EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE4534

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-bidla sostenibbli f'soċjetajiet fi tranżizzjoni” (Opinjoni esploratorja)

ĠU C 67, 6.3.2014, p. 6–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-bidla sostenibbli f'soċjetajiet fi tranżizzjoni” (Opinjoni esploratorja)

2014/C 67/02

Relatur: is-Sur GOBIŅŠ

Nhar il-15 ta’ April 2013, il-Presidenza Litwana ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-bidla sostenibbli f'soċjetajiet fi tranżizzjoni.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta' Settembru 2013.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'70 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

Il-bidla biss hija kostanti - Eraklitu

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1

L-UE, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili tagħha huma sors inkredibbilment għani ta’ esperjenza ta' tranżizzjoni. Din l-esperjenza għandha tintuża aħjar biex tintlaħaq l-istabbiltà permezz ta’ bidla fi ħdan l-Ewropa, fil-pajjiżi ġirien tal-UE, u madwar id-dinja.

1.2

L-UE qegħda tieħu rwol ewlieni fid-dibattiti attwali tan-NU dwar l-aġenda għall-iżvilupp wara l-2015, u għandha tirrakkomanda passi konkreti 'il quddiem ibbażati fuq is-solidarjetà u l-politiki koerenti. Din l-Opinjoni u opinjonijiet tal-KESE preċedenti rilevanti għandhom jiġu kkunsdrati (1).

1.3

L-esperjenza ta’ tranżizzjoni disponibbli fl-UE u għall-UE għandha tintuża fil-prattika. Hemm bżonn sistematizzazzjoni aħjar tal-esperjenza tat-tranżizzjoni pożittiva u negattiva tal-UE, l-istrumenti ta’ appoġġ disponibbli u data dwar atturi rilevanti. Għandu jitfassal Pjan ta' Azzjoni dwar l-użu tal-esperjenza ta' tranżizzjoni fil-proċess ta' programmazzjoni. Il-Kompendju Ewropew dwar ir-Tranżizzjoni u suġġerimenti oħrajn minn dokumenti reċenti tal-UE għandhom jitħaddmu mingħajr dewmien.

1.4

Il-politika esterna tal-UE għandha ssir aktar b’saħħitha, iktar parteċipattiv u miftuħa, effettiva u koerenti. Il-politika għandha tkun maħsuba għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali (inklużi l-libertà tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni), l-istat tad-dritt u sabiex tgħin fil-ħolqien ta' ambjent demokratiku u li jippermetti li l-individwi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipparteċipaw fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki. Huwa neċessarju approċċ għal perjodu twil ta' żmien.

1.5

Is-soċjetà ċivili u politika tal-UE u l-pajjiżi msieħba fl-UE għandhom jaqdu rwol fundamentali. Il-ftehimiet ta’ sħubija, il-programmi ta’ appoġġ u l-għotjiet ma għandhomx jiġu approvati mingħajr djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili, speċjalment is-soċjetà ċivili organizzata, skont il-prinċipju ta’ sħubija tal-UE. Għandha ssir enfasi partikolari fuq djalogu ma’, u l-inklużjoni ta’, gruppi soċjali differenti fil-pajjiżi msieħba, inklużi l-minoranzi u l-abitanti ta’ reġjuni remoti.

1.6

Fil-preżent, ħafna promoturi potenzjali ta’ żvilupp sostenibbli huma pprojbiti milli jirċievu l-appoġġ tal-UE minħabba regoli diskriminatorji, amministrattivi u oħrajn. Hemm bżonn diskriminazzjoni pożittiva (li ma tagħtix lok għal manipulazzjoni) u rekwiżit li l-imsieħba b'esperjenza reċenti ta’ tranżizzjoni għandhom ikunu involuti fil-proġetti ta’ żvilupp, biex ipoġġu fuq l-istess livell parteċipanti b'punteġġ ta' sfond iktar baxx f’evalwazzjonijiet attwali. Il-kwalità tal-proġetti u tar-riżultati għandhom jiġu l-ewwel.

