EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IE2169

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Niggarantixxu l-importazzjonijiet essenzjali għall-UE bil-politika kummerċjali attwali tal-UE u l-politiki relatati l-oħra”

ĠU C 67, 6.3.2014, p. 47–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Niggarantixxu l-importazzjonijiet essenzjali għall-UE bil-politika kummerċjali attwali tal-UE u l-politiki relatati l-oħra”

2014/C 67/08

Relatur: is-Sur PEEL

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u s-17 ta’ Jannar 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Niggarantixxu l-importazzjonijiet essenzjali għall-UE bil-politika kummerċjali attwali tal-UE u l-politiki relatati l-oħra

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta' Settembru 2013.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’105 voti favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-kompetittività tal-UE, jekk mhux iż-żamma tal-istandard globali ta' għajxien u l-kwalità tal-ħajja tagħna, tiddependi mill-provvista regolari u sikura tal-importazzjonijiet essenzjali ewlenin. It-tieni Rapport tal-Attività tad-DĠ Kummerċ (1) jgħid li ftit ekonomiji huma awtosuffiċjenti meta niġu għall-provvista tal-materja prima minħabba l-ambitu wiesa' ta' kontributi meħtieġa minn ħafna mill-pajjiżi. Ir-Rapport juri li l-interdipendenza hija reali u inevitabbli għall-ekonomiji kollha. L-aċċess għal dawn il-materjali bi prezzijiet li jilħaqhom kulħadd huwa essenzjali għall-funzjonament sostenibbli tal-ekonomija tal-UE u tas-soċjetà moderna kollha kemm hi.

1.1.1

Dawn ir-riżorsi naturali ewlenin, jiġifieri art agrikola, ikel agrikolu, ilma, enerġija u ċerti metalli u minerali ewlenin, mhumiex mingħajr limiti u l-provvista tagħhom dejjem tonqos, iżda d-domanda għal dawn bħalissa hija l-ogħla li qatt kienet u dejjem tikber. Tweġiba inadegwata għat-tibdil fil-klima tista' tiggrava iktar is-sitwazzjoni. L-UE tibbenefika minn klima relattivament tajba u moderata għall-ikel, l-ilma u l-agrikoltura, iżda mhix awtosuffiċjenti la fl-enerġija u lanqas f'ħafna metalli u minerali strateġiċi ewlenin.

1.2

Għalhekk huwa essenzjali li l-UE tagħmel l-akbar enfasi fuq il-kisba tar-razzjonalizzazzjoni u l-effiċjenza massima tar-riżorsi, l-innovazzjoni u s-sostituzzjoni, speċjalment permezz tal-użu sostenibbli, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-enerġija u l-metalli u l-minerali strateġiċi ewlenin u riżorsi naturali oħra. Il-Kumitat jilqa' partikolarment l-enfasi dwar dan mis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) u mir-reviżjoni riċenti tal-Kummissjoni tal-Inizjattiva għall-Materja Prima (RMI) tagħha (2). Is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta attivament u bis-sħiħ, mhux l-inqas bħala partijiet interessati, u l-konsumaturi għandhom rwol ċentrali u responsabbli x'jaqdu biex jiżguraw ir-rati massimi ta' użu mill-ġdid u riċiklaġġ, u t-tnaqqis għall-minimu tal-iskart.

1.3

Madankollu l-għan ta' din l-Opinjoni huwa li tfittex li tiżgura l-importazzjonijiet essenzjali permezz tal-kummerċ u l-politiki relatati.

1.4

L-approċċ tal-UE għall-kummerċ sostenibbli huwa iktar avvanzat minn dak tal-kompetituri prinċipali tagħha, iżda s-sostenibilità għandha tkun fundamentali għal kwalunkwe strateġija tal-UE għall-ksib ta' importazzjonijiet essenzjali. Din l-istrateġija għandha wkoll torbot bis-sħiħ mal-Programm għall-Iżvilupp tal-UE, b'referenza partikolari għall-AKP, il-pajjiżi l-inqas żviluppati, l-iżvilupp tal-SĠP u l-SĠP +, u n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE), kif tirrikonoxxi bis-sħiħ il-Kummissjoni.

1.5

Kif tenna regolarment il-Kumitat, huma essenzjali li tkun żgurata koerenza bejn il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali, il-ġlieda kontra l-faqar, il-produzzjoni sostenibbli u l-konsum. Għandhom jiġu stabbiliti proċessi ta' parteċipazzjoni sħiħa li jinvolvu lis-soċjetà ċivili, billi dawn u d-djalogu soċjali huma fatturi ewlenin li jiżguraw governanza tajba u jiġġieldu l-korruzzjoni.

