EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE3996

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-Teknoloġiji u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija” COM(2013) 253 final

ĠU C 67, 6.3.2014, p. 132–136 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/132


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-Teknoloġiji u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija”

COM(2013) 253 final

2014/C 67/26

Relatur: is-Sur WOLF

Korelatur: is-Sur COULON

Nhar it-2 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

It-teknoloġiji u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija

COM(2013) 253 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta' Settembru 2013.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’117-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Sommarju

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-miżuri proposti mill-Kummissjoni.

1.2

Il-KESE jtenni l-impenn tiegħu favur Komunità Ewropea tal-Enerġija u favur djalogu dwar l-enerġija fil-livell Ewropew.

1.3

Il-Kumitat jappoġġja l-għan ta' azzjoni konġunta, ikkoordinata, koerenti u kooperattiva mill-atturi involuti fil-politika dwar l-enerġija.

1.4

Meta jkunu qed jiġu implimentati l-miżuri, il-KESE jirrakkomanda li jiġu evitati b'mod assolut l-inflessibbiltà burokratika, l-averżjoni għar-riskju u d-distorsjoni tas-suq, jiġifieri kwalunkwe ostaklu li jxekkel l-innovazzjoni. Għandhom jitħeġġu l-ixpruni ta' ideat u kunċetti ġodda.

1.5

L-aktar kompitu importanti huwa l-iżvilupp tekniku u xjentifiku ta' teknoloġiji u innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija. Dan jikkonċerna b'mod partikolari t-tkomplija u l-iżvilupp tal-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (Pjan SET) matul il-perjodu ta' finanzjament 2014-2020.

1.6

Għandhom jintużaw strumenti adatti biex jiġi żgurat il-bilanċ bejn, minn naħa, l-iżvilupp ta' proġetti ppjanati tajjeb u, min-naħa l-oħra, l-possibbiltà li jiġu adottati diversi approċċi ġodda u kompetittivi.

1.7

Huwa biss permezz tal-esperjenza u firxa wiesgħa ta' għażliet u kunċetti b'taħlita tal-enerġija ugwalment wiesgħa li jista' jiġi żgurat is-suċċess fit-tul tal-kompitu enormi li għandna quddiemna.

1.8

Fid-dawl tan-nuqqas ta' finanzjament mistenni fil-qafas tal-baġits tal-Kummissjoni għar-riċerka u l-iżvilupp fi ħdan l-Orizzont 2020 kif ukoll fil-baġits għar-riċerka u l-iżvilupp tal-Istati Membri, huwa aktar u aktar importanti li jintużaw il-Fondi Strutturali tal-UE, il-Fond Ewropew tal-Investiment kif ukoll id-dħul mill-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet, u b'mod partikolari li l-potenzjal ta' investiment tal-ekonomija jiġi orjentat lejn l-indirizzar ta' din l-isfida enormi.

1.9

Il-fondi pubbliċi għar-riċerka u l-iżvilupp għandhom jintużaw fejn l-għanijiet ta' riċerka jirrikjedu dan iżda l-industrija, b'mod raġonevoli, ma tkunx mistennija tagħmel l-investimenti rilevanti (ara punt 3.20).

2.   Sinteżi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

Fid-dawl tal-isfidi sal-2020 u lil hinn, il-Kummissjoni, bħala parti integrali mill-politika tagħha dwar l-enerġija, tippreżenta l-istrateġija tagħha li għandha toħloq teknoloġiji u innovazzjonijiet ġodda.

2.2

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ser:

tistabbilixxi pjan direzzjonali integrat fil-qafas tal-Pjan SET sa tmiem l-2013;

tfassal pjan ta' azzjoni għall-investiment flimkien mal-Istati Membri;

issaħħaħ is-sistema ta' rapportar flimkien mal-Istati Membri;

tistieden lill-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej biex jaġġustaw il-mandat, l-istruttura u l-kompożizzjoni tagħhom skont il-pjan direzzjonali integrat;

tistabbilixxi struttura ta' koordinazzjoni fi ħdan il-Grupp ta' Tmexxija tal-Pjan SET.

2.3

Barra minn dan, il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

isaħħu l-appoġġ tagħhom għall-Pjan SET;

japprovaw il-prinċipji u l-iżviluppi proposti;

jappoġġjaw il-fatt li r-riżorsi tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali, reġjonali u privati jintużaw b'mod adatt.

