EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0122

Analiżi ta' nofs il-perjodu tas-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali Komunitarju
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' April 2008 dwar l-analiżi ta' nofs il-perjodu tas-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali Komunitarju (2007/2204(INI))

ĠU C 247E, 15.10.2009, p. 18–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 247/18


Il-Ħamis, 10 ta’ April 2008
Analiżi ta’ nofs il-perjodu tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali Komunitarju

P6_TA(2008)0122

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2008 dwar l-analiżi ta’ nofs il-perjodu tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali Komunitarju (2007/2204(INI))

2009/C 247 E/05

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002, li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali Komunitarju (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Novembru 2006 dwar Strateġija Tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni tal-Ambjent Marittimu (2),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-14 ta’ Novembru 2006 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marittimu (Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima) (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ April 2007 dwar l-Istrateġija Tematika għall-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2006 dwar l-istrateġija tematika dwar l-ambjent urban (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar l-istrateġija tematika dwar il-protezzjoni tal-ħamrija (6),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-14 ta’ Novembru 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal-protezzjoni tal-ħamrija u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2006 dwar l-istrateġija tematika dwar it-tniġġis tal-arja (8),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tas-26 ta’ Settembru 2006 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Frar 2007 dwar l-istrateġija tematika għar-riċiklaġġ tal-iskart (10),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta’ Frar 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart (11),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2007 dwar l-Istrateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi (13),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jipproteġu l-pjanti (14),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Biedja u Iżvilupp Rurali (A6-0074/2008),

A.

billi l-Ewropa għadha m’hix qed timxi fid-direzzjoni lejn żvilupp ġenwinament sostenibbli,

B.

billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li sar biss progress limitat fir-rigward tal-kwistjonijiet fundamentali li għandhom x’jaqsmu mal-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali f’oqsma ta’ politika oħrajn u fit-titjib tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE,

C.

billi l-Kummissjoni tirrimarka l-fatt li hemm bosta pressjonijiet ambjentali li fil-preżent qegħdin jikbru: l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra qed jiżdiedu, it-telf tal-bijodiversità qed jiżdied, it-tniggis għad għandu effett kbir fuq is-saħħa pubblika, l-ammont tal-iskart prodott fi ħdan l-UE qed ikompli jiżdied, u l-impatt ekoloġiku tagħna qed jikber b’mod kostanti; billi dan iqajjem mistoqsijiet serji dwar l-effetti kontroproduttivi ambjentali tal-politiki ewlenin l-oħra tal-UE,

D.

billi m’huwiex probabbli li l-iżvilupp sostenibbli qatt xi darba se jinkiseb sakemm il-kwistjonijiet ambjentali ma jkunux integrati bis-sħiħ fl-oqsma politiċi ewlenin kollha;

E.

billi ambjent nadif u tajjeb għas-saħħa huwa essenzjali għall-benesseri tal-bniedem u għall-kundizzjonijiet soċjali tajbin.

F.

billi politiki ambjentali mfasslin tajjeb jistgħu wkoll jikkontribwixxu għal għanijiet oħra bħal ma huma ż-żieda fil-kompetittività, l-istimulazzjoni tat-tkabbir ekonomiku, it-titjib fil-ħolqien tal-impjiegi u l-innovazzjoni u t-tkattir tal-progress xjentifiku permezz tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u sikuri,

1.

Iqis li huwa ta’ dispjaċir li l-analiżi ta’ nofs il-perjodu tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali Komunitarju (is-Sitt EAP) ġie ttardjat bi kważi sena, u jikkundanna l-fatt li, kollox ma’ kollox, l-Unjoni Ewropea għadha lura fl-implimentazzjoni tal-miżuri pjanati fil-Programm ta’ Azzjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li tgħid il-Kummissjoni fl-analiżi tagħha ta’ nofs il-perjodu; ifakkar li, għall-kuntrarju ta’ dak ta’ qablu, is-Sitt EAP ġie adottat permezz ta’ kodeċiżjoni skond l-Artikolu 251 tat-Trattat KE; jistieden lill-UE biex tagħmel kull ma tista’ biex tilħaq l-objettivi li sar qbil fuqhom fis-Sitt EAP, minħabba li n-nuqqas ta’ dan jagħmel ħsara lill-kredibilità tal-UE, inter alia f’għajnejn il-membri tal-pubbliku li huma mħassbin dwar l-istat tal-ambjent;

2.

