Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0163

Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali u l-qagħda tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma futura tal-politika għall-koeżjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta' Marzu 2009 dwar Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali u l-qagħda tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma futura tal-politika għall-koeżjoni (2008/2174(INI))

ĠU C 117E, 6.5.2010, pp. 65–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 117/65


It-Tlieta, 24 ta’ Marzu 2009
Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali u l-qagħda tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma futura tal-politika għall-koeżjoni

P6_TA(2009)0163

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Marzu 2009 dwar Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali u l-qagħda tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma futura tal-politika għall-koeżjoni (2008/2174(INI))

2010/C 117 E/11

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ħames Rapport ta’ Progress tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali – Reġjuni li jikbru, Ewropa li tikber (COM(2008)0371) (il-Ħames Rapport ta' Progress),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2008 dwar il-Koeżjoni Territorjali – Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi (COM(2008)0616) (Green Paper),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2008 bit-titolu Reġjuni 2020 – evalwazzjoni tal-Isfidi Futuri għar-Reġjuni tal-UE (SEC(2008)2868) (Rapport tal-Kummissjoni dwar ir-Reġjuni 2020),

wara li kkunsidra l-Artikoli 158 u 159 u l-Artikolu 299(2) tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra r-Raba’ Rapport tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2007 dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (COM(2007)0273),

wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali tal-UE - Lejn Ewropa ta' Reġjuni Differenti Aktar Kompetittiva u Sostenibbli (l-Aġenda Territorjali) u l-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli (il-Karta ta' Leipzig), u l-Ewwel Programm ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Frar 2008 dwar ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (1) (riżoluzzjoni dwar ir-Raba' Rapport ta' Progress) tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-segwitu tal-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig: Lejn Programm ta’ Azzjoni Ewropew għall-Iżvilupp tal-Ispazji u l-Koeżjoni Territorjali (2), u tal-21 ta’ Ottubru 2008 dwar Tmexxija u Sħubija (3),

wara li kkunsidra r-rapport min-Netwerk ta' Osservazzjoni Ewropew dwar l-Ippjanar Territorjali (ESPON) bit-titolu “Il-Ġejjieni tat-Territorji – Ix-xenarji territorjali għall-Ewropa” (ir-rapport ESPON) u dak tal-Parlament Ewropew “Id-Differenzi Reġjonali u l-Koeżjoni: liema Strateġiji għall-Ġejjieni?”,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-koeżjoni territorjali u l-ġejjieni tal-politika ta’ koeżjoni li saret f’Pariġi fit-30 u l-31 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar l-irwol tal-koeżjoni territorjali fl-iżvilupp reġjonali (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0083/2009),

A.

billi t-Trattat ta’ Liżbona, li jinkorpora l-koeżjoni territorjali fost l-għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-koeżjoni ekonomika u soċjali, għadu ma ġiex ratifikat mill-Istati Membri kollha,

B.

billi l-kunċett ta’ koeżjoni territorjali kien impliċitu fil-politika tal-koeżjoni sa mill-bidu tagħha u fil-qalba tal-iżvilupp tagħha; billi t-Trattat ta' Liżbona u l-Green Paper għamlu dak il-kunċett aktar viżibbli u espliċitu,

C.

billi l-politika ta' koeżjoni tal-UE tibqa' pilastru importanti fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea u waħda mill-linji politiċi tal-UE li l-aktar li rnexxiet, bit-tħaffif tal-konverġenza bejn reġjuni li kull ma jmorru qegħdin isiru differenti u billi stimulat it-tkabbir u l-impjiegi; billi l-politika ta' koeżjoni tal-UE hija l-aktar espressjoni viżibbli, tanġibbli u kwantifikabbli tas-solidarjetà u l-ekwità Ewropea, u billi l-koeżjoni territorjali, bħala parti integrali mill-politika ta' koeżjoni tal-UE, hija msejsa fuq l-istess prinċipji,

D.

billi, minkejja l-progress sinifikanti li sar f'dik li hija konverġenza fl-Unjoni Ewropea, l-aktar rapporti reċenti dwar il-koeżjoni jisħqu fuq il-fatt li x-xejra tad-differenzi bejn it-territorji tar-reġjuni tal-UE sejra għall-agħar, pereżempju fit-termini tal-aċċessibilità, b'mod partikolari għar-reġuni tal-UE li huma żvantaġġati fl-istrutturi tagħhom, iżda wkoll fil-livell intrareġjonali u fl-istess territorji tal-UE, u dan jista' jwassal għal segregazzjoni tal-ispazji u jwessa' d-differenzi fil-livelli ta' prosperità tar-reġjuni tal-UE,

E.

billi l-politika ta’ koeżjoni tal-UE diġà rnexxielha toħloq sinerġiji importanti ma’ linji politiċi oħra tal-UE bil-għan li jiżdied l-impatt tagħhom fost in-nies u biex jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini Ewropej u billi, pereżempju, is-sinerġiji bejn il-politika ta’ koeżjoni u r-riċerka u l-innovazzjoni jew l-Istrateġija ta’ Liżbona, kif ukoll is-sinerġji fil-livell transkonfinali, taw riżultati pożittivi tanġibbli li jridu jiġu kkonfermati u estiżi,

L-istat tad-dibattitu dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE

1.

