Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0105

Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 105/2009 tas- 26 ta’ Jannar 2009 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet

ĠU L 36, 5.2.2009, pp. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0609

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/105/oj

5.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 36/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE, EURATOM) Nru 105/2009

tas-26 ta’ Jannar 2009

li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 279(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 183 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (3),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu fi Brussell tal-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005 ħareġ numru ta’ konklużjonijiet dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom.

(2)

Taħt l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom ma hemm l-ebda distinzjoni bejn id-dazji agrikoli u d-dazji doganali.

(3)

Taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom, għall-perijodu 2007 - 2013, l-Olanda u l-Isvezja għandhom jibbenefikaw minn tnaqqis gross mill-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom tad-dħul gross nazzjonali (DGN) li għandu jiġi ffinanzjat mill-Istati Membri kollha. M’għandu jkun hemm l-ebda reviżjoni sussegwenti tal-finanzjament ta’ dak it-tnaqqis gross f’każ ta’ modifiki sussegwenti taċ-ċifra tad-DGN.

(4)

B’kont meħud tal-fatt li d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom tagħmel referenza għad-DGN minflok għall-prodott gross nazzjonali (PGN), huwa kunsiljabbli li jiġi allinjat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (4). Is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej m’għadhiex iżjed tipprovdi għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji bbażati fuq il-PGN, u għalhekk m’hemm l-ebda ħtieġa li ssir referenza għalihom fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000.

(5)

Bil-ħsieb ta’ amministrazzjoni effiċjenti tal-kontijiet tar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex tiġi allineata t-trażmissjoni tad-data u l-perijodi tar-rappurtar mal-prattika bankarja attwali.

(6)

Mill-baġit tal-2007 ‘l quddiem, il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni (5) finanzjarja tajba m’għadux jipprevedi mekkaniżmu finanzjarju speċifiku għar-riżerva dwar self u garanziji ta’ self u r-riżerva għall-għajnuna ta’ emerġenza. Ir-riżerva għall-għajnuna ta’ emerġenza tiddaħħal fil-baġit bħala proviżjoni u r-riżerva għas-self u l-garanziji tas-self titqies bħala nefqa obbligatorja fil-baġit ġenerali.

(7)

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(8)

B’kont meħud tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-istess jum bħal dik id-Deċiżjoni u għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Fit-titolu, it-terminu “Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet” għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej”;

(2)

L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Ir-riżorsi proprji tal-Komunitatijiet Ewropej previsti fid-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom  (*1), minn hawn ‘il quddiem imsejħa ‘ir-riżorsi proprji’ għandhom isiru disponibbli għall-Kummissjoni u spezzjonati kif speċifikat f’dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (*2), għar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (*3) u għad-Direttiva 89/130/KEE, Euratom (*4).

(*1)   ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17."

(*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9)."

(*3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali bi prezzijiet tas-suq (ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1)."

(*4)   ĠU L 49, 21.2.1989, p. 26.”;"

(3)

Fl-Artikolu 2(1), it-terminu “Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom” għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom”;

(4)

Fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Id-dokumenti ta’ sostenn li jirrigwardaw il-proċeduri statistiċi u l-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 għandhom jinżammu mill-Istati Membri sat-30 ta’ Settembru tar-raba’ sena wara s-sena finanzjarja kkonċernata. Id-dokumenti ta’ sostenn dwar il-bażi tar-riżorsi tal-VAT għandhom jinżammu għall-istess perijodu”;

(5)

L-Artikolu 5 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Ir-rata msemmija fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom, li għandha tkun iffissata fil-proċedura tal-baġit, għandha tkun ikkalkulata bħala perċentwal tas-somma tal-previżjoni tad-dħul gross nazzjonali, (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ‘DGN’) tal-Istati Membri b’tali mod li tkopri bis-sħiħ dik il-parti tal-baġit li ma tkunx iffinanzjata mid-dħul imsemmi fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom, mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi supplimentari ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku u introjtu ieħor.