2.4

Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Istati Membri u lir-reġjuni:

jikkoordinaw aktar mill-qrib il-programm ta' riċerka u innovazzjoni tagħhom fil-qasam tal-enerġija; jużaw ir-riżorsi tal-Fondi Strutturali tal-UE, tal-Fond Ewropew tal-Investiment u d-dħul mill-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet għal dan il-għan u jqarrbu l-programmi nazzjonali u reġjonali individwali lejn l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija;

isaħħu l-ħidma fil-qafas ta' miżuri u clusters konġunti;

jappoġġjaw introduzzjoni aktar rapida fis-suq tat-teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli.

3.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat

3.1

Fid-dawl tal-bżonnijiet dejjem akbar fir-rigward tal-enerġija madwar id-dinja, is-sitwazzjoni kritika tar-riżorsi u l-problema klimatika, il-Kumitat f'diversi opinjonijiet ġibed l-attenzjoni għall-kompitu enormi li tiġi żgurata provvista tal-enerġija sostenibbli, sigura, li tirrispetta l-ambjent u li tkun ekonomikament vijabbli għall-Ewropa.

3.2

Il-Kumitat iqis li din il-Komunikazzjoni hija pass importanti ieħor fit-triq twila biex jinkiseb dan il-għan. B'hekk jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri proposti mill-Kummissjoni.

3.3

Huwa biss permezz ta' approċċ komuni, ikkoordinat u kooperattiv mill-atturi involuti kollha, b'mod partikolari:

il-Kunsill Ewropew;

il-Parlament Ewropew;

il-Kummissjoni Ewropea u d-diversi oqsma ta' politika tagħha;

l-Istati Membri u l-korpi tagħhom;

l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

l-industrija, inklużi l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs);

l-organizzazzjonijiet ta' riċerka u l-universitajiet;

il-partiti politiċi, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u ċ-ċittadini

li dan l-għan jista' jinkiseb b'mod sħiħ u bi spiża aċċettabbli.

3.4

Fil-fehma tal-Kumitat, il-miżuri mħabbra mill-Kummissjoni jmorru f'din id-direzzjoni u għaldaqstant huma appoġġjati bis-sħiħ. Fl-istess ħin, il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li dejjem tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni internazzjonali u li tittieħed azzjoni f'kooperazzjoni mal-programmi rilevanti ta' pajjiżi barra mill-UE.

3.5

Il-Kumitat ifakkar fl-impenn tiegħu favur Komunità Ewropea tal-Enerġija (1) bħala qafas bżonnjuż sabiex dawn l-għanijiet jinkisbu bl-aktar mod effiċjenti. Itenni wkoll l-impenn tiegħu favur djalogu dwar l-enerġija (2) fil-livell Ewropew sabiex iċ-ċittadini jiġu involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-azzjoni fil-qasam bħala dawk ikkonċernati u bħala atturi tas-soċjetà ċivili.

3.6

Madankollu hemm bżonn ukoll tal-aqwa informazzjoni u trasparenza possibbli dwar il-possibbiltajiet li jeżistu, il-livell ta' żvilupp tagħhom, l-opportunitajiet li jipprovdu, ir-riskji, l-ispejjeż kif ukoll l-impatt tagħhom (3).

3.7

Għalkemm il-miżuri u l-kundizzjonijiet proposti mill-Kummissjoni u appoġġjati mill-Kumitat huma meħtieġa wkoll, huma jinkludu għadd ta' aspetti li meta jiġu implimentati jistgħu jkunu problematiċi jew iqajmu kunflitti u dan għandu assolutament jiġi evitat.

3.8

Fost affarijiet oħra, dan jinvolvi t-tendenza ta' proċeduri wisq ċentralizzati, kumplessi u ekonomikament ippjanati, li jkunu kkaratterizzati minn regolamentazzjoni u burokrazija formali eċċessivi.

3.9

Fit-twissija tiegħu dwar il-periklu tal-kumplessità amministrattiva, l-ineffiċjenza u l-inflazzjoni l-Kumitat jirreferi fost affarijiet oħra għall-Opinjoni tiegħu dwar "Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka" (4). Il-Kumitat jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward u jirrakkomanda li dan l-approċċ jiġi adottat minnufih ukoll fit-tema kkonċernata hawnhekk.

