EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE4349

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 302/2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran” COM(2013) 250 final – 2013/133 (COD)

ĠU C 67, 6.3.2014, p. 157–159 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/157


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 302/2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran”

COM(2013) 250 final – 2013/133 (COD)

2014/C 67/32

Relatur: is-Sur SARRÓ IPARRAGUIRRE

Nhar it-12 ta' Mejju 2013 u nhar it-28 ta' Mejju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) 02/2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran

COM(2013) 0250 final — 2013/0133 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ottubru 2013.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'137 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon din l-emenda tar-Regolament (KE) 02/2009 peress li turi li qegħdin jinkisbu riżultati effettivi fl-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.

1.2

Il-Kumitat jerġa' jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tapplika dan ir-Regolament b'mod strett kemm jista' jkun fl-Istati Membri u għall-partijiet kontraenti tal-ICCAT kollha.

1.3

Il-KESE jtenni r-rikonoxximent tiegħu tal-isforz li qed jagħmlu dawn l-aħħar snin il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u s-sajjieda sabiex jikkonformaw mal-pjan multiannwali eżiġenti għall-irkupru, waqt li għandhom jitqiesu l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi riżultat ta' dan.

1.4

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iżidu l-attivitajiet tagħhom ta' informazzjoni, bil-għan li jissensibilizzaw lill-pubbliku dwar ir-realtà tas-sitwazzjoni tat-tonn u dwar ir-riżultati li tħalli l-applikazzjoni tal-pjan għall-rkupru.

1.5

Il-KESE jqis neċessarju ħafna li, biex jiġi salvagwardjat l-irkupru tat-tonn, wara l-Artikolu 7(6) għandhom jiġu speċifikati b'mod ċar liema huma għall-Unjoni Ewropea l-bastimenti awtorizzati jistadu s-sena kollha.

2.   Introduzzjoni

2.1

Din l-Opinjoni hi riżultat tal-Proposta COM(2013) 250 li terġa' temenda r-Regolament (KE) 02/2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.

2.2

It-tonn huwa wieħed mill-ispeċijiet l-aktar importanti rregolati mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT). L-Unjoni hija parti kontraenti tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.

2.3

Fl-2006, l-ICCAT nediet pjan għall-irkupru tat-tonn, li wassal għar-Regolament (KE) 559/2007, li inizjalment stabbilixxa pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.

2.4

Dan ir-Regolament (KE) 559/2007 tħassar bir-Regolament (KE) 02/2009 b'risposta għar-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT 08-05 adottata matul is-16-il laqgħa speċjali tagħha fl-2008, fejn ġie stabbilit pjan ġdid għall-irkupru tat-tonn.

2.5

Matul is-17-il laqgħa speċjali tagħha tal-2010, l-ICCAT adottat ir-Rakkomandazzjoni 10-04 li emendat il-pjan preċedenti għall-irkupru billi ġie stabbilit tnaqqis ġdid tal-qabdiet totali permissibbli u ssaħħew il-miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-kapaċità tas-sajd u jżidu l-kontroll tas-sajd. B'riżultat ta' dan, ir-Regolament (KE) 02/2009 ġie emendat bir-Regolament (UE) 00/2012 bil-għan li dawn il-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni jiġu applikati fil-livell tal-Unjoni.

2.6

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fassal opinjonijiet li jappoġġjaw il-proposti tal-Kummissjoni għaż-żewġ Regolamenti kif ukoll għal din l-aħħar emenda, fejn jirrikonoxxi l-isforz li qegħdin jagħmlu l-Istati Membri u s-sajjieda sabiex jikkonformaw mal-pjan eżiġenti tal-ICCAT għall-irkupru tat-tonn u jappella sabiex titkompla r-riċerka xjentifika.

3.   Pożizzjoni xjentifika

3.1

Mis-16-il laqgħa speċjali tal-2008 tal-ICCAT, ġie osservat irkupru fil-bijomassa tat-tonn tal-Lvant tal-Atlantiku u tal-Mediterran.