1.7

Mekkaniżmi ġodda għall-kooperazzjoni għandhom jitniedu u dawk eżistenti għandhom jitwessgħu — ara b’mod partikolari l-punti 3.3.4, 3.3.6, 3.3.7 u 3.3.8 eżempju l-Ġemellaġġ, Taiex, Erasmus+, u pjattaforma ta' skambju ġdida, eċċ.

1.8

L-atturi affiljati ma’ reġimi awtoritarji u/jew prattiċi mhux demokratiċi (pereżempju GoNGOs, Yellow Unions, eċċ) għandhom jiġu esklużi mill-għajnuna.

1.9

B'mod ġenerali, kampjun wiesa’ tas-soċjetà fil-pajjiżi msieħba għandu jirċievi appoġġ komprensiv.

1.10

Bidla demokratika, żvilupp sostenibbli tkabbir ekonomiku inklużiv u suq stabbli, flimkien ma’ titjib fil-benefiċċji soċjali u l-impjiegi, jistgħu jkunu sostnuti l-aħjar permezz ta’ governanza tajba u approċċ b'saħħtu ibbażat fuq id-drittijiet. Il-prattika turi li soċjetà ċivili b’saħħitha, b’mod partikolari dik organizzata, hija l-aħjar garanzija għas-suċċess.

2.   Kuntest ġenerali

2.1

Il-KESE jaqbel mal-fehma wiesgħa tal-iżvilupp sostenibbli. Kif ġie nnutat mill-Kunsill tal-UE, dan jinkludi aspetti bħal ”l-governanza demokratika, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-benessri ekonomiku u soċjali, kif ukoll il-paċi u l-istabbiltà“ (2).

2.2

It-tranżizzjoni tista' fil-qosor tkun definita bħala l-istabbilizzazzjoni, l-appoġġ għad-demokrazija, il-bini ta’ istituzzjonijiet u l-kapaċità u l-konsolidazzjoni tar-riformi biex il-bidla tkun sostenibbli. Din hija bbażata fuq is-solidarjetà u l-azzjoni minn individwi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-gvern u atturi oħrajn.

2.3

Bosta aspetti ta’ kooperazzjoni ma’ soċjetajiet fi tranżizzjoni diġà kienu fuq l-aġenda tal-KESE (3). L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tmur lil hinn minn sorsi eżistenti u wkoll biex tirrifletti l-interessi speċjali tal-Presidenza Litwana tal-Kunsill tal-UE u l-interess ġenerali tas-soċjetà ċivili Ewropea (inklużi bħala kontribut għas-Summit ta' Vilnius dwar is-Sħubija tal-Lvant f’Novembru 2013 u l-Jiem Ewropej għall-Iżvilupp).

2.4

Żviluppi ġodda fl-istati msieħba mal-UE huma raġuni oħra biex tiġi aġġornata l-politika eżistenti. Il-KESE jibqa’ mħasseb dwar is-sostenibbiltà tal-iżviluppi f’diversi ġirien tal-Lvant tal-UE, l-EuroMed u stati msieħba oħra. Diversi bidliet pożittivi jistgħu jiġu osservati fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent (filwaqt li ninnotaw l-importanza tal-adeżjoni tal-Kroazja fl-UE).

3.   Nippermettu lill-UE taqsam l-esperjenza tagħha aħjar

Il-motivazzjoni u d-domanda interna tista' tkun xprun prinċipali tal-bidla demokratika u l-iżvilupp sostenibbli, bl-appoġġ minn politika tal-UE ċara "bil-bibien miftuħin" lejn l-istati kollha fl-Ewropa u privileġġi oħra għal stati u soċjetajiet barra l-Ewropa.

3.1   Koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE għat-tranżizzjoni

3.1.1

Biex tinħoloq bidla sostenibbli, il-politiki, il-programmi u l-attivitajiet differenti tal-UE li jimmiraw lejn l-istess reġjuni jew oqsma tal-politika għandhom ikunu kkoordinati aħjar, biex jinħolqu sinerġiji u tinżamm konsistenza. Għad hemm bżonn li l-kapaċità ta’ azzjoni esterna tal-UE tkun żviluppata aktar, sal-punt fejn il-valuri u l-għanijiet Ewropej komuni jistgħu jiġu appoġġjati b’mod effiċjenti fuq skala tassew Ewropea (4).