3.10

Madankollu tista' titfaċċa karatteristika mhux mixtieqa oħra peress li min-naħa tal-istituzzjonijiet li jipprovdu u jirċievu l-appoġġ u l-atturi fi ħdanhom hemm it-tendenza li jevitaw ir-riskji. Dan jista' jwassal biex tingħata preferenza lill-promozzjoni ta' teknoloġiji diġà magħrufa. Dan hu dovut ukoll għall-fatt li sikwit ikun hemm nuqqas ta' esperti rikonoxxuti u bl-esperjenza fl-oqsma rilevanti fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

3.11

Madankollu, proċess ippjanat minn qabel ikun l-aktar adatt jekk tkun teżisti diġà bażi teknoloġika u ta' għarfien adegwata sabiex il-miżuri ġodda jkunu jistgħu jiġu definiti b'mod ċar u t-triq 'il quddiem tkun ċara għalkollox, b'tali mod li ma jkunux meħtieġa u saħansitra mhux mixtieqa bidliet jew innovazzjonijiet addizzjonali.

3.12

Madankollu, kif tiddikjara l-Kummissjoni - u l-Kumitat jappoġġjaha bis-sħiħ - dan mhuwiex il-każ fil-qasam tat-teknoloġiji tal-enerġija: jeħtieġ li nfasslu "strateġija b’saħħitha u dinamika dwar it-teknoloġija u l-innovazzjoni" . Din għandha tippromovi wkoll teknoloġiji li l-iżvilupp tagħhom jimplika riskju għoli, jekk il-potenzjal tagħhom ikun promettenti ħafna.

3.13

Dan jirrikjedi l-implimentazzjoni madwar l-UE tal-politiki u l-approċċi kooperattivi msemmija fil-punt 3.3. sabiex jiġu liberati u kkonsolidati l-forzi komuni. Iżda fl-istess ħin tinħtieġ pluralità kbira ta' approċċi u kunċetti ta' sistemi, kif ukoll flessibbiltà kbira fir-rigward tal-kunċetti innovattivi u l-karatteristiċi reġjonali, fi kliem ieħor għandhom jiġu stimolati l-ideat permezz tal-metodu "trial and error" kif ukoll li tkun possibbli u titħeġġeġ il-kompetizzjoni.

3.14

Dan il-bżonn għalhekk għandu jikkumplementa l-miżuri ta' koordinazzjoni u konsultazzjoni. F'dan ir-rigward, permezz ta' strumenti adatti għandu jiġi żgurat il-bilanċ bejn, minn naħa, l-iżvilupp ta' proġetti ppjanati tajjeb u, min-naħa l-oħra, l-possibbiltà li jiġu adottati għadd ta' approċċi ġodda. Il-Kumitat għaldaqstant jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-fatt li jeħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas adatti għal dan il-għan, li jiggarantixxu l-flessibbiltà, l-innovazzjoni, it-teħid tar-riskji kif ukoll temi ġodda ta' riċerka. Għal dan il-għan jinħtieġu strumenti u strutturi governattivi speċifiċi.

3.15

Dan huwa l-każ b'mod partikolari tal-promozzjoni tal-proġetti orjentati lejn l-innovazzjoni fis-settur industrijali. Fil-fatt, hemm bosta eżempji li juru li l-aktar innovazzjonijiet importanti ma joħorġux mis-suq tal-aktar industriji dominanti iżda minn "barra", pereżempju mill-qasam tal-SMEs. Politika nazzjonali dwar l-innovazzjoni li tiffoka l-ewwel u qabel kollox fuq "is-suċċessi nazzjonali" tista' tkun fil-periklu li tivvaluta ħażin l-iżviluppi tekniċi u tissottovaluta l-importanza tagħhom. L-ajruplan ma ġiex ivvintat mill-industrija ferrovjarja jew dik tal-vapuri. Kif diġà ġie ddikjarat minn awturi oħra: l-elettriku ma żviluppax għax kompliet tiġi żviluppata x-xemgħa". Għalhekk mhijiex l-industrija tax-xemgħat li għandha tiġi privileġġjata, iżda għandna nżommu għajnejna miftuħin għal xpruni ta' ideat u kunċetti fundamentalment ġodda sabiex nippromovuhom b'mod speċjali.