Jinnota li l-użu tal-istrateġiji tematiċi bħala għodda ġdida ta’ proċedura żied l-importanza tal-proċessi pre-leġiżlattivi u ħoloq opportunitajiet addizzjonali għall-involviment tal-partijiet interessati u approċċ iżjed strateġiku lejn il-politika leġiżlattiva tal-UE; madankollu, jiddispjaċih li l-istrateġiji tematiċi tawlu wkoll it-tul tal-proċess tat-tfassil tal-politika ambjentali billi kien hemm dewmien fil-formulazzjoni ta’ proposti ta’ politika konkreti u l-adozzjoni tal-miżuri li jirriżultaw;

3.

Iqis, minħabba l-importanza tal-politika ambjentali għall-industrija u l-fatt li hi, b’mod ġenerali, implimentata mill-awtoritajiet lokali, li għandha tiġi kkunsidrata meta l-leġiżlazzjoni tkun qed tiġi abbozzata, u li l-opinjonijiet tal-industrija, tan-negozji ż-żgħar u tal-awtoritajiet lokali għandhom ikunu rrapreżentati fil-korpi konsultattivi rilevanti, u li jinstemgħu minn dawn l-istess korpi;

4.

Iqis li huwa essenzjali li tissaħħaħ il-pożizzjoni tas-Sitt EAP bħala d-dimensjoni ambjentali tal-istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE;

5.

Jemmen li, fl-UE, il-kompetenzi għandhom ikunu allokati u definiti b’mod ċar, u jirrimarka li r-reviżjoni ta’ nofs il-perjodu min-naħa tal-Kummissjoni turi konfużjoni u ambigwità interna fir-rigward tal-kompetenzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri; jirrimarka li kemm il-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom u kif ukoll ir-responsabilitajiet speċifiċi tagħhom għandhom ikunu stabbiliti u stipulati b’mod ċar sabiex jiġi żgurat li dawk ir-responsabilitajiet ikomplu jitwettqu;

6.

Jirrimarka li l-istrateġiji tematiċi ma humiex utli jekk jaħbtu fl-istess żmien ma’ dossiers leġiżlattivi mdaqqsa, dawn huma utli jew qabel ma jidher id-dokument leġiżlattiv rilevanti jew inkella waħedhom;

7.

Jenfasizza l-konnessjoni diretta bejn l-istat tal-ambjent tal-bniedem u s-saħħa tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-approċċ “is-saħħa fil-politiki kollha”, biex twettaq abbozz ta’ studji li jindikaw ir-relazzjoni kawżali bejn il-bidla fil-kwalità tal-ambjent u l-bidla fl-istat tas-saħħa tal-persuni;

Strateġiji Tematiċi

8.

Iqis li l-UE aġixxiet b’mod konsistenti biex tilħaq l-objettivi tad-diplomazija tal-klima stipulati fis-Sitt EAP; ifakkar, madankollu, li f’dak li għandu x’jaqsam mal-objettivi u l-azzjonijiet ta’ prijorità biex titwaqqaf il-bidla fil-klima, l-UE ma rnexxilhiex twettaq l-impenji kollha tagħha; huwa mħasseb ħafna dwar iż-żieda fl-emissjonijiet mit-trasport u dwar il-pass kajman tal-effetti tal-miżuri li ntużaw bi sforz biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika; ifakkar lill-Kummissjoni biex tippubblika komunikazzjoni dwar objettivi ambjentali kwantifikati għal sistema ta’ trasport sostenibbli; jistenna li l-Istati Membri jilħqu l-miri tagħhom fit-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għal pajjiżi individwali stipulati fil-Protokoll ta’ Kyoto sa l-2012;

9.

Jiddeplora l-fatt li l-objettiv li jieqaf it-tnaqqis fil-bijodiversità sa l-2010 aktarx m’huwiex se jintlaħaq u l-fatt li l-istrateġiji proposti biex jitħarsu l-ambjent marittimu u l-ħamrija m’humiex se jwasslu għal riżultati ambjentali konkreti sa l-2012; jinnota li jeħtieġ li jsir sforz ikbar biex tiġi mgħejuna l-integrazzjoni tal-politika għall-bijodiversità f’oqsma ta’ politika oħrajn; jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jkun hemm finanzjament xieraq għal Natura 2000 u għal objettivi prijoritarji oħrajn li huma konnessi mill-qrib;

10.