3.1.2

"Il-koerenza fil-politika għall-iżvilupp" (PCD) għandha tiġi żgurata u ssorveljata b’aktar reqqa. L-obbligu ta' PCD, kif stabbilit f'Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (kif emendat mit-Trattat ta' Lisbona) għandu jkun fil-qalba tat-tfassil tal-politika u l-implimentazzjoni fir-regolamenti kollha tal-istrumenti ta' azzjoni esterna u għaldaqstant għandu jiġi applikat b'mod espliċitu fil-politiki, il-programmi u l-attivitajiet kollha tal-UE. Il-konsistenza ta’ inizjattivi ġodda tal-UE għandha tiġi evalwata għall-każijiet kollha. Il-programmi kollha (inklużi l-evalwazzjoni u l-linji baġitaji tagħhom) għandhom jirriflettu l-impenji u l-obbligi internazzjonali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp (inkluż il-Fehim Komuni tan-NU dwar Approċċ Ibbażat fuq id-Drittijiet tal-Bniedem) u għandhom jiffokaw fuq dawk l-aktar marġinalizzati u vulnerabbli. Huwa importanti wkoll li jsir monitoraġġ dwar jekk, fil-proċess ta' tranżizzjoni u integrazzjoni mal-UE, l-iżviluppi pożittivi f'qasam wieħed ta' politika jkunux akkumpanjati minn żviluppi negattivi f'oħrajn.

3.1.3

Hemm bżonn pjattaforma konġunta mmexxija mill-UE jew l-Istati Membri tagħhabiex tingħata ħarsa ġenerali li faċli tinftiehem tal-istrumenti eżistenti (bħalma huma għotjiet, sejħiet għall-offerti u programmi, eċċ.), li għandhom impatt estern dirett jew indirett. Jista' jkun hemm xi xebħ/kooperazzjoni mal-Portal L-Ewropa Tiegħek. Għandhom isiru sforzi biex tingħata l-informazzjoni lill-organizzazzjonijiet iżgħar (anke sottoreġjonali). L-istituzzjonijiet fl-Istati Membri tal-UE u s-soċjetajiet ta’ tranżizzjoni għandhom ikunu gruppi fil-mira addizzjonali. Il-pjattaforma għandha tkun appoġġjata b’bullettin jew link għal Twitter, pereżempju.

3.1.4

L-UE għandha taspira li tiġbor, tikkoordina u toħloq sinerġiji bejn l-attivitajiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fil-pajjiżi msieħba, u tevita kompetizzjoni interna eċċessiva. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jaqsmu r-responsabbiltajiet fl-iżvilupp ta’ forom ta’ kooperazzjoni esterna konġunta (koordinaturi tat-tranżizzjoni, ċentri tat-traduzzjoni, ċentri ta’ assistenza legali, stabbilimenti edukattivi eċċ.) fuq it-territorju tagħhom jew fil-pajjiżi msieħba.

3.2   L-involviment tal-partijiet interessati kollha bħala prerekwiżit għas-sostenibbiltà tal-bidla

3.2.1

Il-mekkaniżmi tal-azzjoni esterna tal-UE għandhom isiru kemm jista' jkun inklużivi, trasparenti u parteċipattivi sabiex jiġi żgurat il-pussess konġunt tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni. Attwalment jistgħu jiġu osservati nuqqasijiet. Il-potenzjal tal-Prinċipju tas-Sħubija li jgħaqqad is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi għandu jiġi esplorat pereżempju bħala prerekwiżit biex jingħataw għotjiet.

3.2.2

L-involviment mill-qrib, u preferibbilment strutturat, tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u politika huwa l-prerekwiżit għal impenn fit-tul favur ir-riformi. F'dan ir-rigward ara wkoll il-punt 1.5. L-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali kemm mill-UE kif ukoll mill-pajjiżi msieħba, huwa meħtieġ fil-programmazzjoni u t-twettiq tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni u żvilupp. Sħubiji eżistenti għandhom jissaħħu u oħrajn ġodda jiġu promossi.