Japprova l-konklużjonijiet ewlenin tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, kif preżentati fil-Ħames Rapport ta’ Progress; huwa sodisfatt bl-interess kbir li l-partijiet interessati differenti fil-qasam tal-politika reġjonali, b’mod partikolari l-awtoritajiet lokali u reġjonali, diġà wrew f'dak id-dibattitu;

2.

Jilqa' l-fatt li dawn il-konklużjonijiet jikkorrispondu fil-biċċa l-kbira tagħhom għall-fehma murija fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Raba' Rapport ta' Progress; ifakkar li din ir-riżoluzzjoni rrappreżentat l-ewwel kontribut tal-Parlament għad-dibattitu pubbliku;

3.

Josserva li l-fehmiet murija fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Raba' Rapport ta' Progress jinkludu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin: l-ewwel, li kull tentattiv ġdid ta' nazzjonalizzazzjoni għandu jkun miċħud u li għandu jkun hemm impenn għal politika tal-UE unika u flessibbli, li tadatta ruħha għall-iktar skala xierqa ta' intervent, u li tkun ukoll fil-pożizzjoni li tilqa' għall-isfidi reċiproċi bħall-globalizzazzjoni, il-bidla fil-klima, il-bidla demografika (fosthom l-età avvanzata, il-migrazzjoni u l-popolazzjoni li qiegħda tonqos), il-faqar u l-provvista tal-enerġija; it-tieni, fehma qawwija li l-politika ta' koeżjoni tal-UE għandha tkopri r-reġjuni kollha tal-UE, inklużi dawk b’karatteristiċi ġeografiċi speċjali, u għandha tkun ta' valur miżjud għal kulħadd; it-tielet, li jeħtieġ li jitfasslu prijoritajiet fl-infiq tal-linji politiċi u l-azzjonijiet strutturali tal-UE, kif ukoll l-approvazzjoni, b'xi riservi, ta' eżerċizzju ta' allokazzjoni; u r-raba', li hemm il-bżonn ta' sinerġiji u ta' strateġija integrata bejn il-linji politiċi settorjali differenti, sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati għat-tkabbir u l-iżvilupp fost in-nies;

4.

Hu tal-fehma li l-koeżjoni territorjali hija pilastru ċentrali għall-kisba tal-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, permezz tat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali; jenfasizza li l-koeżjoni territorjali tgħin b'mod effikaċi biex jonqsu d-differenzi mhux biss bejn l-Istati Membru u r-reġjuni iżda wkoll fl-Istati Membri u fir-reġjuni; jikkunsidra, għalhekk, li r-riforma futura tal-politika reġjonali tal-UE għandha tinkorpora l-konklużjonijiet tad-dibattitu dwar il-Green Paper;

Evalwazzjoni tal-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali

5.

Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Green Paper, bħala tweġiba għat-talba li l-Parlament kien ilu jisħaq fuqha; japprova għal kollox id-deċiżjoni li titkompla l-analiżi ta’ x'inhi l-“koeżjoni territorjali”, li ilha tkun il-punt ewlieni f'kull dibattitu dwar il-politika reġjonali, minkejja l-fatt li t-Trattat ta’ Liżbona għadu ma ġiex irratifikat;

6.

Iqis, madankollu, li l-Green Paper hija tant nieqsa mill-ambizzjoni li tonqos li tipproponi jew xi definizzjoni ċara ta' koeżjoni territorjali, jew ta' xi wieħed mill-għanijiet tagħha, u ma tmexxix “il quddiem b'mod sinifikanti l-għarfien ta” dan il-kunċett ġdid, sabiex ikun hemm kontribut effikaċi biex jittaffew id-differenzi bejn ir-reġjuni; jiddispjaċih, barra minn hekk, li l-Green Paper ma tispjegax kif il-koeżjoni territorjali se tkun integrata fil-qafas eżistenti tal-politika ta’ koeżjoni jew b’liema għodod metodoloġiċi jew riżorsi se tinbidel minn qafas ta’ prinċipji għal mekkaniżmi operattivi li jkunu jistgħu jiġu applikati fost in-nies waqt il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

7.

Jilqa’ l-analiżi inkluża fil-Green Paper li tiddefinixxi tliet kunċetti ewlenin li għandhom ikunu ċentrali għall-iżvilupp tal-koeżjoni territorjali: konċentrazzjoni, konnessjoni u koperazzjoni; jikkunsidra li dawn il-kunċetti jistgħu jipprovdu s-soluzzjoni għal xi ostakli bażiċi li jimpedixxu l-iżvilupp armonjuż, ibbilanċjat u sostenibbli tal-Unjoni Ewropea, bħall-effetti negattivi assoċjati mal-konċentrazzjoni tal-attività ekonomika, b'mod partikolari f’ċerti bliet kapitali nazzjonali u reġjonali, l-inugwaljanzi f’termini ta’ aċċess għal swieq u servizzi li jirriżultaw mid-distanza jew il-konċentrazzjoni, min-nuqqas ta’ infrastruttura, u mid-diviżjonijiet li huma imposti mill-konfini bejn l-Istati Membri iżda wkoll bejn ir-reġjuni;

8.

