Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0062

    It-Trattat tan-Nonproliferazzjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' Marzu 2010 dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari

    ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 77–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 349/77


    L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
    It-Trattat tan-Nonproliferazzjoni

    P7_TA(2010)0062

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari

    2010/C 349 E/14

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tal-24 ta' April 2009 dwar in-nonproliferazzjoni u l-ġejjieni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) (2008/2324 (INI) (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta' Frar 2004 (2), l-10 ta' Marzu 2005 (3), is-17 ta' Novembru 2005 (4) u l-14 ta' Marzu 2007 (5) dwar in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm nukleari,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-Iran (6),

    wara li kkunsidra l-Konferenza għar-Reviżjoni tal-2010 tal-Partijiet għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kwistjonijiet tan-nonproliferazzjoni u tad-diżarm nukleari, speċjalment ir-Riżoluzzjonijiet 1540 (2004), 1673 (2006) u 1887 (2009),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti tat-3 ta' Novembru 2009 (l-Anness 3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea u l-PESD (7),

    wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi għall-Qerda tal-Massa, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

    wara li kkunsidra r-Rapport tal-Progress ta' kull sitt xhur li ħareġ m'ilux dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-Armi għall-Qerda tal-Massa (2009/II),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, b'mod partikolari l-punti 6, 8 u 9 tagħha, li jesprimu r-rieda tal-UE li tiġġieled kontra l-proliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa u tal-vetturi tagħhom,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari, il-Ftehimiet dwar is-Salvagwardji Komprensivi tal-IAEA u l-Protokolli Addizzjonali għalihom, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjali Nukleari, il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Atti ta' Terroriżmu Nukleari, il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi, it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START I), li skada fl-2009, u t-Trattat dwar it-Tnaqqis Offensiv Strateġiku (SORT),

    wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għas-Sigurtà Ewropea li ntlaħaq qbil dwarha mill-Kunsill Ewropew fil-11 ta' Diċembru 2008,

    wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tal-21 ta' Diċembru 2009 lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni (O-0170/2009 – B7-0010/2010, O-0169/2009 – B7-0009/2010),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009 dwar l-Iran,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-proliferazzjoni tal-Armi għall-Qerda tal-Massa, u l-vetturi tagħhom, tirrappreżenta waħda mill-aktar theddidiet serji għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u billi l-prijoritajiet ta' sigurtà l-aktar urġenti huma li t-terroristi jew l-istati addizzjonali ma jitħallewx jiksbu jew jużaw armi nukleari, li jonqsu l-ħażniet globali u li jsir progress lejn dinja mingħajr armi nukleari,

    B.

    billi kien hemm nuqqas ċar ta' progress fil-kisba ta' objettivi konkreti (bħal dawk magħrufa bħala t-“13-il Pass Prattiku” (8) biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni, kif miftiehem fil-konferenzi għar-reviżjoni preċedenti, speċjalment issa li qed iqum theddid minn varjetà ta' sorsi, inkluż miż-żieda fil-proliferazzjoni; billi dan imur flimkien ma' domanda akbar għat-teknoloġija nukleari, u d-disponibilità tagħha, u l-potenzjal li din it-teknoloġija u materjal radjoattiv jaqgħu f'idejn l-organizzazzjonijiet kriminali u t-terroristi,

    C.

    billi t-Trattat tan-Nonproliferazzjoni, bħala l-ġebla tax-xewka tas-sistema dwar in-nonproliferazzjoni, għandu jissaħħaħ u billi hemm bżonn urġenti ta' tmexxija politika kuraġġuża u ta' għadd ta' miżuri progressivi u konsekuttivi sabiex terġa' tiġi affermata l-validità tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni u sabiex jissaħħu l-ftehimiet, it-trattati u l-aġenziji li jiffurmaw is-sistema dwar il-proliferazzjoni u d-diżarm eżistenti, b'mod partikolari, it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika,

    D.

    billi hemm il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu t-tliet pilastri tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni, jiġifieri n-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-kooperazzjoni dwar l-użu ċivili tal-enerġija nukleari,

    E.

    billi hemm dewmien min-naħa ta' stati li għandhom l-armi nukleari u li huma firmatarji tal-NPT biex inaqqsu jew jeliminaw il-ħażniet nukleari tagħhom u biex jinqatgħu minn duttrina militari li temmen fid-dissważjoni nukleari,