3.2.3

Il-KESE huwa ħerqan li jikkontribwixxi, u l-imsieħba tiegħu madwar id-dinja huma riżorsa prezzjuża, kif jistgħu jkunu wkoll fora regolari eżistenti.

3.2.4

L-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tiżviluppa l-kapaċità tal-atturi kemm tal-UE kif ukoll tal-imsieħba tagħha. Dan jista’ jsir permezz ta’ appoġġ finanzjarju, l-iskambju tal-esperjenza, id-disponibbiltà tal-edukazzjoni/it-taħriġ u b’mezzi jew programmi oħra.

3.2.5

Għandha tkun żgurata l-ugwaljanza ta’ opportunità għall-parteċipazzjoni ta' diversi atturi governattivi u mhux governattivi — kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi msieħba. Diskriminazzjoni diretta u indiretta persistenti ta’ kwalunkwe tip għandha tiġi eliminata, fosthom eleġibilità restrittiva wisq; id-daqs tal-proġett u tar-rekwiżiti tekniċi; diskriminazzjoni fir-regoli amministrattivi, inklużi differenzi fir-rimunerazjoni u/jew it-tassazzjoni ta’ esperti li jaħdmu fuq l-istess proġetti; rekwiżiti għal kofinanzjament (problemi tal-aċċettazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet in natura); lobbying nazzjonali li jwassal għal riżultati distorti, eċċ. (5). F'dan ir-rigward ara l-punt 1.6.

3.2.6

Opportunitajiet teknoloġiċi tas-seklu wieħed u għoxrin, inklużi l-gvern elettroniku, għandhom jiġu użati u promossi b’firxa ikbar għad-djalogu u l-involviment. Għal dan il-għan jista' jitfassal programm speċjali ta' għajnuna għad-demokrazija 2.0.

3.3   Suġġerimenti oħra għall-programmi u l-azzjoni tal-UE

3.3.1

Is-sistema attwali tal-opportunitajiet ta’ finanzjament u appoġġ tal-UE u relatati mal-UE ta’ spiss hija kkritikati bħala kkumplikata iżjed milli meħtieġ. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjani mħabbra biex jiġu ssemplifikati u razzjonalizzati l-istrumenti tal-UE għall-fondi esterni, inkluż l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat mill-2014 ’il quddiem u jappoġġja l-ġbir flimkien ta’ fondi.

3.3.2

Il-kwalità l-ewwel u qabel kollox. Għarfien espert speċifiku relatat mat-tranżizzjoni u l-ħila li wieħed jifhem u jadatta għall-ħtiġijiet tal-pajjiż imsieħeb għandhom ikunu fil-qalba ta' valutazzjoni objettiva u għandhom jiksbu riżultati aħjar mill-esperjenza preċedenti relatata mal-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-UE.

3.3.3

L-esperjenza li kisbet l-UE fit-tranżizzjoni għandha tintuża aħjar meta jiġu żviluppati l-politiki esterni tal-UE (inklużi dawk dwar l-iżvilupp) (6). Is-suċċessi u t-tagħlimiet meħuda għandhom ikunu kompletament sistematizzati u analizzati fid-dettall. Il-konklużjonijiet għandhom jintużaw, jiddaħħlu kif ukoll jitħaddmu bis-sħiħ fiċ-ċiklu ta' programmazzjoni. Huwa meħtieġ segwitu tanġibbli, fost l-oħrajn, bl-użu ta' dan l-għarfien meta jitfasslu programmi operattivi u jiġu vvalutati u allokati għotjiet għall-proġetti u d-daqs tal-proġetti, eċċ.