Jikkunsidra li l-Green Paper ma tqisx l-impenji li ttieħdu fl-Aġenda Territorjali u fil-Karta ta’ Leipzig, li jagħtu lill-koeżjoni territorjali viżjoni strateġika u operattiva, b’mod partikolari rigward il-prinċipju tal-poliċentriżmu jew is-sħubija l-ġdida bejn iz-zoni tal-bliet u dawk rurali; iqis li dawn l-għanijiet jeħtieġ li jkunu ċentrali fid-dibattitu dwar il-koeżjoni territorjali;

9.

Jilqa’ t-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-koeżjoni territorjali, kif mitluba fil-Green Paper; jikkunsidra li s-suċċess ta’ kull konsultazzjoni pubblika hija marbuta b'mod dirett mal-iktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli tal-partijiet interessati differenti u s-soċjetà ċivili; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kompetenti biex iqassmu mingħajr dewmien l-informazzjoni rilevanti, sabiex iżidu l-għarfien dwar l-importanza ta’ dan il-kunċett il-ġdid;

10.

Jikkunsidra li l-koordinazzjoni tal-linji politiċia settorjali kollha tal-UE li għandhom impatt territorjali qawwi hija importanti sew għall-iżvilupp tal-koeżjoni territorjali u għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali; jisgħobbih, għalhekk, li l-analiżi rilevanti fil-Green Paper hija limitata għall-elenkar ta’ dawn il-linji politiċi tal-UE mingħajr ma tissuġġerixxi modi kif jittejbu s-sinerġiji ta’ bejniethom jew anki metodi li bihom, effettivament, jitkejjel l-impatt territorjali ta’ dawn il-linji politiċi;

11.

Jaqbel mal-istrateġija li ma jkunux inklużi referenzi għal xi implikazzjonijiet baġitarji u finanzjarji li jista' jkun hemm għall-koeżjoni territorjali fil-Green Paper jew fid-dibattitu pubbliku; jikkunsidra li din l-analiżi tkun prematura sakemm il-kunċett innifsu ma jkunx definit u mifhum b’mod ċar mill-partijiet interessati kollha; barra minn hekk, jikkunsidra li kull diskussjoni dwar din il-kwistjoni ma tistax tinfired mill-proċess kollu tan-negozjati u tal-ippjanar għall-politika ta' koeżjoni futura tal-UE; jitlob li l-konklużjoni ta' dak id-dibattitu sservi ta' bażi għall-qafas finanzjarju li jmiss;

12.

Jikkunsidra li l-eżistenza ta’ politika reġjonali tal-UE li tkun b’saħħitha u ffinanzjata tajjeb hija kundizzjoni indispensabbli sabiex jingħelbu l-problemi ta' tkabbir wara xulxin u sabiex tinkiseb koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali f’Unjoni Ewropea akbar;

Analiżi tal-kunċett ta’ Koeżjoni Territorjali

13.

Japprova l-pożizzjoni tal-Green Paper li l-koeżjoni territorjali, imsejsa fuq il-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs, tiggarantixxi l-iżvilupp poliċentriku tal-Unjoni Ewropea kollha, kif ukoll l-iżvilupp ibbilanċjat u sostenibbli ta' territorji b'karatteristiċi u partikolaritajiet differenti filwaqt li tinżamm ukoll id-diversità tagħhom; japprova wkoll il-fehma li l-koeżjoni territorjali għandha tiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ u jiżviluppaw il-kwalitajiet u l-potenzjal tar-reġjuni tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li l-koeżjoni territorjali hija kunċett orizzontali li jservi ta' sies għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea; hu ta' fehma soda li l-koeżjoni territorjali għandha, effettivament, tagħti kontribut biex jonqsu d-differenzi bejn ir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea, u fihom stess, u b'hekk jiġi evitat il-prospett ta' nuqqas ta' simmetrija; isostni li l-koeżjoni territorjali għandha dimensjoni kemm tal-art kif ukoll tal-baħar;

14.

Hu tal-fehma li l-koeżjoni territorjali hija kunċett distint, li jipprovdi valur miżjud tanġibbli għall-koeżjoni ekonomika u soċjali u soluzzjoni għall-isfidi tar-reġjuni tal-UE li kull ma jmorru qegħdin jikbru; jenfasizza li t-tliet partijiet li jikkomponu l-koeżjoni (ekonomika, soċjali u territorjali) għandhom ikunu komplementari u ta’ rinforz reċiproku, filwaqt li jżommu l-għanijiet distinti tagħhom f’kunċett wieħed integrat; jikkunsidra, għalhekk, li m'għandu jkun hemm l-ebda ġerarkija jew kompromess bejn dawk il-partijiet li jsawruha; jenfasizza li l-koeżjoni territorjali għandha tidħol fil-qafas eżistenti mingħajr ma ġġib magħha l-frammentazzjoni settorjali tal-politika ta' koeżjoni tal-UE;

15.