1.6

Il-Kumitat jilqa' l-identifikazzjoni tal-"ġestjoni tal-assi tar-riżorsi naturali b'mod sostenibbli" bħala wieħed mit-12-il "Għan Illustrattiv" mir-rapport tal-Panel ta' Livell Għoli ta' Persuni Eminenti tan-NU, tat-30 ta' Mejju 2013. Il-Kummissjoni min-naħa tagħha ħarġet il-Komunikazzjoni importanti tagħha "Ħajja diċenti għal kulħadd" (3), li tkopri din l-inizjattiva tan-NU li torbot il-progress tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju mar-riżultat ta' "Rio +20", bil-għan li jiġu stabbiliti għanijiet ġodda ta' żvilupp sostenibbli (Sustainable Development Goals - SDGs) mill-2015. Kif din il-Komunikazzjoni tfakkarna, "tnejn mill-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja d-dinja huma l-eradikazzjoni tal-faqar u l-iżgurar li l-prosperità u l-benesseri huma sostenibbli". Madankollu dawn l-għanijiet se jkunu ferm aktar diffiċli biex jinkisbu jekk id-dinja taffaċċja nuqqasijiet kritiċi tar-riżorsi strateġiċi ewlenin.

1.6.1

Il-Komunikazzjoni tenfasizza wkoll li "żewġ terzi tas-servizzi pprovduti min-natura – inklużi l-art għammiela, l-arja u l-ilma nadif – qed jonqsu u t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità huma qrib il-limiti li jekk jinqabżu jkun hemm effetti irriversibbli fuq is-soċjetà umana u l-ambjent naturali". Il-Kumitat min-naħa tiegħu iddeskriva din il-Komunikazzjoni bħala "pass importanti", u enfasizza li "fid-dawl tan-natura finita tal-limiti fiżiċi ta' … ħafna riżorsi naturali … jeħtieġ li l-SDGs jinkludu għanijiet biex dawn ir-riżorsi jintużaw b'mod aktar effiċjenti u biex jinqasmu b'mod aktar ġust".

1.7

Il-Kumitat jilqa' l-progress li sar dwar l-Inizjattiva għall-Materja Prima tal-Kummissjoni. Madanakollu, l-immaniġġjar effettiv tar-riżorsi dinjin ewlenin għandu jiġi primarjament indirizzat fuq livell globali. Kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni "biex tkun żgurata provvista sostenibbli ta' materja prima l-iżvilupp ta' rispons koordinat tal-UE jew saħansitra internazzjonali huwa meħtieġ … biex ikunu promossi qafas internazzjonali aħjar u kooperazzjoni eqreb" (4). Il-problemi bħalissa huma aktar ġeopolitiċi milli ġeoloġiċi, iżda l-Kumitat huwa diżappuntant li t-tweġiba tal-UE tagħti l-impressjoni li hija iktar tilqit ta' inizjattivi speċifiċi milli strateġija globali kumplessiva. Madanakollu, il-Kumitat jilqa' l-kooperazzjoni mill-qrib li l-UE stabbilixxiet mal-Istati Uniti u l-Ġappun, is-sħubija strateġika ewlenija msemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2011, "Naffrontaw l-Isfidi fis-Swieq tal-Prodotti Bażiċi u dawk marbuta mal-Materja Prima" (5), u mal-pajjiżi msemmija fir-revizjoni tal-Inizjattiva għall-Materja Prima. B'mod ġust din tenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u mal-Afrika inġenerali.

1.7.1

Il-Kumitat jinkoraġixxi t-twettiq attiv tad-"Diplomazija dwar il-Materja Prima" tal-UE. Fuq kollox, jikkunsidra li hemm bżonn li jsiru sforzi iktar b'saħħithom u iktar kkoordinati fil-livell globali, prinċipalment permezz tal-G20 (li jinkludi ħafna pajjiżi li fihom tikkonċentra d-domanda għall-importazzjonijiet strateġiċi), fejn il-kwistjoni kienet diskussa b'inqas suċċess s'issa, iżda wkoll permezz tal-OECD u n-NU u l-aġenziji tagħha. "Tellieqa sal-qiegħ" ma tgħin lill ħadd.

1.7.2

L-iżvantaġġ prinċipali għal kwalunkwe approċċ globali integrat huwa n-nuqqas ta' mekkaniżmi ta' infurzar effettivi. Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li, bħala parti mir-reviżjoni li suppost diġà ġiet ippubblikata tad-WTO, li għandha bażi fil-liġi internazzjonali, tiżdied kompetenza speċifika biex tkopri l-enerġija u l-materja prima u l-użu sostenibbli tagħhom. Enfasi akbar għandha wkoll titqiegħed fuq il-Forum annwali dwar il-Prodotti Bażiċi Globali tal-UNCTAD. Kwistjoni ewlenija hawnhekk hija l-vulnerabbiltà tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għall-pajjiżi dipendenti mill-prodotti bażiċi, is-setturi tal-prodotti bażiċi spiss huma l-aktar sors importanti ta' qligħ u impjiegi. Madankollu, l-inkapaċità tagħhom li jsarrfu t-tkabbir immexxi mill-prodotti bażiċi fi tkabbir ekonomiku wiesgħa u iktar fit-tul u benefiċċji aħjar għall-foqra ippoġġi f'dubju l-mudell ta' żvilupp tagħhom. Jeħtieġ li tingħata konsiderazzjoni fundamentali b'mod urġenti, li tinvolvi bis-sħiħ lis-soċjetà ċivili, dwar liema bidliet huma meħtieġa fil-politiki, l-istituzzjonijiet u l-infrastruttura tagħhom li jorbtu d-dħul mill-prodotti bażiċi mal-kisba ta' riżultati ta' żvilupp, inklużi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli futuri.

