EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IE2391

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ninċentivaw il-potenzjal għat-tkabbir tal-industrija Ewropea tal-birra” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 67, 6.3.2014, p. 27–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ninċentivaw il-potenzjal għat-tkabbir tal-industrija Ewropea tal-birra” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 67/06

Relatur: is-Sur JÍROVEC

Korelatur: is-Sur CALLEJA

Nhar l-14 ta’ Frar 2013, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ninċentivaw il-potenzjal għat-tkabbir tal-industrija Ewropea tal-birra

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha fis-26 ta' Settembru 2013.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'47 vot favur, vot 1 kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-birra hija xarba li ilha titgawda mill-komunitajiet madwar l-Ewropa għal diversi eluf ta' snin. Filwaqt li l-kulturi tal-birra jvarjaw b'mod sinifikanti madwar l-Ewropa, bi stili ta' birra u drawwiet ta' konsum differenti, il-birra għandha rwol importanti f'kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea u hija parti integrali mill-kultura, il-patrimonju u l-alimentazzjoni. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jenfasizza l-evoluzzjoni kontinwa tas-settur kif ukoll l-adattament u r-reżiljenza tiegħu anke fiċ-ċirkustanzi attwali ta' sfida. Jinnota kif is-settur huwa konformi mal-objettivi tal-Ewropa 2020 fl-oqsma differenti ta' prijorità dwar l-impjieg, is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali.

1.2

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri dwar il-politiki ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati bis-serjetà biex l-industrija Ewropea tal-birra tilħaq il-potenzjal ta' tkabbir kollu tagħha. B'mod speċifiku, il-KESE jrid li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet:

jiksbu progress fl-iżvilupp ta' ambjent regolatorju bilanċjat li jippermetti lill-birreriji Ewropej ta' kull daqs jipproduċu u jikkumerċjalizzaw il-birra fl-Ewropa u lil hinn minnha;

jinkludu l-birra bħala qasam ta' prijorità li jeħtieġ trattament reċiproku pożittiv fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles li qed jiġu diskussi mal-imsieħba kummerċjali tal-UE;

iħeġġu u jirreklamaw iżjed favur aktar involviment tal-birreriji u tal-assoċjazzjonijiet fil-programmi dwar ir-responsabbiltà soċjali, is-saħħa u l-edukazzjoni implimentati fil-livelli tal-UE u nazzjonali;

iqisu l-implikazzjonijiet tal-iżviluppi fil-politiki tal-innovazzjoni, tal-industrija u tal-agrikoltura għas-settur tal-birra.

1.3

Bl-istess mod il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jinkoraġġixxi l-azzjoni fil-livelli tal-Istati Membri u dawk reġjonali u lokali biex:

jitkompla l-iżvilupp ta' sħubija mal-industrija tal-birra u mal-NGOs bil-għan li tippromovi konsum responsabbli u tnaqqas il-periklu relatat mal-alkoħol, li jkun jinkludi kooperazzjoni favur ir-responsabbiltà fil-komunikazzjonijiet u l-bejgħ kummerċjali u kontra prattiki irresponsabbli;

tappoġġja l-inizjattivi tas-settur tal-birriera li huma mmirati lejn is-sostenibbiltà ambjentali matul il-katina kollha tal-provvista u tal-forniment fil-livell Ewropew u dak lokali;

jintużaw id-dinamiċi fis-settur tal-birriera biex jinħoloq l-impjieg, permezz tat-tneħħija tal-ostakli li jxekklu aktar tkabbir u permezz tal-iżgurar ta' reġim fiskali stabbli u prevedibbli għas-settur u l-katina tal-forniment tiegħu fil-livell tal-Istati Membri, u billi jiġu trattati d-distorsjonijiet tas-suq ikkawżati minn varjazzjonijiet fir-rati tat-taxxa. Titjib f'dan ir-rigward ikun fi spirtu ta' tkomplija tas-suq uniku;

tkompli tistħarreġ u tiżviluppa l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali f'aspetti differenti ta' proġetti li jinvolvu lill-kommunità u opportunitajiet ta' turiżmu tal-birra.