    F.

    filwaqt li jitlob li jkompli jsir progress dwar l-aspetti kollha tad-diżarm biex titjieb is-sigurtà globali,

    G.

    billi l-UE impenjat ruħha biex tagħmel użu mill-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi, twaqqaf u, jekk ikun possibbli, telimina l-programmi ta' proliferazzjoni li qed joħolqu tħassib fil-livell globali, kif inhu espress b'mod ċar mill-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi għall-Qerda tal-Massa, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

    H.

    billi hemm bżonn li l-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tiġġieled il-flussi ta' proliferazzjoni u l-iffinanzjar tal-proliferazzjoni, biex tissanzjona l-atti ta' proliferazzjoni u biex tiżviluppa miżuri għall-prevenzjoni ta' trasferimenti intanġibbli ta' għerf u kompetenza permezz tal-istrumenti kollha disponibbli, inklużi t-trattati multilaterali u l-mekkaniżmi ta' verifika, il-kontrolli tal-esportazzjoni nazzjonali u dawk ikkoordinati b'mod internazzjonali, il-programmi kooperattivi għat-tnaqqis tat-theddid u l-lievi politiċi u ekonomiċi,

    I.

    filwaqt li jilqa' d-Dikjarazzjoni dwar in-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm (l-Anness 3) adottata fis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti tat-3 ta' Novembru 2009, li saħqet fuq il-ħtieġa li jinżammu u jissaħħu l-miżuri multilaterali rilevanti u, b'mod partikolari, it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni Nukleari, jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari u jitlob li jibdew in-negozjati dwar it-Trattat għal-Limitazzjoni ta' Materjal Fissili f'Jannar 2010; filwaqt li jinnota wkoll li d-Dikjarazzjoni ttenni l-ħtieġa li l-Iran u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea jissodisfaw l-obbligi nukleari internazzjonali tagħhom,

    J.

    billi l-Iran ma rrispettax l-iskadenza tal-aħħar tas-sena biex jikkonforma mat-talbiet li sarulu biex jiftaħ il-faċilitajiet nukleari tiegħu għall-ispetturi tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika; billi l-Iran sa issa ma għamel xejn biex jerġa' jibni l-fiduċja tal-komunità internazzjonali fin-natura esklużivament paċifika tal-programm nukleari tiegħu,

    K.

    imħeġġeġ minn proposti għal diżarm mitluba minn Henry Kissinger, George P. Shultz, William J. Perry u Sam Nunn f'Jannar 2007 u Jannar 2008, minn fehmiet simili fl-Ewropa ta' statisti tal-imgħoddi fir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Pajjiżi Baxxi u l-Belġju, mill-Konvenzjoni Mudell dwar l-Armi Nukleari u l-Protokoll ta' Hiroshima u Nagasaki, promossi globalment minn organizzazzjonijiet ċiviċi u mexxejja politiċi, u kampanji bħal “Global Zero”,

    L.

    billi r-reviżjoni tal-Kunċett Strateġiku tan-NATO toffri opportunità biex tiġi vvalutata mill-ġdid il-politika nukleari tal-alleanza kollha kemm hi bil-għan li jintlaħaq l-objettiv ta' dinja mingħajr armi nukleari; billi skont l-arranġamenti ta' “nuclear-sharing” jew l-arranġamenti bilaterali, għadhom qed jiġu skjerati madwar 150-200 arma nukleari tattika fil-ħames stati mhux nukleari tan-NATO (il-Belġju, il-Ġermanja, l-Italja, il-Pajjiżi Baxxi u t-Turkija),

    M.

    billi hemm bżonn ta' koordinament u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u sħabha, b'mod partikolari l-Istati Uniti u r-Russja, bl-intenzjoni li terġa' titqajjem u tissaħħaħ is-sistema ta' nonproliferazzjoni,

    N.

    filwaqt li jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva Britannika-Norveġiża konġunta li għandha l-għan li tivvaluta l-fattibilità u t-twaqqif ta' passi proċedurali ċari għaż-żarmar eventwali tal-armi nukleari u l-proċeduri ta' verifika relatati miegħu, li hi kontribut konkret fid-direzzjoni t-tajba,

    O.

    billi fl-2008, il-Gvern Franċiż u dak Britanniku ħabbru tnaqqis fit-testati operattivi tagħhom imma fl-istess ħin iddeċidew li jimmodernizzaw l-arsenali nukleari tagħhom; billi l-Istati Membri kollha għandhom obbligu li jagħtu kontribut siewi għall-politiki tal-UE dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm,

    1.

    Jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex jaħtfu l-opportunità tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni Nukleari tan-NU tal-2010 biex jippromwovu l-għan ta' diżarm nukleari sħiħ ibbażat fuq Trattat internazzjonali għall-eliminazzjoni progressiva tal-armi nukleari fid-dinja kollha, u biex jistinkaw għall-għan ta' diżarm nukleari globali sħiħ li għandu jsir pass pass fuq bażi kollettiva u multilaterali;

    2.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu żviluppati strateġiji fil-Konferenza tar-Reviżjoni tal-NPT fl-2010 bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar trattat biex tieqaf il-produzzjoni ta' materjal fissili għal skopijiet ta' armi b'mod li ma jkunx hemm diskriminazzjoni, li jfisser li t-trattat innegozjat b'dan il-mod għandu jesiġi li Stati li m'għandhomx armi nukleari jew Stati li bħalissa mhumiex parti fl-NPT jirrinunzjaw għall-produzzjoni ta' materjal fissili għall-armi u jżarmaw l-impjanti stabbiliti tagħhom għall-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi bħal dawn;

    3.

    Jenfasizza li l-ħames membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li kollha għandhom l-armi nukleari, għandu jkollhom l-għan li progressivament jirrinunzjaw għall-produzzjoni ta' materjal fissili għall-armi u li jżarmaw il-faċilitajiet kollha stabbiliti tagħhom għall-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi bħal dawn,

    4.

    Jistieden lill-partijiet kollha biex jirrevedu d-duttrina militari tagħhom bl-intenzjoni li jirrinunzjaw għall-għażla ta' attakk preventiv;

    5.

    Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jagħtu kontribut ikkoordinat, pożittiv u viżibbli għad-diskussjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tal-NPT 2010, b'mod partikulari billi jipproponu skeda ambizzjuża għal dinja ħielsa mill-periklu nukleari u inizjattivi konkreti biex jingħata nifs ġdid lill-Konferenza tan-NU dwar id-Diżarm u billi jiġu promossi inizjattivi ta' diżarm ibbażati fuq “Id-Dikjarazzjoni ta' Prinċipji u Għanijiet” li kien sar qbil dwarha fi tmiem il-Konferenza għar-Reviżjoni tal-NPT tal-1995 u fuq “It-Tlettax-il Pass Prattiku” li kien sar qbil unanimu dwarhom fil-Konferenza għar-Reviżjoni tal-2000;

    6.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Iżrael, l-Indja u l-Pakistan ma sarux Stati Partijiet fl-NPT, u l-Korea ta' Fuq irtirat minnu fl-2003; jistieden lil dawn il-pajjiżi biex isiru Stati Partijiet fit-trattat;

    7.

    Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżommu lill-Parlament infurmat regolarment dwar il-laqgħat preparatorji kollha fil-proċess ta' tħejjija għall-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-2010 u biex iqisu kif jixraq, fir-rigward ta' din il-konferenza, il-fehmiet tiegħu dwar il-kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni u diżarm;

    8.

    Iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu kull sforz possibbli biex iqajmu l-għarfien Ewropew dwar il-kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni, b'kollaborazzjoni mal-partijiet u l-atturi mhux statali kollha li jaħdmu għal dinja ħielsa mill-periklu nukleari, fir-rigward, b'mod partikulari, tan-netwerk tas-Sindki għall-Paċi;

    9.

    Jilqa' l-inklużjoni ta' klawsoli dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa fil-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi u fil-pjanijiet ta' azzjoni; jirrimarka li miżuri bħal dawn għandhom jiġu implimentati mill-pajjiżi kollha sħab tal-UE mingħajr eċċezzjoni;

    10.

    Jilqa' b'sodisfazzjon kbir id-diskors tal-President Amerikan Barack Obama fi Praga fil-5 ta' April 2009 li fih esprima l-impenn tiegħu biex imexxi l-kawża tad-diżarm nukleari u l-viżjoni tiegħu ta' dinja bla armi nukleari fi sforz kollettiv biex nimxu 'l quddiem; jistieden lill-Kunsill biex jesprimi l-appoġġ espliċitu tiegħu għal dan l-impenn;

    11.