1.8

Ir-rwol tas-settur privat huwa wkoll importanti u kritiku, billi l-maġġorparti tal-estrazzjoni tal-minerali u tal-enerġija issa hija tranżazzjoni tas-suq. Billi l-estrazzjoni u l-ipproċessar għandhom bżonn kapital intensiv, dawn jiddependu ħafna fuq kumpaniji multinazzjonali kbar. Għalhekk huwa essenzjali li l-Konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, "Guidelines for Multinational Enterprises" (Linji Gwida għall-Impriżi Multinazzjonali) tal-OECD u l-Guidance for Responsible Supply Chains (il-Gwida għall-Katini tal-Provvista Responsabbli) tal-OECD (6) jiġu implimentati u osservati b'mod sħiħ, inkluża l-kooperazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali. Kif tisħaq il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni "L-Ewropa globali" huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni kummerċjali "jgħaddu għand iċ-ċittadini tagħna. Hekk kif nimxu fit-triq tal-ġustizzja soċjali u l-koeżjoni f'pajjiżna, għandna zkoll infittxu wkoll li nippromwovu l-valuri tagħna, fosthom dawk soċjali u ambjentali, madwar id-dinja." (7)

1.9

L-importazzjonijiet tal-UE tal-enerġija u tal-materja prima jammontaw għal terz tal-importazzjonijiet kollha tal-UE (EUR 528 biljun fl-2010) (8). Attwalment l-UE tindirizza l-ostakli għal dawn l-importazzjonijiet, bħal projbizzjonijiet ta' esportazzjoni, restrizzjonijiet ġodda, dazji tal-esportazzjoni żejda jew ipprezzar doppju, permezz tan-negozjati kummerċjali tagħha (il-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles, il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomiku, il-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni u n-negozjati ta' adeżjoni mad-WTO), bl-aħħar tentattiv ikun Mekkaniżmu ta' Tilwim.

1.9.1

Madankollu, il-Kumitat jesprimi t-tħassib kbir tiegħu li dawn huma strumenti tattiċi tal-politika kummerċjali u ma jammontawx għal strateġija globali, u lanqas ma jkunu effettivi fi kriżi. Il-mekkaniżmi ta' tilwim jieħdu l-ħin biex jibdew jaħdmu u, kif jidher mill-każ tal-elementi terresti rari, huma suġġetti għal titwil. Insejħu għal proċedura ta' rispons ta' emerġenza jew ta' kriżi ċara tal-UE fil-każ li importazzjoni importanti f'daqqa waħda ma tibqax disponibbli, għal kwalunkwe raġuni.

1.10

B'kunsiderazzjoni speċifika għall-kwistjonijiet tal-enerġija, ir-Russja, in-Norveġja u l-Alġerija bejniethom jammontaw għal 85 % tal-importazzjonijiet tal-gass naturali tal-UE u kważi 50 % ta' żejt mhux raffinat. Sa ftit ilu l-produtturi ewlenin tal-enerġija kienu kajmana biex jingħaqdu mad-WTO, li bħala organizzazzjoni bbażata fuq regoli, tenfasizza stabbiltà u prevedibbiltà akbar. Il-Kumitat għalhekk iħeġġeġ li l-UE taħtaf l-opportunità offruta mill-adeżjoni tar-Russja mad-WTO fl-2012, biex tpoġġi dinamiżmu ġdid urġenti fin-negozjati għal ftehim ta' kummerċ u investiment ġdid UE-Russja, u tiżviluppa relazzjoni aktar xierqa u profonda.

1.10.1

Bl-istess mod il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tinkoraġġixxi kemm il-finalizzazzjoni tad-dħul tal-Każakstan fid-WTO, kif ukoll l-impetu miksub reċentament kemm mill-Alġerija u kif ukoll mill-Ażerbajġan fin-negozjati tagħhom għad-dħul fid-WTO. Hemm bżonn jingħata wkoll impetu ġdid lin-negozjati ta' adeżjoni fl-UE tat-Turkija, bħala ċentru kritiku ta' enerġija u pajjiż tranżitu.

1.11

Il-Kumitat iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex tgħin tiġi żgurata l-applikazzjoni separata u antiċipata (early harvest) tal-ftehim propost tad-WTO, fil-laqgħa Ministerjali tad-WTO li jmiss, dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u kwistjonijiet oħra relatati mal-agrikoltura li ma jistgħux ikunu koperti faċilment minn ftehimiet bilaterali. Bl-imblokk tan-negozjati ta' Doha, anke dawn l-isforzi mixjin bil-mod ħafna. In-nuqqas li jinkiseb anki dan l-għan limitat jista' jirrifletti ħażin ħafna fuq ir-rwol tan-negozjati globali tad-WTO: falliment finali fuq livell multilaterali jista' potenzjalment ikollu konsegwenzi serji għas-sigurtà globali tal-ikel.

