Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0328

Leġiżlazzjoni dwar l-Enċefalopatiji Sponġiformi Trasmissibbli (TSE) u dwar kontrolli relatati tal-ikel u tal-għalf Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta' Lulju 2011 dwar leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-Enċefalopatiji Sponġiformi Trasmissibbli (TSE) u dwar kontrolli relatati tal-ikel u tal-għalf - implimentazzjoni u prospettiva (2010/2249(INI))

ĠU C 33E, 5.2.2013, p. 120–125 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 33/120


L-Erbgħa 6 ta’ Lulju 2011
Leġiżlazzjoni dwar l-Enċefalopatiji Sponġiformi Trasmissibbli (TSE) u dwar kontrolli relatati tal-ikel u tal-għalf

P7_TA(2011)0328

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2011 dwar leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-Enċefalopatiji Sponġiformi Trasmissibbli (TSE) u dwar kontrolli relatati tal-ikel u tal-għalf - implimentazzjoni u prospettiva (2010/2249(INI))

2013/C 33 E/12

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-16 ta’ Lulju 2010 bit-titolu “It-Tieni Pjan Direzzjonali dwar it-TSE: Karta ta' strateġija dwar l-Enċefalopatiji Sponġiformi Trasmissibbli għall-2010-2015” (COM(2010)0384),

wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-25 ta’ Awwissu 2010 dwar l-operazzjoni ġenerali tal-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri fuq is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali, u s-saħħa tal-pjanti (COM(2010)0441),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħtieġa u l-użu fil-futur ta' laħam separat b'mod mekkaniku fl-Unjoni Ewropea, inkluża l-politika ta' informazzjoni għall-konsumaturi (COM(2010)0704),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (2) u r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolamenti dwar l-Iġjene (COM(2009)0403),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta' oġġetti ta’ l-ikel (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (4) u r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament (COM(2009)0334),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza ta’ l-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sikurezza ta' l-ikel (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u ta’ l-aġenti żoonotiċi, temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Reġolament (KE) Nru 1774/2002 (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar id-defiċit ta' proteini fl-UE: x'soluzzjoni għal problema li ilha teżisti? (8),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni 2009/719/KE li tawtorizza ċerti Stati Membri jirrevedu l-programm annwali tagħhom ta’ monitoraġġ tal-BSE,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2010 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tas-16 ta’ Lulju 2010 bit-titolu “It-Tieni Pjan Direzzjonali dwar it-TSE: Karta ta' strateġija dwar l-Enċefalopatiji Sponġiformi Trasmissibbli għall-2010-2015”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, (A7-0195/2011),

A.

billi l-okkorrenza tal-BSE fl-Unjoni Ewropea kienet laħqet proporzjonijiet epidemiċi f’nofs is-snin ’90 li wasslet għad-dħul ta’ serje ta’ miżuri mmirati għall-eradikazzjoni tal-BSE u TSEs oħra,

B.

billi l-għadd ta’ każijiet pożittivi ta’ BSE fl-UE naqas minn 2 167 każ fl-2001 għal 67 każ fl-2009; billi, fid-dawl ta’ dan il-għadd li qed jonqos ta’ każijiet, il-leġiżlazzjoni implimentata waqt dan il-perjodu tista’ titqies li tat kontribut għall-eradikazzjoni tal-BSE u TSEs oħra fl-UE u billi, id f’id ma' din it-tendenza epidemjoloġika li qiegħda tonqos, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi għandhom jiġu adattati skont is-sitwazzjoni attwali f’dak li hu riskju,

C.

billi, minħabba l-għadd li kontinwament qed jonqos tal-każijiet ta’ BSE, il-leġiżlazzjoni dwar it-TSEs ġiet modifikata f’dawn l-aħħar snin u setgħu jiġu kkunsidrati bidliet futuri filwaqt li jiġi żgurat u jibqa’ jinżamm livell għoli tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika fl-Unjoni Ewropea; billi dawn il-bidliet jistgħu jinkludu miżuri relatati mat-tneħħija tal-MRS, mar-rieżami tad-dispożizzjonijiet tal-projbizzjoni totali fuq l-għalf, mal-eradikazzjoni tal-iscrapie, mal-qtil (culling) tal-ko-orti u mas-sorveljanza,

D.

billi żieda fil-produzzjoni domestika tal-għelejjel tal-proteina hija indispensabbli bil-għan li titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tas-sojja u għejun oħra ta' proteina,

Rimarki ġenerali

1.