Dik ir-rata għandha tiġi espressa fil-baġit b’figura li jkun fiha postijiet deċimali kemm ikun meħtieġ sabiex ir-riżorsa bbażata fuq id-DGN tinqasam kollha bejn l-Istati Membri.”;

(6)

fl-Artikolu 6(3), il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(ċ)

Ir-riżorsi tal-VAT u r-riżorsa addizzjonali, b’kont meħud tal-effett fuq dawn ir-riżorsi tal-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u għat-tnaqqis gross mogħti lill-Olanda u lill-Isvezja għandhom, madankollu, jitniżżlu fil-kontijiet kif speċifikat fil-punt (a) kif ġej:

il-tnax-il wieħed imsemmi fl-Artikolu 10(3) għandu jiġi reġistrat fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull xahar,

il-bilanċi msemmija fl-Artikolu 10(4) u (6) u l-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 10(5) u (7) għandhom jiġu reġistrati annwalment, minbarra għall-aġġustamenti partikolari msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 10(5), li għandhom jitniżżlu fil-kontijiet fl-ewwel jum tax-xogħol tax-xahar ta’ wara l-qbil bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni.”;

(7)

L-Artikolu 9(1a) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1a.   L-Istati Membri jew il-korpi appuntati minnhom għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni, b’mezzi elettroniċi:

(a)

fil-jum tax-xogħol li fih ir-riżorsi proprji jkunu kkreditati fil-kont tal-Kummissjoni, rendikont tal-kont jew avviż ta’ kreditu li juri d-dħul tar-riżorsi proprji;

(b)

mingħajr preġudizzju għall-punt (a), sa mhux aktar tard mit-tieni jum tax-xogħol wara l-ikkreditar tal-kont, rendikont tal-kont li juri d-dħul tar-riżorsi proprji.”;

(8)

L-Artikolu 10 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

1.   Wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir taħt l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom id-dħul tar-riżorsi proprji msemmi fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li fih l-intitolament ikun ġie stabbilit taħt l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

Madanakollu, għal intitolamenti murija f’kontijiet separati taħt l-Artikolu 6(3)(b) ta’ dan ir-Regolament, id-dħul għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih l-intitolamenti jkunu rkuprati.

2.   Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iressqu ‘l quddiem b’xahar id-dħul tar-riżorsi għajr ir-riżorsi tal-VAT u r-riżorsi addizzjonali abbażi tal-informazzjoni disponibbli għalihom fil-15 tal-istess xahar.

Kull dħul imressaq ‘il quddiem tista’ tiġi aġġustata fix-xahar ta’ wara meta jseħħ id-dħul imsemmi fil-paragrafu 1. Dan l-aġġustament għandu jinvolvi dħul negattiv ta’ ammont ugwali għal dak mogħti fid-dħul imressaq ‘il quddiem.

3.   Ir-riżorsi tal-VAT u r-riżorsa addizzjonali, b’kkont meħud tal-effett ta’ dawn ir-riżorsi fuq il-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u t-tnaqqis gross mogħti lill-Olanda u lill-Isvezja għandhom jiġu kkreditati fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull xahar, u l-ammonti għandhom ikunu wieħed minn kull tnax tat-totali rilevanti fil-baġit, ikkonvertiti fil-muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-aħħar jum tal-kwotazzjoni tas-sena kalendarja ta’ qabel is-sena baġitarja, kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C.

Għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas tal-ispiża tal-FAEG, konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (*5) u abbażi tal-pożizzjoni tal-likwidità tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni sabiex jantiċipaw b’xahar jew b’xahrejn fl-ewwel kwart tas-sena finanzjarja d-dħul ta’ wieħed minn tnax jew frazzjoni ta’ wieħed minn tnax tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsi tal-VAT u/jew ir-riżorsa addizzjonali, b’kont meħud tal-effett ta’ dawn ir-riżorsi fuq il-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u t-tnaqqis gross mogħti lill-Olanda u lill-Isvezja.

Wara l-ewwel kwart tas-sena, id-dħul rikjest ta’ kull xahar ma jistax jeċċedi wieħed minn tnax tar-riżorsi bbażati fuq il-VAT u d-DGN, filwaqt li jibqa’ fil-limitu tal-ammonti mdaħħla fil-baġit għal dak l-iskop.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri dwar dan bil-quddiem, mhux aktar tard minn gimgħatejn qabel id-dħul mitlub.

It-tmien subparagrafu li jirrigwarda l-ammont li għandu jiddaħħal f’Jannar ta’ kull sena u d-disa’ subparagrafu applikabbli jekk il-baġit ma jkunx għadu ġie finalment adottat qabel il-bidu tas-sena finanzjarja għandhom ikunu applikabbli għal dan id-dħul antiċipat.

Kull bidla fir-rata uniformi tar-riżorsi tal-VAT, fir-rata tar-riżorsa addizzjonali, fil-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u fl-iffinanzjar tagħha msemmi fl-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom u fl-iffinanzjar tat-tnaqqis gross mogħti lill-Olanda u lill-Isvezja għandu jirrikjedi l-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju u għandu jwassal għal riaġġustamenti tal-ħlasijiet ta’ wieħed minn tnax li jkunu ddaħħlu sa mill-bidu tas-sena finanzjarja.