1.12

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni għall-provvista responsabbli "tal-minerali ta' kunflitt" (dawk li ġejjin minn żoni ta' kunflitt jew b'riskju għoli), u għażliet oħra biex tassisti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom ħafna riżorsi u li tiffoka fuq it-trasparenza tal-katina tal-provvista tal-minerali. Madankollu, nibqgħu mħassbin li, peress li t-traċċabilità ta' spiss hija impossibbli li tiġi ddeterminata b'mod sħiħ, jew il-kummerċ ser jiġi "ddevjat" għall-pajjiżi ġirien jew il-kumpaniji jistgħu jirtiraw minflok jiffaċċjaw akkużi mhux mixtieqa. Approċċ volontarju bbażat fuq il-linji gwida tal-OECD għall-korporazzjonijiet multinazzjonali għandu jiġi kkunsidrat ukoll, filwaqt li inizjattivi, bħall-EITI (9), li tindirizza t-trasparenza tal-ħlasijiet, għandhom jiġu mħeġġa u appoġġjati bis-sħiħ. Hawnhekk ukoll, huwa essenzjali li jkun żgurat it-twettiq ta' proċess parteċipatorju sħiħ li jinvolvi lis-soċjetà ċivili.

2.   Importazzjonijiet essenzjali ewlenin - sfond

2.1   Ħafna fatturi flimkien qed joħolqu domanda esponenzjali għar-riżorsi naturali. Dawn jinkludu popolazzjoni dinjija li mistennija tilħaq id-9 biljuni, industrijalizzazzjoni u urbanizzazzjoni mgħaġġla b'iktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja issa tgħix fil-bliet u mill-2030, 2 biljun ruħ aktar ta' "klassi medja", li jitolbu (u jkunu kapaċi jħallsu għal) diversità u għażla ferm akbar ta' affarijiet li jixtiequ jikkunsmaw. Ebda pajjiż ma jista' jkollu pretensjoni prijorjitarja għal dawn ir-riżorsi: diġà hemm żieda esponenzjali tal-użu tal-mowbajls madwar id-dinja.

2.1.1   Il-problema spiss hija aggravata mill-fatt li ħafna minerali ewlenin jinsabu f'żoni ta' kunflitt, filwaqt li s-sorsi tal-enerġija ewlenin spiss jinsabu f'pajjiżi fejn hemm problemi politiċi oħra. Għalhekk huwa essenzjali li tittieħed azzjoni preventiva globali, qabel id-domanda tisboq sew il-provvista għall-materja prima prinċipali, kontra jew żieda esponenzjali fil-prezzijiet, li waħedha jista' jkollha effett devastanti fuq id-disponibbiltà immedjata ta' dawn il-materjali (biex ma nsemmux l-effett fuq il-faqar), jew ir-rikors għall-gwerra u kunflitti.

2.2   Enerġija

2.2.1

L-enerġija hija fattur strateġiku fundamentali fi kwalunkwe konsiderazzjoni tal-importazzjonijiet essenzjali għall-UE.,Hija komponent bażiku fiż-żamma kemm tal-istandard ta' għajxien kif ukoll tal-kwalità tal-ħajja tagħna. Madanakollu, is-suq internazzjonali tal-enerġija huwa kompetittiv ħafna u volatili. Minkejja li l-importazzjonijiet ikopru 55 % tat-taħlita tal-enerġija tal-UE (10), l-UE inġenerali timporta 60 % tal-gass tagħha u ’l fuq minn 80 % taż-żejt (11), bil-kompetizzjoni dejjem ikbar minn bnadi oħra, b’mod partikolari mill-ekonomiji emerġenti.

2.2.2

Id-domanda globali tal-enerġija tista’ tiżdied b’40 % fl-20 sena li ġejjin filwaqt li rispons inadegwat għat-tibdil fil-klima jista' jkompli jaggrava s-sitwazzjoni. Provvista tal-enerġija sikura u affidabbli hija kruċjali, mandanakollu ħafna Stati Membri jistgħu jiddependu biss minn għadd żgħir ta’ fornituri tal-enerġija u għalhekk huma suxxettibbli għal konġestjonijiet u volatilità fil-prezzijiet, b’mod partikolari fil-każ tal-gass u ż-żejt. Id-diversfikazzjoni tal-provvista tal-enerġija hija partikolarment urġenti għat-tliet Stati Baltiċi.

2.2.3

L-enerġija hija qasam ta' kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri, ikkumplikata minn kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità kummerċjali u sovranità nazzjonali. It-tweġiba tal-Kummissjoni kienet fuq żewġ linji. L-ewwel nett, qed jitwaqqaf mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni biex ikopri l-ftehimiet intergovernattivi tal-enerġija bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Dan, il-Kumitat laqgħu bħala "pass xieraq lejn l-implimentazzjoni effettiva ta' politika komuni tal-UE għall-enerġija esterna", f'konformità mal-Istrateġija 2020 tal-UE dwar l-Enerġija, u "jenfasizza li huwa essenzjali li l-Ewropa taġixxi b'vuċi magħquda sabiex tikseb provvista tal-enerġija adegwata, stabbli u sigura fil-futur prevedibbli".

2.2.3.1

S'issa l-ebda pajjiż fl-UE ma jista' jkollu stampa ġenerali dwar kwalunkwe sieħeb kummerċjali speċifiku, iżda dawk l-imsieħba kummerċjali ċertament għandhom. Hemm xi 30 ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar iż-żejt, xi 60 dwar il-gass iżda inqas dwar l-elettriku.