Iqis li, fir-rigward tal-kimiki, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (15) tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tas-Sustanzi Kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi jirrappreżentaw progress fit-tnaqqis tar-riskji għall-bnedmin u għall-ambjent, iżda jqis ukoll li dan għad irid jagħti prova li se jirnexxilu jagħmel dan b’mod effettiv u sinifikanti, u jiddispjaċih li r-regolament ma jaqbilx f’kull aspett mal-objettivi li sar qbil fuqhom fis-Sitt EAP; iqis li huwa ta’ dispjaċir li kien hemm dewmien sostanzjali fl-istrateġija tematika dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, u li l-miżuri li ttieħdu biex jittejbu l-kwalità tal-arja u l-ambjent urban u biex jitnaqqas l-istorbju m’humiex tajbin biżżejjed biex jilħqu l-objettivi tal-Programm ta’ Azzjoni Ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Limiti tal-Emissjonijiet Nazzjonali (16) kemm jista’ jkun malajr; jemmen li huwa neċessarju li jiġi żgurat l-infurzar sħiħ tad-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali (17);

11.

Billi l-kwalità tal-arja ta’ ġewwa għandha effett fuq is-saħħa, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw ix-xogħol tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fuq il-kwalità tal-arja ta’ ġewwa u jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri leġiżlattivi konkreti dwar il-kwalità tal-arja ta’ ġewwa kemm jista’ jkun malajr;

12.

Jinnota li m’hemm l-ebda lakunae notevoli fl-għanijiet speċifiċi għall-ħarsien tal-ilma stipulati fis-Sitt EAP; madankollu, jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva ta’ Qafas għall-Ilma (18) u biex terġa’ tevalwa l-integrazzjoni tal-impenji tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ilma f’politiki oħrajn; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista’ jkun tressaq proposta għal direttiva dwar it-tneħħija tal-fosfru fil-biedja u fid-deterġenti skond l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar id-deterġenti (19);

13.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ politika ġdida għall-ilma li tiffoka fuq l-iffrankar tal-ilma u fuq il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma;

14.

Iqis li huwa ta’ dispjaċir li l-istrateġiji tematiċi dwar ir-riżorsi naturali u l-iskart ikkompromettew l-għanijiet tas-Sitt EAP; jiddispjaċih dwar il-fatt li ma tfassal ebda għan konkret fil-livell tal-UE biex it-tkabbir ekonomiku jinfired mill-użu tar-riżorsi billi ssir bidla lejn mudell sostenibbli ta’ produzzjoni u konsum; jaqbel li jeħtieġ li tittieħed azzjoni ulterjuri dwar l-iskart bijoloġiku biex ikun hemm aktar żvijar mill-użu tal-landfills u biex jiġi żgurat li jiġu segwiti l-aqwa għażliet ta’ trattament, bħal dawk imsejsa fuq l-għan li tittaffa l-bidla fil-klima; ikompli jinkuraġġixxi l-appoġġ għall-forom ta’ ġestjoni tal-iskart li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u għall-miżuri li jiggravaw il-konsegwenzi tar-rimi tal-iskart fil-landfills, li jniġġes l-ambjent;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-azzjonijiet xierqa kollha sabiex jiżguraw li r-riżorsi naturali jintużaw b’mod razzjonali u effiċjenti u b’tali mod li ma jipperikolax il-bijodiversità;

L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti

16.

Ifakkar li l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni eżistenti hija prijorità ewlenija u jqis li l-leġiżlazzjoni li torbot tibqa’ ċentrali fl-iffaċċjar tal-isfidi ambjentali; jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-attivitajiet tagħha bħala għassiesa tat-Trattat; għalhekk jistieden ukoll lill-awtoritajiet baġitarji tal-UE biex jipprovdu r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa kollha lill-Kummissjoni biex tiżgura li ssir l-iżjed sorveljanza effiċjenti fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar fl-Istati Membri kollha;

17.