1.4

Fil-fehma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew il-birreriji għandhom:

jidħlu għal parteċipazzjoni aktar attiva u responsabbli f'diversi attivitajiet ta' promozzjoni ta' prodotti tal-ikel li jinkoraġġixxu l-konsum ta' ikel tajjeb għas-saħħa ġewwa l-UE u f'pajjiżi terzi bl-appoġġ mill-Kmamar tal-Kummerċ, l-awtoritajiet reġjonali, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea;

ikomplu għaddejjin bl-isforzi biex iħajru l-ġenerazzjonijiet aktar żgħażagħ għas-settur tal-birra bħala qasam ta' impjieg stabbli u mħallas b'mod ġust permezz tat-trawwim ta' programmi ta' apprendistat u skemi ta' taħriġ vokazzjonali;

ikomplu jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-istituti tar-rirċerka u l-edukazzjoni, billi jipparteċipaw aktar fil-programmi tal-UE għall-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp flimkien mal-imsieħba tagħhom, kif ukoll fil-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ;

iżidu l-involviment tagħhom fid-diversi attivitajiet żviluppati permezz tal-fondi reġjonali, strutturali u dawk immirati lejn l-SMEs;

jestendu l-kooperazzjoni eżistenti u applikabbli għal tul ta' żmien medju jew twil mal-produtturi lokali tal-ħops, iċ-ċereali u prodotti oħra essenzjali għall-produzzjoni tal-birra;

iħeġġu favur l-aktar użu mifrux possibbli ta' valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja bħala għodda awtoanalitika fis-settur tal-birra, filwaqt li jitqiesu l-limitazzjonijiet ta' birreriji żgħar immexxija mill-familji minħabba restrizzjonijiet ta' kapaċità.

2.   Is-settur Ewropew tal-birriera

2.1

L-Unjoni Ewropea hija waħda mit-territorji l-aktar importanti fid-dinja għall-produzzjoni tal-birra. Fl-2011, il-volum tal-produzzjoni kien jaqbeż it-380 miljun ettolitru (1), magħmula minn madwar 4 000 birrerija mifruxin madwar l-Ewropa. Il-prodotti tagħhom jitqassmu mad-dinja kollha. F'termini ta' volum, l-UE hija attur ewlieni, u tipprovdi 'l fuq minn kwart tal-produzzjoni dinjija, u reċentament biss inqabżet miċ-Ċina, iżda xorta tgħaddi lill-Istati Uniti, lir-Russja, lill-Brażil u lill-Messiku (2).

2.2

L-industrija Ewropea tal-birra hija settur diversifikat ħafna f'termini ta' struttura. Hija prinċipalment komposta minn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li jvarjaw minn mikrobirreriji sa birreriji li joperaw fil-livelli lokali, reġjonali jew nazzjonali u tinkludi erba' birriera importanti li huma bbażati fl-Ewropa (3) u li huma mexxejja globali fil-qasam tagħhom. Iż-żieda fl-għadd ta' mikrobirreriji u birreriji żgħar ġodda tul l-aħħar għaxar snin hija sinjal interessanti ħafna tal-potenzjal ta' innovazzjoni tas-settur, u punt pożittiv għall-objettiv tas-sostenibbilità.

2.3

Il-katina tal-provvista marbuta mas-settur tal-birra hija magħmula minn operaturi lokali però fost il-kumpaniji tal-produzzjoni tal-malt, il-produtturi tat-tagħmir u l-fornituri ta' servizzi tekniċi nsibu mexxejja globali wkoll. L-istituti Ewropej tal-produzzjoni tal-birra jxerrdu wkoll l-għarfien tagħhom mad-dinja kollha. Avvenimenti bħalma huma l-kungress tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Birreriji jew konferenzi individwali dwar il-birra jattiraw viżitaturi mid-dinja kollha.

2.4

Il-birra hija prodott agrikolu pproċessat ewlieni, u tirrapreżenta 'l fuq minn EUR 2 biljun f'termini ta' valur ta' esportazzjoni (4). Hija koperta wkoll mill-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli (5), permezz tal-iskemi tagħha ta' DPO/IĠP (6), li jkopru aktar minn EUR 2,3 biljun f'termini ta' valur tal-bejgħ permezz ta' 23 indikazzjoni ġeografika (7). Madankollu, id-diversità ġeografika tal-birriera f'dawk l-iskemi hija waħda limitata, għaliex joriġinaw minn anqas minn terz tal-pajjiżi tal-UE.

