Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0130

    Evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006-2010 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta’ Mejju 2010 dwar evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006-2010 (2009/2202(INI))

    ĠU C 81E, 15.3.2011, p. 25–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.3.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 81/25


    L-Erbgħa, 5 ta’ Mejju 2010
    Evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006-2010

    P7_TA(2010)0130

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006-2010 (2009/2202(INI))

    2011/C 81 E/05

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Jannar 2006 dwar Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali 2006-2010 (COM(2006)0013),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Ottubru 2006 dwar Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali 2006-2010 (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2008 dwar Strateġija ġdida għas-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (3),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jgħid li, fil-formolazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni dwar l-agrikoltura u s-sajd, it-trasport, is-suq intern, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u tal-ispazju, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali bħala esseri sensibbli, waqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2009 dwar għażliet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali u l-istabbiliment ta’ Netwerk Ewropew ta’ Ċentri ta’ Referenza għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali (COM(2009)0584),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2009, “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” (COM(2009)0591),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0053/2010),

    A.

    billi l-istandards tal-benessri tal-annimali huma ta’ importanza vitali għall-ġestjoni tat-trobbija tal-annimali ħajjin fl-Ewropa, peress li qed ikollhom impatt li kulma jmur qed jikber fuq il-livell tal-kompetittività tal-farms,

    B.

    billi kwalunkwe armonizzazzjoni tal-protezzjoni tal-annimali ħajjin fl-Unjoni għandha ssir flimkien ma’ regoli dwar l-importazzjonijiet li jkollhom l-istess għan, biex jiġi evitat li l-produtturi Ewropej jitqiegħdu fi żvantaġġ fis-suq Ewropew,

    C.

    billi kull attività biex jiġi protett u żgurat il-benessri tal-annimali trid tkun ibbażata fuq il-prinċipju li l-annimali huma esseri sensibbli li l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom iridu jitqiesu, u billi l-benessri tal-annimali fis-seklu 21 huwa espressjoni tal-umanità tagħna u sfida għaċ-ċivilizzazzjoni u l-kultura Ewropej,

    D.

    billi l-għan ta’ strateġija tal-benessri tal-annimali għandu jkun li jiġi żgurat li jitqiesu l-kostijiet li kulma jmur qed jiżdiedu ġġenerati mill-benessri tal-annimali, u billi politika tal-benessri tal-annimali ambizzjuża tista’ tirnexxi biss b’mod parzjali jekk ma jkunx hemm djalogu Ewropew u mad-dinja kollha u jekk ma jkunx hemm politika aggressiva għat-tqajjim tal-kuxjenza u għall-għoti ta’ informazzjoni fl-Ewropa u barra minnha dwar il-vantaġġi ta’ standards għoljin tal-benessri tal-annimali, jiġifieri jekk tkun żviluppata unilateralment mill-Unjoni Ewropea,

    E.

    billi, sabiex ikun hemm żvilupp ulterjuri tal-protezzjoni tal-annimali fil-Komunità, huwa meħtieġ li jiżdiedu l-isforzi tar-riċerka u li tiġi integrata l-protezzjoni tal-annimali fil-valutazzjonijiet relevanti kollha tal-impatt, kif ukoll li jkunu involuti l-gruppi kollha ta’ interess fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; billi t-trasparenza, l-aċċettazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet eżistenti u l-monitoraġġ tal-konformità magħhom fil-livelli kollha huma prerekwiżit għal strateġija tal-protezzjoni tal-annimali li tirnexxi fl-Ewropa,

    F.

    billi fis-snin reċenti l-Ewropa adottat firxa wiesgħa ta’ liġijiet rigward il-benessri tal-annimali u laħqet waħda mill-ogħla livelli ta’ benessri tal-annimali fid-dinja,

    G.

    billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2006, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar l-iżvilupp tal-politika tal-benessri tal-annimali qabel ma tippreżenta l-Pjan ta’ Azzjoni li jmiss biex jiġi inkluż il-protezzjoni tal-annimali fl-oqsma kollha tal-aġenda ta’ negozjar internazzjonali tagħha,

