Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XX0204(03)

Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill imsejħa “Tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi fl-UE: il-Mudell Ewropew għall-Iskambju ta’ Informazzjoni (EIXM)”

ĠU C 32, 4.2.2014, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 32, 4.2.2014, p. 14–14 (HR)

4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/15


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill imsejħa “Tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi fl-UE: il-Mudell Ewropew għall-Iskambju ta’ Informazzjoni (EIXM)”

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni huwa disponibbli bl-EN, FR u DE fuq il-websajt tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2014/C 32/08

1.   Introduzzjoni

1.1.   Konsultazzjoni mal-KEPD

1.

Fis-7 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni msejħa “Tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi fl-UE: il-Mudell Ewropew għall-Iskambju ta’ Informazzjoni (EIXM)” (minn hawn ’il quddiem: “il-Komunikazzjoni”) (1). Fl-istess jum il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/JHA tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati transkonfinali (id-“Deċiżjoni Prüm”) (2). Mhumiex sejrin isiru kummenti separati dwar dan ir-rapport f’din l-opinjoni, iżda qed jissemma hawnhekk sabiex il-kuntest jinftiehem aħjar.

2.

Qabel l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni, il-KEPD ingħata l-opportunità li jipprovdi kummenti informali. Il-KEPD huwa sodisfatt li xi wħud mill-kummenti tiegħu ġew ikkunsidrati fil-Komunikazzjoni.

1.2.   Sfond u għanijiet tal-Komunikazzjoni

3.

Il-Programm ta’ Stokkolma (3) għandu l-għan li jilqa’ l-isfidi futuri u jkompli jsaħħaħ il-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja b’azzjonijiet li jiffukaw fuq l-interessi u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini. Huwa jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni għall-perjodu ta’ bejn l-2010 u l-2014 u jiddefinixxi linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġiżlattiv u operattiv fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja skont l-Artikolu 68 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) (4).

4.

B’mod partikolari, il-Programm ta’ Stokkolma jagħraf il-ħtieġa ta’ koerenza u konsolidazzjoni fl-iżvilupp tal-ġestjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fil-qasam tas-sigurtà interna tal-UE u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jimplimentaw l-Istrateġija ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni għas-sigurtà interna tal-UE, li tinkludi reġim b’saħħtu għall-protezzjoni tad-dejta. F’dan il-kuntest, il-Programm ta’ Stokkolma jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-ħtieġa ta’ Mudell Ewropew għall-Iskambju ta’ Informazzjoni (EIXM) ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-istrumenti attwali fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni fl-UE. Din il-valutazzjoni għandha tgħin sabiex jiġi stabbilit jekk dawn l-istrumenti jiffunzjonawx kif kien maħsub oriġinarjament u jilħqux il-miri tal-Istrateġija għall-Ġestjoni tal-Informazzjoni (5).

5.

Wara l-Programm ta’ Stokkolma, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni f’Lulju 2010 (6) (minn hawn ’il quddiem “Il-Komunikazzjoni tal-2010”) li tipprovdi ħarsa ġenerali sħiħa fuq il-miżuri fil-livell tal-UE fis-seħħ, dawk li qegħdin jiġu implimentati u dawk ikkunsidrati, li jirregolaw il-ġbir, il-ħażna jew l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni personali għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u l-ġestjoni tal-migrazzjoni.

6.

Bi tweġiba għall-istedina tal-Programm ta’ Stokkolma u filwaqt li tibni fuq il-Komunikazzjoni tal-2010, din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li twieżen kif jaħdem l-iskambju ta’ informazzjoni transkonfinali fl-UE fil-prattika u li tirrakkomanda titjib possibbli.

3.   Konklużjonijiet

37.

Il-KEPD japprezza l-attenzjoni ġenerali mogħtija lill-protezzjoni tad-dejta fil-Komunikazzjoni li tenfasizza l-ħtieġa li tiġi assigurata kwalità ta’ dejta, sigurtà tad-dejta u protezzjoni tad-dejta ta’ livell għoli u tfakkar li tkun xi tkun il-kumbinazzjoni jew is-sekwenza użata għall-iskambju tal-informazzjoni, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, is-sigurtà tad-dejta u l-kwalità tad-dejta kif ukoll l-għan li għalih jistgħu jintużaw l-istrumenti għandhom ikunu rrispettati.