Jenfasizza l-bżonn ta’ implimentazzjoni effettiva u preċiża tal-leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarja u jirrakkomanda li jiġu adottati miżuri ta’ appoġġ speċjali għall-benefiċċju tar-reġjuni li qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jimplimentaw dak l-aspett tal-acquis communautaire; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex ifasslu strateġiji ta’ traspożizzjoni sabiex jiddefinixxu b’mod ċar l-irwoli u r-responsabilitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali bi traspożizzjoni korretta u bl-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali Komunitarja;

18.

Madankollu huwa mħasseb dwar id-diversi suġġerimenti tal-proponenti li r-regolamenti komuni jridu jitnaqqsu u jiddgħajfu, jew saħansitra li jiġu sostitwiti bi ftehimiet volontarji jew b’miżuri oħrajn li ma jorbtux; għalhekk itenni li regolamentazzjoni aħjar għandha tikkonċentra fuq regoli u standards trasparenti li ma jkunux ambizzjużi, u li jkunu bbażati fuq leġiżlazzjoni marbuta ma’ objettivi maqbula, u fuq infurzar aħjar tagħhom;

19.

Ifaħħar il-proposti tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali fuq livell nazzjonali permezz ta’ aċċess imtejjeb għall-ġustizzja u ta’ użu armonizzat tal-liġi punittiva; jinnota li l-aspetti preventivi tal-liġi punittiva jikkontribwixxu għal infurzar u protezzjoni aħjar tal-ambjent;

20.

Barra minn hekk, jitlob li l-politiki ambjentali tal-UE jiġu mfassla u riveduti, sabiex jiffukaw iżjed fuq il-preskrizzjonijiet tal-għanijiet milli fuq id-deskrizzjonijiet tal-mezzi, sabiex l-Istati Membri u l-bdiewa jkunu jistgħu jsibu l-iżjed mezzi effettivi u effiċjenti biex jilħqu l-objettivi mixtieqa;

In-natura, il-bijodiversità u l-bidla fil-klima

21.

Iqis li l-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tad-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Habitat jirrakomanda li, b’qies xieraq għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà, jittieħdu miżuri ta’ tassazzjoni li jippromwovu l-aħjar prattika u biex jiskuraġġixxi lin-nies milli jieħdu sehem f’attivitajiet li jiġġeneraw it-tniġġis;

22.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, madankollu, dwar il-fatt li ż-żamma tal-prospett tal-konsegwenzi taħt il-liġi kriminali mhix suffiċjenti f’kull każ biex tipprevjeni imġiba illegali li tniġġes l-ambjent; għalhekk jenfasizza l-importanza tal-pieni sussegwenti skond il-liġi kriminali, b’mod partikulari għar-rimi illegali ta’ skart perikoluż fit-territorju ta’ pajjiżi oħrajn;

L-inċentivi ambjentali u r-riforma tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent

23.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-green paper dwar l-istrumenti bbażati fuq is-suq għal skopijiet ta’ politika ambjentali u politiki relatati; jemmen li jeħtieġ isir użu usa’ ta’strumenti bbażati fuq is-suq, li jqis l-impatt ambjentali tal-proċessi kollha tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni u x-xejriet fil-konsum;

24.

Huwa tal-fehma li l-Iskema ta’ Negozju tad-Dħaħen (ETS) s’issa għadha ma wasslitx għal tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 minħabba l-allokazzjonijiet esaġerati fil-konċessjonijiet tal-emissjonijiet; jirrimarka li l-UE impenjat ruħha li sa l-2020 tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra b’mill-inqas 20 % mil-livelli tal-1990; jinsisti li l-ETS tal-UE għall-perjodu ta’ wara l-2012 għandu jinkludi limitu strett biżżejjed, irkantar sħiħ u limitu kwantitattiv u kwalitattiv tal-użu tas-CERs u tal-ERUs;

25.