Jilqa’ l-konklużjonijiet tar-rapport tal-ESPON dwar xenarji tal-iżvilupp tal-ġejjieni għat-territorju Ewropew sal-2030, li jġibu data tanġibbli li tappoġġja d-dibattitu tal-politika dwar il-forma tal-linji politiċi tal-UE u dawk nazzjonali, sabiex jinħolqu l-istrumenti adattati biex jilqgħu l-isfidi ġodda li jkollhom impatt lokali jew reġjonali qawwi, bħall-bidla demografika, il-konċentrazzjoni urbana, il-movimenti migratorji u l-bidla fil-klima, kif ukoll biex jiġu żviluppati l-aħjar kundizzjonijiet għal kwalità tajba tal-ħajja għaċ-ċittadini tagħhom;

16.

Jenfasizza li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-koeżjoni territorjali huwa li tiżgura li l-progress u t-tkabbir ġenerati f’territorju wieħed speċifiku għandhom ikunu ta' benefiċċju għar-reġjun kollu u fit-territorju kollu tal-UE; iqis li, f'dan ir-rigward, iċ-ċentri tal-eċċellenza u l-gruppi tar-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jkunu mod wieħed biex jiġu ggarantiti s-suċċess ekonomiku, l-iskoperta xjentifika, l-innovazzjoni teknoloġika, l-impjiegi u l-iżvilupp reġjonali, u jitlob għat-tisħiħ tal-interazzjoni u tat-trasferiment tat-tagħrif bejn dawn iċ-ċentri, l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet tan-negozju u n-negozji individwali, fosthom iż-żgħar; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni tal-impatt li tanalizza l-effett tal-gruppi u taċ-ċentri ta’ eċċellenza fuq iz-zoni ta' madwarhom;

17.

Jenfasizza li l-kunċett tal-koeżjoni territorjali jiġbor fih ukoll il-koeżjoni fit-territorji stess u jipproponi li tingħata prijorità lill-linji politiċi li jippromwovu żvilupp ġenwinament poliċentriku tat-territorji, sabiex jitnaqqsu l-pressjonijiet fuq il-bliet kapitali u jkun inkoraġġit il-ħruġ ta’ poli sekondarji; jinnota li dan għandu jkun mod biex jingħelbu l-effetti negattivi tal-konċentrazzjoni fil-bliet, bħall-konġestjoni, it-tniġġis, l-esklużjoni soċjali u l-faqar) jew tal-urbanizzazzjoni bla kontroll li tiġi wara, u li jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini li jgħixu hemmhekk; jikkunsidra li l-appoġġ għaz-zoni rurali u l-irwol importanti li għandhom il-bliet iż-żgħar u ta’ daqs medju li jinsabu f’zoni rurali m’għandux jiġi injorat f’dan ir-rigward;

18.

Jisħaq fuq il-kontribuzzjoni vitali tas-suq intern għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jenfasizza l-importanza tas-servizzi pubbliċi f'dak li għandu x'jaqsam ma’ żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli kif ukoll il-ħtieġa għal aċċess ekwu soċjali u reġjonali għal servizzi ta’ interess ġenerali, b'mod partikolari s-servizzi tal-edukazzjoni u tas-saħħa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-garanzija ta' “aċċess ekwu” ma tinvolvix biss id-distanza ġeografika imma wkoll id-disponibilità u l-aċċessibilità ta' dawn is-servizzi u hu tal-fehma li, fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE, ir-responsabilità għad-definizzjoni, l-organizzazzjoni, il-finanzjament u l-monitoraġġ tas-servizzi ta' interess ġenerali għandha taqa' fuq l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali; jikkunsidra, madankollu, li riflessjoni fuq l-aċċess ekwu taċ-ċittadini għas-servizzi għandha tkun inkluża fid-dibattitu dwar il-koeżjoni territorjali;

19.

Josserva li l-Green Paper tirrikonoxxi l-isfidi kbar tal-iżvilupp ta’ tliet tipi partikolari ta' reġjuni b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi: ir-reġjuni muntanjużi, ir-reġjuni insulari, u r-reġjuni b’popolazzjoni żgħira; mingħajr ma jiċċekken l-irwol sinifikanti tal-koeżjoni territorjali biex ikunu indirizzati l-problemi ta’ dawn ir-reġjuni, jesprimi l-fehma li l-koeżjoni territorjali m’għandhiex tkun politika mmirata b'mod esklużiv għal reġjuni bi żvantaġġi ġeografiċi; iqis, madankollu, li għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali dwar kif jistgħu jingħelbu l-iżvantaġġi tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaqilbu l-potenzjal reġjonali f'vantaġġi u opportunitajiet reali biex jiġi stimulat l-iżvilupp, li hu vitali għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi;

20.

