EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE0791

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta' kwart is-sena dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Komunità COM(2007) 76 finali

ĠU C 175, 27.7.2007, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta' kwart is-sena dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Komunità”

COM(2007) 76 finali

(2007/C 175/03)

Nhar l-4 ta' April 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta' kwart is-sena dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Komunità.

Nhar l-24 ta' April 2007, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tiegħu dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-436 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (laqgħa tal-31 ta' Mejju 2007) li jaħtar lis-Sinjura Florio bħala rapporteur-ġenerali, u adotta din l-opinjoni unanimament.

1.   Sfond

1.1

L-aċċess għal statistiki affidabbli u ta' kwalità għolja huwa indispensabbli sabiex l-atturi istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali jkunu jistgħu jissorveljaw u jevalwaw l-effettività ta' għażliet leġislattivi speċifiċi u sabiex jittieħdu deċiżjonijiet fil-ġejjieni.

1.2

Filfatt, sabiex jiġu adottati l-aħjar politiki possibbli, huwa essenzjali li jkun hemm idea li tkun kemm jista' jkun preċiża u qrib tar-realtà attwali.

1.3

Dan huwa partikularment minnu fil-każ ta' statistiki dwar is-sitwazzjoni tax-xogħol fl-Ewropa, għall-iskop li jiġi analizzat il-progress magħmul mill-Istati Membri sabiex jinkisbu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona.

1.4

Sabiex is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea tiftiehem, huwa estremament importanti li jkun magħruf f'liema setturi u reġjuni u f'liema kwantitajiet, jeżistu postijiet ta' xogħol battala. Postijiet li jibqgħu battala jindikaw varjazzjonijiet strutturali skond is-settur ekonomiku u jistgħu jipprovdu qafas utli sabiex jiġu identifikati reġjuni Ewropej li għandhom skarsezza ta' xogħol, jew — bil-maqlub — tkabbir ekonomiku u fis-suq tax-xogħol sinifikanti.

1.5

Il-postijiet tax-xogħol battala huma inklużi fis-sett ta' Indikaturi Ekonomiċi Ewropej Prinċipali (PEEIs) u huma indikatur illi, jekk ikunu disponibbli fi żmien qasir, jistgħu jkunu utli saħansitra għall-Bank Ċentrali Ewropew u għall-Kummissjoni Ewropea sabiex jivvalutaw l-impatt ta' l-ekonomija f'setturi speċifiċi u sabiex id-deċiżjonijiet dwar politika monetarja jitqiesu bir-reqqa.

1.6

It-tnedija mill-ġdid ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, li tmur lura għall-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2005, għandha l-ħolqien ta' aktar postijiet tax-xogħol ta' kwalità ogħla bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha. Inevitabbilment, dan saħħaħ il-ħtieġa għal informazzjoni statistika aħjar dwar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

1.7

Il-Linji Gwida għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet (2005-2008) u l-Linji Gwida għal Politika Ekonomika Usa' (BPEGs), fil-kuntest ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi (EES), jeħtieġu data strutturali aggregata, fuq livell Ewropew, dwar il-postijiet tax-xogħol battala skond is-settur ekonomiku bl-għan li jiġu analizzati l-livell u l-istruttura tad-domanda għax-xogħol.

1.8

Id-disponibbiltà ta' data statistika affidabbli u li tkun aġġornata ta' spiss tippermetti lill-Istati Membri individwali li josservaw mill-qrib is-suq tax-xogħol u mbagħad jadottaw deċiżjonijiet dwar politiki tax-xogħol, saħansitra fuq bażi reġjonali.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Id-data nazzjonali dwar il-postijiet tax-xogħol battala ilha tinġabar sa mill-2003 fuq bażi informali, ċioè b'“gentlemen's agreement”. Għalkemm dan il-ftehim iggarantixxa l-flessibilità u l-indipendenza ta' l-Istati Membri, ma ssodisfax għal kollox il-ħtiġijiet ta' l-utenti tad-data.

2.2

Fil-preżent, erba' Stati Membri ma bagħtu l-ebda data lil Eurostat u d-data provduta mhux dejjem tista' tiġi mqabbla perfettament. Fir-rigward tal-ġbir ta' data ta' kull tliet xhur, il-ħtiġijiet tal-BĊE u l-Kummissjoni f'termini ta' kopertura, il-waqt u l-armonizzazzjoni mhumiex qegħdin jiġu ssodisfati.