    H.

    billi, fl-2006, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa li titjieb l-informazzjoni li tingħata liċ-ċittadini dwar il-benessri tal-annimali u dwar l-isforzi li saru mill-produtturi tagħna biex jikkonformaw mar-regoli,

    I.

    billi l-benessri tal-annimali m’għandux jiġi ttraskurat, peress li jista’ jkun ta’ vantaġġ komparattiv għall-Unjoni Ewropea, bil-kundizzjoni madankollu li l-Unjoni tiżgura, f’suq miftuħ, li l-annimali kollha u l-laħam kollu importat minn pajjiżi terzi jissodisfaw l-istess rekwiżiti ta’ benessri tal-annimali li japplikaw fl-Unjoni,

    J.

    billi waqt il-valutazzjoni u r-reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2006-2010, l-Unjoni Ewropea trid tikkommetti ruħha li tiżgura r-rikonoxximent tal-istandards tal-benessri tal-annimali fit-taqsima agrikola tal-ftehim li jmiss tad-WTO, qabel il-konklużjoni finali ta’ ftehim ġenerali,

    K.

    billi hemm rabta bejn il-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-annimali u s-sikurezza tal-prodotti, u billi livell għoli ta’ benessri tal-annimali, li jibda mit-trobbija u jispiċċa mal-qtil, jista’ jtejjeb is-sikurezza u l-kwalità tal-prodott,

    L.

    billi ċerta kategorija ta’ konsumaturi jaċċettaw prezzijiet ogħla għal prodotti li jilħqu standards ogħla ta’ benessri tal-annimali, filwaqt li l-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi xorta jagħżlu l-prodotti li jiswew anqas,

    M.

    billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2006 msemmija hawn fuq il-Parlament Ewropew insista li r-regoli, l-istandards u l-indikaturi adottati għandhom ikunu bbażati fuq l-aħħar teknoloġija u xjenza u enfasizza li l-aspetti ekonomiċi għandhom jitqiesu wkoll, peress li standard għoli ta’ benessri tal-annimali b’mod partikolari jfisser ukoll spejjeż operattivi, finanzjarji u amministrattivi għall-bdiewa tal-UE; billi l-falliment biex jiġi rispettat il-prinċipju tar-reċiproċità joħloq riskju għall-kompetizzjoni ġusta fir-rigward tal-produtturi mhux tal-Komunità,

    N.

    billi fiż-żmien ta’ din ir-reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2006-2010 u lejliet l-ewwel riflessjonijiet dwar il-PAK għall-perjodu 2013, l-Unjoni Ewropa għandha tadotta pożizzjoni bbilanċjata dwar il-benessri, filwaqt li tqis il-konsegwenzi ekonomiċi fis-sens ta’ spejjeż addizzjonali għall-produtturi tal-annimali ħajjin, marbuta ma’ appoġġ adegwat għad-dħul li jingħata lilhom permezz ta’ politika dwar il-prezzijiet u s-swieq u/jew appoġġ dirett,

    O.

    billi huwa essenzjali li l-politika Ewropea tal-protezzjoni tal-annimali tkun akkumpanjata b’politika kummerċjali koerenti, li għandha tkun ibbażata fuq il-fatt li, minkejja l-isforzi tal-UE, il-preokkupazzjonijiet rigward il-benessri tal-annimali mhumiex indirizzati la mill-Ftehim ta’ Qafas ta’ Lulju 2004 u lanqas minn xi dokumenti ewlenin oħrajn tar-Rawnd ta’ Doha; billi, għalhekk, sakemm ikun hemm bidla fundamentali fl-attitudni tas-sħab kummerċjali ewlenin fid-WTO, mhuwiex vijabbli li jiddaħħlu aktar standards tal-benessri tal-annimali li jkollhom effetti negattivi fuq il-kompetittività internazzjonali tal-produtturi,

    P.