3.2

Il-Kumitat Permanenti għar-Riċerka u l-Istatistika (SCRS), kumitat xjentifiku konsultattiv tal-ICCAT, fis-Sommarju Eżekuttiv tar-rapport tiegħu tal-2012 (1) jgħid dan li ġej, fost dikjarazzjonijiet oħra:

3.2.1

Il-limiti ta' qbid għall-unità ta' ġestjoni tal-Lvant tal-Atlantiku u tal-Mediterran ilhom fis-seħħ sa mill-1998. Fl-2002, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-qabdiet totali permissibbli għat-tonn tal-Lvant tal-Atlantiku u tal-Mediterran bħala 32 000 tunnellata għall-2003-2006, u 295 000 tunnellata u 28 500 tunnellata għall-2007 u l-2008 rispettivament. Sussegwentement stabbilixxiet il-qabdiet totali permissibbli għall-2009, l-2010 u l-2011 bħala 22 000 tunnellata, 19 950 tunnellata u 18 500 tunnellata rispettivament. Madankollu, il-qabdiet totali permissibbli għall-2010 ġew riveduti għal 13 500 tunnellata u ġie stabbilit qafas għall-qabdiet totali permissibbli tal-futur (mill-2011 'il quddiem) f'livelli li jkunu suffiċjenti sabiex jippermettu l-irkupru tal-istokk sal-bijomassa tar-rendiment massimu sostenibbli (RMS) bejn l-2010 u l-2022, bi probabbiltà ta' mill-inqas 60 %. Il-qabdiet totali permissibbli tal-2011 u l-2012 kienu stabbiliti għal 12 900 tunnellata.

3.2.2

Bażikament, ir-Rakkomandazzjoni 10-04 tal-ICCAT tal-2010 xprunat l-irkupru tat-tonn peress li, meta ġie stabbilit tnaqqis ġdid tal-qabdiet totali permissibbli għal 12 900 tunnellata għall-2011 u l-2012, din kellha impatt deċiżiv fuq it-tnaqqis tal-kapaċità tas-sajd u fuq il-miżuri ta' kontroll, li wasslu għal tnaqqis sinifikanti fin-numru ta' bastimenti u għal kontroll effettiv tal-qabdiet tagħhom.

3.2.3

Minkejja li l-istimi ta' qabdiet bl-użu ta' miżuri ta' kapaċità jridu jitqiesu b'mod prudenti, l-interpretazzjoni tal-SCRS hija li kien hemm tnaqqis sostanzjali fil-qabdiet fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran minħabba l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u permezz tal-monitoraġġ u tal-kontrolli tal-applikazzjoni.

3.2.4

Barra minn hekk, l-abbundanza jew il-konċentrazzjonijiet ikbar tat-tonn żgħir fil-Majjistral tal-Mediterran identifikati permezz tal-osservazzjonijiet mill-ajru jistgħu jirriflettu wkoll riżultati pożittivi tar-Regolament dwar iż-żieda tad-daqs minimu. Ir-Rakkomandazzjoni 06-05 rriżultat f'livelli ogħla ta' rendiment għal kull ħuta ġdida meta mqabbla mal-bidu tal-2000, kif ukoll aktar ħut ġdid għall-bijomassa ta' stokk riproduttiv minħabbba li żdiedet is-sopravivenza tal-ħut żgħir.

3.2.5

L-implimentazzjoni tar-regolamenti reċenti u tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti wasslet b'mod ċar għal tnaqqis fir-rati tal-qabdiet u tal-mortalità mis-sajd. L-indiċi kollha tal-qabdiet għal kull unità ta’ sforz (CPUE) urew tendenzi dejjem jikbru fl-aktar snin reċenti. Il-Kumitat jindika li ż-żamma tal-qabdiet fil-livell attwali tal-qabdiet totali permissibbli (12 900 tunnellati) jew f'dak tal-2010 (13 500 tunnellata) b'konformità mal-programm ta' ġestjoni attwali probabbilment ser tippermetti li l-istokk jiżdied matul dan il-perjodu u hija konsistenti mal-għan li jinkiseb ir-rendiment massimu sostenibbli kemm għall-mortalità tas-sajd kif ukoll għall-bijomassa bi probabbiltà ta' mill-inqas 60 % sal-2022.