Madankollu, jinnota li l-irwol tat-tassazzjoni ekoloġika għadu modest u ma jurix li qed jikber; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu iżjed sforzi fir-riforma tat-taxxi ekoloġiċi, inkluż ċaqliq gradwali tal-piż tat-taxxa minn taxxi soċjalment negattivi (eż. fuq ix-xogħol) lejn taxxi soċjalment pożittivi (eż. fuq attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent, bħall-użu tar-riżorsi jew it-tniġġis); jirrimarka li minkejja fil-qasam tat-tassazzjoni hemm ir-rekwiżit tal-unanimità, it-trattati joffru l-possibilità ta’ kooperazzjoni msaħħa, u jiġbed l-attenzjoni dwar l-eżistenza tal-metodu tal-koordinazzjoni miftuħa;

26.

Jinnota l-ispinta li ngħatat lit-tneħħija tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent; madankollu, isibha inaċċettabbli li għall-futur qarib m’hu mistenni l-ebda pass konkret lejn ir-riforma ta’ sussidji li huma ta’ ħsara għall-ambjent; u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti konkreti sa l-aħħar tal-2008 biex telimina bil-mod il-mod is-sussidji kollha li jagħmlu ħsara lill-ambjent matul il-ħames snin li ġejjin;

L-integrazzjoni tal-politika ambjentali, il-koperazzjoni internazzjonali u l-inċentivi għall-innovazzjoni

27.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu integrazzjoni tal-politika ambjentali fit-tfassil tal-politika tal-UE li tkun iżjed b’saħħitha u koerenti; bil-għan li tiġi implimentata l-istrateġija “is-saħħa fil-politiki kollha” li ġiet iddikjarata fl-Unjoni Ewropea, jitlob għall-integrazzjoni tal-aspetti tal-ħarsien ambjentali u tas-saħħa, u li jiġu involuti r-reġjunijiet u l-bliet wkoll f’dan; jiddispjaċih kemm għan-nuqqas ta’ integrazzjoni ta’ dawn l-aspetti fid-diversi oqfsa legali ambjentali u fit-tħejjijiet ta’ leġiżlazzjoni ġdida u kif ukoll għan-nuqqas tal-integrazzjoni tagħhom f’leġiżlazzjoni li għandha objettivi ewlenin oħra barra l-ħarsien ambjentali;

28.

Iqis li sabiex jinkisbu riżultati konkreti fl-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali f’setturi ekonomiċi oħrajn hemm bżonn jitfasslu miri settorjali u skedi li jkunu jorbtu; fl-istess waqt, jenfasizza r-responsabilità tal-parteċipanti ekonomiċi f’setturi individwali tal-industrija għall-kisba ta’ riżultati fuq medda twila ta’ żmien fil-politika dwar il-klima u l-enerġija;

29.

Jenfasizza r-rabta fundamentali li teżisti bejn politika ambjentali effiċjenti u kwalità tal-ħajja mtejba u, b’rabta ma’ dan, jisħaq fuq l-importanza tad-dimensjoni reġjonali fl-implimentazzjoni tas-sitt EAP, speċjalment f’azzjonijiet li jikkonċernaw il-mitigazzjoni u l-adattament għall-bidla fil-klima; jisħaq fuq l-importanza ta’ kampanji li jqajmu l-kuxjenza pubblika dwar l-objettivi tas-Sitt EAP u l-proċess ta’ implimentazzjoni tiegħu;

30.

Jenfasizza l-bżonn li jitqies il-programm Natura 2000 fil-pjanijiet ta’ żvilupp reġjonali sabiex jiġu rikonċiljati l-prinċipju tal-protezzjoni tal-bijodiversità Ewropea mal-iżvilupp u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja; jemmen, fid-dawl ta’ dan, li jeħtieġ li tinbeda kampanja kbira ta’ informazzjoni, flimkien mal-promozzjoni tal-prattiki tajba, sabiex jiġi indikat il-mod ta’ kif dawn l-għanijiet li jidhru kuntradittorji jistgħu jiġu konċiljati;

31.

Jenfasizza l-ħtieġa li n-netwerks tal-parteċipanti lokali u reġjonali jkunu koordinati aħjar sabiex jifirxu u jimplimentaw l-aħjar prattiki għar-reġjuni anqas żviluppati; jappoġġja l-promozzjoni ta’ koperazzjoni ambjentali transkonfinali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mar-reġjuni u l-pajjiżi li jmissu mal-Unjoni Ewropea, bħar-reġjuni tal-Baħar l-Iswed, tal-Baħar Baltiku, u tal-Mediterran, b’mod partikulari sabiex jiġi evitat li jkun hemm tniġġis transkonfinali;

32.