Dawn ir-riaġġustamenti għandhom jittwettqu meta jsir l-ewwel dħul wara l-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju jekk ikun adottat qabel is-16 tax-xahar. Inkella dawn għandhom jitwettqu meta jsir it-tieni dħul wara l-adozzjoni finali. B’deroga mill-Artikolu 8 tar-Regolament Finanzjarju, dawn ir-riaġġustamenti għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fir-rigward tas-sena finanzjarja tal-baġit emendatorju kkonċernat.

Il-kalkolu tal-wieħed minn tnax għal Jannar ta’ kull sena finanzjarja għandu jkun ibbażat fuq l-ammonti stipulati fl-abbozz tal-baġit, imsemmija fl-Artikolu 272(3) tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 177(3) tat-Trattat tal-KEEA u kkonvertiti fil-muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-ewwel jum tal-kwotazzjoni ta’ wara l-15 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja li tippreċedi s-sena tal-baġit; l-aġġustament għandu jsir mad-dħul tax-xahar li jmiss.

Jekk il-baġit ma jkunx ġie finalment adottat qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull xahar, inkluż Jannar, wieħed minn tnax tal-ammont tar-riżorsi tal-VAT, u r-riżorsa addizzjonali, b’kont meħud tal-effett ta’ dawk ir-riżorsi fuq il-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u t-tnaqqis gross mogħti lill-Olanda u lill-Isvezja, imdaħħlin fl-aħħar baġit finalment adottat; l-aġġustament għandu jsir fl-ewwel data li tmiss wara l-adozzjoni finali tal-baġit jekk dan ikun adottat qabel is-16 tax-xahar. Altrimenti, l-aġġustament għandu jsir fit-tieni data li tmiss ta’ wara l-adozzjoni finali tal-baġit.

4.   Kull Stat Membru għandu, abbażi tal-istqarrija annwali fuq il-bażi tar-riżorsi tal-VAT stipulati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89, ikun iddebitat b’ammont ikkalkulat mill-informazzjoni li tinsab fl-imsemmija stqarrija bl-applikazzjoni tar-rata uniformi adottata għas-sena finanzjarja preċedenti u kkreditat bit-12-il pagament magħmula matul dik is-sena finanzjarja. Madankollu, il-bażi tar-riżorsi tal-VAT ta’ kull Stat Membru li għaliha hija applikata r-rata ta’ hawn fuq ma tistax teċċedi l-perċentwal determinat bl-Artikolu 2(1)(b) ta’ Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom, tad-DGN tiegħu, kif imsemmi fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 7 ta’ dak l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-bilanċ u għandha tinforma lill-Istati Membri fil-waqt biex huma jkunu jistgħu jdaħħluh fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Diċembru tal-istess sena.

5.   Kwalunkwe korrezzjoni tal-bażi tar-riżorsi tal-VAT taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 għandha twassal biex kull Stat Membru kkonċernat li l-bażi tiegħu, meta jitqiesu dawn il-korrezzjonijiet, ma teċċedix il-perċentwali ddeterminati mill-Artikoli 2(1)(b) u 10(2) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom, għall-aġġustamenti li ġejjin għall-bilanċ imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu:

il-korrezzjonijiet taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 magħmula sal-31 ta’ Lulju għandhom iwasslu għal aġġustament ġenerali li għandu jitniżżel fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Diċembru tal-istess sena. Madankollu, aġġustament partikolari jista’ jiddaħħal qabel dik id-data jekk l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jaqblu dwar dan,

meta l-miżuri li tieħu l-Kummissjoni permezz tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 biex tikkorreġi l-bażi jwassal għal aġġustament tad-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament, dak l-aġġustament għandu jsir fid-data speċifikata mill-Kummissjoni f’konformita’ mal-miżuri msemmija.

It-tibdil għad-DGN imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu għandu wkoll iwassal għal aġġustament tal-bilanċ ta’ kwalunkwe Stat Membru li l-bażi tiegħu, meta jitqiesu dawn il-korrezzjonijiet, ikollha bħala massimu stabbilit il-perċentwali determinati bl-Artikolu 2(1)(b) u 10(2) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b’dawn l-aġġustamenti fil-waqt biex dawn ikunu jistgħu jdaħħluhom fil-kont msemmi fl-Artikolu 9(1) fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Diċembru tal-istess sena.