2.5

Il-komponenti ewlenin tal-birra huma ta' oriġini naturali u jinkludu l-ilma, iċ-ċereali, il-ħops u l-ħmira. L-ilma huwa l-aktar materja prima importanti użata mis-settur tal-birra, u jirrapreżenta madwar 92 % tal-kontenut fil-birra. Il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art għalhekk hija ta' tħassib ewlieni. Minħabba l-bżonn taċ-ċereali (bħalma huma x-xgħir, qamħ jew oħrajn) li huma sors essenzjali ta' lamtu għall-birra, ir-relazzjoni mal-komunità agrikola hija kruċjali għall-birriera u dawk li jipproduċu x-xgħir tal-birra.

2.6

L-Unjoni Ewropea hija wkoll l-attur prinċipali fis-suq dinji tal-ħops li jitkabbru f'erbatax-il Stat Membru (8), li bejniethom jirrapreżentaw madwar terz taż-żona li tintuża għat-tkabbir tal-ħops madwar id-dinja (9), filwaqt li s-settur tal-produzzjoni tal-birra huwa l-klijent prinċipali tal-produtturi tal-ħops fl-Ewropa. Il-kompetizzjoni fost il-produtturi tal-ħops kif ukoll it-trattament difrenzjat fi ħdan il-politiki agrikoli li hemm fis-seħħ bejn l-Istati Membri tal-UE għandu mnejn jeħtieġu reviżjoni biex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq li jistgħu jħallu impatt ħażin fuq il-birriera fuq perjodu ta' żmien twil.

2.7

Id-dipendenza tal-birriera fuq is-settur agrikolu għall-materji prima tagħhom kien ifisser li fis-snin reċenti l-industrija kellha tiffaċċja prezzijiet ogħla għall-materjali agrikoli li jintużaw fil-produzzjoni tal-birra, minħabba ħsad ta' kwalità li tvarja u minħabba l-volatilità tal-prezzijiet. Ir-relazzjoni bejn il-fornituri tal-materjali u l-birriera għandha tiġi ggwidata minn approċċ sostenibbli applikabbli għal perjodu ta' żmien twil fejn dan huwa possibbli u meħtieġ.

2.8

Fl-2010, il-bejgħ totali tal-birra kien jammonta għal EUR 106 biljun, inkluż il-VAT, li tirrapreżenta 0,42 % tal-PDG tal-UE. Huwa stmat li aktar minn 63 % tal-produzzjoni Ewropea tal-birra tinxtara fis-supermarkets jew fi ħwienet tan-negozju oħrajn ("mingħajr liċenzja"). Is-37 % l-oħrajn huma ikkonsmati fis-settur tal-ospitalità (eż. bars, ħwienet tax-xorb, ristoranti; tal-konsum fuq il-post).

3.   Ġestjoni tal-isfidi ekonomiċi tas-seklu 21

Tendenzi tas-suq u strutturali

3.1

F'dawn l-aħħar ħmistax-il sena s-suq Ewropew tal-birra kien soġġett għal żviluppi differenti f'termini ta' avvanzi tekniċi, investimenti, fużjonijiet, struttura ġdida tal-kumpaniji u attitudni tal-konsumatur. Il-waqgħa fil-konsum mill-2007 'l hawn qed ikollha impatt dirett fuq l-attivitajiet tal-birriera. Wara snin ta' tkabbir fl-Unjoni Ewropea l-produzzjoni tal-birra ġarrbet tnaqqis f'daqqa minn 420 miljun ettolitru għal 337 miljun ettolitru fl-2011. Minkejja dan, fis-snin li ġejjin huma mistennija rkupru u potenzjal għat-tkabbir, sakemm iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u regolatorji jkunu favorevoli u jippermettu.

3.2

Il-kriżi ekonomika u l-waqgħa fil-konsum wasslu għar-ristrutturar tas-settur fl-Ewropa, li kien immexxi minn konsolidazzjoni tal-attivitajiet fuq il-kontinent u minn investiment barra l-UE mill-gruppi internazzjonali u nazzjonali li huma akbar. Fl-istess ħin, in-numru ta' birreriji iżgħar kiber fil-pajjiżi kollha, u dan żviluppa d-diversità tal-għażla għall-konsumatur u jikkonferma l-mentalità intraprendirojali tal-birriera b'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni għall-Intraprenditorija 2020 (10). Dan huwa żvilupp favorevoli fil-perspettiva ta' sostenibbiltà, peress li tipikament hemm effetti sekondarji fir-rigward tat-turiżmu reġjonali, kif ukoll ċrieki li ta' sikwit huma iżgħar ta' produzzjoni u konsum, li huwa ta' benefiċċju ambjentali.