    billi l-benessri tal-annimali huwa mifhum l-aktar bħala r-riżultat tal-applikazzjoni ta’ standards u normi relatati mal-benessri u s-saħħa tal-annimali, li huma mfassla biex jissodisfaw il-bżonnijiet inerenti speċifiċi għall-ispeċi tagħhom u l-bżonnijiet tal-benessri fuq tul ta’ żmien twil tagħhom; billi l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) tirrikonoxxi dan li ġej bħala parti mir-rekwiżiti essenzjali għall-benessri tal-annimali: ikel u ilma, l-opportunità li juru l-imġiba naturali, u l-kura tas-saħħa,

    Q.

    billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Ottubru 2009 intitolata “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” tindika li “l-iżbilanċi sinifikanti fis-setgħa tan-negozjar bejn il-partijiet kontraenti huma relattivament komuni” u li huma “għandhom impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-katina tal-provvista alimentari billi atturi iżgħar iżda effiċjenti jistgħu jkunu obbligati joperaw taħt qligħ imnaqqas, waqt li jillimitaw il-ħila u l-inċentivi tagħhom biex jinvestu fi kwalità aħjar tal-prodott u fl-innovazzjoni tal-proċessi ta” produzzjoni’,

    R.

    billi ż-żidiet fl-ispejjeż imsemmija qabel jistgħu jwasslu biex il-produzzjoni titmexxa lejn reġjuni b’livelli iktar baxxi ta’ protezzjoni tal-annimali,

    Pjan ta’ azzjoni għall-perjodu 2006-2010

    1.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiffoka, fi pjan ta’ azzjoni pluriennali għall-benessri tal-annimali, fuq ftit oqsma essenzjali ta’ azzjoni u mbagħad tieħu azzjoni f’dawn l-oqsma;

    2.

    Jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2006-2010 li għall-ewwel darba qaleb il-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali mehmuż mat-Trattat ta’ Amsterdam f’approċċ integrat għall-iżvilupp tal-protezzjoni tal-annimali fl-Ewropa;

    3.

    Jinnota li l-maġġoranza l-kbira tal-miżuri li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni attwali ġew implimentati b’mod sodisfaċenti;

    4.

    Jinnota li kien hemm żvilupp pożittiv fil-benessri tal-annimali konsegwenza tal-pjan ta’ azzjoni 2006-2010, iżda jirrimarka li l-bdiewa tal-UE ma bbenefikawx mill-isforzi tagħhom fis-swieq u fil-kummerċ internazzjonali u jisħaq li dan għandu jkun enfasizzat fil-pjan ta’ azzjoni li jmiss;

    5.

    Japprezza l-ħidma li twettqet biex jiġu żviluppati alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali, imma jiddeplora l-fatt li għadu ma sarx biżżejjed biex jiġi żgurat li dawn l-alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali jintużaw jekk ikunu disponibbli, kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE;

    6.

    Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinkludi t-tħassib mhux kummerċjali, inkluż il-benessri tal-annimali, fi ftehimiet ta’ kummerċ bilaterali, imma jenfasizza li tħassib mhux kummerċjali bħal dan irid jitħeġġeġ b’mod effiċjenti permezz tad-WTO;

    7.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tispjega xi progress sar fin-negozjati tad-WTO fir-rigward tal-iżgurar tar-rikonoxximent tat-tħassib mhux relatat mal-kummerċ, li jinkludi l-benessri tal-annimali, kif ukoll kemm qed jitqiesu l-kwistjonijiet u l-istandards tal-benessri tal-annimali fir-rawnd ta’ Doha tan-negozjati tad-WTO;

    8.

    Jinnota b’sodisfazzjon kbir il-progress li sar fil-Proġett ta’ Kwalità tal-Benessri tal-Annimali fir-rigward ta’ xjenza u għerf ġodda relatati ma’ indikaturi tas-saħħa u tal-benessri tal-annimali; madankollu jinnota li dan il-proġett ma qiesx għal kollox il-promozzjoni, fil-prattika, tal-użu ta’ dawn l-indikaturi;

    9.