Jilqa’ ‘It-Tieni Pjan Direzzjonali dwar it-TSE: Karta ta' strateġija dwar l-Enċefalopatiji Sponġiformi Trasmissibbli għall-2010-2015’ tal-Kummissjoni u l-proposti tagħha għal ċerti reviżjonijiet tar-reġim attwali tal-leġiżlazzjoni tat-TSE fl-Unjoni Ewropea; jenfasizza, madankollu, li ċerti dispożizzjonijiet jeħtieġu valutazzjoni bir-reqqa u se jkunu appoġġjati biss taħt ċerti kundizzjonijiet;

2.

Jenfasizza kemm hu importanti li jiġi żgurat li t-tnaqqis sinifikanti fil-każijiet tal-BSE fl-Unjoni Ewropea ma jwassalx għal miżuri tat-TSE anqas stretti jew għal xi tnaqqis fil-mekkaniżmi ta’ konroll u sorveljanza stretti fl-UE; jieħu nota tal-kontribut tal-leġiżlazzjoni tal-imgħoddi u dik attwali tat-TSE għall-eradikazzjoni tat-TSEs fl-UE;

Sorveljanza tal-BSE

3.

Jieħu nota taż-żieda fil-limiti tal-età għall-ittestjar tat-TSE tal-annimali tal-ifrat ta’ aktar minn 72 xahar fit-22 Stat Membru kif iddaħħlet mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni mmsemmija hawn fuq li temenda d-Deċiżjoni 2009/719/KE li tawtorizza ċerti Stati Membri jirrevedu l-programm annwali tagħhom ta’ monitoraġġ tal-BSE;

4.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-limiti tal-età fl-Stati Membri li fadal biss jekk ikun hemm l-appoġġ ta’ valutazzjonijiet sodi tar-riskji bil-għan li ma jitqiegħedx f’periklu livell għoli ta’ saħħa tal-annimali u ta’ ħarsien tal-konsumatur;

5.

Jenfasizza li l-mekkaniżmu ta’ sorveljanza huwa strument importanti fil-monitoraġġ tat-TSE fl-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar żieda oħra fil-limiti tal-età għall-ittestjar fl-annimali tal-ifrat b'mod partikolari minħabba l-ittestjar tad-daqs tal-kampjuni li se jirregola s-sistema tal-monitoraġġ tal-BSE fl-annimali tal-ifrat minn Jannar 2013 ’il quddiem; jistieden lill-Kummissjoni tgħarraf lill-Parlament bil-progress u sejbiet ġodda fuq id-daqsijiet tal-kampjuni li għandhom jintgħażlu;

6.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa’ żżomm kif inhu l-ittestjar tal-annimali li jinsabu f’riskju bħala element importanti tal-kontinwazzjoni tal-monitoraġġ tat-tendenza tal-każijiet tal-BSE fl-UE u tal-iżgurar tas-sejbien bikri ta’ kull riokkorrenza possibbli fil-ġejjieni;

Reviżjoni tal-Projbizzjoni fuq l-Għalf

7.

Jappoġġja - b’mod partikolari fid-dawl tad-defiċit eżistenti ta’ proteini fl-UE - il-proposta tal-Kummissjoni li jitneħħew id-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu li l-annimali li ma jixtarrux jiġu mitmugħa proteini tal-annimali pproċessati, bil-kundizzjoni li dan ikun japplika biss għall-annimali mhux erbivori, u li:

il-proteini tal-annimali pproċessati huma dderivati biss minn speċijiet li ma għandhomx konnessjoni mat-TSEs,

il-metodi tal-produzzjoni u tal-isterilizzazzjoni użati għall-proteini tal-annimali pproċessati jkunu konformi mal-ogħla standards ta’ sikurezza u mar-regoli stabbiliti fir-Regolament dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali u jużaw it-teknoloġija l-aktar ġdida u l-aktar sikura disponibbli,

il-projbizzjonijiet eżistenti dwar ir-riċiklaġġ intraspeċi (“kannibaliżmu”) jibqgħu fis-seħħ,