3.3

Iċ-ċirkostanzi ekonomiċi wasslu wkoll biex il-birra tiġi kkonsmata aktar id-dar milli fil-bars jew fir-ristoranti, u b'hekk anqas impjiegi, anqas valur miżjud u anqas dħul għall-gvern iġġenerati minn kull litru ta' birra li tinxtorob fl-UE (11). Pressjonijiet li kienu aktar qawwija fuq il-prezzijiet fis-settur tal-bejgħ bl-imnut influwenzaw ukoll din ix-xejra.

3.4

In-numru dejjem jikber ta' birriera u l-innovazzjoni tal-prodotti wasslu wkoll biex joħorġu prodotti ġodda u minnhom igawdu l-konsumatur, is-soċjetà u l-ambjent. Permezz tad-diversifikazzjoni f'birer b'kontenut alkoħoliku baxx jew mingħajr alkoħol inħolqu wkoll opportunitajiet għall-birriera ta' kull daqs, u dan wassal għal żidiet fil-bejgħ, filwaqt li qed tiżdied ukoll b'mod konsistenti d-disponibbiltà ta' birer organiċi.

Aspetti ta' tassazzjoni

3.5

Is-settur tal-produzzjoni tal-birra jipprovdi benefiċċji sostanzjali għall-gvernijiet nazzjonali f'termini fiskali. Minħabba l-produzzjoni u l-bejgħ tal-birra, il-gvernijiet jirċievu ammonti sinifikanti ta' dħul mis-sisa, mill-VAT, minn taxxi relatati mad-dħul u minn kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali imħallsin mill-ħaddiema u dawk li jħaddmuhom fis-settur tal-birra kif ukoll f'setturi oħrajn relatati fejn l-impjiegi jistgħu jiġu attribwiti indirettament mas-settur tal-birra. Fl-2010 dan id-dħul kien jammonta għal madwar EUR 50,6 biljun (12).

3.6

Ir-reżiljenza tas-settur tal-birra għad-diffikultajiet ekonomiċi attwali ġiet ittestjata wkoll minn piż tat-taxxa li qed jiżdied, prinċipalment id-dazju fuq is-sisa, iżda wkoll mir-rati tal-VAT partikolarment fuq is-setttur tal-ospitalità. Dawk iż-żidiet komplew iħarrxu s-sitwazzjoni ekonomika skomda partikolarment f'pajjiżi bħall-Ungerija, il-Finlandja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit (13). Fil-perjodu 2008-2010, it-total tal-valur miżjud attribwit għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-birra fl-UE naqas b'10 % (14) u t-taxxa totali miġbura mis-settur tal-birra fl-UE naqset b'EUR 3,4 biljun.

3.7

Is-sistema ta' dazju fuq is-sisa fil-livell nazzjonali u tal-UE għandha tirrikonoxxi l-karatteristiċi uniċi tal-birra, inkluż il-kontenut tal-alkoħol ġeneralment baxx tagħha, il-proċess tal-produzzjoni u l-kontribut tas-settur tal-birra għas-soċjetà, il-ħolqien tal-impjiegi u l-ekonomija f'sens aktar wiesa'. Għal dan il-għan il-birra, bħala xarba ffermentata, għandu jkollha kundizzjonijiet indaqs u għaldaqstant, ir-rata minima ta' żero ewro applikabbli għall-inbid u xarbiet oħrajn ifferermentati għandha tiġi stabbilita għall-birra fil-leġislazzjoni tal-UE dwar is-sisa (15).

3.8

Politika bilanċjata dwar is-sisa fil-livell nazzjonali u użu aħjar tal-mekkaniżmi eżistenti għall-kooperazzjoni fi ħdan l-amministrazzjoni fiskali jistgħu jsiru strument biex jiġu evitati l-kummerċ immexxi mit-taxxa u l-prattiki relatati li jagħmlu ħsara, u b'hekk tkun qed tingħata għajnuna lis-settur tal-birra biex iżomm il-kompetittività tiegħu partikolarment f'żoni konfinali.

3.9

Minħabba l-importanza tas-settur tal-bejgħ tal-birra għall-konsum fuq il-post (16), il-politika tat-tassazzjoni tista' wkoll taqdi rwol bħala miżura li ttejjeb it-tkabbir għas-setturi tal-konsum fuq il-post u tal-produzzjoni tal-birra, b'impatt pożittiv għall-impjieg fil-livell lokali.