    Jirrikonoxxi li hemm il-ħtieġa li jingħata segwitu għar-regoli eżistenti dwar it-trasport tal-annimali fl-Istati Membri tal-UE u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tagħhom, b’referenza partikolari għall-kwistjoni tal-iżvilupp ta’ sistema bis-satelliti biex jiġi mmoniterjat dan it-trasport, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, fiż-żmien li għad baqa’ qabel jiskadi l-pjan ta’ azzjoni, biex twettaq ir-responsabilitajiet tagħha f’dan il-qasam u biex tippreżenta l-istudju mitlub mill-Parlament u msemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005; jitlob li qabel kwalunkwe regoli ġodda tiġi implimentata analiżi tal-impatt ekonomiku dwar it-trobbija tal-annimali ħajjin, li għandha tkun ibbażata fuq indikaturi xjentifikament ippruvati u oġġettivi;

    10.

    Huwa tal-opinjoni li jagħmel sens li jinħolqu inċentivi għat-trobbija, il-kummerċjalizzazzjoni u l-qtil ta’ annimali fl-istess reġjun sabiex jiġi eliminat il-bżonn ta’ trobbija u qtil ta’ annimali li jridu jiġu trasportati fuq distanzi twal;

    11.

    Jemmen li ż-żu għandu rwol importanti biex jinforma lill-pubbliku dwar il-konservazzjoni u l-benessri ta’ annimali slavaġ; jinsab imħasseb li hemm nuqqas ta’ sorveljanza riġida biex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva 1999/22/KE tal-Kunsill (4) dwar iż-żamma ta’ annimali slavaġ fiż-żu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi studju tal-effikaċa u l-implimentazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea;

    12.

    Jilqa’ l-progress li sar fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti tat-trobbija għall-ħnieżer, anke jekk għad hemm każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità; huwa mħasseb, madankollu, li minkejja r-rakkomandazzjonijiet mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) f’dan ir-rigward, għad hemm nuqqas ta’ pjanijiet prattiċi fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet individwali tad-Direttiva 2008/120/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-setturi involuti biex jidentifikaw każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u r-raġunijiet għal din l-imġiba u biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jiżguraw konformità ikbar ma’ din id-Direttiva;

    13.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni bl-istess mod biex tiżgura li jkun hemm konformità sħiħa mal-projbizzjoni ta’ sistemi li ma jkollhomx gaġeġ bil-bejtiet għat-tieġieġ li jbid il-bajd, li se tidħol fis-seħħ fl-2012, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-settur ikun jista’ jikkonforma ma’ dan l-obbligu u biex jimmoniterjaw il-proċess tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri; isostni li l-importazzjonijiet tal-bajd fl-UE iridu bl-istess mod jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni imposti fuq il-produtturi Ewropej;

    14.

    Jitlob li jkun hemm projbizzjoni mal-UE kollha tal-kummerċ fil-bajd li ma jikkonformax mal-liġi;

    15.

    Jikkonkludi li l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni attwali mhijiex adegwata minn ħafna lati u jisħaq fuq il-bżonn li jiġu infurzati regoli eżistenti qabel jitfasslu dawk ġodda; f’dak ir-rigward jiġbed l-attenzjoni fuq l-importanza ta’ penali effikaċi għal nuqqas ta’ konformità fl-Istati Membri kollha;

    16.

    Jiħsaq fuq il-bżonn li l-eżerċizzju tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni stess, li se jsir fl-2010, ikun jinkludi analiżi fid-dettall tas-suċċessi u tal-lezzjonijiet li jridu jittieħdu min-nuqqasijiet potenzjali;

    17.

    Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma żviluppatx, matul dan il-perjodu, strateġija ta’ komunikazzjoni ċara dwar il-valur tal-prodotti li jikkonformaw mal-istandards tal-benessri tal-annimali, u minflok ikkuntentat ruħha bir-rapport ippreżentat f’Ottubru 2009;

    18.

    Jirrikonoxxi li l-Komunità tqis l-annimali kollha bħala esseri sensibbli (Artikolu 13 tat-Trattat); jirrikonoxxi li l-azzjoni s’issa kienet iffukata l-aktar fuq l-annimali li jipproduċu l-ikel u li hemm bżonn li kategoriji oħrajn ta’ annimali jiddaħħlu fil-Pjan ta’ Azzjoni 2011-2015;

    Pjan ta’ azzjoni għall-perjodu 2011-2015

    19.