il-kanali tal-produzzjoni għall-proteini tal-annimali pproċessati derivati minn speċijiet differenti jiġu separati kompletament,

is-separazzjoni ta’ dawn il-kanali ta’ produzzjoni jkunu kkontrollati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u vverifikati mill-Kummissjoni,

qabel tiġi implimentata t-tneħħija tal-projbizzjoni fuq l-għalf, ikun hemm fis-seħħ metodu affidabbli speċifiku għal speċi biex jiġi identifikat l-oriġini tal-ispeċijiet tal-proteini li jinsabu fil-għalf tal-annimali li jkun fih proteini tal-annimali pproċessati ħalli r-riċiklaġġ intraspeċi u l-preżenza tal-proteini tal-annimali li jixtrarru pproċessati jkunu jistgħu jiġu esklużi, u

li l-produzzjoni tal-proteini tal-annimali pproċessati minn materjal tal-kategorija 1 jew tal-kategorija 2 tiġi pprojbita u li jkun biss materjal tal-kategorija 3 li hu tajjeb għall-konsum mill-bniedem li jintuza għall-produzzjoni tal-proteini tal-annimali pproċessati;

8.

Jenfasizza li dawn il-miżuri għandhom imorru id f’id ma’ PAK immirata li torbot bejniethom il-produzzjoni tal-għelejjel u l-produzzjoni tal-bhejjem, l-użu adegwat taż-żoni tal-bur, iż-żieda fil-produzzjoni domestika tal-proteina u l-appoġġ għas-sistemi tan-newb tal-uċuħ;

9.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ddaħħal miżuri li jiżguraw li, jekk titneħħa l-projbizzjoni fuq l-għalf, il-possibilità ta’ transkontaminazzjoni tal-materjal tal-annimali li ma jistarrux mal-materjal tal-annimali li jixtarru permezz tal-kanali ta’ trasportazzjoni tiġi eskluża;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni separata għall-biċċeriji li fihom jiġu prodotti kemm prodotti sekondarji mill-annimali li ma jixtarrux u kemm prodotti sekondarji mill-annimali li jixtarru, ħalli jiġi żgurat li ssir separazzjoni ċara ta’ dawn il-prodotti sekondarji;

11.

Jirrofta l-użu tal-proteini tal-annimali pproċessati derivati minn annimali li ma jixtarrux jew minn annimali li jixtarru fil-għalf għall-annimali li jixtarru;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-importazzjonijiet tal-proteini tal-annimali pproċessati bil-għan li jiġi żgurat li r-riċiklaġġ intraspeċi, l-użu tal-materjal tal-kategorija 1 u 2 u l-vjolazzjonijiet tar-regoli tal-iġjene jkunu jistgħu jiġu esklużi; jenfasizza li għal dan il-għan jeħtieġ ukoll li jsiru spezzjonijiet fuq il-post regolari u għal għarrieda;

13.

Jesprimi ruħu favur li jiġi eżaminat b’mod kritiku l-istabbiliment ta’ livell ta’ tolleranza għal ammonti insinifikanti ta’ proteini tal-annimali li ma jixtarrux, mhux awtorizzati, fil-għalf ikkawżati minn kontaminazzjoni aċċidentali u teknikament inevitabbli, kemm-il darba hemm disponibbli metodu kif jiġi ddeterminat il-proporzjon ta’ dawn il-proteini;

Lista tal-MRS

14.

Jistenna li l-Kummissjoni tibqa’ żżomm l-istandards stretti li jinsabu fil-lista tal-MRS tal-UE; jenfasizza li dawn l-istandards stretti ma għandhom jiddgħajfu minn xi tentattivi tal-OIE li tallinja l-istandards tal-UE mal-lista tal-OIE;

15.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra modifiki għal-lista tal-MRS tal-UE biss jekk ikun hemm l-appoġġ ta’ fatti xjentifiċi, skont l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jekk ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jkunu jistgħu jiġu esklużi u jekk is-sikurezza tal-katina tal-ikel u tal-għalf tista' tiġi ggarantita;

Riċerka dwar it-TSEs

16.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tinkoraġġixxi aktar il-kontroll ġenetiku tal-iscrapie fin-nagħaġ permezz ta’ programmi ta’ tnissil u trobbija mmirati biex jevitaw it-tnissil konġenitali jew l-ispostament ġenetiku;

17.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri biex tiġi inkoraġġita r-riċerka li dejjem għaddejja dwar ir-resistenza tal-iscrapie fil-mogħoż u dwar l-iscrapie atipika peress li din il-ħaġa tista’ tikkontribwixxi għall-eradikazzjoni tat-TSEs fl-UE;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi r-riċerka li dejjem għaddejja biex jiġu żviluppati testijiet ante-mortem u post-mortem rapidi li jiddijanjostikaw il-BSE;

19.