2.2.4

It-tieni parti tal-istrateġija tal-Kummissjoni hija l-Pjan Direzzjonali dwar l-Enerġija għall-2050, li l-Kumitat laqa' wkoll. Dan jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati strateġiji tal-enerġija wara l-2020 u jħares lejn numru ta' xenarji li jinkludu miżuri sodi sew dwar l-effiċjenza enerġetika, il-prezzijiet tal-karbonju, l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli il-ġbir tal-karbonju u l-enerġija nukleari.

2.2.5

F'termini ta' garanzija tal-importazzjonijiet essenzjali, il-Kumitat sejjaħ għal strateġija komprensiva tal-UE dwar l-enerġija esterna (12) u biex il-politika barranija komuni tal-UE dwar l-enerġija tkun intensifikata progressivament u malajr (13). Dan it-tħassib jibqa'. Madanakollu, mil-lat speċifiku tal-politika kummerċjali, il-punt prinċipali huwa kemm li jiġu identifikati konġestjonijiet ta' provvista u ta' infrastruttura kif ukoll li tiżdied is-sħubija fid-WTO fost il-fornituri ewlenin tal-enerġija, mhux l-inqas biex jitħeġġu aktar stabbiltà u prevedibbiltà.

2.3   Ikel, art u ilma

2.3.1

Il-tieni qasam prinċipali ta' riżorsi naturali involuti fiż-żamma ta' standard u kwalità tal-ħajja deċenti jkopri l-art agrikola, l-ikel u l-ilma, bl-istess mod mhedda minn tweġiba inadegwata għall-bidla fil-klima.

2.3.2

L-UE tgawdi minn klima moderata, minkejja d-densità għolja tal-popolazzjoni u li biss parti minn tmienja tal-art tagħha hija adatta għall-produzzjoni tal-ikel. Iż-żieda fl-aridità hija theddida li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri tan-Nofsinhar iżda jekk ikun hemm bżonn importazzjoni tal-ilma din tiġi mill-UE stess.

2.3.3

Il-Kumitat diġà ta l-fehma tiegħu dwar is-sigurtà tal-ikel (14), jiġifieri l-problema globali u usa', bħala waħda mill-ixpruni prinċipali għar-riforma tal-PAK.

2.3.4

L-UE timporta aktar ikel minn pajjiżi inqas żviluppati milli l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun u l-Awstralja flimkien. Għalkemm Copa-Cogeca turi kummerċ negattiv fl-agrikoltura, il-Kummissjoni turi surplus ġenerali fl-2012 ta' EUR 12,6 biljun inkluża l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel. L-importazzjoni ewlenija agrikola tal-UE hija s-soja għall-għalf, li mingħajrha l-produzzjoni tal-laħam u l-prodotti tal-ħalib jkunu f'riskju serju (il-limiti ĠM huma rilevanti hawnhekk). Prodotti oħra prodotti biss f'ammonti suffiċjenti x'imkien ieħor jinkludu ċerti żrieragħ taż-żejt, frott, kafè, kawkaw u te.

2.3.5

B'ebda theddida reali għar-restrizzjonijiet fl-importazzjonijiet lejn l-UE, il-kwistjonijiet kummerċjali ewlenin hawnhekk huma l-istandards soċjali u ambjentali differenti, inklużi t-traċċabbilità, l-SPS (saħħa) u l-benessri tal-annimali, u t-tħassib dwar il-Proprjetà Intellettwali. Għal ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-prodotti agrikoli huma l-esportazzjoni fundamentali - jekk mhux prinċipali - li għalihom l-UE titqies bħala suq prinċipali, fejn ħafna jemmnu li l-aċċess huwa indebitament ristrett minħabba s-sigurtà tal-ikel tal-UE u standards oħra.

2.3.6

L-agrikoltura hija parti ewlenija min-negozjati ta' Doha tad-WTO - tabilħaqq in-negozjati kellhom jibdew fl-1999, qabel tnedew dawk ta' Doha - iżda dawn ma waslu mkien. Il-Kumitat huwa mħasseb li n-nuqqas li saħansitra jiġi żgurat ftehim antiċipat u separat dwar il-Faċilitazzjoni Kummerċjali u kwistjonijiet oħra marbuta mal-agrikoltura fil-laqgħa Ministerjali li jmiss tad-WTO jista' jkollu konsegwenzi serji ħafna għad-WTO, iżda saħansitra agħar għas-sigurtà globali tal-ikel.

2.4   Minerali u materja prima strateġiċi ewlenin

2.4.1

L-aċċess għall-minerali u l-materja prima strateġiċi ewlenin huwa t-tielet qasam strateġiku fundamentali meta jiġu kkunsdrati l-importazzjonijiet essenzjali għall-UE.