2.3

Għalhekk permezz tal-proposta għal Regolament (COM(2007) 76 finali), li tfasslet fuq l-inizjattiva tal-Kumitat għall-Impjiegi, il-Kummissjoni qiegħda timmira li tintroduċi regolament li jagħmilha possibbli li jinġabru statistiki komparabbli dwar il-postijiet battala fi żmien adegwat.

2.4

Waqt it-tħejjija tal-proposta ġew konsultati esperti u l-Kumitat tal-Programm Statistiku u kienu kkunsidrati diversi għażliet. L-għażla li ġiet adottata finalment fil-proposta għal Regolament, id-data strutturali annwali ser tibqa' tiġi trattata għal żmien qasir fuq il-bażi tal-“gentlemen's agreement”.

2.5

Għaldaqstant, il-proposta tiffoka l-aktar fuq dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġbir ta' l-istatistika kull tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol battala. Fuq il-bażi ta' l-esperjenza ta' dan ir-regolament, ser tingħata konsiderazzjoni lill-possibilità li fil-ġejjieni jkun jista' jitfassal regolament ġdid li jissodisfa l-ħtiġijiet għal data annwali.

2.6

Il-livell ta' dettall li huwa meħtieġ għal kull attività ekonomika individwali għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi ta' l-aħħar verżjoni tas-sistema komuni ta' klassifikazzjoni għall-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità (NACE).

2.7

Filwaqt li, safejn hu possibbli, għandhom jinżammu l-istandards ta' kwalità stabbiliti, l-Istati Membri huma fil-libertà li jużaw data amministrattiva jew li jillimitaw il-firxa tas-setturi ekonomiċi li jridu jikkunsidraw, sabiex jitnaqqas il-piż fuq in-negozju (Artikolu 5).

2.8

Il-Kummissjoni (Artikolu 8) qiegħda tipproponi li tistabbilixxi serje ta' studji ta' fattibilità li għandhom isiru mill-Istati Membri li għandhom diffikultajiet sabiex jipprovdu data għal:

a)

unitajiet b'inqas minn 10 impjegati; u/jew

b)

l-attivitajiet li ġejjin:

i)

attivitajiet ta' agrikoltura, foresterija u sajd,

ii)

id-difiża u l-amministrazzjoni pubblika; is-sigurtà soċjali obbligatorja,

iii)

l-edukazzjoni,

iv)

is-saħħa tal-bniedem u l-ħidma soċjali,

v)

l-arti, l-ispettakli u r-rikreazzjoni, u

vi)

attivitajiet ta' għaqdiet bi sħubija, tiswija ta' kompjuters u oġġetti personali u tad-dar u attivitajiet oħrajn ta' servizz personali.

2.9

Matul il-fażi tal-bidu (l-ewwel tliet snin), l-Istati Membri jistgħu jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-UE. Dan il-finanzjament ser ikun kopert mill-Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali — PROGRESS (1) (Artikolu 9). Għaldaqstant, minbarra t-tkomplija tal-fażi tal-“gentlemen's agreement”, jistgħu jiġu mnedija innovazzjonijiet u titjib fil-qasam tal-ġbir tad-data.

3.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

3.1

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jkun hemm statistiki dwar is-sitwazzjoni tax-xogħol fl-UE li jkunu kemm jista' jkun koerenti u affidabbli. Għaldaqstant, huwa japprezza u jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li toħloq qafas legali sabiex jinġabru statistiki dwar il-postijiet tax-xogħol battala, fuq livell Ewropew, li jkunu aktar aġġornati, komparabbli u relevanti.

3.2

Sabiex jinkisbu l-objettivi ekonomiċi ta' l-Istrateġija ta'Lisbona, u b'mod speċjali dawk marbuta max-xogħol, jeħtieġ li l-utenti kollha ta' l-istatistiki u l-operaturi ekonomiċi, soċjali u istituzzjonali kemm fil-livell ta' l-UE kif ukoll dak nazzjonali, jkollhom l-appoġġ ta' statistika affidabbli u effiċjenti.