3.3

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport tal-kumitat xjentifiku konsultattiv tal-ICCAT li juri t-tendenza ċara tal-irkupru tat-tonn, għaliex dan appoġġja bis-sħiħ il-proposti leġislattivi kollha mressqa mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.

4.   Modifikazzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT

4.1

Fl-2012, il-Kummissjoni tal-ICCAT adottat Rakkomandazzjoni ġdida 12-03 li temenda l-pjan multiannwali għall-irkupru ta' 15-il sena (2007-2022).

4.2

Din ir-rakkomandazzjoni tistabbilixxi l-qabdiet totali annwali għal 13 500 tunnellata annwali mill-2013 'il quddiem sakemm jinbidlu l-qabdiet totali annwali fuq parir tal-SCRS. Minn dawn it-13 500 tunnellata, 7 548,06 tunnellata jiġu allokati lill-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li wara numru ta' snin bi tnaqqis fil-qabdiet totali permissibbli u diversi sforzi sabiex jiġi rkuprat it-tonn, it-tendenza nqalbet din is-sena u l-qabdiet totali permissibbli żdiedu b'600 tunnellata, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi.

4.3

Barra minn hekk, bil-għan li l-istaġuni tas-sajd jiġu adattati aħjar għall-attivitajiet tal-flotta, ir-Rakkomandazzjoni timmodifika l-istaġuni tas-sajd, li għandhom jitqiesu bħala staġuni miftuħa b'kuntrast mal-istaġuni magħluqa indikati fir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-ICCAT.

4.4

Barra minn hekk ġew modifikati wkoll id-dati attwali meta jkun jista' jsir is-sajd b'bastimenti tas-sajd bil-purse seine, b'bastimenti tal-lixka u b'bastimenti tas-sajd bir-rixa.

4.5

Fl-aħħar nett, biex tiġi evitata kwalunkwe inċertezza rigward it-tagħmir li mhux soġġett għal kwalunkwe regola speċifika dwar l-istaġun tas-sajd, qed tiġi introdotta dispożizzjoni li tagħti lill-bastimenti l-oħra kollha l-possibbiltà li jistadu s-sena kollha

4.6

Fir-rigward tat-tqassim tal-kwoti allokati lill-UE fl-ilmijiet tal-ICCAT għall-2013, ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-qabdiet totali permissibbli u l-kwoti (2) diġà stabbilixxa l-opportunitajiet tas-sajd għal kull Stat Membru kif ukoll li l-istaġun tas-sajd bil-purse seine jibda mis-26 ta' Mejju sal-24 ta' Ġunju 2013 sabiex l-Istati Membri jkollhom biżżejjed ħin biex jippjanaw.

4.7

Il-KESE jqis li l-emendi stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT 12-03 huma loġiċi. Huwa jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lis-sajjieda għall-impenn tagħhom sabiex jinkiseb dan il-pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tkompli bl-isforzi li qiegħda tagħmel.

5.   Emenda tar-Regolament (KE) 02/2009

5.1   Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal qabel, il-Proposta għal Regolament temenda l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) 02/2009 billi tistabbilixxi l-perjodi tas-sajd ta' kull tip ta' bastimenti tas-sajd li jistgħu jistadu għat-tonn.

5.2   L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

“Staġuni tas-sajd

1)

Is-sajd għat-tonnu minn bastimenti pelaġiċi akbar minn erbgħa u għoxrin (24) metru għall-qbid bil-konz fuq skala kbira, għandu jkun permess fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Mejju bl-eċċezzjoni taż-żona delimitata mill-Punent ta’ 10°W u mit-Tramuntana ta’ 42°N, fejn dan it-tip ta’ sajd għandu jkun ipprojbit mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Jannar.

2)

Is-sajd bil-purse seine għat-tonnu għandu jkun permess fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran matul il-perjodu mis-26 ta’ Mejju sal-24 ta’ Ġunju.