3.16

Madankollu, il-proposti tal-Kummissjoni jistgħu joħolqu kunflitt ieħor - dak bejn l-innovazzjoni u t-tqegħid fis-suq. Minn naħa, l-innovazzjoni tirnexxi biss jekk tistabbilixxi ruħha fis-suq u tegħleb il-problemi frekwenti u tipiċi tal-bidu. Minkejja li l-għajnuna għat-tqegħid fis-suq (ara wkoll punt 3.26) jew saħansitra t-tariffi imposti (pereżempju liġijiet dwar il-feed-in tal-elettriku) jistgħu jkunu effikaċi ħafna f'dan il-każ, huma jistgħu jikkawżaw ukoll distorsjonijiet fis-suq fil-perjodu fit-tul għad-detriment tal-aktar soluzzjonijiet adatti. L-esperjenza fir-rigward tal-liġijiet dwar il-feed-in turi kemm huwa diffiċli li jiġu kkoreġuti fil-ħin l-iżbalji ladardba jkunu saru. Dan ifixkel l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet aħjar jew ta' miżuri aktar importanti. Għaldaqstant, fil-prinċipju l-għajnuna għat-tqegħid fis-suq ta' teknoloġiji ġodda għandha tingħata l-aktar l-aktar sakemm dawn jiksbu sehem raġonevoli fis-suq.

3.17

Il-Kumitat għaldaqstant jirrakkomanda li din il-kwistjoni tiġi analizzata fil-fond. L-istrumenti ta' għajnuna possibbli għat-tqegħid fis-suq għandhom assolutament jipprovdu qafas prevedibbli u stabbli għall-investiment, iżda hawn għandu jiġi żgurat li jiġu evitati l-iżvantaġġi għad-detriment tas-suq u ostili għall-innovazzjoni (ara wkoll il-punti 3.25 u 3.26), pereżempju billi jiġi inkluż tnaqqis gradwali suffiċjenti tal-għajnuna sa mill-bidu nett.

3.18

Madankollu, fil-fehma tal-Kummissjoni u l-Kumitat l-aktar kompitu importanti fil-qasam tal-enerġija huwa l-iżvilupp tekniku u xjentifiku tat-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet. Dan jinvolvi l-interazzjoni u l-punti ta' tensjoni bejn ir-riċerka fundamentali, l-iżvilupp, id-demostrazzjoni u l-innovazzjoni, għall-kummerċjalizzazzjoni ta' suċċess tat-tekniki, il-proċeduri u l-modi ta' organizzazzjoni kollha meħtieġa għall-konverżjoni tal-provvista attwali tal-enerġija tagħna kif stabbilit fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 u lil hinn, iżda li fil-biċċa l-kbira tagħhom għadhom mhux prevedibbli.

3.19

Dan jikkonċerna b'mod partikolari t-tkomplija u l-iżvilupp tal-Pjan SET (5) matul il-perjodu ta' finanzjament 2014-2020, li s'issa kien ta' suċċess kbir.

3.20

Fir-rigward tal-użu tal-fondi pubbliċi, jiġifieri r-riżorsi finanzjarji li ġejjin mit-taxxi (jew il-kontribuzzjonijiet obbligatorji) taċ-ċittadini jew tal-ekonomija, għandha ssir il-mistoqsija fundamentali: għal liema għanijiet ta' finanzjament għandhom jintużaw jew jiġu permessi u x'riżorsi ser jiġu provduti mis-settur privat? Il-Kumitat mhux beħsiebu jidħol fl-aspett legali ta' din il-kwistjoni iżda hawnhekk ser jiddiskuti l-aspetti tal-kontenut u dawk tematiċi. Huwa jqis li kwalunkwe appoġġ provdut mill-Kummissjoni (u b'hekk li ġej minn fondi pubbliċi) għandu jiffoka fuq il-missjonijiet li l-anqas li jibbenefikaw minn finanzjament privat. Dan jista' jkun minħabba r-raġunijiet tipiċi li ġejjin:

hemm riskju kbir b'rabta mal-iżvilupp tagħhom, b'kuntrast mal-benefiċċji potenzjali konsiderevoli f'każ li l-inizjattiva tirnexxi;

l-ispejjeż li jiġġarrbu huma għoljin ħafna u jistgħu biss jiġġarrbu b'mod konġunt minn diversi sorsi pubbliċi ta' finanzjament;

il-limitu ta' żmien sabiex jinkiseb vantaġġ siewi huwa twil wisq;

it-teknoloġiji kkonċernati jkunu teknoloġiji trasversali jew ewlenin (pereżempju materjali ġodda);

ir-riżultat ma jistax jitqiegħed fis-suq mill-ewwel iżda huwa bżonn soċjali jew ambjentali ġenerali.