38.

Barra minn hekk il-KEPD:

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Komunikazzjoni tikkonkludi li la huma meħtieġa databases ġodda tal-infurzar tal-liġi fil-livell tal-UE u lanqas strumenti ġodda ta’ skambju ta’ informazzjoni;

jenfasizza l-ħtieġa għal proċess ta’ valutazzjoni sħiħa tal-istrumenti u l-inizjattivi fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, li l-eżitu tagħha għandu jwassal għal politika tal-UE li tkun komprensiva, integrata u strutturata tajjeb dwar il-ġestjoni tal-informazzjoni u tal-iskambju u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel valutazzjoni ta’ strumenti eżistenti oħrajn;

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tirrifletti fuq (i) l-effikaċja tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta fid-dawl tal-bidliet teknoloġiċi, l-iżviluppi marbuta ma’ sistemi tal-IT fuq skala kbira u l-użu dejjem akbar ta’ dejta li inizjalment tkun inġabret għal għanijiet li mhumiex marbuta mal-ġlieda kontra l-kriminalità, kif ukoll fuq (ii) l-effikaċja għas-sigurtà pubblika tat-tendenza attwali ta’ monitoraġġ mifrux, sistematiku u proattiv ta’ individwi mhux suspetti u l-utilità reali tiegħu fil-ġlieda kontra r-reati; l-eżitu ta’ dawn ir-riflessjonijiet għandu jwassal għal politika tal-UE komprensiva, integrata u strutturata tajjeb dwar il-ġestjoni tal-informazzjoni u tal-iskambju f’dan il-qasam;

jenfasizza li d-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-proposta għal Direttiva m’għandhomx iwaqqfu lill-Kummissjoni milli tagħmel inventarju tal-problemi u tar-riskji marbuta mal-protezzjoni tad-dejta, u tat-titjib possibbli fil-kuntest legali attwali, u jirrakkomanda li dawn id-diskussjonijiet jintużaw b’mod partikolari fid-distinzjoni bejn l-ipproċessar ta’ dejta ta’ persuni suspettati u mhux suspettati għal aktar żvilupp tal-Mudell Ewropew għall-Iskambju ta’ Informazzjoni;

jaqbel bis-sħiħ mal-ħtieġa li ssir reviżjoni tal-istrumenti eżistenti sabiex jiġu allinjati mad-Direttiva proposta u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu aktar azzjoni;

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel valutazzjoni tal-istrumenti eżistenti tul u wara l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom;

jirrakkomanda li l-gwida li l-Kunsill huwa mistieden li jagħti fir-rigward tal-għażla ta’ mezz tqis il-konsegwenzi f’termini ta’ limitazzjoni u responsabbiltajiet tal-għan;

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika b’mod aktar ċar l-għażla tal-mezz tal-Europol li juża l-għodod SIENA bħala mezz prestabbilit u sabiex tivvaluta jekk din l-għażla hijiex konformi mal-prinċipju tal-privatezza fid-disinn;

jinnota b’sodisfazzjoni li l-Komunikazzjoni tfakkar li l-informazzjoni tista’ attwalment tiġi skambjata u użata fejn ikun permess mil-liġi, li jinkludi konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tibda taħdem fuq kundizzjonijiet armonizzati għall-Punti ta’ Kuntatt Waħdieni, sabiex tassigura li r-rekwiżiti jkunu simili fl-Istati Membri kollha u jipproteġu lill-individwi b’mod effettiv;

jirrakkomanda li jkun inkluż it-taħriġ dwar is-sigurtà tal-informazzjoni u l-protezzjoni tad-dejta fl-Iskema prevista mill-Kummissjoni kif ukoll fit-taħriġ li l-Istati Membri huma mistiedna jassiguraw.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2013.

Peter HUSTINX

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2012) 735 finali.

(2)  COM(2012) 732 finali

(3)  Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini, Dokument tal-Kunsill 5731/10, 3.3.2010.

(4)  Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, (ĠU C 83, 30.3.2010, p. 47).

(5)  Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini, Dokument tal-Kunsill 5731/10, 3.3.2010, taqsima 4.2.2.

(6)  Komunikazzjoni tal-20 ta’ Lulju 2010 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill imsemmija “Ħarsa ġenerali lejn il-ġestjoni tal-informazzjoni fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja”, COM(2010) 385 finali.


Top