    Ifakkar li r-riżoluzzjoni tiegħu tal-2006 msemmija hawn fuq diġà kienet talbet li l-pjan ta’ azzjoni eżistenti jkun segwit b’ieħor ġdid, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni għaldaqstant biex, fuq il-bażi tal-evidenza u l-esperjenzi xjentifiċi l-ġodda, tressaq rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-pjan attwali u s-sitwazzjoni rigward il-politika tal-benessri tal-annimali fl-UE li fuq il-bażi tiegħu għandu jitfassal pjan ta’ azzjoni għall-benessri tal-annimali għall-perjodu 2011-2015 għandu jkun appoġġjat bil-finanzjament meħtieġ;

    20.

    Jitlob li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi infurzata mingħajr dewmien u biex jiġu żgurati l-armonizzazzjoni tal-istandards u l-kundizzjonijiet ugwali fis-suq intern; jirrakkomanda li kwalunkwe proposta għal leġiżlazzjoni ġdida tkun valutata billi titqabbel mal-alternattiva li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti ħalli tiġi evitata d-dupplikazzjoni bla bżonn;

    21.

    Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li, fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha, tanalizza fost l-oħrajn kemm il-pjan ta’ azzjoni attwali jkun issodisfa l-eżiġenzi tas-soċjetà Ewropea fil-qasam tal-benessri tal-annimali, is-sostenibilità tas-sistema għall-produtturi Ewropej, u kif ġie affettwat il-funzjonament tas-suq intern wara l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan;

    22.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex turi l-impatt tal-istandards tal-benessri tal-annimali u biex tqis bis-sħiħ kif jinteraġixxu fatturi differenti bħal ma huma l-benessri tal-annimali, is-sostenibilità, is-saħħa tal-annimali, l-ambjent, il-kwalità tal-prodotti u l-vijabilità ekonomika;

    Liġi ġenerali Ewropea dwar il-benessri tal-annimali

    23.

    Josserva li l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ħoloq sitwazzjoni legali ġdida li fiha, fil-formolazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-agrikoltura, tas-sajd, tat-trasport, tas-suq intern, tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, billi l-annimali huma esseri sensibbli, jagħtu konsiderazzjoni sħiħa lill-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali, filwaqt li jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet u d-drawwiet leġiżlattivi u amministrattivi tal-Istati Membri li jittrattaw b’mod partikolari r-riti reliġjużi, it-tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali; iqis li dan l-artikolu japplika għall-annimali ħajjin kollha u l-annimali maqbuda, bħall-annimali li jipproduċu l-ikel, l-annimali domestiċi, l-annimali taċ-ċirku u l-annimali fiż-żus u dawk li jiġru fit-toroq, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li karatteristiċi u kundizzjonijiet tal-għajxien differenti jeħtieġu trattament divrenzjat;

    24.

    Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, biex tressaq, mhux aktar tard mill-2014 u fuq il-bażi ta’ studju tal-impatt u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, proposta mmotivata għal leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-benessri tal-annimali għall-UE li, fuq il-bażi tax-xjenza disponibbli u l-esperjenza ppruvata, għandha tikkontribwixxi għal fehim komuni tal-kunċett tal-benessri tal-annimali, l-ispejjeż assoċjati u l-kundizzjonijiet fundamentali applikabbli;

    25.

    Iqis li din il-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-benessri tal-annimali għandha tinkludi, f’konformità mal-liġi dwar is-saħħa tal-annimali, linji gwida adattati dwar iż-żamma responsabbli tal-annimali, sistema uniformi għall-monitoraġġ u biex tinġabar data kumparabbli, kif ukoll rekwiżiti relatati mat-taħriġ ta’ min jimmaniġġja l-annimali u dispożizzjonijiet li jistabbilixxu r-responsabilitajiet partikolari tas-sidien tal-annimali, tal-bdiewa u ta’ dawk li jżommu l-annimali; iqis li dawn il-ħtiġijiet kollha għandhom jimxu id f’id mal-għoti ta’ riżorsi lill-produtturi sabiex jiġi żgurat li jkunu implimentati kif suppost;

    26.