Huwa mħasseb bis-sejbiet ta’ diversi studji ambjentali (20)  (21)  (22)  (23) li l-linji gwidi tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjonijiet tal-impatt m’humiex rispettati mid-DGs tal-Kummissjoni, li l-evalwazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-impatti ekonomiċi ġew enfasizzati askapitu tal-impatti ambjentali, soċjali u internazzjonali, li l-ispejjeż tal-leġiżlazzjoni huma evalwati ħafna iżjed mill-benefiċċji, u li l-kunsiderazzjonijiet immedjati tfew lil kunsiderazzjonijiet għat-tul; iqis li evalwazzjoni tal-impatt żbilanċjata bħal din hija kontroproduttiva fir-rigward tal-politika ambjentali nnfisha u fir-rigward tal-integrazzjoni tagħha f’politiki tal-UE oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni sabiex tikkoreġi dawn in-nuqqasijiet persistenti;

33.

Ifaħħar lill-Kummissjoni għall-impenn qawwi tagħha biex ittejjeb id-dimensjoni internazzjonali tal-politika ambjentali; jemmen li huwa neċessarju li tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-politika ambjentali fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE u li tittejjeb it-tmexxija ambjentali internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jippromwovu politiki u rekwiżiti ambjentali ambizzjużi, pereżempju billi jippromwovu t-trasferiment tat-teknoloġija u l-iskambju tal-aħjar prattiki mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

34.

Jenfasizza li “d-diplomazija tal-klima” għandha tiġi promossa b’aktar intensità u konsistenza fir-relazzjonijiet ta’ kummerċ tal-UE ma’ stati li mhumiex marbuta bi ftehimiet multilaterali għall-ħarsien tal-ambjent, bħal ma huma l-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Indja, u li għal diversi raġunijiet mhumiex qed jimplimentaw il-Protokol ta’ Kyoto; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-użu ta’ teknoloġiji sostenibbli u effiċjenti permezz tal-mekkaniżmi kollha disponibbli;

35.

Jirrakkomanda li tiġi miżjuda klawsola ta’ sostenibilità mal-GATT, li tistabbilixxi prinċipji ta’ politika ambjentali, bħall-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas, li magħhom jistgħu jitqabblu l-miżuri tal-kummerċ, sabiex jiġi żgurat li r-regoli tal-kummerċ ma jfixklux il-ħarsien ambjentali u li r-regolazzjoni ambjentali ma tintużax għal skopijiet ta’ protezzjoniżmu;

36.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jużaw negozjati bilaterali u reġjonali ħalli jindirizzaw l-impenji kummerċjali li għandhom benefiċċji ambjentali diretti; jikkunsidra li l-UE, flimkien mal-Istati Membri, teħtieġ tintensifika d-djalogu mal-ekonomiji emerġenti sabiex tbiddel dan id-djalogu f’oqsma ta’ tħassib komuni, bħall-bidla fil-klima, l-immaniġġjar tal-iskart u l-qtugħ illegali tas-siġar, f’implementazzjoni ta’ programmi konġunti; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi, f’kull ftehima ta’ kummerċ, Forum ta’ Żvilupp Sostenibbli, miftuħ għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, b’element qawwi dwar il-klima, u jitlob sabiex dan jiġi implimentat fin-negozjati attwali;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu sfruttar iżjed pragmatiku u orizzontali tal-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda fil-politiki kollha tal-UE, sabiex dawk l-elementi jkollhom irwol ċentrali fit-tisħiħ tal-preservazzjoni tal-ambjent; jenfasizza l-ħtieġa li fuq il-livell tal-UE jiddaħħal bla dewmien approċċ tat-tip “l-aħjar mudell”, li huwa strument iżjed ambizzjuż li jtejjeb b’mod kontinwu t-tendenzi fil-produzzjoni u fil-konsum, biex jiġi żgurat li, fil-futur, il-prodotti kollha tas-suq tal-UE jitfasslu, jinħadmu u jintużaw skond kriterji ta’ sostenibilità;

38.