3.3.4

Għandu jsir operattiv Kompendju Ewropew tat-Tranżizzjoni, inkluż għal skop ta' programmazzjoni, u għandu jitkabbar b'bażi tad-data ta’ esperti b’esperjenza ta’ tranżizzjoni, li ġejjin kemm mis-settur governattiv kif ukoll dak mhux governattiv. Għandu jkun attraenti għall-imsieħba biex ifittxu esperti u għandu jingħata promozzjoni, speċjalment fil-pajjiżi msieħba. Il-Kummissjoni Ewropea u l-SEAE għandhom iħejju lista ta' kontroll għad-delegazzjonijiet tal-UE dwar kif jużaw il-Kompendju fil-programmazzjoni (fost oħrajn, jista' jiġi stabbilit bħala sors vinkolanti ta' informazzjoni għall-esperti li jipparteċipaw f'attivitajiet tal-UE).

3.3.5

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħejji Pjan ta' Azzjoni biex l-esperjenza rikka li l-UE għandha fit-tranżizzjoni tiġi applikata aħjar fil-programmazzjoni. Dan jgħin biex jiġi żgurat li l-esperjenza tintuża b'mod sistematiku fl-oqsma fejn hi rilevanti. Il-Kummissjoni Ewropea għandha talloka wkoll biżżejjed riżorsi amministrattivi għall-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni.

3.3.6

Meta jitqies li diġà hemm ammont kbir ta' għodod marbuta mal-iskambju tal-esperjenza ta' tranżizzjoni, huwa rakkomandat li l-Kummissjoni torganizza proċess ta' ġestjoni trasversali biex tiġborhom u tippreżentahom fl-istess post pereżempju billi tinħoloq pjattaforma jew struttura ta' qafas.

3.3.7

Għandha tiġi kkunsidrata firxa akbar tal-faċilitajiet ta' konsulenza tal-UE li huma bbażati fuq il-ħtiġijiet, bħalma huma SOCIEUX u MIEUX. Faċilitajiet bħal dawn huma għodda eċċellenti biex jingħata rispons immedjat għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi msieħba. Iż-żona ġeografika tal-mekkaniżmi eżistenti bbażata fuq il-ħtiġijiet għall-iskambju tal-esperjenza u programmi oħra, partikolarment il-programm TAIEX, il-Ġemellaġġ u Erasmus+, iridu jinfetħu globalment (partikolarment għall-pajjiżi AKP), filwaqt li ma jitnaqqsux il-fondi ppjanati għall-proġetti mill-istati attwali ta' programm.

3.3.8

Il-kunċett ta' "ġemellaġġ/sħubija bejn tlieta" ta' NGOs għandu jitnieda, b'involviment ta' mill-inqas imsieħeb wieħed mill-UE-15, wieħed mill-UE-13 u wieħed mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew fi tranżizzjoni (7). L-iskambju ta’ esperjenza fost rappreżentanti tas-settur privat għandu jkun appoġġat ukoll.

3.3.9

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għandu jagħti faċilità akbar għall-qsim tal-esperjenza tat-tranżizzjoni reċenti tal-Istati Membri tal-UE.

3.3.10

Sabiex l-esperjenza tagħhom ta’ tranżizzjoni tinbidel f'appoġġ effiċċjenti għat-trażizzjoni, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżguraw finanzjamenti u appoġġ pubbliku adegwati. Barra minn hekk, il-KESE jtenni li t-tranżizzjoni u r-rwol tal-individwi, tas-soċjetà ċivili u tal-istat għandhom ikunu aspetti tas-Sena Ewropea għall-Iżvilupp fl-2015.

4.   Appoġġ għar-riformi demokratiċi u l-iżvilupp sostenibbli.

L-esperjenza ta' trażizzjoni reċenti u rikka tal-Istati Membri tal-UE qed iżżid fl-importanza u l-użu lil hinn mill-ġirien tal-UE, b'użu akbar ta’ ”approċċ ibbażat fuq id-domanda“. L-appoġġ għad-demokrazija għandu jkun prijorità għall-UE.

4.1   Ir-rwol speċjali tal-UE fi ħdan id-diversi fażijiet ta’ tranżizzjoni

4.1.1

L-iżvilupp sostenibbli huwa kondizzjonali fuq li jintlaħaq l-usa’ kunsens possibbli fis-soċjetajiet msieħba. Appoġġ għad-demokrazija, il-governanza tajba, il-libertajiet fundamentali (inklużi l-libertà tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika, libertà tal-kelma, midja indipendenti, eċċ), l-edukazzjoni ċivika u t-tagħlim mhux formali u informali, il-ġustizzja u l-ġustizzja soċjali fl-oqsma kollha u fil-livelli kollha huma essenzjali.