3.21

Soġġett għall-osservazzjonijiet li saru hawn fuq, il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li skontha "l-Pjan SET jeħtieġ aktar iffokar fuq l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, l-integrazzjoni ta’ attivitajiet tul il-katina tal-innovazzjoni, u koordinazzjoni akbar tal-EIIs u tal-EERA b’appoġġ għal dan" (6).

3.22

Il-Kumitat jemmen li l-iżvilupp adatt tal-EERA hu mod ta' organizzazzjoni importanti biex jinkisbu, fl-oqsma kollha relatati mal-enerġija, il-viżjoni komuni u l-effikaċja fil-livell Ewropew li sal-lum il-ġurnata wasslu pereżempju biex ir-riċerka Ewropea dwar il-fużjoni fil-qafas tal-programmi preċedenti EURATOM tirnexxi. Għaldaqstant jeħtieġ li l-EERA tingħata struttura governattiva adatta għar-riċerka u l-iżvilupp li tippermetti approċċ globali fir-rigward tas-suġġetti relatati mar-riċerka u l-iżvilupp u raggruppament tal-kompetenzi Ewropej. Għal dan il-għan, il-Kumitat itenni t-talba tiegħu li jiġi previst l-involviment kwalifikat, kompetenti u sinifikanti tal-Kummissjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet u t-tqassim tar-riżorsi finanzjarji rispettivi.

3.23

Fir-rigward tal-ispejjeż reali u l-baġit disponibbli għal dan il-għan fil-livell tal-Kummissjoni, il-Kumitat itenni d-dispjaċir tiegħu, kif diġà għamel diversi drabi, li l-pakkett previst għall-programm Orizzont 2020 fil-qafas finanzjarju 2014-2020 mhuwiex suffiċjenti meta jitqies id-daqs tal-kompitu u l-importanza tal-problema.

3.23.1

Minn naħa, huwa ħafna aktar importanti li jsir l-aħjar użu possibbli mill-fondi limitati għar-riċerka u l-iżvilupp tal-Orizzont 2020 (kriterji għad-distribuzzjoni ta' fondi), li dawn jaġixxu bħala lievi u inċentivi biex iħeġġu lill-Istati Membri u lis-settur privat biex jinvestu aktar fir-riċerka u l-iżvilupp.

3.24

Min-naħa l-oħra, jeħtieġ ukoll li, kif tipproponi l-Kummissjoni, jinstabu sorsi oħra ta' finanzjament, jiġifieri jintużaw il-Fondi Strutturali tal-UE, il-Fond Ewropew tal-Investiment kif ukoll id-dħul (li issa huwa baxx ħafna) mill-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet iżda b'mod partikolari li jiġi liberat il-potenzjal tal-investiment tal-ekonomija tas-suq u tal-industriji u li jiġi dirett lejn din l-isfida konsiderevoli.

3.25

Kif diġà stqarr il-Kumitat diversi drabi, biex jinkiseb dan il-għan madankollu jeħtieġ li tintemm il-konfużjoni tal-interventi nazzjonali fis-suq, li hija ta' ħsara għall-kompetizzjoni, u li minflok ikun hemm regoli (7) affidabbli u applikabbli fl-Ewropa kollha, sabiex l-investituri jkollhom sigurtà fir-rigward tal-ippjanar u l-inċentivi meħtieġa.