2.4.2

Din il-materja prima ewlenija, tinkludi minerali metalliċi u industrijali, materjali tal-kostruzzjoni, u metalli bażi, bħall-kobalt, il-gallju, l-indju u firxa ta' elementi terrestri rari. L-użu tagħhom għandu impatt fuq il-ħajja ta' kuljum f'ħafna modi differenti, prinċipalment fil-karozzi, l-ajruplani u t-tagħmir informatiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2011, il-Kummissjoni telenka 14-il "materja prima kritika" ewlenija, b'rati ta' riċiklaġġ u sostituzzjoni, li bħalissa qed taġġorna biex tkopri l-iżvilupp tas-suq, dawk teknoloġiċi u oħrajn. Bla dubju, xi komponenti bażiċi jkunu diġà parti minn ħafna importazzjonijiet manifatturati minn qabel, u materjal strateġiku ieħor mhux kritiku bħalissa, iżda malajr jista' jispiċċa l-użu ta' tagħmir informatiku u tagħmir prinċipali ieħor u mbagħad jintrema.

2.4.3

Il-London Metal Exchange tistima li madwar 7 % tal-konsum totali tar-ram jiġi mis-settur tal-karozzi, iżda l-karozzi jinkludu wkoll l-azzar, l-aluminju, il-platinu (60 % tal-użu totali), il-palladju, ir-rodju, iċ-ċomb, il-landa, il-kobalt u ż-żingu. Bl-istess mod, mowbajl jew Ipad fih ir-ram, il-fidda, id-deheb, il-palladju u l-platinu. Is-sostituzzjoni regolari ta' dawn l-oġġetti, madwar kull sentejn, hija diġà ta' tħassib kbir, iżda ż-żieda globali fl-użu hija esponenzjali, bi stima ta' 2 biljun mowbajls li diġà qegħdin jintużaw fiċ-Ċina u l-Indja waħedhom. Huwa stmat li s-sehem taċ-Ċina fil-konsum tar-ram globali waħdu żdied minn 12 % għal 40 % f'10 snin.

2.4.4

Minħabba l-avvanzi teknoloġiċi, xi wħud mill-minerali l-iktar kruċjali mfittxija llum jistgħu ma jibqgħux essenzjali fil-futur qrib, iżda oħrajn, bħall-elementi terresti rari (li bħalissa pereżempju huma parti ewlenija tal-aktar mowbajls reċenti), jista' jkollhom domanda kritika f'daqqa. Pereżempju, iċ-Ċina, li hi stmata li għandha s-97 % tad-depożiti tal-elementi terresti rari, imponiet restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fejn s'issa ma kien possibbli la riċiklaġġ u lanqas sostituzzjoni, iżda l-UE kellha tniedi Bord ta' Tilwim tad-WTO għal darb'oħra, minkejja li ċ-Ċina tilfet l-ewwel wieħed.

3.   L-isfida strateġika tas-sostenibbiltà għall-UE

3.1

L-iżgurar ta' materja prima strateġika kien għan ewlieni tal-politika barranija matul l-istorja għall-istati u l-imperi - u issa wkoll għall-kumpaniji kbar u l-korporazzjonijiet. Kif imsemmi, ebda ekonomija mhi awtosuffiċjenti meta niġu għall-provvista tal-materja prima.

3.2

Jibqa' dejjem preżenti l-periklu ta' xokkijiet mhux previsti fuq żmien qasir, kemm jekk ġejjin mill-prezz kif ukoll minn kawżi oħra, min-nuqqasijiet fit-trasport jew l-infrastruttura, sa ostakli intenzjonati, kriżijiet ambjentali jew kriżijiet oħrajn bħalma ġara f'Fukushima. Eżempji reċenti jinkludu nuqqasijiet kbar ta' enerġija (fl-2006 u l-2009) minħabba l-interruzzjoni tal-provvista mir-Russja, u iktar kmieni, fis-snin 70 minħabba nuqqas ta' żejt.

3.2.1

Ħafna mir-rimedji disponibbli għall-Kummissjoni jittrattaw soluzzjonijiet fit-tul. Fil-fatt, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-kwistjoni fuq numru ta' snin. Hija tindirizza l-ostakoli permezz tan-negozjati kummerċjali tagħha u, filwaqt li l-Kumitat huwa assigurat li l-provvista tkun inkluża f'kull każ, jidher li hemm ftit enfasi fuq l-iżgurar tal-importazzjonijiet essenzjali f'emerġenza.

3.3

Il-kompetenza hawnhekk hija fost il-ħafna sfidi li qed tiffaċċja l-UE. L-UE għandha kompetenza fil-kwistjonijiet tal-kummerċ, iżda, kuntrarjament għall-Istati Uniti, l-Istati Membri individwali, l-organizzazzjonijiet militari jew anke kumpaniji individwali, hija ma tistax hija stess taħżen riżervi strateġiċi taż-żejt jew materja prima ewlenija oħra. Kif turi r-reviżjoni tal-RMI "l-ebda Stat Membru ma jappoġġja skema ta’ kumulazzjoni ta’ stokk bħala opzjoni politika."