Jirrifjuta li jaċċetta l-proposta tal-Kummissjoni għal tnaqqis fil-finanzjament tal-UE għar-riċerka dwar it-TSEs;

Qtil (culling) tal-ko-orti

20.

Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li jsir rieżami tal-politika attwali tal-qtil (culling) tal-ko-orti fil-każ li titfaċċa l-BSE fil-merħliet tal-ifrat; jenfasizza li, qabel ma jsir xi tibdil fil-politika tal-qtil (culling) tal-ko-orti, għandhom jiġu kkunsidrati l-aspetti li ġejjin bil-għan li jinżamm livell għoli tal-fiduċja tal-konsumaturi: (1) il-ħarsien tal-konsumaturi, (2) kwalunkwe riskju li jista’ jkun hemm għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u (3) it-tkomplija tal-prattika li biha l-maniġers tar-riskji u l-leġiżlaturi jitħallew li jieħdu l-azzjoni immedjata meħtieġa fil-każ li terġa’ titfaċċa l-BSE fl-UE;

Sikurezza tal-ikel u tal-għalf

21.

Jieħu nota tar-Rapport tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq dwar l-operazzjoni ġenerali tal-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri fis-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali, u s-saħħa tal-pjanti; jirrimarka li r-rapport jiżvela ċerti nuqqasijiet fir-rigward tal-kwalità tar-rapporti ġejjin mill-Istati Membri u jħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità tar-rappurtar tagħhom billi jtejbu t-tmexxija tal-verifiki nazzjonali tagħhom bil-ħsieb li jiżguraw l-issodisfar tar-rekwiżiti regolatorji, billi jagħżlu waħdiet ta’ każijiet ta' non-konformità u billi jsaħħu l-prestazzjoni tal-awtoritajiet tal-kontroll u tal-operaturi tan-negozji tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tesegwixxi monitoraġġ effiċjenti tal-kontrolli li jsiru mill-Istati Membri;

22.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kontaminazzjoni tal-ikel u tal-għalf, pereżempju bid-dijossina, u jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw u japplikaw b'mod strett ħafna r-regolamenti eżistenti dwar il-kontrolli tal-ikel u tal-għalf u dwar l-immaniġġjar tar-riskji u, jekk ikun hemm bżonn, isaħħu dawk ir-regoli u jiżguraw implimentazzjoni armonizzata permezz ta' linji gwida komuni fis-suq intern kollu;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u fir-Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 142/2011 li jirrigwardaw it-trattament ta' prodotti sekondarji tal-annimali qabel ma jiġu ttrasformati f’bijogass u l-użu jew ir-rimi tar-residwi tad-diġestjoni jiġu rrispettati u li d-diverżjoni illegali għal ġol-katina tal-għalf tiġi pprevenuta; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja l-mod li bih ir-regoli attwali qed jiġu implimentati fl-Istati Membri biex tiżgura ċirkwit magħluq għal din l-attività;

Laħam isseparat b’mod mekkaniku

24.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni attwali tal-UE fl-Istati Membri dwar il-laħam isseparat b’mod mekkaniku;

25.

Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid l-implimentazzjoni tagħhom tad-definizzjonijiet ta' laħam isseparat b’mod mekkaniku skont ir-regoli eżistenti;

26.

Jitlob li jidħol it-tikkettar obbligatorju tal-laħam isseparat b’mod mekkaniku bil-għan li l-konsumaturi jkunu infurmati aħjar ħalli jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati;

27.

Jitlob lill-Kummissjoni tgħarraf lill-pajjiżi terzi bi kwalunkwe tibdil li jsir lir-Regolament tat-TSEs u bil-miżuri li għandhom x’jaqsmu mat-TSEs;

*

* *

28.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi dan ir-rapport ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22.

(3)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(4)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.

(7)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2011)0084.


Top