Kummerċ internazzjonali

3.10

Minkejja li qed tiffaċċja kundizzjonijiet ħżiena, l-industrija Ewropea tal-birra għadha reżiljenti u kompetittiva. Il-birriera lokali għadhom qed iżommu l-pożizzjoni tagħhom fis-swieq barra mill-fruntieri nazzjonali u dawk tal-UE. Minkejja li l-parti l-kbira tal-produzzjoni Ewropea hija kummerċjalizzata ġewwa s-suq uniku tal-UE, l-esportazzjonijiet lejn partijiet differenti tad-dinja żdiedu b'mod kostanti mill-2000 'l hawn, bi tkabbir ta' 30 % mill-2007 sal-lum. L-akbar destinazzjonijiet tal-esportazzjoni jinkludu l-Istati Uniti, il-Kanada, l-Angola, iċ-Ċina, l-Isvizzera, it-Tajwan, ir-Russja u l-Awstralja (17). Barra dan, il-birriera fl-Ewropa huma wkoll investituri kbar fil-kontinenti kollha u jipparteċipaw ukoll f'diversi inizjattivi ta' kooperazzjoni ma' birriera lokali.

3.11

Madankollu, il-potenzjal li l-birra Ewropea għandha biex iżżomm u tkabbar il-preżenza tagħha f'pajjiżi terzi jista' jiġi mhedded minn regolamenti lokali li jirrapreżentaw ostaklu kummerċjali li jfixkel l-esportazzjonijiet u l-investimenti rigward il-birra. Minbarra t-tariffi, dawk l-ostakli jistgħu jirriżultaw minn miżuri relatati mal-leġislazzjoni bħal pereżempju d-definizzjoni tal-prodott (pereżempju fir-Russja) jew proċeduri amministrattivi fiskali (pereżempju fl-Albanija u fit-Turkija). Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mas-settur tal-birra, għandhom rwol ewlieni biex jindirizzaw dawn id-diffikultajiet u oħrajn li jfiġġu minn żmien għal ieħor fi swieq barranin.

3.12

Filwaqt li l-Unjoni Ewropea tapplika tariffa doganali ta' żero ewro għall-importazzjoni ta' birra fil-ftehimiet ta' kummerċ rispettivi, diversi pajjiżi jżommu d-dazji doganali biex jiskoraġġixxu l-importazzjoni minn Stati Membri tal-UE li joħolqu kompetizzjoni. In-negozjati li jinsabu għaddejjin dwar Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles ikopru dan l-aspett ukoll, u l-aktar ftehimiet reċenti (pereżmpju bejn l-UE u l-Korea t'Isfel) jaħsbu għal tnaqqis progressiv tad-dazji, skema li għandha tkompli tiġi estiża.

3.13

Il-prospetti ta' preżenza ta' marki tal-birra Ewropea fis-swieq barranin jiżdiedu wkoll permezz tal-avvenimenti ta' promozzjoni, bħal ngħidu aħna wirjiet u fieri, u l-iskemi ta' konsultazzjoni li jingħataw mill-Kummissjoni Ewropea f'pajjiżi terzi. Il-parteċipazzjoni tal-birriera fl-attivitajiet rispettivi ta' fuq il-post s'issa kienet pjuttost fqira minħabba għarfien limitat dwar il-benefiċċji li jistgħu jinkisbu u minħabba nuqqas ta' reklamar.

4.   Ħolqien ta' impjieg f’kull livell

4.1

Is-settur tal-birriera jmur lil hinn mill-produzzjoni tal-birra stess. Dan ikopri diversi attivitajiet li jibdew mill-materji prima agrikoli li jinsabu fil-qalba tal-proċess tal-produzzjoni tal-birra sal-industrija tal-ospitalità u s-settur tal-bejgħ bl-imnut. Il-birreriji fl-Unjoni Ewropea bejniethom jipprovdu aktar minn 128 800 impjieg dirett. Barra minn hekk aktar minn 2 miljun impjieg jistgħu jiġu attribwiti għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-birra, u jirrapreżentaw madwar 1 % tal-impjiegi kollha fl-UE biss (18), f'kapaċitajiet ta' impjieg li jvarjaw.

