This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007AE0804
Opinion of the European Economic and Social Committee on The Challenges and Opportunities for the EU in the Context of Globalisation
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-isfidi u l-opportunitajiet għall-UE fil-kuntest tal-globalizzazzjoni
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-isfidi u l-opportunitajiet għall-UE fil-kuntest tal-globalizzazzjoni
ĠU C 175, 27.7.2007, p. 57–64
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
27.7.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 175/57 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-isfidi u l-opportunitajiet għall-UE fil-kuntest tal-globalizzazzjoni”
(2007/C 175/16)
Nhar is-26 ta' Settembru 2006, b'rabta ma' l-attivitajiet tal-Presidenza Ġermaniża li jmiss ta' l-Unjoni Ewropea, l-E.T. Michael Glos, il-Ministru Federali Ġermaniż għall-Ekonomija u t-Teknoloġija, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, permezz ta' ittra, opinjoni dwar L-isfidi u l-opportunitajiet għall-UE fil-kuntest tal-globalizzazzjoni.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, li kienet inkarigata sabiex tħejji x-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Mejju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Henri Malosse u l-ko-rapporteur kien is-Sur Staffan Nilsson.
Fl-436 sessjoni plenarja tiegħu, li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tal 31 ta' Mejju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni unanimament.
1. Sommarju
Għal strateġija komuni fil-konfront tal-globalizzazzjoni
L-Unjoni Ewropea tista' titqies bħala laboratorju għad-dinja globalizzata. L-arkittetura tagħha hija msejsa fuq prinċipji demokratiċi, m'għandħa l-ebda xewqa li tikseb l-eġemonija u turi rispett lejn id-diversità ta' l-opinjonijiet u l-kulturi u bir-responsabilità tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u tal-ftuħ. Anke jekk l-ordni dinjija ġdida ma tistax tissawwar fix-xbiha tagħha, l-UE għandha żżomm il-valuri tagħha u filwaqt li tfittex li tiġi fis-seħħ gvernanza dinjija li tispira ruħha mill-prinċipji li nkisbu mill-kostruzzjoni ta' l-Ewropa. L-UE hija kredibbli meta tikkomunika il-valuri tagħha u tippreżenta l-mudell tagħha ta' integrazzjoni mingħajr arroganza jew xewqa għall-eġemonija. Jekk l-Unjoni m'hijiex ser ikollha la viżjoni u lanqas strateġija komuni fil-konfront ta' l-isfidi u l-opportunitajiet tal-globalizzazzjoni, iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jħossuhom abbandunati u jibdew jistqasu lilhom infushom dwar l-utilità ta' l-Ewropa.
1.1 “Stat ta' dritt planetarju”
L-ewwel tweġiba ta' l-Unjoni Ewropea għandha tkun li tikkontribwixxi b'iktar saħħa għall-elaborazzjoni ta' “Stat iggvernat minn stat ta' dritt” li jqis, mingħajr wisq ottmiżmu, ir-realtà; madankollu l-UE għandha tuża l-mezzi kollha disponibbli fil-globalizzazzjoni umanista bbażata fuq il-multilateraliżmu u minflok battalja għall-poter, fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, partikularment id-drittijiet u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, fuq il-ġestjoni responsabbli tal-patrimonju naturali tagħna, fuq iktar trasparenza fis-swieq finanzjarji, fuq livell ogħla tas-saħħa u s-sikurezza ta' l-ikel għall-popolazzjoni kollha, partikularment dawk l-iktar fraġli, id-diversità kulturali u lingwistika, it-taqsim u t-tixrid ta' l-għarfien ma' kulħadd.
1.2 Eżempju li jistgħu jsegwuh oħrajn
It-tieninett l-UE tista' u għandha tiffavorixxi l-integrazzjoni reġjonali. Huwa ċar li, apparti minn eċċezzjonijiet rari, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tad-dinja huma impenjati fi proċessi ta' reċiproka li jvarjaw minn kooperazzjoni sempliċi tematika għall-proċessi awtentiċi ta' integrazzjoni li jixbħu lil dawk ta' l-UE. Ċertament, ser tkun iktar faċli li tiġi regolata l-globalizzazzjoni jekk l-UE tagħmel aktar sabiex tħeġġeġ lill-pajjiżi l-oħra jagħmlu bħalha u jekk aktar gruppi reġjonali koerenti, anke dawn bbażati fuq il-pluraliżmu, ir-rispett għad-diversità u l-prassi tal-kunsens, joħolqu djalogu minflok ma jibqgħu maqbuda fi ġlieda għall-poter. B'żieda ma' dan, l-integrazzjoni reġjonali hija tassew waħda mis-soluzzjonijiet futuri għar-reġjuni l-iktar fraġli tad-dinja fejn ir-restrizzjonijiet tas-swieq jikkostitwixxulhom diżabilità li ma tistax tingħeleb u li llum ma jistgħux isemmgħu leħenhom.