3.26

Eżempju partikolarment estrem ta' regoli li qed ifixklu l-innovazzjoni jikkonċerna għal darb'oħra l-effetti tar-regoli dwar il-feed-in li jeżistu f'xi Stati Membri u li jinvolvu sussidjar eċċessiv tas-sorsi tal-enerġija intermittenti. Għalkemm fil-bidu dan kien strument estremament effettiv biex jiġu appoġġjati n-negozji li jkunu għadhom kemm fetħu (start-ups) u t-tqegħid fis-suq, wara s-suċċess inizjali tiegħu dan l-istrument wassal għal sussidjar eċċessiv sproporzjonat li kultant jirriżulta fi tnaqqis tant qawwi fil-prezzijiet fis-suq tal-elettriku li l-kumpaniji ma jkunx jaqblilhom jipprovdu l-kapaċitajiet ta' riżerva u jkomplu jiżviluppaw it-teknoloġiji, u wisq anqas li jiżviluppaw it-teknoloġiji tant meħtieġa tal-ħżin u jinvestu fihom.

3.26.1

Barra minn hekk dan iwassal għas-sitwazzjoni paradossali u grotteska fejn il-konsumatur aħħari tal-enerġija elettrika jkollu jħallas għad-differenza konsiderevoli fil-prezz li hija r-riżultat tad-differenza bejn l-iktar prezzijiet baxxi (jekk mhux negattivi) fis-suq u u t-tariffa tal-feed-in li tosboq sew il-medja tal-livell tas-suq.

3.26.2

Il-prezzijiet eċċessivi li jħallsu l-konsumaturi għall-enerġija mhumiex biss problema ġenerali għall-ekonomija Ewropea iżda huma wkoll waħda mill-kawżi tal-faqar enerġetiku li ġew trattati mill-Kumitat f'Opinjoni (TEN/516) dwar dan.

3.27

Dan l-eżempju huwa intiż biex għal darb'oħra juri l-interazzjoni kumplessa li teżisti bejn l-innovazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tas-suq. Għaldaqstant, il-Kumitat jerġa' jirrakkomanda li tinsab soluzzjoni mill-aktar fis għal din is-sitwazzjoni bil-għan li s-settur privat jingħata biżżejjed inċentivi biex jinvesti fl-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-proċeduri innovattivi li tant huma meħtieġa u jkollu l-opportunità li jirnexxi f'termini ekonomiċi. Inkella, jekk dan ma jseħħx, anke l-aktar kumpaniji innovattivi jispiċċaw jagħmlu telf, inevitabbilment ifallu u jgħibu mis-suq minħabba l-kompetizzjoni fil-forma ta' teknoloġiji privileġġjati mill-Istat u ssussidjati ħafna.

4.   Kummenti speċifiċi tal-Kumitat

4.1

Fid-dawl tal-kummenti ta' hawn fuq, il-Kumitat jappoġġja l-prinċipji fundamentali mħabbra mill-Kummissjoni, b'mod partikolari:

il-ħolqien ta' valur miżjud fil-livell tal-UE;

il-kunsiderazzjoni tas-sistema kollha tal-enerġija (il-produzzjoni, l-infrastruttura, is-servizzi, eċċ.) meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet;

ir-raggruppament tar-riżorsi u l-użu ta' firxa ta' strumenti finanzjarji;

l-idea li l-possibbiltajiet jibqgħu miftuħin filwaqt li ssir enfasi fuq l-aktar teknoloġiji promettenti lil hinn mill-2020.

Fil-fatt, huwa biss permezz tal-esperjenza u firxa wiesgħa ta' għażliet u kunċetti b'taħlita tal-enerġija ugwalment wiesgħa li jista' jiġi żgurat is-suċċess fit-tul tal-kompitu enormi li għandna quddiemna. Għal dan il-għan jinħtieġu prammatiżmu, realiżmu u paċenzja.

4.2

Fid-dawl tal-kummenti ta' hawn fuq, il-Kumitat jappoġġja wkoll l-għanijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar l-iżvilupp:

il-ksib tal-potenzjal kollu tal-effikaċja enerġetika;

il-provvista ta' soluzzjonijiet kompetittivi;

it-trawwim tal-innovazzjoni f'kundizzjonijiet reali u bbażati fuq is-suq.

4.3

B'mod partikolari fid-dawl tal-punti dgħajfa tal-enerġiji rinnovabbli intermittenti li ġew esposti f'Opinjoni esploratorja reċenti (8) dwar dan is-suġġett, il-Kumitat jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tenfasizza aktar l-iżvilupp ta' sistemi tal-enerġija nadifa biex tiżgura kapaċità bażika u provvista tal-enerġija adatta għall-klijenti, li, apparti provvista ta' enerġiji rinnovabbli bħal dik ġeotermali, tinkludi l-enerġija mill-fużjoni b'Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER) u l-programm ta' riċerka komplementari.