4.2

L-għanijiet tal-UE ta' ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva fl-Istrateġija tal-Ewropa 2020 għat-tkabbir jidhru fil-karatteristiċi tas-settur tal-birra. Il-birriera jinsabu fil-pajjiżi Ewropej kollha u jappoġġaw 'il fuq minn żewġ miljun impjieg minħabba l-infiq kbir fuq l-oġġetti u s-servizzi u minħabba l-introjtu ġġenerat fis-settur tal-ospitalità u tal-bejgħ bl-imnut. Aktar minn 73 % tal-impjiegi ġġenerati mill-birra huma fil-qasam tal-ospitalità.

4.3

Minħabba li s-settur tal-ospitalità jaqdi wkoll rwol fundamentali biex jiġu żgurati l-impjiegi u t-tkabbir, mhux biss direttament ġewwa l-intrapriżi assoċjati imma wkoll b'mod indirett għal partijiet kbar mill-ekonomija Ewropea, il-miżuri għall-iżvilupp tas-settur huma essenzjali għall-impjieg speċjalment fost ħaddiema żgħażagħ u li m'għandhomx ħiliet biex dawn jevitaw ix-xogħol prekarju u l-ħlas baxx.

4.4

Din il-varjetà unika tgħaqqad flimkien il-patrimonju, il-kultura u l-modernità, u b'hekk toffri diversi possibilitajiet biex isir użu mill-ħiliet tax-xogħol fi ħdan il-birreriji u madwarhom. Minbarra x-xogħol relatat mal-katina tal-provvista u l-forniment, il-potenzjal tal-esperjenza gastronomika u tat-turiżmu għandu jkompli jiġi żviluppat sabiex jiżdied l-impjieg permezz tal-attivitajiet tal-birriera nfushom, kif ukoll permezz ta' skemi ta' finanzjament nazzjonali u tal-UE.

4.5

L-industrija tal-produzzjoni tal-birra ħasset l-effetti tal-qagħda ekonomika globali u ġarrbet tnaqqis fl-impjieg dirett ta' 9 % bejn l-2008 u l-2010 minħabba tnaqqis fil-konsum tal-prodott. Minkejja t-tnaqqis fil-konsum b'riżultat taċ-ċirkostanzi ekonomiċi inwiegħra tal-Ewropa, in-numru totali ta' birreriji (inkluż il-mikrobirreriji) fl-Ewropa kien akbar fl-2010 (3 638) milli fl-2008 (3 071) u għadu għaddej minn żvilupp kontinwu, u b'hekk joffri potenzjal għal aktar impjiegi. Dan il-potenzjal m'għandux jiġi mhedded minn miżuri li jillimitaw il-bejgħ jew ta' natura fiskali detrimentali u għandu jkompli jiġi msaħħaħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u anke f'livelli ogħla biex jiġġenera impjiegi ta' kwalità ogħla fis-settur.

5.   Kontribut għall-għanijiet ta' sostenibbiltà ambjentali

5.1

L-industrija Ewropea tal-birra trid tirreaġixxi għal diversi objettivi relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u mat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 u fl-użu tar-riżorsi bħala parti mill-impenn tagħha għas-sostenibbiltà. L-investimenti li saru fis-snin reċenti qed iwasslu għal tnaqqis fl-użu ta' riżorsi naturali, għal tnaqqis fil-produzzjoni ta' skart u, b'mod konsistenti, għall-użu mill-ġdid ta' materjal sekondarju li joħroġ mill-proċess ta' produzzjoni tal-birra.

5.2

Il-birriera wrew ukoll impenn lejn l-ambjent billi ħadu passi u investew sabiex naqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, l-użu tal-enerġija, il-produzzjoni ta' skart ta' ilma u sabiex għamlu bidliet fl-imballaġġ. Is-settur tal-produzzjoni tal-birra żviluppa wkoll linji gwida għall-aqwa tekniki disponibbli, li jagħmlu enfasi fuq ir-rwol ta' ġestjoni sostenibbli u li jistgħu jservu ta' referenza għal impenji rigward objettivi ambjentali. L-użu ta' valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja bħala għodda awtoanalitika għandu jitħeġġeġ sabiex ikopri l-aktar firxa wiesgħa possibbli fl-industrija tal-birra, filwaqt li jitqiesu l-limitazzjonijiet ta' birreriji żgħar immexxija mill-familji minħabba restrizzjonijiet ta' kapaċità.