    Iqis li l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-benessri tal-annimali għandha tistabbilixxi livell bażiku komuni ta’ benessri tal-annimali fl-Unjoni Ewropea, xi ħaġa li hija l-prekundizzjoni għal kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-suq intern kemm għall-prodotti domestiċi kif ukoll għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi; iqis, madankollu, li l-Istati Membri u r-reġjuni għandu jkollhom il-possibilità li jippermettu lil produtturi individwali jew gruppi ta’ produtturi li jintroduċu sistemi volontarji li jmorru lil hinn minn dan, filwaqt li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tiġi ssalvagwardjata l-kompetittività tal-UE fis-swieq internazzjonali;

    27.

    Iqis li l-prodotti importati jridu jikkonformaw mal-istess ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali bħal dawk imposti fuq l-operaturi Ewropej;

    28.

    Jitlob li l-bdiewa Ewropej jingħataw kumpens minħabba spejjeż ogħla tal-produzzjoni assoċjati ma’ standards ogħla fil-benessri tal-annimali; jissuġġerixxi li mill-2013 l-iffinanzjar għall-miżuri tal-benessri tal-annimali jkun inkorporat fl-iskemi l-ġodda ta’ appoġġ tal-politika agrikola komuni;

    29.

    Iqis ukoll li l-informazzjoni għaċ-ċittadini dwar il-livell għoli tal-benessri tal-annimali fl-UE u dwar l-isforzi magħmula mis-setturi varji involuti għandha tkun element ewlieni f’din il-politika;

    30.

    Iqis li l-inklużjoni tal-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali fi ftehimiet internazzjonali hija essenzjali biex il-produtturi tagħna jkunu jistgħu jikkompetu f’suq globalizzat u biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-produzzjoni f’reġjuni li jkollhom livelli ħafna iktar baxxi tal-benessri tal-annimali u b’hekk jikkompetu b’mod mhux ġust mal-mudell tagħna;

    31.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon id-dibattitu rigward diversi skemi possibbli ta’ tikkettar tal-benessri tal-annimali fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija aktar “il fuq tat-28 ta’ Ottubru 2009; madankollu jfakkar fil-bżonn li jitqiesu f’kuntest usa”, filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, l-iskemi eżistenti varji tal-ambjent, tan-nutrizzjoni u tal-klima; jisħaq li l-informazzjoni dwar is-suġġett għall-konsumaturi Ewropej irid assolutament ikollha bażi xjentifika b’saħħitha u kunsenswali u li tkun ċara għall-konsumaturi;

    32.

    Jirrakkomanda li l-informazzjoni mogħtija fuq it-tikketta tkun preċiża u diretta u tagħmel referenza għall-konformità mal-istandards għoljin tal-benessri tal-annimali mitluba mill-UE; jisħaq li għandu jkun id-dmir tal-Kummissjoni li tipprovdi liċ-ċittadini bl-informazzjoni meħtieġa dwar is-sistema Ewropea tal-benessri tal-annimali, biex jiġi żgurat li jirċievu informazzjoni oġġettiva;

    33.

    Jirrakkomanda li titwettaq reviżjoni tal-konsistenza tal-politika dwar il-benessri tal-annimali mal-politiki l-oħra tal-Unjoni;

    34.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni dettaljata tal-problemi possibbli li standards Ewropej dwar il-benessri tal-annimali jistgħu joħolqu għall-kompetittività tal-produtturi tagħna u biex tirrevedi s-sistemi ta’ appoġġ għall-produtturi fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-istandards;

    35.