Josserva wkoll li reġjuni oħra jħabbtu wiċċhom ma' sfidi ta’ linji politiċi speċifiċi f’termini ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali, aċċessibilità u kompetittività; dawn l-isfidi jinkludu r-reġjuni l-aktar imbiegħda, stabbiliti fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat KE, reġjuni konfinali, reġjuni periferiċi, reġjuni tax-xtajta, kif ukoll reġjuni li għaddejjin minn proċess ta' tnaqqis fil-popolazzjoni; iqis, b'mod partikolari, li l-karatteristika partikolari tad-distanza għandha tkun rikonoxxuta bħala karatteristika ġeografika partikolari li titlob kunsiderazzjonijiet għal linji politiċi speċjali għal dawn ir-reġjuni; josserva l-isfidi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri li huma ġżejjer żgħar, Ċipru u Malta, fl-iżvilupp tagħhom;

21.

Hu tal-fehma li l-koeżjoni territorjali m’għandhiex tkun limitata biss għall-effetti tal-politika reġjonali tal-UE dwar it-territorju Ewropew, iżda għandha tikkonċentra wkoll fuq id-dimensjoni territorjali ta’ linji politiċi settorjali oħra tal-UE b’impatt territorjali qawwi; jisħaq, fil-kuntest tal-koeżjoni territorjali, fuq l-importanza tat-titjib ta’ sinerġiji bejn linji politiċi tal-UE differenti sabiex ikun koordinat u massimizzat l-impatt territorjali tagħhom fost in-nies; josserva, madankollu, li l-linji politiċi kollha tal-UE dejjem se jżommu l-awtonomija tagħhom, u li dan il-proċess ma jimplikax is-subordinazzjoni ta’ politika għal oħra;

Rakkomandazzjonijiet għall-futur tal-koeżjoni territorjali

22.

Jistenna li definizzjoni ċara u flessibbli biżżejjed ta' x'inhi l-koeżjoni territorjali għandha tirriżulta mill-konsultazzjoni pubblika, li se tkun miftiehma, maqsuma u mifhuma mill-partijiet interessati kollha fil-qasam u li se tagħti ċarezza u trasparenza lill-kunċett; jinnota, f'dan ir-rigward, il-proposta għal definizzjoni mressqa mill-Presidenza Franċiża tal-Kunsill; iqis, madankollu, li l-koeżjoni territorjali għandha tkun suġġetta għall-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-oqsma kollha; hu tal-fehma wkoll li, sabiex tiġi definita u tinftiehem aħjar il-koeżjoni territorjali, għandhom ikunu stabbiliti definizzjonijiet komuni ta' kunċetti bħal “territorju”, “zona rurali” u “zona muntanjuża”;

23.

Jikkunsidra li numru ta’ elementi għandhom ikunu fil-qalba tad-definizzjoni futura ta’ koeżjoni territorjali, inkluż il-kunċett li l-koeżjoni territorjali testendi lil hinn mill-koeżjoni ekonomika u soċjali u li n-natura orizzontali u l-istrateġija integrata tagħha jinkoraġġixxu azzjoni transkonfinali u fit-territorji kollha; hu tal-fehma li l-koeżjoni territorjali għandha l-għan li tnaqqas id-differenzi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u għandha tiggarantixxi l-iżvilupp armonjuż u sostenibbli taz-zoni ġeografiċi b'karatteristiċi u partikolaritajiet differenti billi jiġi evalwat kif il-politika ta' koeżjoni u linji politiċi settorjali oħra tal-UE jistgħu jitfasslu bl-aħjar mod skont is-sitwazzjoni tagħhom; jenfasizza li kull definizzjoni futura għandha wkoll tagħmilha ċara li l-koeżjoni territorjali għandha tiffoka l-aktar fuq governanza tajba, ukoll rigward is-sħubija bejn il-parteċipanti pubbliċi, privati u tas-soċjetà ċivili, sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom opportunitajiet ġusti f’termini ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien u ta’ kwalità tal-ħajja;

24.

Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tipproċedi bil-pubblikazzjoni ta’ White Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali, wara t-tmiem ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni; jemmen li White Paper tkun strumentali biex tiddefinixxi b’mod ċar u tikkonsolida l-idea ta’ koeżjoni territorjali u l-valur miżjud tagħha għall-politika ta’ koeżjoni, u tipproponi dispożizzjonijiet konkreti u azzjonijiet ta’ politika li jgħinu biex jinstab tarf il-problemi li kulma jmorru qegħdin jikbru għar-reġjuni tal-UE, u li wara għandhom ikunu introdotti fil-pakkett leġiżlattiv dwar il-Fondi Strutturali wara l-2013, flimkien mal-qafas finanzjarju relatat miegħu; hu tal-fehma li dikjarazzjoni inizjali dwar l-implikazzjonijiet baġitarji u finanzjarji li jista' jkun hemm għall-koeżjoni territorjali għandhom jidħlu wkoll f'din il-White Paper;

25.