3)

Is-sajd għat-tonnu bil-bastimenti tal-lixka u l-bastimenti tas-sajd bir-rixa għandu jkun permess fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran matul il-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Ottubru.

4)

Is-sajd tat-tonnu b'bastimenti tas-sajd pelaġiku għandu jkun permess fl-Atlantiku tal-Lvant matul il-perjodu mis-16 ta' Ġunju sal-14 ta' Ottubru.

5)

Is-sajd rikreazzjonali u sportiv għat-tonnu għandu jkun permess fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran mis-16 ta' Ġunju sal-14 ta' Ottubru.

6)

Is-sajd għat-tonnu b’tagħmir ieħor apparti dak li jissemma fil-paragrafi minn 1 sa 5 għandu jkun permess matul is-sena kollha. (sic.)

5.3   Il-KESE jqis din l-emenda tar-Regolament (KE) 02/2009 bħala loġika u għalhekk jaqbel magħha peress li l-Artikolu 7 emendat jindika b'mod aktar ċar l-"istaġuni miftuħa tas-sajd" b'kuntrast għall-kunċett tal-Artikolu 7 preċedenti li jiddiskrivihom bħala "staġuni magħluqa". Fl-istess ħin jemenda d-dati attwali meta s-sajd huwa permess bil-purse seine, mill-bastimenti tas-sajd bil-lixka u bir-rixa u jistipula li t-tagħmir li mhux soġġett għal kwalunkwe regoli speċifiċi b'rabta mal-istaġuni tas-sajd jista' jintuża s-sena kollha. F'dan il-kuntest, il-Kumitat iqis li għandu jiżdied dan li ġej mal-Artikolu 7(6): "b'konformità mal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni inklużi fir-Rakkomandazzjoni 12-03".

5.4   B'rabta ma' din l-aħħar awtorizzazzjoni, il-KESE jqis neċessarju ħafna li, biex jiġi salvagwardjat l-irkupru tat-tonn, wara l-Artikolu 7(6) għandhom jiġu speċifikati b'mod ċar liema huma għall-Unjoni Ewropea l-bastimenti awtorizzati jistadu s-sena kollha.

6.   Kummenti ġenerali

6.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon din l-emenda tar-Regolament (KE) 02/2009 peress li turi li l-applikazzjonijiet u l-emendi li qegħdin jiġu introdotti kull sena jindikaw li matul dawn l-ewwel sitt snin tal-pjan multiannwali previst għal 15-il sena qiegħed ikun hemm riżultati effettivi fl-irkupru tat-tonn tal-Lvant tal-Atlantiku u tal-Mediterran.

6.2

Il-Kumitat jerġa' jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tapplika dan ir-Regolament b'mod strett kemm jista' jkun fl-Istati Membri u għall-partijiet kontraenti tal-ICCAT kollha.

6.3

Il-KESE jtenni r-rikonoxximent tiegħu tal-isforz li qed jagħmlu dawn l-aħħar snin il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u s-sajjieda sabiex jikkonformaw mal-pjan multiannwali eżiġenti għall-irkupru, waqt li għandhom jitqiesu l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi riżultat ta' dan.

6.4

Il-Kumitat jixtieq b'mod partikolari jirrikonoxxi l-ħidma li qegħdin iwettqu l-istituzzjonijiet xjentifiċi kollha, kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-partijiet kontraenti, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-ICCAT, sabiex imexxu 'l quddiem b'mod determinat dan il-pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn. Il-Kumitat jixtieq jestendi dan ir-rikonoxximent għall-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd.

6.5

Fl-aħħar nett, il-KESE jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iżidu l-attivitajiet tagħhom ta' informazzjoni, bil-għan li jissensibilizzaw lill-pubbliku dwar ir-realtà tas-sitwazzjoni tat-tonn u dwar ir-riżultati li tħalli l-applikazzjoni tal-pjan għall-rkupru.

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  http://www.iccat.es/Documents/SCRS/ExecSum/BFT_EN.pdf

(2)  Regolament (KE) 0/2013/KE, ĠU L 23, 25.1.2013;


Top