4.4

Barra minn hekk, il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-ħidma ta' riċerka u ta' żvilupp fil-qasam tal-użu tal-fissjoni nukleari, suġġett li mhux ser jindirizza aktar f'din l-Opinjoni peress li diġà pparteċipa b'mod attiv f'konferenza dwar is-suġġett (Simpożju: Benefits and limitations of nuclear fission for a low-carbon economy [Il-benefiċċji u l-limitazzjonijiet tal-fissjoni nukleari għall-ekonomija b'livell baxx ta' karbonju], Brussell, Frar 2013).

4.5

Il-provvista tal-enerġija naturalment tinkludi wkoll l-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-proċeduri adatti għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) - anke jekk dawn jaċċellaraw aktar il-konsum tar-riżorsi fossili limitati - sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun malajr l-emissjonijiet tas-CO2.

4.6

Barra minn hekk, fir-rigward tal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli intermittenti, il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li tingħata prijorità u jiġu enfasizzati aktar l-iżviluppi ffokati fuq l-elementi tas-sistema kollha li għadhom neqsin u li jippermettu li jkun hemm provvista tal-enerġija adatta u ffokata aktar fuq il-klijent.

4.7

Dan jikkonċerna l-ewwel u qabel kollox l-iżvilupp ta' sistemi ta' ħżin tal-enerġija b'kapaċità suffiċjenti li jkunu kemm jista' jkun effikaċi u bi prezz raġonevoli. Il-Kumitat jara li hemm bżonn partikolari li nirkupraw fil-qasam tal-iżvilupp u l-applikazzjoni adatti fuq skala kbira tal-elettrokimika u t-teknika tal-elettroliżi u l-materjali korrispondenti. Barra minn hekk, dan jippermetti wkoll li tiġi stabbilita rabta sistemika bejn l-enerġiji rinnovabbli intermittenti u s-settur tal-mobbiltà (kombustibbli jew ċelloli tal-fjuwil) fossili (gass jew likwidi), kif diġà huwa l-każ tal-vetturi elettriċi li jaħdmu bil-batteriji.

4.8

F'dan ir-rigward, il-Kumitat jirreferi wkoll għall-Opinjoni (9) li fassal fuq talba tal-Presidenza Irlandiża fejn wera t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-konsegwenzi tagħha fuq iċ-ċittadini u l-kompetittività. Sabiex ikun hemm aktar kompetizzjoni bbażata fuq is-suq, il-Kumitat ippropona li jiġi introdott prezz raġonevoli (skambju proporzjonat tal-emissjonijiet, taxxa jew affarijiet simili) għall-karbonju bħala l-unika miżura li tappoġġja l-enerġiji rinnovabbli fis-suq. Għalkemm dan iwassal għal żieda fil-prezz tal-enerġija fossili u b'hekk tal-elettriku mill-impjanti li jaħdmu bil-faħam, iż-żejt jew il-gass, fl-istess ħin jippermetti li jiġu eliminati d-diversi sussidji u miżuri ta' infurzar l-oħra għall-enerġiji rinnovabbli li jgħollu l-prezzijiet u jwasslu għal distorsjoni fis-suq. Id-dħul mill-allokazzjoni ta' drittijiet ta' emissjonijiet għalhekk fl-ebda każ m'għandu jidħol fil-fondi komuni tal-Istati Membri bħala dħul ġenerali addizzjonali, iżda għandu jintuża b'mod esklużiv għall-iżvilupp u l-użu ta' sistemi effikaċi futuri tal-enerġija. Il-proposta tal-Kummissjoni li saret f'dan ir-rigward għalhekk hija fit-triq it-tajba u hi appoġġjata bis-sħiħ mill-Kumitat.

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 15-20.

(2)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 1.-7.

(3)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 1-8.

(4)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129.

(5)  ĠU C 21, 21.1.2011, p. 49-55.

(6)  COM(2013) 253 final, punt 2.8.

(7)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 1-8.

(8)  ibid.

(9)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 1-8.


Top