1.3 Ftuħ għal kummerċ bilanċat u responsabbli
Fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali, il-KESE jikkunsidra li l-approċċi bilaterali huma utli biss jekk jikkumplimentaw il-multilateraliżmu tal-WTO. Il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu passi fuq il-kwistjonijiet ta' l-aċċess għas-swieq, ir-reċiproċità, il-ġlieda kontra l-ostakli għall-kummerċ u l-prassi illegali. Il-KESE jipproponi li jinfetaħ djalogu dwar l-aspetti l-oħra tal-gvernanza globali li għandhom impatt fuq il-kummerċ (bħall-istandards soċjali u ambjentali). L-UE għandha tikkontribwixxi wkoll lejn strateġija inklusiva fejn il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, speċjalment dawk fl-Afrika, jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-proċess tal-globalizzazzjoni.
Fil-livell ta' l-UE, il-KESE jikkunsidra wkoll li hemm bżonn ta' evalwazzjoni ta' impatt għal kull konċessjoni kummerċjali ġdida, ta' użu aħjar ta' l-istrumenti tad-difiża kummerċjali, qabel kollox sabiex ikunu mħarsa l-interessi tal-produtturi ta' l-UE, u ta' promozzjoni ta' azzjoni komuni fis-swieq esterni. Il-KESE jikkunsidra li l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jintuża bħala għodda strateġika ta' intervenzjoni għall-persuni u r-reġjuni milquta mill-globalizzazzjoni u jiġi assoċjat ma' fondi nazzjonali.
1.4 L-aċċelerazzjoni ta' l-integrazzjoni u l-ħarsien tad-diversità kulturali
Iktar ma l-Ewropa ssir integrata u koerenti, iktar issir konvinċenti u jkollha l-forza tat-tmexxija sabiex titwettaq gvernanza globali multipolari u responsabbli. Il-globalizzazzjoni llum tista' tkun ta' vantaġġ għall-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea, għax tobbligana nħaffu l-pass. Illum l-Ewropa qiegħda tipparteċipa f'tellieqa tal-veloċità. L-innovazzjoni, it-tixrid ta' l-għarfien ma' kullħadd u d-demokratizzazzjoni jistgħu jkunu l-imfietaħ għas-suċċess. Sar żmien biżżejjed sabiex is-suq intern jitwettaq verament, li jitneħħew id-diviżjonijiet fil-mezzi tat-taħriġ u r-riċerka u li jkun hemm it-tnedija ta' politiki komuni ġodda, partikularment fl-enerġija, l-ambjent u r-riċerka.
1.5 Il-ħolqien ta' rwol għas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tal-globalizzazzjoni b'wiċċ uman:
L-Ewropa nnifisha għandha tinvolvi aktar u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tagħha u tappoġġja d-djalogu bejn iċ-ċiviltajiet fil-livell globali. Ir-rikors għas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tagħha u l-Istituzzjonijiet tagħha bħall-KESE jirrappreżenta azzjoni li s'issa ma ġiex esplorat biżżejjed. Dan l-approċċ jassumi sinifikanza partikulari fil-kuntest tal-globalizzazzjoni billi, apparti mill-Istati innifishom, huwa ċar li dawn l-atturi li ġejjin huma involuti wkoll fir-relazzjonijiet internazzjonali: il-midja, l-imsieħba soċjali, l-intrapriżi, il-komunità xjentifika u kulturali, l-assoċjazzjonijiet u l-atturi kollha l-oħra tas-soċjetà ċivili.