Jilqa' l-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Kummissjoni dwar ir-Reġjuni 2020; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkorpora l-konklużjonijiet u l-analiżi ta' dan id-dokument ta' ħidma fil-White Paper tagħha dwar il-Koeżjoni Territorjali, b'mod partikolari b'rabta mad-deskrizzjoni ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

26.

Iqis li t-tliet kunċetti ta’ konċentrazzjoni, konnessjoni u koperazzjoni, li fuqhom issejset l-analiżi tal-Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali, għandhom ikomplu jkunu żviluppati u tradotti f’għażliet ta’ politika konkreti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tispjega kif dawn il-kunċetti għandhom ikunu integrati fil-qafas leġiżlattiv għal wara l-2013;

27.

Jitlob li jsir rinforz sinifikanti tal-Objettiv Ewropew tal-Koperazzjoni Territorjali għall-perjodu ta’ progammazzjoni li jmiss; huwa konvint mill-valur miżjud għall-Unjoni Ewropea ta’ dak l-objettiv, l-aktar minħabba l-involviment dirett ta’ awtoritajiet reġjonali u lokali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi rilevanti ta’ koperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali; iqis, madankollu, li dan m'għandux isir għad-detriment taż-żewġ għanijiet l-oħra; għal dan il-għan, jisħaq ukoll fuq l-importanza tal-iżvilupp integrat tal-baċiri tal-baħar kif ukoll tad-dimensjoni transkonfinali u l-programmi operattivi rilevanti tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li huma sinifikanti b'mod partikolari minħabba t-tkabbir tal-UE fil-ġejjieni;

28.

Huwa tal-opinjoni li l-koeżjoni territorjali għandha tiżviluppa bħala prinċipju orizzontali u għandha tkun il-bażi tal-linji politiċi u l-azzjonijiet kollha tal-UE; hu tal-fehma li l-evoluzzjoni tal-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ protezzjoni ambjentali għandha sservi bħala eżempju dwar kif tkun integrata l-koeżjoni territorjali fl-iżvilupp futur tal-linji politiċi rilevanti kollha tal-UE, billi trid tidher fl-oqsma kollha tal-linji politiċi marbuta mal-koeżjoni; jikkunsidra, madankollu, li din id-dimensjoni orizzontali tal-koeżjoni territorjali m’għandhiex tillimitaha għal qafas ġeneralizzat u astratt ta’ valuri; jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tieħu l-inizjattivi kollha li tista' biex taqleb il-koeżjoni territorjali fi proposti leġiżlattivi u ta' politika;

29.

Ifakkar fl-importanza tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru, tal-opportunitajiet indaqs u tal-ħtiġijiet speċjali tal-persuni b’diżabilità u taċ-ċittadini anzjani f’kull fażi fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE;

30.

Jenfasizza l-bżonn li jkunu elaborati, fil-kuntest ta’ koeżjoni territorjali, indikaturi kwalitattivi addizzjonali bl-iskop li jiġu ppjanati u implimentati aħjar il-linji politiċi korrispondenti fost in-nies, filwaqt li jitqiesu l-partikolaritajiet territorjali differenti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tfassal, mingħajr dewmien, l-istudji meħtieġa u tiżviluppa l-possibilità li jiġu definiti indikaturi affidabbli ġodda u l-mod li bih għandhom jiġu integrati fis-sistema għall-evalwazzjoni tad-differenzi reġjonali;

31.

Jinnota li l-PGD kien l-uniku kriterju biex tiġi determinata l-eliġibilità tar-reġjuni skont l-Objettiv 1 (Konverġenza), filwaqt li indikaturi oħra diġà ġew utilizzati għar-reġjuni eliġibbli skont l-Objettiv Reġjonali tal-Kompetittività u l-Impjiegi; jenfasizza t-tħassib tiegħu għall-fatt li ż-żieda ċerta fil-konverġenza bejn il-pajjiżi ta’ spiss taħbi ż-żieda fin-numru ta’ differenzi bejn, u fi ħdan, ir-reġjuni, u minħabba f’hekk jinsisti fuq il-ħtieġa għal kunsiderazzjoni approfondita tal-mertu tal-PGD bħala l-uniku kriterju ta’ eliġibilità għall-għajnuna finanzjarja mill-Fondi Strutturali;

32.

Iqis li l-problema tad-differenzi intrareġjonali fir-reġjuni tan-NUTS II tista' tiġi osservata aħjar fil-livell tan-NUTS III; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex teżamina sa liema punt il-problema tad-differenzi interni fiz-zoni tan-NUTS II tista’ tingħeleb fil-futur billi jiġu definiti wkoll iz-zoni megħjuna fil-livell tan-NUTS III; jisħaq, f'dan il-kuntest tal-koeżjoni territorjali, fuq l-importanza li l-Istati Membri jiddeterminaw liema unità territorjali tikkorrispondi għal-livell xieraq ta' intervent waqt it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Fondi Strutturali; jirrakkomanda, għal dan l-iskop, analiżi tal-ispazji tat-territorju kollu tal-UE fil-bidu ta' kull perjodu ta' programmazzjoni;

33.