4.1.2

Għandu jkun hemm fokus aktar b’saħħtu fuq l-effettività u r-riżultati tal-politika u l-proġetti. Il-proġetti għandhom ikunu akkumpanjati minn programmi operattivi u amministrattivi u miżuri ta’ appoġġ għall-individwi. L-effettività ma tistax tinkiseb mingħajr koordinazzjoni mtejba fil-pajjiżi msieħba. Għandhom ikunu offruti appoġġ u konsulenza għall-ippjanar.

4.1.3

In-nondiskriminazzjoni, it-trattament indaqs u l-impenn proattiv tal-imsieħba tal-UE kif ukoll ta' kull membru tas-soċjetajiet tagħhom (inklużi gruppi bħan-nisa, il-minoranzi eċċ.) huma essenzjali bħala prinċipju ġenerali u bħala prekondizzjoni għall-kredibbiltà tal-UE. Id-differenzjazzjoni tal-politika skont ir-rekwiżiti tal-pajjiż imsieħeb naturalment huwa essenzjali u hemm bżonn li jittejjeb. Fl-istess ħin, l-UE m’għandhiex tkun aktar laxka lejn pajjiżi "strateġikament importanti" sempliċiment minħabba sett limitat ta’ interessi li mhumiex relatati mal-iżvilupp sostenibbli. Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa qasam li fih l-UE u l-imsieħba tagħha għandhom jaħdmu flimkien.

4.1.4

Ir-rappreżentanti tal-UE għandhom jaġixxu kemm bħala “moderaturi/faċilitaturi” (b'analiżi tal-ħtiġijiet lokali u b’appoġġ/il-promozzjoni ta' djalogu fost il-partijiet interessati lokali) kif ukoll bħala “esperti” (bil-qsim tal-esperjenza tagħhom tal-passat u t-twassil tal-lezzjonijiet li ttieħdu mill-ħidma ta' tranżizzjoni).

4.1.5

Kampjun wiesa’tas-soċjetà fil-pajjiżi msieħba għandu jirċievi appoġġ komprensiv. Fil-mument, l-istituzzjonijiet governattivi, u f’xi każijiet l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (inklużi l-imsieħba soċjali), iż-żgħażagħ u r-riċerkaturi huma meqjusa bħala l-gruppi fil-mira prinċipali għall-għajnuna tal-UE. L-iżvilupp sostenibbli u l-bidla demokratika jeħtieġu appoġġ komprensiv u kooperazzjoni mill-qrib ma’ ”ambaxxaturi“, ”maniġers“ jew ”uċuħ ta’ bidla fit-tul“ mis-soċjetà ċivili u l-mexxejja u n-netwerks tagħha, iżda jeħtieġ ukoll li jmorru lil hinn minn dan. Hemm bżonn appoġġ universali, aċċessibbli b’mod wiesa’ u ġeneralment viżibbli għall-imsieħba u s-soċjetajiet tagħhom. L-integrazzjoni fl-UE u l-appoġġ għall-pajjiżi ġirien m’għandhomx jitqiesu bħala gwadann għal xi ftit pajjiżi biss. Titjib viżibbli f’oqsma bħalma huma l-edukazzjoni u x-xjenza (inklużi r-riformi tat-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali, attivitajiet immirati lejn it-tfal eċċ. (8)), l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet, l-infrastruttura u s-servizzi pubbliċi u soċjali (inklużi l-ICT, is-saħħa, playgrounds eċċ.), opportunitajiet ta' xogħol deċenti u impjieg ta' kwalità, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, l-appoġġ għall-popli indiġeni u dawk vulnerabbli soċjalment u ekonomikament, il-movimenti soċjali u l-kundizzjonijiet li jippermettu l-iżvilupp tan-negozju (inklużi t-tisħiħ u l-involviment tal-imsieħba soċjali (9)), eċċ. ser irawmu bidla u kunsens akbar dwar l-orjentament favur l-Ewropa.