2. Nilqgħu l-isfidi ppreżentati mill-globalizzazzjoni billi nadottaw approċċ li huwa wkoll globali
2.1 |
L-iżvilupp tal-proġett Ewropew kien, sa mill-bidu nett, ibbażat fuq proċess ta' ftuħ. Bit-tneħħija gradwali tal-fruntieri interni tagħha, l-UE kienet kapaċi: tistabbilixxi suq intern kbir; timmodernizza l-ekonomija tagħha; tiżviluppa l-infrastruttura tagħha; u ssir waħda mill-protagonisti ewlenin fil-kummerċ internazzjonali. |
2.2 |
Il-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea jirrappreżenta ferm aktar mill-ħolqien ta' suq intern. L-Unjoni Ewropea stabbiliet regoli komuni, introduċiet l-ordni legali u l-proċess xieraq tal-liġi tagħha stess, stabbiliet Karta tad-Drittijiet Fundamentali u introduċiet politiki komuni. Referenza speċjali trid issir għall-politika ta' koeżjoni ekonomika u soċjali, li tirrappreżenta mezz għat-twettiq tal-prinċipju tas-solidarjetà bejn l-istati u r-reġjuni; din il-politika hija mfassla sabiex tgħin jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-livelli ta' żvilupp li żdiedu wara t-tkabbir riċenti ta' l-UE. |
2.3 |
Illum, l-isfida tal-globalizzazzjoni hija ppreżentata f'kuntest ta' kondizzjonijiet differenti ħafna, ikkaratterizzati, fost affarijiet oħra, minn: forma ta' gvernanza globali li għadha fil-bidu tagħha, tentazzjonijiet biex tiġi segwita aġenda eġemonika; u tensjonijiet dejjem akbar bejn pajjiżi żviluppati u ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw. Dawn il-bilanċi globali jikkostitwixxu ordni tassew ġdida għall-Unjoni Ewropea. |
2.4 |
Il-proġett Ewropew oriġinarjament bl-ebda mod ma kien proġett “ewroċentriku”. L-instigaturi tat-trattati inizjali diġà kienu jimmaġinaw li l-Komunitajiet setgħu jħaddnu l-popli kollha ta' l-Ewropa, ladarba jkunu nħelsu mid-dittatorjati, u setgħu wkoll jipprovdu mudell għal ordni dinjija ġdida bbażata fuq l-istat ta' dritt, it-trasparenza u l-fiduċja. |
2.5 |
B'hekk il-globalizzazzjoni turi b'mod ċar numru ta' similaritajiet bl-effetti pożittivi li diġà esperjenzaw l-Istati Membri ta' l-UE wara l-ftuħ reċiproku tas-swieq tagħhom, bħal per eżempju l-isfruttament tal-vantaġġi komparattivi u l-ekonomiji ta' skala u l-opportunità li jittieħed vantaġġ mid-dinamiċi ġodda ta' l-iżvilupp u mis-swieq ġodda. |
2.6 |
Iżda l-globalizzazzjoni, toħloq bosta sfidi ġodda li jitolbu tweġibiet u aġġustamenti li ta' sikwit huma kumplessi ħafna, u jinvolvu, fost affarijiet oħra, bosta diffikultajiet u kondizzjonijiet asimetriċi fir-rigward ta' l-aċċess għas-suq, it-telf ta' l-aħjar imħuħ u ż-żamma tal-multlingwiżmu u d-diversità kulturali, l-immigrazzjoni, kondizzjonijiet tax-xogħol u ta' produzzjoni estremament differenti, il-livell ta' internazzjonalizzazzjoni tal-kapital u tas-swieq finanzjarji li s'issa għadu mhux magħruf; id-drittijiet soċjali stabbiliti fil-pajjiżi żviluppati saru dejjem aktar f'riskju b'riżultat ta' l-espożizzjoni għall-kompetizzjoni globali; u, fl-aħħarnett, l-isfidi l-kbar f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni ta' l-ambjent, is-saħħa u s-sigurtà. |
2.7 |
Il-globalizzazzjoni ma tipproduċix l-istess effetti kullimkien. Jekk tiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali f'ċerti partijiet tad-dinja, tkissirhom f'partijiet oħra: reġjuni żviluppati soġġetti għall-kompetizzjoni iktar qawwija, pajjiżi vittmi tas-sottożvilupp li jitħallew għal rashom. |
