Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XX0730(02)

    Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Seduta – Ryanair/Aer Lingus III (COMP/M.6663)

    ĠU C 216, 30.7.2013, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 216, 30.7.2013, p. 19–19 (HR)

    30.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 216/20


    Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

    Ryanair/Aer Lingus III

    (COMP/M.6663)

    2013/C 216/06

    Il-Kuntest

    (1)

    Fl-24 ta' Lulju 2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2) li permezz tagħha Ryanair Holdings plc takkwista fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll sħiħ ta' Aer Lingus Group plc permezz ta' offerta pubblika mħabbra fid-19 ta' Ġunju 2012.

    Id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet

    (2)

    Il-Kummissjoni tat bidu għal proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet fid-29 ta’ Awwissu 2012 u adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) fit-13 ta’ Novembru 2012. Madwar xahar qabel il-ħruġ tad-DO, fis-17 ta’ Ottubru 2012, Ryanair ippreżentat pakkett ta’ impenji formali skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, liema pakkett il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tressaqx għal test tas-suq.

    (3)

    Aer Lingus, il-mira tal-offerta pubblika u għalhekk il-parti involuta l-oħra fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 11(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (3), irċeviet verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO fil-21 ta’ Novembru 2012. Immedjatament hija esprimiet tħassib dwar il-mod kif kienet redatta t-taqsima kollha li kienet tittratta l-impenji ta' Ryanair u l-valutazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni. Aer Lingus talbet kopja tat-taqsima wara li din it-talba ġiet miċħuda mid-DĠ Kompetizzjoni. Wara li eżaminajt it-talba motivata, jiena tlabt lid-DĠ Kompetizzjoni biex jagħti lil Aer Lingus verżjoni mhux kunfidenzjali tat-taqsima tad-DO dwar l-impenji ta' Ryanair kif stipulat mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni. Id-DĠ Kompetizzjoni imbagħad talab lil Ryanair biex tipprovdi verżjoni inqas redatta tat-taqsima li tittratta l-impenji, li sussegwentement ġiet mgħoddija lil Aer Lingus.

    (4)

    Ryanair bagħtet it-tweġiba tagħha għad-DO fit-28 ta’ Novembru 2012 u Aer Lingus il-kummenti tagħha fit-30 ta’ Novembru 2012. La din tal-aħħar u lanqas ta' qabel ma talbu seduta formali.

    (5)

    Fl-14 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni bagħtet ittra tal-fatti, lil Ryanair, li l-kumpanija wieġbet fl-20 ta’ Diċembru 2012.

    Aċċess għall-fajl

    (6)

    Il-parti notifikanti ngħatat b’mod rikorrenti aċċess sħiħ għall-fajl fuq talba tagħha permezz ta' CD-ROMs minn Novembru 2012 sa Frar 2013, filwaqt li Aer Lingus ingħatat aċċess fuq talba tagħha sa fejn dan kien meħtieġ għall-iskopijiet tat-tħejjija tal-kummenti tagħha, ukoll diversi drabi matul il-proċess.

    (7)

    Barra minn hekk, f'dan il-każ ġew organizzati żewġ data rooms dwar id-dejta kwantitattiva, mill-21 sat-23 u fis-27 ta’ Novembru 2012. Il-konsulenti ekonomiċi esterni kemm ta' Ryanair kif ukoll ta' Aer Lingus kellhom aċċess separat għad-dejta, jiġifieri l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-korrelazzjoni bejn in-nollijiet medji gross ta' Ryanair u ta' Aer Lingus.

    Terzi persuni

    (8)

    Tliet kompetituri tal-entitajiet li se jingħaqdu, jiġifieri International Airlines Group SA, Flybe Group plc u Aer Arran, ajruport wieħed, jiġifieri Dublin Airport Authority, u d-Dipartiment tat-Trasport, Turiżmu u Sport Irlandiż, urew “interess suffiċjenti” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u, għalhekk, ingħataw l-opportunità li jinstemgħu bil-miktub bħala terzi persuni.

    Impenji

    (9)

    Sabiex tindirizza t-tħassib relatat mal-kompetizzjoni identifikat fid-DO, Ryanair ressqet verżjoni riveduta ta’ impenji fis-7 ta’ Diċembru 2012, il-15 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar 2013, li kollha ġew ittestjati fis-suq. Ir-riżultati tat-testijiet fis-suq u r-raġunijiet tal-Kummissjoni għar-rifjut tal-impenji offruti ġew kull darba spjegati waqt il-laqgħat dwar is-sitwazzjoni attwali, li l-aħħar waħda saret fit-12 ta’ Frar 2013. Barra minn hekk, Ryanair konsistentement ingħatat aċċess għall-fajl sabiex tkun tista’ tivverifika l-informazzjoni li tirfed il-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

    Id-drittijiet proċedurali tal-mira tal-konċentrazzjoni

    (10)

    Aer Lingus, il-kumpanija fil-mira tal-akkwist ostili, ilmentat dwar ir-rwol limitat li kien kapaċi jkollha f’investigazzjoni li hija ċentrali għall-indipendenza tagħha. Il-kumpanija temmen li kienet ferm ’il bogħod milli tgawdi ugwaljanza tal-mezzi. Pereżempju, ma kinitx involuta fil-proċess ta’ pre-notifika, kien hemm it-tendenza li tirċievi dokumenti redatti żżejjed sottomessi mill-parti li tinnotifika, ma ġewx offruti lilha dokumenti prinċipali fil-bidu tal-Fażi II, kisbet biss aċċess limitat għall-fajl u kienet eskluża mid-djalogu mal-Kummissjoni dwar ir-rimedji.

    (11)

    Huwa minnu li kumpaniji fil-mira ma jgawdux l-istess status proċedurali bħall-kumpaniji li jakkwistaw. Kif Aer Lingus stess tammetti, ir-regolamenti applikabbli jattribbwixxu biss rwol limitat lil partijiet involuti oħra. Għaldaqstant jiena ma jirriżultalix li Aer Lingus ma kinitx kapaċi teżerċita b'mod effettiv f’dan il-proċediment id-drittijiet ikkonferiti lilha skont ir-regolamenti u l-aħjar prattiki applikabbli. Fl-uniku każ li fih irreferietli għall-analiżi tiegħi deċiżjoni proċedurali ħażina, jiena ddeċidejt li naqtagħha favur l-Aer Lingus (ara l-punt 3 hawn fuq).

    L-Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    (12)

    Fl-opinjoni tiegħi l-abbozz tad-Deċiżjoni jirrelata biss mal-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom. Minħabba n-natura sensittiva ferm ta’ ċerta dejta li toriġina mill-parti l-oħra involuta u minn parti terza, il-Kummissjoni talbet u kisbet prokura mingħand il-parti notifikanti li tippermetti lir-rappreżentanti esterni tagħha li (i) jirċievu f’isimha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, fuq bażi biss ta' rappreżentanti, u li (ii) jipprovdu lil Ryanair b’kopja ta' dak li jkun ġie redatt u tiġi eskluża l-informazzjoni kunfidenzjali. Iż-żewġ fornituri huma konxji ta’ din id-divulgazzjoni limitata u t-tnejn li huma taw il-qbil tagħhom bil-miktub.

    Rimarki tal-Għeluq

    (13)

    Kollox ma’ kollox, jien nikkonkludi li l-parteċipanti kollha fil-proċedimenti kienu kapaċi jeżerċitaw effettivament id-drittijiet proċedurali tagħhom f'dan il-każ.

    Brussell, id-19 ta’ Frar 2013.

    Michael ALBERS


    (1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1).


    Top