    Itenni l-importanza tal-appoġġ attiv tal-Kunsill, b'kooperazzjoni mas-sħab tiegħu, għal proposti konkreti biex il-produzzjoni, l-użu u l-ipproċessar mill-ġdid tal-fjuwil nukleari kollu jinġiebu għall-kontroll tal-IAEA, inkluż il-ħolqien ta' bank tal-fjuwil internazzjonali; jappoġġa, barra minn hekk, inizjattivi oħrajn għall-multilateralizzazzjoni taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari li għandhom l-għan tal-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, filwaqt li jfakkar li l-Parlament jilqa' l-prontezza tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biex jikkontribwixxu sa EUR 25 miljun għall-ħolqien ta' bank tal-fjuwil nukleari fil-kontroll tal-IAEA u jixtieq jara l-approvazzjoni mgħaġġla ta' azzjoni konġunta dwar dan is-suġġett;

    12.

    Jappoġġa aktar sforzi biex jissaħħaħ il-mandat tal-IAEA, inklużi l-ġeneralizzazzjoni tal-Protokolli Addizzjonali għall-Ftehimiet dwar is-Salvagwardji tal-IAEA u passi oħra mfasslin biex jiżviluppaw miżuri li jsaħħu l-fiduċja; ifittex li jiżgura li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għal din l-organizzazzjoni sabiex tkun tista' taqdi l-mandat importanti tagħha biex l-attivitajiet nukleari jsiru sikuri; jinkoraġġixxi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-kapaċitajiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, inklużi l-modernizzazzjoni tal-Laboratorju għall-Analiżi tas-Salvagwardji tal-IAEA f'Seibersdorf, l-Awstrija;

    13.

    Jenfasizza l-importanza li t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari għandu jidħol fis-seħħ kemm jista' jkun malajr; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex tasal għar-ratifika tat-Trattat; jitlob lill-Kunsill biex jappoġġa bis-sħiħ in-negozjati għal trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew tagħmir ieħor nukleari kemm jista' jkun malajr, jistenna bil-ħerqa r-Reviżjoni tal-Qagħda Nukleari l-ġdida li għandha twassal għall-impenn tal-Istati Uniti li ma tiżviluppax armi nukleari ġodda, fosthom il-bunker-busters nukleari, jipprevedi t-tnaqqis drammatiku tal-ħażniet nukleari u jmexxi l-Istati Uniti biex tagħmel enfasi fuq id-difiża mingħajr armi nukleari;

    14.

    Jitlob li jkun hemm approfondiment tad-djalogu mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti u mas-setgħat kollha li għandhom l-armi nukleari, bil-ħsieb li tiġi ppreżentata aġenda komuni bil-għan li tonqos progressivament il-ħażna ta' testati nukleari; jappoġġa, b'mod partikolari, il-passi li qegħdin jittieħdu mill-Istati Uniti u r-Russja biex inaqqsu l-armi nukleari tagħhom b'mod sostanzjali, skont il-ftehimiet START I u SORT;

    15.

    Jilqa' f'dan ir-rigward id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa u tal-Istati Uniti biex jidħlu f'negozjati bil-ħsieb li jikkonkludu ftehim ġdid, komprensiv u vinkolanti li jieħu post it-Trattat għat-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START), li skada f'Diċembru 2009, u l-firma tal-“Konvenju konġunt għal ftehim ta' segwitu għall-iSTART 1” mill-Presidenti Barack Obama u Dmitri Medvedev f'Moska fis-6 ta' Lulju 2009; jilqa' l-progress reċenti fin-negozjati bejn l-Istati Uniti u r-Russja u jistenna bil-ħerqa l-ftehim finali fir-rigward tar-rawnd ta' taħditiet li jmiss li għandu jibda fid-9 ta' Marzu 2010 f'Ġinevra;

    16.

    Jieħu nota tal-fatt li l-Istati Uniti rrinunzjat għall-pjanijiet oriġinali tagħha għal sistema ta' protezzjoni missilistika fl-Ewropa; jagħti l-appoġġ tiegħu għal strateġija ġdida li tinkludi l-Ewropa kollha u r-Russja;

    17.