Iżda, aġġustament partikolari jista’ jiddaħħal fi kwalunkwe żmien jekk l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jaqblu dwar dan.

6.   Abbażi tal-figuri għad-DGN aggregat bil-prezzijiet tas-suq u l-komponenti tiegħu mis-sena ta’ qabel, forniti mill-Istati Membri taħt l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, kull Stat Membru għandu jiġi ddebitat bl-ammont ikkalkulat billi tiġi applikata għad-DGN ir-rata adottata għas-sena finanzjarja preċedenti u kkreditat bil-ħlasijiet magħmula matul dik is-sena finanzjarja ta’ qabel. Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-bilanċ u għandha tinforma lill-Istati Membri fil-waqt biex dawn ikunu jistgħu idaħħluh fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Diċembru tal-istess sena.

7.   Kull kambjament fid-DGN tas-snin finanzjarji preċedenti konformement mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, suġġett għall-Artikolu 5 tiegħu, għandu jwassal għal kull Stat Membru kkonċernat, għal aġġustament tal-bilanċ stabbilit konformement mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Dan l-aġġustament għandu jiġi stabbilit bil-mod preskritt fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b’dawn l-aġġustamenti biex huma jkunu jistgħu jdaħħluhom fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Diċembru tal-istess sena. Wara t-30 ta’ Settembru tar-raba’ sena wara sena finanzjarja partikolari, kull tibdil fid-DGN m’għandux aktar ikun meqjus, ħlief fuq punti nnotifikati f’dan il-limitu ta’ żmien jew mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru.

8.   L-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 sa 7 jikkonstitwixxu modifikazzjonijiet għall-introjtu fir-rigward tas-sena finanzjarja li fiha jseħħu.

9.   It-tnaqqis gross mogħti lill-Olanda u lill-Isvezja għandu jiġi ffinanzjat mill-Istati Membri kollha. M’għandu jkun hemm l-ebda reviżjoni sussegwenti tal-finanzjament ta’ dak it-tnaqqis gross f’każ ta’ modifiki sussegwenti taċ-ċifra tad-DGN.

10.   Konformement mal-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni, ‘DGN’ għandu jfisser id-DGN għal dik is-sena fi prezzijiet tas-suq kif definit mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, minbarra għas-snin ta’ qabel l-2002, li għalihom il-PGN bil-prezzijiet tas-suq, kif definit mid-Direttiva 89/130/KEE, Euratom, ikompli jkun ir-referenza għall-kalkolu tar-riżorsa addizzjonali.

(*5)   ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.”;"

(9)

Fl-Artikolu 10a ir-referenzi għall-“PGN” għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“DGN”;

(10)

L-Artikolu 11(4) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Għall-ħlas tal-interessi msemmija fil-paragrafu 1, Artikolu 9(1a) u (2) għandu japplika mutatis mutandis.”;

(11)

L-Artikolu 12(5) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel sentenza għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“L-Istati Membri, jew il-korpi appuntati minnhom, għandhom jeżegwixxu l-ordnijiet ta’ ħlas tal-Kummissjoni fuq istruzzjonijiet tal-Kummissjoni u f’mhux aktar minn tlitt ijiem tax-xogħol mill-jum tar-riċezzjoni.”

(b)

jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri, jew il-korpi appuntati minnhom, għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni b’mezzi elettroniċi u mhux aktar tard mit-tieni jum tax-xogħol wara t-twettiq ta’ kull tranżazzjoni, rendikont tal-kont li juri l-movimenti relatati.”;

(12)

Fl-intestatura tat-Titolu VI, it-terminu “Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom” għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom”;

(13)

Fis-sentenza introduttorja tal-Artikolu 15, it-terminu “Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom” għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom”;

(14)

Fl-Artikolu 16, ir-referenza għall-“Artikolu 10(4) sa (8)” għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“Artikolu 10(4) sa (7)”;

(15)

L-Artikolu 18 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel sentenza, fil-paragrafu 1, għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki u kontrolli li jirrigwardaw l-istabbiliment u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji, imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom.”;

(b)

il-paragrafu 4(c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(ċ)

l-arranġamenti ta’ spezzjonar magħmula taħt l-Artikolu 279(1)(b) tat-Trattat KE u l-Artikolu 183(1)(b) tat-Trattat KEEA.”;

(16)

Fl-Artikolu 19 ir-referenza għall-“PGN” għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“DGN”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

A. VONDRA


(1)   ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)   ĠU C 192, 29.7.2008, p. 1.

(4)   ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1.

(5)   ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.


Top