Hu tal-fehma li sabiex ikun koordinat aħjar l-impatt territorjali ta’ linji politiċi settorjali tal-UE, jeħtieġ li jkun hemm ftehim u kejl aħjar ta’ dawk l-impatti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tkompli bl-evalwazzjoni tal-impatt territorjali ta' dawn il-linji politiċi, u biex testendi l-mekkaniżmi eżistenti tal-evalwazzjoni tal-impatt, bħall-Evalwazzjoni Strateġika tal-Ambjent, għall-aspetti territorjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta wkoll modi konkreti għall-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-linji politiċi territorjali u settorjali u biex tkompli bl-evalwazzjoni tal-kontribut tal-istrateġiji ta' Liżbona u ta' Goteborg dwar il-koeżjoni territorjali;

34.

Itenni t-talba, li ilu jagħmel, għall-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE komprensiva għal reġjuni b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, li tippermettilhom jindirizzaw aħjar il-problemi u l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom; hu tal-fehma li l-istrateġija tal-UE għandha tenfasizza d-dimensjoni territorjali tal-politika ta’ koeżjoni u tfittex kif tadatta l-linji politiċi tal-UE għall-ħtiġijiet u għall-vantaġġi speċifiċi ta’ dawn it-territorji; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ strateġija bħal din hija kundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ dawn it-territorji; hu tal-fehma li l-elaborazzjoni ta' indikaturi ġodda biex ikunu deskritti aħjar is-sitwazzjoni u l-problemi fost in-nies hi importanti ħafna biex tirnexxi l-implimentazzjoni ta' strateġija tal-UE f'dan il-qasam;

35.

Jenfasizza, madankollu, li l-elaborazzjoni ta’ indikaturi addizzjonali u t-twettiq ta’ evalwazzjonijiet territorjali m’għandhomx iwasslu għal iktar burokrazija jew iktar dewmien fl-implimentazzjoni ta’ linji politiċi u azzjonijiet ġodda li jappoġġjaw il-koeżjoni territorjali; jenfasizza l-bżonn ta' riżultati diretti li jirriżultaw mill-inkorporazzjoni tal-koeżjoni territorjali fis-sett li jmiss ta’ programmi tal-Fondi Strutturali;

36.

Ifakkar fl-irwol importanti li għandhom l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u l-mikrointrapriżi, kif ukoll in-negozji tas-snajja', fil-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tagħhom biex itejbu l-kompetittività u l-impjiegi fir-reġjuni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni twettaq analiżi speċifika tal-impatt u tal-effikaċja tal-Fondi Strutturali u tal-linji politiċi Ewropej immirati għall-SMEs fir-reġjuni, kif ukoll tad-diffikultajiet amministrattivi u finanzjarji li dawn l-SMEs iħabbtu wiċċhom magħhom;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni, barra minn hekk, biex isegwu politika attiva li tappoġġja l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-intrapriżi u tippermetti l-koperazzjoni reċiproka bejn in-negozji, is-settur pubbliku, l-iskejjel u l-universitajiet, u sabiex ikun żgurat li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod dirett fid-definizzjoni tal-linji politiċi territorjali;

38.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-għanijiet tal-intestatura 4 tal-Ewwel Programm ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħolqien ta’ għarfien dwar il-koeżjoni territorjali u l-ippjanar sostenibbli tal-ispazji, il-perspettivi tal-bini u l-analiżi tal-impatti u jirrikonoxxi l-irwol ċentrali tal-ESPON f’dan il-proċess;

39.

Jinnota li l-bidla fil-klima se jkollha riperkussjonijiet sinifikanti għall-koeżjoni territorjali; jitlob biex il-Kummissjoni tkompli bl-analiżi tal-effetti negattivi tal-bidla fil-klima fir-reġjuni differenti, minħabba li l-impatt hu mistenni li jvarja madwar l-Unjoni Ewropea; iqis li l-koeżjoni territorjali għandha tqis l-għanijiet tal-bidla fil-klima u tistimola l-mudelli tal-iżvilupp sostenibbli fit-territorji tal-UE; jirrikonoxxi, madankollu, li l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, fil-biċċa l-kbira tagħha, għandha tkun indirizzata wkoll f' linji politiċi oħra tal-UE;

40.

Josserva b’interess kbir li l-Ħames Rapport ta’ Progress jirreferi b'mod speċifiku, għall-ewwel darba, għal “reġjuni ta’ tranżizzjoni”, li jinsabu bejn ir-“reġjuni ta’ konverġenza” u r-“reġjuni ta’ kompetittività u impjiegi”; jirrikonoxxi l-ħtieġa li dawn ir-reġjuni, li issa huma mxerrda bejn reġjuni li jkunu fil-“fażi ta' dħul” jew “fil-fażi ta' ħruġ” bejn iż-żewġ Objettivi, ikunu trattati b'mod separat; jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-koeżjoni territorjali, biex tistabbilixxi sistema iktar komprensiva ta’ assistenza ta' tranżizzjoni gradwali lil reġjuni li dalwaqt jaqbżu l-limitu ta’ 75 % tal-PDG, sabiex ikunu provduti bi status iktar ċar u b'iktar sigurtà fl-iżvilupp tagħhom; iqis li għandha tiġi stabbilita wkoll sistema ta' tranżizzjoni għal dawk l-Istati Membri li joħorġu mill-Fond ta' Koeżjoni;

41.