3.3.1

L-UE tista' tuża biss il-persważjoni ("soft" power). L-isfida tagħha għandha tkun li tiżviluppa qafas strateġiku kumplessiv. Hawnhekk l-UE qegħda f'pożizzjoni tajba biex tieħu rwol ta' tmexxija fi tliet oqsma prinċipali: il-promozzjoni ta' qafas globali, il-promozzjoni tas-sostenibbiltà u l-iżgurar tal-involviment attiv u sħiħ tas-soċjetà ċivili. Billi ħafna rakkomandazzjonijiet koprew dawn il-kwistjonijiet, m'hemmx bżonn nirrepetu l-argumenti hawnhekk, iżda l-Kumitat jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni darbtejn (15) enfasizzat li s-settur tal-minjieri "jista' u għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli". Is-sostenibbiltà trid tkun fundamentali għal kwalunkwe strateġija tal-UE għall-ksib tal-importazzjonijiet essenzjali.

3.4

Ir-rwol tas-settur privat huwa importanti u kritiku: il-maġġorparti tal-estrazzjoni tal-minerali issa hija tranżazzjoni tas-suq. Dan jidher ċar fil-partijiet aktar miftuħa tad-dinja, inklużi l-UE, l-Istati Uniti, l-Awstralja, l-Afrika t'Isfel, il-Brażil u l-Indja u sa ċertu punt il-kumpaniji ewlenin tal-enerġija Russi. Hawnhekk il-Kumitat jilqa' b'mod partikolari l-impenn tal-Assoċjazzjoni tal-Minerali Industrijali tal-UE biex "taħdem attivament lejn titjib kontinwu fil-prestazzjoni ekonomika, ambjentali u soċjali".

3.4.1

Kif il-Komunikazzjoni tal-2011 tiddikjara speċifikament li "Is-sigurtà tal-provvista tal-materja prima hija essenzjalment il-kompitu tal-kumpaniji", u żżid li r-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi "huwa li jiżguraw li jkun hemm kundizzjonijiet ta' qafas tajbin li jippermettu lill-kumpaniji li jwettqu dan il-kompitu".

3.5

B'kuntrast ma' dan hija ekonomija ċentralment ippjanata bħaċ-Ċina, fejn ħafna mil-lievi u l-atturi ekonomiċi huma taħt gradi varji ta' kontroll ċentralizzat. Iċ-Ċina għandha approċċ strateġiku iktar ċar u komprensiv biex jiżgura l-bżonnijiet ewlenin tagħha futuri fl-ikel u l-għalf, l-ilma, il-minerali u l-enerġija minn kwalukwe pajjiż ieħor, li b'attenzjoni partikolari għall-Afrika wassal għal tħassib mifrux. Kif sostnut mill-Kumitat, "hija u tfittex sorsi ġodda ta’ materja prima u investiment barrani, iċ-Ċina adottat sħubiji f’bosta pajjiżi Afrikani li jikkonċentraw fuq l-investiment bħala kummerċ milli bħala għajnuna għall-iżvilupp (16)".

3.5.1

Madankollu oħrajn jgħidu li ċ-Ċina għamlet trattati "ħżiena" u qed tħallas żejjed b'mod sinifikanti għall-materja prima tagħha, u li billi tittratta ma' pajjiżi li jistgħu jikkawżaw diffikultajiet politiċi għal oħrajn, fil-verità qed twessa' d-disponibbiltà ta' dawn il-minerali.

3.6

Għal ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom nuqqas ta' riżorsi, huwa diffiċli jiżguraw l-aċċess għall-materja prima. Pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom ħafna riżorsi u li jesportaw ukoll għandhom bżonn jeqirdu l-faqar. Għandhom bżonn jieħdu iktar valur miżjud mill-ipproċessar, kif ukoll jistabbilixxu sħubija ta' ħidma mas-settur privat.

3.6.1

Issemma t-tħassib dwar "il-minerali ta' kunflitt". Din l-inizjattiva tal-KE hija marbuta biss ma' żoni ta' kunflitt jew ta' wara gwerra, iżda bħal kif inhu ddikkjarat "l-estrazzjoni, it-tqandil, il-kummerċ u l-ipproċessar ta' minerali ġew assoċjati mal-użu ħażin tad-dħul finanzjarju, l-ostakli ekonomiċi, il-kunflitt politiku u l-fraġilità tal-Istat", enfasizzat mill-użu ħażin tad-dħul finanzjarju mill-partijiet li qed jiġġieldu, 'l hekk imsejħa "Saħta tar-Riżorsi".

3.6.2

Inizjattivi bħall-EITI għandhom ikunu mħeġġa u appoġġjati bis-sħiħ, u għandhom ikunu stabbiliti proċessi parteċipatorji sħaħ li jinvolvu s-soċjetà ċivili. Dan flimkien mad-djalogu soċjali huma fatturi ewlenin biex niżguraw governanza tajba u niġġieldu l-korruzzjoni. Ir-rwol ta' monitoraġġ stabbilit għas-soċjetà ċivili fi ftehimiet kummerċjali reċenti tal-UE joffri preċedent mill-aqwa, iżda s-soċjetà ċivili għandha tiġi involuta wkoll bis-sħiħ u b'mod attiv, u għandha tingħata kunsiderazzjoni dovuta lit-trasparenza f'kull stadju tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, il-ftehimiet ta' sħubija ekonomika u l-ftehimiet ta' sħubija u kooperazzjoni qabel ma dawn jiġu konklużi. Billi s-settur privat għandu rwol prinċipali, il-vuċi tal-imsieħba soċjali ukoll huwa ta' importanza kbira.