    Iqis li, qabel ma titfassal leġiżlazzjoni ġdida, għandhom ikunu infurzati kif xieraq ir-regoli eżistenti, kemm dawk ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi; jindika, biex jagħti eżempji, il-projbizzjoni tal-gaġeġ għat-tiġieġ, ir-regoli dwar il-ħnieżer u r-regoli dwar it-trasport tal-annimali u t-trobbija tal-wiżż u tal-papri; jenfasizza li miżuri oħrajn tal-benessri tal-annimali għandhom jinġiebu f’konformità ma’ objettivi Komunitarji oħrajn bħall-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli tal-annimali ħajjin, il-ħarsien tal-ambjent u tal-bijodiversità, strateġija biex jittejjeb l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u strateġija koerenti biex jitħaffef il-progress lejn riċerka li ma tużax annimali;

    Netwerk Ewropew ta’ ċentri ta’ referenza għall-benessri tal-annimali

    36.

    Jikkunsidra li għandu jitwaqqaf netwerk ikkoordinat Ewropew għall-benessri tal-annimali taħt l-istituzzjonijiet eżistenti tal-Komunità jew tal-Istati Membri, u li ħidmietu għandha tkun ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-benessri tal-annimali proposta aktar “il fuq; iqis li netwerk bħal dan għandu jaħtar istituzzjoni waħda bħala l-korp ta’ koordinazzjoni, li għandha twettaq il-kompiti assenjati lill-’istitut ċentrali ta’ koordinazzjoni” msemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija aktar “il fuq tat-28 ta’ Ottubru 2009; iqis, barra minn hekk, li dan il-korp ta’ koordinazzjoni m’għandu bl-ebda mod ikollu l-istess kompiti tal-Kummissjoni jew ta’ aġenziji oħrajn, iżda għandu jsir għodda ta’ appoġġ li jipprovdi assistenza lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-parteċipanti tal-katina tal-ikel u liċ-ċittadini fir-rigward tat-taħriġ u l-edukazzjoni, l-aħjar prattiki, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni mal-konsumaturi u jevalwa u jiddikjara l-opinjoni tiegħu dwar proposti leġiżlattivi u ta’ politika futuri u l-impatt tagħhom fuq il-benessri tal-annimali, jevalwa l-istandards tal-benessri tal-annimali fuq il-bażi tal-aktar għerf riċenti disponibbli u li jikkoordina sistema tal-UE għall-ittestjar ta’ tekniki ġodda;

    37.

    Huwa tal-fehma li, abbażi ta’ riżultati xjentifiċi, il-pubbliku għandu jingħata tagħrif dwar il-ħtiġijiet tal-annimali u l-modi korretti ta’ kif jiġu ġestiti, u li dan għandu jsir b’mod xieraq u serju; iqis li netwerk Ewropew taċ-ċentri ta’ referenza għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ edukazzjoni u ta’ informazzjoni, minħabba li, biex jiġu evitati opinjonijiet estremi fost in-nies, huwa essenzjali li t-tagħrif jingħata abbażi ta’ kriterji ta’ kwalità standardizzati;

    Infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    38.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista” jkun tevalwa l-prezz tal-miżuri għall-benessri tal-annimali għall-produtturi Ewropej, u tipproponi, l-aktar tard fl-2012, rakkomandazzjonijiet, linji gwida u miżuri oħra neċessarji biex tindirizza t-telf ta’ kompetittività tal-bdiewa li jrabbu l-bhejjem fl-Ewropa;

    39.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-idea tal-ħarsien u l-benessri tal-annimali tiġi promossa b’mezzi edukattivi;

    40.

    Jikkunsidra li l-għan għandu jkun sistema ta’ monitoraġġ bi skop u bbażata fuq analiżi tar-riskju fejn fatturi oġġettivi jkunu ċentrali u li fiha l-Istati Membri li r-rati tagħhom ta’ ksur tar-regoli jkunu ogħla mill-medja għandhom jiġu suġġetti għal kontrolli aktar rigorużi;

    41.

    Jenfasizza li l-iżbilanċji fil-katina tal-ikel, kif deskritti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar’, spiss ipoġġu lill-produtturi primarji fi żvantaġġ; ifakkar li, minħabba l-ispejjeż żejda li s-sitwazzjoni tinvolvi, il-possibilità ta’ investiment mill-produtturi primarji hija limitata;

    42.