5.3

Bejn l-2008 u l-2010 s-settur tal-produzzjoni tal-birra kompla għaddej bl-isforzi tiegħu minkejja li l-qagħda tan-negozju kienet sejra għall-agħar, u r-riżultati juru tnaqqis fil-konsum tal-ilma ta' 4,5 % u tnaqqis fl-użu tal-enerġija ta' 3,8 % għal kull ettolitru ta' birra prodotta. Ġie stmat ukoll li l-emissjonijiet tas-CO2 tnaqqsu b'7,1 % (19).

5.4

Il-kwalità u l-konsum tal-ilma huma fatturi importanti fil-proċess tal-produzzjoni tal-birra. Għalhekk hija meħtieġa ġestjoni tal-ilma adegwata mill-fornituri tal-ilma u mill-birriera sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-birra. F'dan ir-rigward, għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex l-esplorazzjonijiet tal-gassijiet tax-shale ma jniġġsux il-provvista tal-ilma ta' taħt l-art għall-konsumaturi, inklużi l-utenti industrijali. B'mod speċifiku fl-industrija tal-birra, il-KESE jinnota kif birreriji Olandiżi u Ġermaniżi diġà qed isegwu l-iżviluppi f'dan il-qasam bi tħassib kbir.

5.5

Hemm diversi prodotti oħra utli li jiġu ġġenerati (li jissejħu prodotti sekondarji) mill-materji prima meta jintużaw fil-proċess tal-produzzjoni tal-birra. Dawn huma apprezzati ħafna bħala materjali biex jintużaw fi proċessi industrijali oħrajn jew bħala materjali għal użi finali speċifiċi, pereżempju farmaċewtiċi, ikel tajjeb għas-saħħa, sorsi ta' enerġija rinnovabbli, applikazzjonijiet industrijali, għalf u prodotti agrikoli (20), kosmetiċi jew prodotti tal-ispa. Dawn il-materjali jilħqu standards ta' kwalità rigorużi u huma konformi ma' leġislazzjoni stretta dwar is-sigurtà tal-ikel/għalf u leġislazzjonijiet oħra. L-importanza u l-valur ta' dawn il-materjali sekondarji wassal biex il-birriera stabbilixxew għal żmien twil arranġamenti ta' forniment man-negozjanti u l-utenti finali.

6.   Attur responsabbli fil-komunità

6.1

Matul is-snin, kumpaniji u assoċjazzjonijiet tal-birra fil-pajjiżi Ewropej kollha ħadu inizjattivi maħsubin biex iqajmu kuxjenza dwar konsum responsabbli, itejbu l-għarfien tal-konsumatur, jiżguraw reklamar u kummerċ responsabbli, iwasslu messaġġi ta' prevenzjoni, u jbiegħdu lill-konsumaturi minn imġiba irresponsabbli. Ħafna minn dawk l-inizjattivi lokali twettqu permezz ta' sħubija u ġew rikonoxxuti mill-awtoritajiet nazzjonali bħala kontribut importanti għas-soċjetà. Ġew adottati ukoll fil-livell Ewropew fil-qafas tal-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa (21).

6.2

Biex ikomplu jiżviluppaw dawn l-attivitajiet, il-gvernijiet, il-birriera u operaturi ekonomiċi u gruppi tas-soċjetà ċivili oħrajn għandhom jaħdmu flimkien biex iwettqu kampanji li jippromovu konsum responsabbli tal-birra, li jistgħu jkunu kompletament kompatibbli ma stili ta' ħajja adulta b'saħħitha, u li jiskoraġġixxu l-abbuż mill-alkoħol.

6.3

Minħabba l-karrattru lokali tal-birra l-birriera Ewropej għandhom rabtiet sodi mal-komunitajiet lokali tagħhom u jappoġġaw firxa wiesgħa ta' attivitajiet. Fl-Unjoni Ewropea is-settur tal-birra jonfoq aktar minn EUR 900 miljun fis-sena f'għajnuna lill-komunità (22), permezz ta' firxa wiesgħa ta' attivitajiet ta' appoġġ fil-livelli lokali u reġjonali.

6.4

Hemm impenn qawwi mill-industrija u mill-partijiet interessati biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' inizjattivi korporattivi u istituzzjonali favur ir-responsabbiltà sabiex jiġu indirizzati l-effetti ħżiena ta' konsum perikoluż. Dan l-impenn għandu jiġi rikonoxxut f'qafas bilanċjat dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-komunikazzjonijiet kummerċjali mwettqa mill-birriera (23).