4.   Minerali u materja prima strateġiċi ewlenin

4.1

Il-Kummissjoni (DĠ Intrapriża) nediet l-Inizjattiva għall-Materja Prima fl-2008. Din għandha tliet pilastri bbażati fuq l-ewwel nett kundizzjonijiet ugwali fl-aċċess għar-riżorsi f'pajjiżi terzi, it-tieni t-trawwim ta' provvista sostenibbli mir-riżorsi Ewropej u t-tielet billi tingħata spinta lill-effiċjenza tar-riżorsi / riċiklaġġ.

4.1.1

Dawn il-pilastri huma ta' importanza fundamentali iżda jaqgħu barra l-ambitu ta' din l-Opinjoni. Madankollu, il-Kumitat jistaqsi għaliex persentaġġ hekk kbir ta' skart tal-metalli riċiklabbli tal-UE huwa esportat barra mill-UE, meta fdalijiet tal-metall riċiklat spiss huwa konsiderevolment aktar prezzjuż u orħos mill-materja prima oriġinali: effettivament qed nissussidjaw liċ-Ċina.

4.2

Il-Komunikazzjoni tal-2011 tal-Kummissjoni adottat ir-rapport tal-Grupp ta' Ħidma Ad hoc dwar id-definizzjoni ta' materja prima kritika. Il-Kumitat kopra dan fl-Opinjoni tiegħu "Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima" (17) li ħarset ukoll lejn ir-rwol tas-swieq finanzjarji.

4.2.1

Kif imsemmi, l-Komunikazzjoni elenkat 14-il materja prima kritika ewlenija, bir-rati ta' riċiklaġġ u sostituzzjoni tagħhom. Il-Kumitat jilqa' l-fatt li r-reviżjoni attwali qed issir b'konsultazzjoni sħiħa tal-partjiet interessati, minkejja li dawn ma eżaminawx għażliet ta' politika li f'pajjiżi bħall-Istati Uniti jew ir-Renju Unit mistennija jkollhom parti integrali.

4.2.2

Il-Kumitat jilqa' l-metodoloġija ġenerali u bir-reqqa ħafna li hija użata. Fost fatturi oħra, din tħares lejn minerali (u prodotti sekondarji) li huma ta' importanza ekonomika sinifikanti (filwaqt li tqabbel minerali bi proprjetajiet differenti ħafna u użati minn firxa ta' setturi wiesgħa ħafna), dawk li għandhom riskju għoli ta' provvista, u dawk b'nuqqas ta' sostituti lesti. Permezz tal-użu ta' indikaturi tal-Bank Dinji, il-pajjiżi sors huma identifikati b'governanza fqira jew riskju għoli ta' avvenimenti ta' sfrattu (mill-impożizzjoni arbitrarja ta' kwoti ta' esportazzjoni għall-gwerra ċivili), jew fejn hemm standards ambjentali baxxi. Ir-rati ta' riċiklaġġ potenzjali huma eżaminati wkoll, kif huma l-grad ta' kwalità, il-volatilità tal-prezzijiet u d-disponibbiltà ġeografika kontinwa. Din il-ħidma dettaljata tibqa' essenzjali.

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-KumitatEkonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  EU Trade Policy for Raw Materials – Second Activity Report, (Il-Politika tal-Kummerċ tal-UE dwar il-Materja Prima - it-Tieni Rapport ta' Attività), Mejju 2012 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  COM (2008) 699 final u COM (2013) 442 final.

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli" (COM (2013) 92 final, 27 ta' Frar 2013; ĠU C 271, 19.09.2013, p. 144.

(4)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(5)  COM(2011) 25 final.

(6)  OECD Due Diligence Guidance for Responsible Supply Chains of Minerals from Conflict-Affected and High-Risk Areas: Second Edition 2012 (Il-Gwida tal-OECD għad-dover ta' diliġenza għall-katini responsabbli ta' provvista ta' minerali minn żoni ta' kunflitt jew b'riskju għoli: it-tieni edizzjoni 2012 - mhux disponibbli bil-MaltI)

(7)  COM (2006) 567, Final, l-4 ta' Ottubru 2006, punt 3.1.iii

(8)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(9)  Extractive Industries Transparency Initiative - Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi.

(10)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, COM(2011) 885 final, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 126–132,

(11)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2011) 540 final kif ikkowata fl-Opinjoni tal-Kumitat "Il-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija" - ĠU C 68, 6.3.2012.

(12)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar "Id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE", ĠU C 182 4.8.2009, p. 8-12.

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-provvista tal-enerġija: x’tip ta’ politika ta’ viċinat għandna bżonn biex niggarantixxu s-sigurtà tal-provvista għall-UE?” -ĠU C 132 3.5.2011, p 15-21.

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar "Il-kummerċ u s-sigurtà alimentari", ĠU C 255, 2.9.2010.

(15)  Ara n-noti 2 u 5 f'qiegħ il-paġna.

(16)  Opinjoni tal-KESE "Lejn politika komprensiva ta’ investiment internazzjonali Ewropew", ĠU C 318, 29.10.2011.

(17)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 76-81


Top