    Jenfasizza li l-baġit tal-Unjoni Ewropea għandu jinkludi biżżejjed approprjazzjonijiet biex il-Kummissjoni tkun tista” twettaq il-kompiti ta’ moniteraġġ tagħha, tappoġġja lill-produtturi fejn ikun meħtieġ u tpatti għat-telf ta’ kompetittività li jħabbtu wiċċhom miegħu l-produtturi minħabba l-adozzjoni ta’ standards ġodda u li jinbidlu tal-benessri tal-annimali, filwaqt li jitqies li l-prezz ta’ dawn l-istandards ma jgħaddix fil-prezz finali li jirċievu l-bdiewa meta jbiegħu l-prodotti tagħhom;

    43.

    Jenfasizza li l-kompetittività tas-settur tat-trobbija għandha tibqa’ tittejjeb u tissaħħaħ permezz tal-promozzjoni u r-rispett tar-regoli fis-seħħ fir-rigward tal-benessri tal-annimali, kif ukoll b’konformità mal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-ambjent;

    44.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-każijiet kolla ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali jirriżultaw f’penali effikaċi u proporzjonati, u li f’kull każ individwali dawn il-penali jkunu akkumpanjati minn gwida u pariri komprensivi mill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll minn miżuri korrettivi xierqa;

    45.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri xierqa biex fil-ġejjieni jevitaw li jkun hemm ksur tar-regolamenti dwar il-benessri tal-annimali;

    46.

    Jilqa’ t-tnaqqis konsiderevoli fl-użu ta’ antibijotiċi għall-annimali fl-Istati Membri minn meta l-użu tagħhom bħala promotur tat-tkabbir ġie pprojbit fl-UE, filwaqt li għadu permess fl-Istati Uniti u f’xi pajjiżi oħrajn; jistenna, madankollu, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw b’mod responsabbli l-problema li qed tikber tar-reżistenza għall-antibijotiċi fl-annimali; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor u tanalizza d-data dwar l-użu ta’ prodotti għas-saħħa tal-annimali, fosthom l-antibijotiċi, bil-ħsieb li jiġi żgurat l-użu effikaċi tagħhom;

    Indikaturi u tekniki ġodda

    47.

    Jitlob li jiġi vvalutat u li jkompli jiġi żviluppat il-Proġett tal-Kwalità tal-Benessri tal-Annimali, b’mod partikolari fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-istrument u l-applikazzjoni fil-prattika;

    48.

    Iqis li se jirriżulta li hija biċċa xogħol kumplessa biex jitkejlu dawn l-indikaturi tal-benessri tal-annimali fil-każ ta’ prodotti importati; jenfasizza li, mingħajr ma jintefa’ dubju fuq l-utilità jew il-validità tagħhom, dawn l-għodod m’għandhomx jgħawġu l-kompetizzjoni għad-detriment tal-produtturi Ewropej;

    49.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex, fuq il-bażi tar-rapport finali tal-Proġett tal-Kwalità tal-Benessri tal-Annimali, tipproponi perjodu ta’ prova għall-valutazzjoni tal-benessri tal-annimali fl-Unjoni Ewropea bl-użu tal-metodi żviluppati fil-Proġett tal-Kwalità tal-Benessri tal-Annimali;

    50.

    Jistieden lill-Istati Membri f’dan il-kuntest biex jagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet ta’ appoġġ għar-riċerka applikata u għall-investiment fl-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni li huma ta’ benefiċċju għall-benessri tal-annimali li huma disponibbli mill-fondi għall-iżvilupp rurali tal-UE u s-Seba’ Programm ta’ Qafas (2007-2013) tad-DĠ Riċerka; jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jintensifikaw l-investiment finanzjarju fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u tekniki ġodda fil-qasam tal-benessri tal-annimali;

    51.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw l-aħjar sforzi tagħhom biex jiżguraw li l-linji gwida tal-OIE dwar il-benessri tal-annimali jinkuraġġixxu standards tajbin ta’ benessri li jirriflettu kif suppost l-evidenza xjentifika f’dan il-qasam;

    *

    * *

    52.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU C 308 E, 16.12.2006, p. 170.

    (2)  ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 89.

    (3)  ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1.

    (4)  ĠU L 94, 9.4.1999, p. 24.


    Top