Ifakkar li l-investiment f’teknoliġiji innovattivi u favur l-ambjent u fi tfassil favur l-ekoloġija, effikaċja tal-enerġija fl-użu finali u rendiment tal-enerġija tal-bini huwa fl-aħħar mill-aħħar ta’ benefiċċju, minkejja l-possibilità ta’ spejjeż kbar fuq perjodu qasir, u jenfasizza l-bżonn li r-reġjuni jħeġġu lill-kumpaniji sabiex jieħdu vantaġġ sħiħ minn dawn l-investimenti;

39.

Jinkuraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri biex jadottaw regoli ta’ akkwist pubbliku li jkunu favur l-ambjent b’mod ġenwin sabiex jippromwovu innovazzjoni u tendenzi sostenibbli ta’ konsum u produzzjoni;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jissieħbu f’akkwisti sostenibbli konġunti billi jipprovdu qafas ċar li jiffaċilita d-definizzjoni ta’ objettivi li jistgħu jitkejlu u kriterji ta’ kwalità;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintensifika l-isforzi tagħha ħalli tilħaq il-mira ta’ 20 % għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-mira ta’ 10 % għall-konsum tal-bijofjuwils, waqt li żżomm preżenti li l-uċuh tar-raba’ li jintużaw għall-enerġija m’għandhomx jipperikolaw il-provvisti tal-ikel fl-Ewropa u fi bnadi oħra; jisħaq li l-mekkaniżmu ta’ sostenibilità, li jinsab fi stadju ta’ żvilupp, għandu japplika l-aktar kriterji stretti għall-bijofjuwils;

42.

Jinnota li l-agrikoltura fl-UE qiegħda titmexxa dejjem iżjed lejn il-produzzjoni ta’ ikel sikur u ta’ kwalità għolja, li għandu jipproteġi s-saħħa taċ-ċittadini tal-Unjoni;

43.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom sabiex jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet il-ġodda ta’ investiment ipprovduti mill-Fondi Strutturali u mill-Programmi l-Ġodda tal-Politika Ewropea għall-Viċinat u biex jiżguraw li l-Programmi Operazzjonali appoġġjati mill-Fondi Strutturali jikkontribwixxu għat-titjib fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Komunità u għall-għan dejjiemi ta’ żvilupp sostenibbli mifrux mal-UE kollha b’konsistenza mal-prijoritajiet tematiċi l-oħra;

44.

Iqis li huwa essenzjali li tittejjeb l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sostituzzjoni, li jikkunsidra d-disponibilità, l-aċċessibilità, il-benefiċċji u l-ispejjeż tal-prodotti sostituti; jirrimarka li għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-proċessi tad-disinn, tal-produzzjoni u tal-użu, li jagħmluha possibbli li jintużaw prodotti li ma jirrappreżentawx riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, jew li jinvolvu riskju iżgħar;

Prinċipji ta’ regolazzjoni mtejba fil-politiki ambjentali

45.

Jirrimarka li, jekk ir-regolamentazzjoni hija fil-fatt għan, għandha ssir reviżjoni tal-leġiżlazzjoni duplikata li toħloq piż burokratiku u ddgħajjef il-kompetittività;;

46.

Jikkunsidra li l-approċċ filosofiku applikat fil-proċess ta’ reviżjoni huwa nieqes minn raġunar kritiku u ma fihx analizi tar-raġunijiet u l-bażijiet tad-dewmien; jemmen li jekk għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet tajbin fil-futur, dan jista’ jsir biss permezz ta’ analiżi u riflessjoni dwar il-kawżi ta’ dan id-dewmien;

47.

Jinnota li jekk vera hemm xewqa li tittejjeb il-metodoloġija leġiżlattiva u li jiġu prodotti regoli prattiċi li jkunu jistgħu jiġu applikati faċilment mill-awtoritajiet, mill-intrapriżi u miċ-ċittadini responsabbli, huwa importanti ħafna li titwessa’ l-interazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunità u s-soċjetà ċivili sabiex jiġu indirizzati l-mistoqsijiet tagħhom, u biex jitqiesu d-deċiżjonijiet u l-opinjoni tar-reġjuni, tal-kunsilli lokali, tal-industriji affettwati u tal-assoċjazzjonijiet relatati; jenfasizza wkoll li għandhom jiġu kkunsidrati l-ispejjeż li hemm involuti tul perjodu qasir ta’ żmien fil-bidla tat-tagħmir eżistenti;

Inwittu t-triq għal bidla fl-imġiba

48.