    Jitlob li jiġu stabbiliti żoni ħielsa mill-periklu nukleari bħala pass pożittiv lejn dinja ħielsa mill-periklu nukleari; hu tal-fehma, f'dan ir-rigward, li żona ħielsa mill-periklu nukleari fil-Lvant Nofsani hi ta' importanza fundamentali biex tinkiseb paċi dejjiema u komprensiva fir-reġjun; jirrimarka li, jekk jiġu rtirati t-testati tattiċi kollha fl-Ewropa, dan jista' jkun, sadattant, preċedent biex id-diżarm nukleari jkompli jseħħ;

    18.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-anakroniżmu strateġiku tal-armi nukleari tattiċi u l-ħtieġa li l-Ewropa tikkontribwixxi għat-tnaqqis tagħhom u teliminahom minn fuq it-territorju Ewropew fil-kwadru ta' djalogu aktar wiesa' mar-Russja; fuq dan l-isfond, jinnota l-ftehim tal-koalizzjoni Ġermaniża tal-24 ta' Ottubru 2009 biex tibda l-ħidma għall-irtirar tal-armi nukleari mill-Ġermanja, bħala parti mill-proċess ġenerali biex jintlaħaq l-għan ta' dinja ħielsa mill-periklu nukleari; jilqa' b'sodisfazzjon l-ittra mibgħuta fis-26 ta' Frar 2010 mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi Baxxi, tal-Belġju, tal-Lussemburgu u tan-Norveġja lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO li titlob li ssir diskussjoni komprensiva fl-Alleanza dwar kif tista' toqrob lejn l-għan politiku ġenerali ta' dinja mingħajr armi nukleari;

    19.

    Jappoġġa l-istrateġija fuq żewġ binarji rigward il-programm nukleari tal-Iran; iħeġġeġ mill-ġdid lill-Iran biex jikkonforma bis-sħiħ u bla dewmien mal-obbligi tiegħu skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-IAEA, b'mod partikolari biex jintlaħqu r-rekwiżiti mfassla mir-riżoluzzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA fis-27 ta' Novembru 2009; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jappoġġa l-azzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jekk l-Iran ikompli ma jikkoperax mal-komunità internazzjonali dwar il-programm nukleari tiegħu; jistieden lill-Kunsill biex ikun lest jieħu dawk il-miżuri meħtieġa, “smart”, speċifiċi u ffukati fuq in-nonproliferazzjoni, fosthom sanzjonijiet, biex jakkumpanjaw il-proċess tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

    20.

    Jiddeplora l-aħħar testijiet nukleari li saru mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u l-fatt li dan il-pajjiż ċaħad ir-Riżoluzzjoni 1887 (2009) tal-24 ta' Settembru 2009 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jappoġġa, madankollu, l-istrateġija ta' djalogu bilaterali tal-Istati Uniti, fil-qafas tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet, sabiex tinkiseb id-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana u jinnota li ċ-Ċina għandha sehem speċjali f'dan ir-rigward;

    21.

    Jappoġġa t-tlaqqigħ tas-Samit tas-Sigurtà Nukleari f'April 2010, filwaqt li jirrikonoxxi li n-negozju mhux awtorizzat u l-użu ta' materjal nukleari huwa theddida immedjata u serja għas-sigurtà globali, u jistenna bil-ħerqa li jsiru proposti konkreti biex tikber is-sigurtà tal-materjal nukleari vulnerabbli, li jistgħu jinkludu miżuri għall-istħarriġ effikaċi ta' każijiet fejn materjal kien żvijat illegalment u għall-proċedimenti kontra dawk responsabbli;

    22.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Istati Membri, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Konferenza għar-Reviżjoni tal-2010 tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni u lid-Direttur Ġenerali tal-IAEA.


    (1)  Testi adottati, P6_TA(2009)0333.

    (2)  ĠU C 98 E, 23.4.2004, p. 152.

    (3)  ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 253.

    (4)  ĠU C 280E, 18.11.2006, p. 453.

    (5)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 146.

    (6)  Testi adottati, P7_TA(2010)0016.

    (7)  Testi adottati, P6_TA(2008)0255.

    (8)  In-Nazzjonijiet Uniti: Konferenza għar-Reviżjoni tal-2000 tal-Partijiet għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, NPT/CONF.2000/28 (Partijiet I u II).


    Top