4.1.6

Fl-istati b'defiċit demokratiku, huwa possibbli li l-finanzjament ipprovdut lil jew permezz ta’ istituzzjonijiet uffiċjali jintefaq mhux fuq għanijiet soċjali iżda fuq appoġġ għar-reġim, u organizzazzzjonijiet tas-soċjetà ċivili bbażati lokalment li verament jirrapreżentaw il-valuri demokratiċi ma jingħatawx iċ-ċans li japplikaw. It-twaqqif tad-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija (DED) huwa, bla dubju, pass importanti u mistenni. Madankollu, dawn il-problemi wiesa' ma jistgħux jissolvew permezz tad-DED waħdu. Parti mis-soluzzjoni hi li "jiġu identifikati b’mod komprensiv l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili", u organizzazzjonijiet oħra li jirċievu l-għajnuna, fir-reġjun (10). Is-soċjetà ċiviliinformali/attiva fil-lokal u l-inizjattivi għandhom jiġu appoġġjati wkoll fil-biċċa l-kbira tagħhom — bosta Stati Membri tal-UE għandhom esperjenza fil-finanzjament flessibbli tal-proġetti. Fl-istess ħin, il-persentaġġ tal-għajnuna mqassma permezz tas-soċjetà ċivili għandu jiżdied, b’mod partikolari fil-każ ta' reġimi awtoritarji.

4.1.7

Għandha tingħata wkoll attenzjoni partikolari lis-sitwazzjonijiet ta' tranżizzjoni fil-pajjiżi Mediterranji tan-Nofsinhar u tal-Lvant, fejn id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tan-nisa jinsabu mhedda serjament, u lill-ħtieġa li jiġi żgurat appoġġ aktar b'saħħtu tal-UE lis-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tan-nisa.

4.1.8

B’mod ġenerali, l-UE teħtieġ li tanalizza bir-reqqa u tadatta għall-kapaċitajiet ta’ assorbiment u l-karatteristiċi speċjali differenti fost il-pajjiżi msieħba tagħha.

4.1.9

L-UE għandha taqsam l-esperjenza tagħha biex tiżgura appoġġ sostnut għall-iżvilupp estern u intern, fost l-oħrajn għas-soċjetà ċivili, wara li tgħaddi l-ewwel fażi ta’ tranżizzjoni u jintlaħaq benesseri komparattiv.

4.2   Tkabbir inklużiv — ir-rwol tal-intrapriżi u l-impjiegi f’soċjetajiet fi tranżizzjoni

4.2.1

It-tkabbir ekonomiku inklużiv u suq stabbli, flimkien ma’ benesseri u impjiegi mtejba u l-liberalizzazzjoni ekonomika intelliġenti għandhom jaqdu rwol ewlieni fl-iżvilupp ta’ soċjetajiet ta’ tranżizzjoni (f’konformità mal-kunċett ta’”trasformazzjoni ekonomika“ fid-dibattiti ta' wara l-2015). Għandu jitrawwem ambjent sikur u favorevoli għall-investiment u dan għandu jiġi mħares permezz ta’ ftehimiet internazzjonali fi ħdan l-oqfsa multilaterali bħad-WTO, l-OECD, eċċ..

4.2.2

Il-bażi tas-sostenibilità hija l-istat tad-dritt, sistema legali independenti li ma tistax tiġi sovvertita mill-korruzzjoni jew id-dittatorjat. Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti li ma jġarrbux intimidazzjonijiet, l-aċċess għall-informazzjoni, il-protezzjoni soċjali u opportunitajiet għal impjiegi deċenti, kooperazzjoni xjentifika u teknika, l-effiċjenza/l-indipendenza tal-enerġija, u l-konservazzjoni ambjentali kollha huma vitali.