Jikkunsidra li l-għażla ta’ strateġija integrata se jkollha ċans ikbar ta' suċċess jekk l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll il-partijiet interessati, inklużi s-sħab ekonomiċi, soċjali u oħrajn, f'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (5), li jistgħu jipprovdu perspettiva u fehim ġenerali tal-ħtiġijiet u tal-ispeċifiċitajiet ta’ territorju partikolari, ikunu involuti mill-bidu fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-iżvilupp ta’ kull territorju; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal linji ta' gwida li jgħinu lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jimplimentaw l-istrateġija integrata bl-iktar mod effiċjenti u biex jistabilixxu sħubijiet effikaċi fl-iżvilupp ta' strateġiji futuri għat-territorji kkonċernati;

42.

Jirrikonoxxi li l-koeżjoni territorjali għandha twassal għal titjib fil-governanza tal-politika ta’ koeżjoni; jaqbel mal-fehma li għal problemi differenti huma meħtieġa qisien territorjali differenti u li għalhekk l-istabbiliment ta’ sħubiji reali bejn il-partijiet kollha involuti fl-iżvilupp reġjonali u lokali, fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, hija prekondizzjoni fil-proċess tat-tfassil tal-koeżjoni territorjali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu l-isforzi kollha biex jiżviluppaw governanza territorjali bħal din li tkun ta’ diversi livelli; jikkunsidra li l-koeżjoni territorjali għandha tiffoka fuq l-identifikazzjoni tal-livell territorjali xieraq biex tkun indirizzata kull politika jew miżura b’mod li jkun kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin;

43.

Jenfasizza li l-linji politiċi tal-UE, u b’mod aktar partikolari, il-politika ta’ koeżjoni tal-UE, biddlu l-governanza minn sistema li ta’ sikwit kienet ċentralizzata għal sistema li kulma tmur qiegħda ssir aktar integrata u b’diversi livelli; jistieden lill-partijiet interessati, lill-awtoritajiet pubbliċi u liċ-ċittadini biex jistabilixxu sistema formali ta' governanza territorjali, imsejsa fuq strateġija territorjali integrata, li taħdem minn isfel għal fuq u li tolqot bosta setturi, sabiex twieġeb b'mod koerenti u effettiv għal ħtieġa waħda taċ-ċittadini jew l-utenti tagħha, f'qasam li jikkorrispondi għal din il-ħtieġa; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-esperjenzi ta' inizjattivi tal-UE li rnexxew, bħall-Urban I u l-Urban II għal zoni urbani u l-Leader għal zoni rurali;

44.

Ifakkar li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika strutturali huwa parzjalment dovut għar-riġidità u l-kumplessità eċċessivi tal-proċeduri u li, konsegwentement, għandha tingħata konsiderazzjoni lis-simplifikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri u lid-diviżjoni ċara tar-responsabilitajiet u tal-kompetenzi fost l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali; iqis li l-governanza territorjali se tiddependi bil-kbir mit-twaqqif ta' regoli ċari bħal dawn; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq bla dewmien sett ta' proposti konkreti għal dan il-għan;

45.

Jirrakkomanda li, minħabba li l-koeżjoni territorjali kulma tmur qiegħda tikseb importanza kbira fil-kuntest mhux biss tal-linji politiċi reġjonali imma wkoll ta’ linji politiċi settorjali oħrajn tal-UE, l-istrutturi informali li ilhom jirregolaw il-koeżjoni territorjali u l-ippjanar tal-ispazji fil-Kunsill għandhom jiġu sostitwiti minn laqgħat ministerjali formali, li għandhom ilaqqgħu lill-Ministri responsabbli għall-politika reġjonali fl-Unjoni Ewropea; hu tal-fehma li żvilupp istituzzjonali bħal dan fil-Kunsill jiggarantixxi l-fluss aħjar tal-informazzjoni kif ukoll l-iżvilupp mgħaġġel tal-politika ta' koeżjoni territorjali;

46.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jibdew jirriflettu minn issa dwar kif jikkonsolidaw u jimplimentaw aħjar il-kunċett tal-koeżjoni territorjali fil-programmi u fil-linji politiċi nazzjonali tagħhom; iqis, f'dan il-kuntest, li l-prinċipji bażiċi tal-iżvilupp poliċentriku u s-sħubija urbana u rurali, kif ukoll l-implimentazzjoni sħiħa ta' Natura 2000 għandhom ikunu diġà integrati fl-ippjanar reġjonali tagħhom;

*

* *

47.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi addottati, P6_TA(2008)0068.

(2)  Testi addottati, P6_TA(2008)0069.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2008)0492.

(4)  ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 509.

(5)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.


Top