3.3

Il-KESE japprova wkoll l-għażla ta' l-istrument, jiġifieri regolament ta' l-UE, għaliex l-iskop tal-proposta, bħalma ġeneralment jiġri fil-maġġoranza ta' l-inizjattivi marbuta ma' l-istatistika, jirrikjedi applikazzjoni dettaljata u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha.

3.4

L-għażla li jiġi inkluż biss il-ġbir ta' data kull tliet xhur fir-regolament propost u li l-“gentlemen's agreement” jibqa' jiġi applikat għad-data strutturali annwali hija bla dubju dettata minn xewqa li jkun hemm transizzjoni gradwali minn ftehim informali għal regolament ta' l-UE dwar il-ġbir tad-data. Jeħtieġ li dan il-perjodu ta' transizzjoni jkun akkumpanjat minn monitoraġġ kontinwu tar-riżultati miksuba u l-KESE jittama li fil-ġejjieni qarib jista' jintlaħaq qafas aktar komplut u affidabbli kemm għal data annwali dwar il-potenzjal tas-suq tax-xogħol ta' l-UE kif ukoll għal data li tinġabar kull tliet xhur.

Il-KESE jiddispjaċih li għad m'hemm l-ebda stima ta' l-impatt, iżda jistenna li l-Kummissjoni tipproduċi waħda qabel ma jkun jista' jiġi adottat regolament sekondarju ta' implimentazzjoni, peress, li fil-prinċipju, ser ikun hemm żjieda fl-ispejjeż u fil-piżijiet fuq in-negozji Ewropej mingħajr ma jirċievu kumpens fi tnaqqis għal attivitajiet oħra ta' stħarriġ.

3.5

Madankollu, il-KESE jemmen li minħabba l-ħtieġa li l-ġbir tad-data jkun issimplifikat u li jitnaqqsu l-ispejjeż relatati ma' dan, saret għażla li mhijiex kompletament ċara sabiex il-ġbir tad-data jkun fakultattiv għas-setturi li huma “staġjonali” bħas-setturi ta' l-agrikoltura, is-sajd u l-foresterija.

3.6

Madankollu, il-problema ta' “aġġustament skond l-istaġun” tqajjem firxa ta' kwistjonijiet dwar l-affidabilità ta' dawn it-tipi ta' statistiki, peress li f'setturi industrijali oħra u/jew fis-settur pubbliku, il-kuntratti staġjonali ilhom jintużaw għal ħafna snin (l-industrija tat-tessili, l-industrija agro-alimentari, it-turiżmu, eċċ…).

3.7

Barraminhekk, attwalment, il-kuntratti tax-xogħol fil-pajjiżi kollha ta' l-UE jipprevedu għal għexieren ta' tipi differenti ta' relazzjonijiet tax-xogħol. Għalhekk, ikun ta' siwi li jkunu magħrufa t-tipi ta' postijiet tax-xogħol battala li huma disponibbli (kuntratti mingħajr terminu fiss, kuntratti bi żmien fiss, kuntratti part-time, proġetti, sħubijiet, eċċ…).

3.8

Qafas li jkun eqreb tar-realtà tal-potenzjal tas-suq tax-xogħol, ix-xejriet tiegħu jew in-nuqqasijiet tiegħu f'ċerti setturi u reġjuni, jagħmilha possibbli li jkun hemm enfasi akbar fuq l-istrateġiji li jeħtieġ li jiġu implimentati sabiex jinkisbu l-objettivi ta' Lisbona.

3.9

Din hija raġuni oħra għalfejn il-KESE jemmen illi l-konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali Ewropej u l-involviment dirett tagħhom huwa partikolarment meħtieġ f'dawn l-oqsma.

Il-KESE jilqa' s-setgħa ta' skrutinju li għandu l-Parlament Ewropew fuq il-proposta li ser tkun suġġetta għal ko-deċiżjoni. Ir-regolamenti ta' implimentazzjoni ser ikunu suġġetti għall-komitoloġija skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju, b'konformità mal-proċedura stabbilita fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 1999/468/KE u 2006/512/KE.

Brussel, il-31 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Adottat permezz tad-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006. F'Taqsima 1: Impjiegi, il-finanzjament ta' miżuri dwar statistiki huma msemmija speċifikament: “[…] jiġi mtejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni u tal-prospetti ta' l-impjiegi permezz ta' […] l-iżvilupp ta' l-istatistika u indikaturi komuni[…]”.


Top