4.2.3

Il-kundizzjonijiet tal-kummerċ għandhom ikunu mtejba, u fejn huwa adegwat għandhom jintużaw ftehimiet ta’ kummerċ ħieles profondi u komprensivi, li għandhom l-għan li jmorru ”wara l-fruntieri“ sabiex jinkoraġġixxu tqarrib kontinwu mar-regoli, il-prinċipji u l-istandards tal-UE f’regolamenti tekniċi — u fl-implimentazzjoni tagħhom. L-għan għall-imsieħba tal-UE għandu jkun ekonomiji b’saħħithom u inklużivi li jnaqqsu b'mod kostanti d-dipendenza tagħhom fuq l-għajnuna esterna, u dan għadu qasam ieħor fejn l-iskambju ta’ esperjenza huwa vitali.

4.2.4

Id-djalogu mal-intrapriżi indipendenti u l-għajnuna għalihom (kif ukoll għat-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili) għandhom jingħataw prijorità meta jkunu qed jitrattaw ma’ reġimi awtoritarji. Fil-każijiet kollha, l-SMEs għandhom jingħataw garanzija ta' rwol aktar importanti bħala aġenti għas-sostenibbiltà, l-istat tad-dritt u l-iżvilupp fl-ekonomija. Il-kunsilli tal-investituri barranin jew imsieħba oħra minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista’ jkollhom rwol addizzjonali.

4.3   Noti addizzjonali dwar sħubijiet internazzjonali għall-iżvilupp

4.3.1

Il-KESE u korpi oħra diġà indikaw il-ħtieġa għall-kooperazzjoni mill-viċin u effiċjenti bejn l-UE, in-NU u korpi internazzjonali oħra fuq l-aġenda għall-iżvilupp ta’ wara l-2015.

4.3.2

L-UE trid ukoll tqis żviluppi reċenti oħra, inkluż it-twaqqif ta’ Sħubija ta' Gvern Miftuħ (inizjattiva ta’ rilevanza partikolari għall-KESE u waħda li tirrifletti l-prinċipju ta’ sħubija msemmi hawn fuq). L-impatt tas-Sħubija Trans-Atlantika għall-Kummerċ u l-Investiment ippjanata u ftehimiet bħal dawn, iridu jiġu ppjanati u mmonitorjati sew fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u t-tranżizzjoni.

4.3.3

Ir-rwol u l-potenzjal tan-negozji privati globali u l-investituri barranin li għandhom l-istess valuri tal-UE għandhom jiġu sfruttati u appoġġjati aħjar u f'termini ta' rispett għad-drittijiet ekonomiċi u soċjali fundamentali.

4.3.4

Għandu jiġi ppjanat studju komprensiv li jistudja l-aħjar prattiċi tal-fondazzjonijiet globali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-għodod li jużaw fil-pajjiżi fi tranzizzjoni.

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  B'mod partikolari l-Opinjoni tal-KESE dwar "Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli", 23 ta' Mejju 2013 u Opinjonijiet rilevanti oħra.

(2)  Il-Konklużjonijiet tat-3218 Kunsill tal-Affarijiet Barranin (31.1.2013), Artikolu 19.

(3)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.eesc-opinions-highlights.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar "Ir-rwol u r-relazzjoni tal-UE mal-Asja Ċentrali u l-kontribut tas-soċjetà ċivili",ĠU C 248, 28.8.2011.

(5)  Pereżempju huwa rrakomandat l-istudju tal-Parlament Ewropew EXPO/B/AFET/2012/32 (2012).

(6)  Il-Konklużjonijiet tat-3218 Kunsill tal-Affarijiet Barranin (31.1.2013), Artikolu 19.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni", ĠU C 43, 15.2.2012.

(8)  Pereżempju l-Opinjoni tal-KESE dwar "Ir-rwol u r-relazzjoni tal-UE mal-Asja Ċentrali u l-kontribut tas-soċjetà ċivili",

ĠU C 248, 28.2.2011.

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni", ĠU C 43, 15.2.2012.

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar dwar il-”Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew ta’ Viċinat“, ĠU C 11, 15.1.2013, p. 80. Ara wkoll Ir-Rapport ta' Informazzjoni dwar Ir-rwol tas-soċejtà ċivili fl-implimentazzjoni tas-Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża fir-reġjun Ewro-Mediterranju (REX/356).


Top