6.5

Fid-dawl tar-rwol li taqdi l-birra fil-qasam tal-kultura, il-patrimonju u l-konsum, għandha tingħata kunsiderazzjoni lil inizjattiva tal-Unjoni Ewropea li tipprovdi l-mezzi finanzjarji għall-organizazzjoni ta' taħriġ speċjali għall-għalliema u l-edukaturi fil-livelli kollha, b'enfasi fuq l-aspetti tas-saħħa, dawk soċjali u kulturali tal-konsum ta' xorb fermentat.

7.   Żamma tar-rwol fir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni

7.1

Ir-rwol tal-edukazzjoni u r-riċerka huwa fattur kruċjali biex jinżamm l-involviment tas-settur. Dawn isiru permezz tal-universitajiet, l-iskejjel tal-birriera, l-istituti tat-teknoloġija tal-ikel u permezz ta' netwerks oħrajn. L-organizzazzjoni ta' fora għall-iskambju ta' informazzjoni għandha titkompla, sabiex l-Ewropa tibqa' tkun ċentru mexxej għall-investigazzjonijiet żviluppati mill-birriera, is-sħab tagħhom, ir-riċerkaturi u individwi oħrajn li jiġu attirati.

7.2

Il-kapaċità u l-potenzjal għar-riċerka għandhom jitrawmu, għaliex il-birriera jaqdu rwol importanti bħala sħab industrijali f'diversi oqsma relatati mat-teknoloġiji tal-ikel u tal-produzzjoni tal-birra, mal-aspetti tas-saħħa jew mal-prestazzjoni ambjentali. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka, fil-programm ta' Orizzont 2020 u fi pjattaformi teknoloġiċi oħrajn jtejbu l-potenzjal eżistenti (24).

7.3

L-appoġġ għall-isforzi mis-settur tal-birra biex jippromovu l-eċċellenza skont l-ogħla standards xjentifiċi fir-rigward tal-karatteristiċi tal-birra u l-effetti tagħha fuq is-saħħa u l-imġiba jistgħu jagħtu kontribut ukoll sabiex jittejbu l-informazzjoni u l-edukazzjoni f'dan il-qasam importanti. Parteċipazzjoni aħjar fl-iskemi ta' finanzjament tal-UE u ta' kooperazzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati mill-partijiet attivi kollha.

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  The Brewers of Europe statistics, 2012 edition, October 2012. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Canadean Global beer trends 2012. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  ABInbev, Carlsberg, Heineken, SABMiller (fl-2013).

(4)  Kummissjoni Ewropea, DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija.

(5)  http://ec.europa.eu/agriculture/quality/index_en.htm.

(6)  DPO (denominazzjoni protetta ta' oriġini), IĠP (indikazzjoni ġeografika protetta).

(7)  Kummissjoni Ewropea, DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali.

(8)  Kummissjoni Ewropea, DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, Diċembru 2009; Pavlovic M., Frar 2012.

(9)  Kummissjoni Ewropea, DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali.

(10)  COM (2012) 795 final.

(11)  Ernst Young, The Contribution made by Beer to the European Economy, September 2011. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Ernst Young, September 2011.

(13)  Kummissjoni Ewropea, Tabelli tad-dazji fuq is-sisa, 2013.

(14)  Ernst Young, September 2011.

(15)  ĠU C 69, 21.7.2006, p. 10. (Mhix disponibbli bil-Malti)

(16)  Ernst Young, “The Hospitality Sector in Europe”, September 2013. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(17)  Kummissjoni Ewropea, DĠ għall-Kummerċ.

(18)  Ernst Young, September 2011.

(19)  CampdenBRI / KWA, The Environmental Performance of the European Brewing Sector, May 2012. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(20)  Bamforth, C. (2009) "Contraception, Charcoal and Cows: The World of Brewery Co-Products" Brew. Guardian, 138(1), 24-27. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(21)  The Brewers of Europe, European beer pledge: 1st year report, April 2013. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(22)  Sponsorship ideas, “Supporting local communities: Assessing the contribution of local brewers”, May 2011. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(23)  ĠU C 48, 21.2.2002, p. 130. (Mhix disponibbli bil-Malti.)

(24)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 82.


Top