Jirrimarka li hemm bżonn ta’ modi ġodda biex jitkejjel il-benessri fuq il-bażi ta’ valuri realistiċi għas-servizzi ekoloġiċi; iqis li l-GDP, minħabba li ma jistax jirrifletti l-aspetti u l-ħtiġijiet kollha ta’ soċjetà moderna, m’għadux għodda adegwata biex jitkejlu l-benessri u l-iżvilupp; jinkuraġġixxi lill-UE biex tiżviluppa iżjed u tagħmel użu politiku minn indikatur ġdid li jintegra l-impatt negattiv tal-progress ekonomiku fuq l-ambjent u fuq is-saħħa u li jikkontribwixxi għall-isforz biex it-tkabbir ekonomiku jinfired mill-pressjoni fuq l-ambjent; iqis li dan l-indikatur il-ġdid għandu jippromwovi l-iżvilupp ta’ soċjetà integrata u għandu jagħti spinta għal integrazzjoni aħjar tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali f’politiki oħrajn;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tittratta l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem bħala kwistjoni ta’ importanza primarja fost il-prijoritajiet tal-protezzjoni ambjentali;

50.

Iqis li l-Unjoni Ewropa għandu jkollha rwol prinċipali fl-iżvilupp ta’ għażliet ta’ politika li jwittu t-triq għal bidliet radikali fl-imġiba fit-tendenzi tal-konsum u l-produzzjoni;

51.

Jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi jingħataw għajnuna biex ikunu iktar konxji fl-imġieba tagħhom li – lil hinn mill-qafas leġiżlattiv tal-Istat – jista’ wkoll ikollha effett pożittiv fuq id-daqs u l-intensità tal-impenji ambjentali tal-protagonisti fis-suq;

52.

Iqis li l-għoti ta’ informazzjoni xierqa liċ-ċittadini għandu jitqies bħala prijorità; jappoġġja bil-qawwa l-iżvilupp ta’ sistema ta’ tikkettar li tkun komprensiva u ċara minħabba li din tikkontribwixxi bil-kbir f’għajnuna lill-konsumaturi biex “jagħmlu l-għażla t-tajba”;

53.

Jinsisti li għandha ssir evalwazzjoni ġenerali tar-riżultati tas-Sitt EAP qabel ma tiġi ffinalizzata l-proposta għas-Seba’ EAP;

54.

Huwa tal-fehma li r-reviżjoni finali tas-Sitt EAP għandha titwettaq minn korp barrani li jkun indipendenti mill-Kummissjoni;

*

* *

55.

Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 242, 10.9.2002, p 1.

(2)  ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 131.

(3)  ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 86.

(4)  ĠU C 74E, 20.3.2008, p. 660.

(5)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 182.

(6)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0504.

(7)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0509.

(8)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 176.

(9)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 102.

(10)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 168.

(11)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 135.

(12)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0444.

(13)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0467.

(14)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0445.

(15)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1354/2007 (ĠU L 304, 22.11.2007, p. 1).

(16)  Id-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22).

(17)  ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12.

(18)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/32/KE (ĠU L 81, 20.3.2008, p. 60).

(19)  ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1.

(20)  Evalwazzjoni tal-Impatt tal-Politiki tal-Kummissjoni Ewropea. Suċċessi u Prospetti, Kunsilli Konsultattivi għall-Ambjent Ewropew u l-Iżvilupp Sostenibbli, April 2006.

(21)  Niddeduċu l-Proporzjonijiet Sewwa – Sa fejn għandhom jaslu l-evalwazzjonijiet tal-impatt tal-UE?, Institut for Miljøvurdering, April 2006.

(22)  Għall-Aħjar jew għall-Agħar? L-Aġenda “Regolamentazzjoni Aħjar” tal-UE u l-Ambjent, Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea, Novembru 2005.

(23)  Żvilupp sostenibbli fl-evalwazzjonijiet tal-impatt integrati tal-Kummissjoni Ewropea għall-2003, Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea, April 2004.


Top