li dan inaqqas b'mod effettiv l-ispiża tad-dejn, fejn tali tnaqqis ma japplikax għall-ekwità.

    4.12.3.

    Huwa ovvju li l-kwistjonijiet tat-tassazzjoni jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri individwali, iżda l-Unjoni Ewropea għandha tippromwovi prattiki tajbin għan-negozji tal-familja.

    4.13.

    It-twaqqif ta' fondi ta' investiment pubbliku nazzjonali biex jinjettaw il-kapital fin-negozji tal-familja jista' jkun ta' min jikkunsidrah. Il-karatteristika speċjali ta' dawn il-fondi tkun illi jipprovdu kapital lin-negozji tal-familja mingħajr ma jingħataw drittijiet tal-vot lill-fornituri tal-kapital, fuq il-linji ta' Aksjeloven fin-Norveġja jew il-Ley de Sociedades de Responsabilidad Limitada fi Spanja.

    4.14.

    L-attivitajiet ta' intraprenditorija tal-familja jistgħu jiġu appoġġati wkoll minn organizzazzjonijiet nazzjonali jew lokali li jaġixxu f'isem dawn l-entitajiet (pereżempju korpi governattivi (ministeri), organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, korporazzjonijiet tas-snajja’, eċċ.) u organizzazzjonijiet sovranazzjonali, li l-iktar importanti minnhom jinkludu l-European Family Business, FBN InternationalLes Hénokiens.

    4.14.1.

    Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom rwol organizzattiv importanti fil-promozzjoni tas-settur tan-negozji tal-familja. Jipprovdu pjattaforma għall-iskambju ta' għarfien u esperjenza bejn intraprendituri tal-familja, u jippubblikaw rapporti dwar in-negozji tal-familja sabiex ixerrdu l-għarfien dwarhom. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet li jappoġġaw in-negozji tal-familja jistgħu jillobbjaw għal soluzzjonijiet speċifiċi.

    Brussell, is-17 ta’ Settembru 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  COM(2008) 394 final.

    (2)  Rapport Finali tal-Grupp ta' Esperti: Overview of family-business-relevant issues: research, networks, policy measures and existing studies, il-Kummissjoni Ewropea, Novembru 2009.

    (3)  Tagiuri R., Davis J.A., Bivalent Attributes of the Family Firm, Working paper, Harvard Business School, 1982.

    (4)  COM(2012) 795 final – Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 – Tkebbis mill-ġdid tal-Ispirtu tal-Intraprendenza fl-Ewropa.

    (5)  Business Dynamics: Start-ups, Business Transfers and Bankruptcy (2011) http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/business-environment/files/business_dynamics_final_report_en.pdf

    (6)  COM(2012) 795 final.

    (7)  SEC(2007) 280 – Gwida dwar kif tittratta soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku, 10 elementi ta' prattika tajba.

    (8)  Irene Mandl, Overview of Family Business Relevant Issues. KMU Forschung Austria, 2008.

    (9)  Opinjoni tal-KESE “Il-ħtif tal-art – sinjal ta’ twissija għall-Ewropa u theddida għall-biedja mill-familji” (ĠU C 242, 23.7.2015, p. 15).

    (10)  Family farming in Europe: Challenges and prospects, In-depth analysis. Parlament Ewropew 2014.

    (11)  Il-kapital paċenzjuż huwa l-kapital proprju pprovdut mis-sidien tan-negozju tal-familja li jfittxu li jintlaħaq bilanċ bejn, minn naħa waħda, ir-ritorn attwali fuq l-investimenti u, min-naħa l-oħra, l-istrateġija ta' negozju fit-tul iddefinita b'mod xieraq u l-iżgurar tal-kontinwità tat-tradizzjoni u l-wirt tal-familja. Sors: De Visscher F.M., Aronoff C.E., Ward J.L. (2011), Financing Transitions. Managing Capital and Liquidity in the Family Business, Palgrave Macmillan.


    Top