2.8 |
Jekk trid tirbaħ dawn l-isfidi, l-UE trid turi li taf tipproffitta mill-globalizzazzjoni u mhux sempliċement qiegħda titmexxa minnha. L-UE trid tieħu l-opportunitajiet kollha li jiġu iżda trid tidentifika wkoll kif il-globalizzazzjoni qiegħda tolqot lir-reġjuni, s-setturi u l-kategoriji tal-popolazzjoni sabiex tkun tista' ssib, flimkien ma' l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u partijiet oħra tas-soċjetà ċivili li jagħmluha possibbli twettaq b'suċċess l-aġġustamenti meħtieġa. |
2.9 |
L-approċċ segwit b'risposta għall-isfidi tal-globalizzazzjoni ma jistax ikun biss wieħed ekonomiku. Kwistjonijiet politiċi, soċjali, ambjentali u anki kulturali huma kollha involuti mill-qrib. Ir-risposta ta' l-UE għall-isfidi tal-globalizzazzjoni għalhekk trid tkopri wkoll dawn l-oqsma kollha inkella jkun hemm ir-riskju li din tkun nieqsa mis-saħħa meħtieġa tal-konvinzjoni u l-persważjoni. |
2.10 |
L-approċċ ta' integrazzjoni reġjonali li jikkaratterizza l-Unjoni Ewropea jippermettilha titkellem f'isem l-Istati Membri fil-WTO. Jeżistu eżempji oħra ta' integrazzjoni fid-dinja iżda l-ebda minnhom ma laħqu l-livell ekwivalenti ta' l-Ewropa. Bl-eċċezzjoni tal-CARICOM li jgħaqqad il-pajjiżi tal-Karibew, dawn l-entitajiet reġjonali ma jitkellmux b'vuċi waħda fil-WTO. Gvernanza globali strutturata aħjar għandha ħafna x'tikseb minn evoluzzjoni simili. |
2.11 |
Fi ħdan l-UE, il-mod kif inhi perċepita l-globalizzazzjoni jvarja skond id-diversi kategoriji tal-popolazzjoni u l-Istati Membri individwali. Din id-diversità tista' titqies bħala sors ta' arrikkiment iżda, minħabba li l-pass ta' l-iżvilupp u l-kobor ta' l-isfidi tal-globalizzazzjoni qegħdin jiżdiedu, issa hemm bżonn li tiġi adottata strateġija komuni u proposti konkreti. |
3. Għajnuna sabiex jitfasslu regoli globali aktar effettivi bil-għan li tkun promossa l-kisba ta' “globalizzazzjoni b'wiċċ uman”
3.1 |
Il-valuri li fuqhom hu msejjes il-proġett Ewropew (fosthom id-diversità, il-kolleġġjalità, stati regolati bl-istat tad-dritt, is-sussidjaretà u l-kisba ta' bilanċ bejn aspetti ekonomiċi u soċjali u l-iżvilupp sostenibbli) m'humiex imxerrda biżżejjed fix-xena internazzjonali. |
3.2 |
Il-medda sħiħa ta' fenomeni involuti fil-globalizzazzjoni ma tistax tkun koperta biss bir-relazzjonijiet bejn l-istati. Fost oħrajn, dawn il-fenomeni jinkludu: flussi ta' migrazzjoni, movimenti ta' riżorsi finanzjarji; tniġġis u ħsara fil-klima; u kanali ta' informazzjoni, b'mod partikulari l-Internet. Minbarra l-istati, il-partijiet li ġejjin huma wkoll involuti, b'mod jew ieħor, fil-proċess tal-globalizzazzjoni: l-intrapriżi multinazzjonali, is-swieq finanzjarji, il-mezzi tax-xandir, il-komunità xjentifika, is-soċjetà ċivili organizzata bl-istituzzjonijiet tagħha, l-imsieħba soċjali, l-NGOs u bosta partijiet oħra globalizzati. |
3.3 |
Għalhekk huwa kruċjali li l-UE jibqa' jkollha rwol aktar deċiżiv biex tippromovi l-gvernanza globali, inkluż:
|
3.4 |
B'rabta ma' dawn il-miri, jeħtieġ li tittieħed l-azzjoni segwenti, b'mod partikulari fil-kuntest ta' regoli internazzjonali tal-kummerċ:
|
3.5 Regolamenti oħra
3.5.1 |
Anki li kieku kellu jsir progress sinifikanti fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet kummerċjali kollha, tali progress, fih innifsu, ma jkunx suffiċjenti biex jipprovdi l-kondizzjonijiet meħtieġa għal “żvilupp sostenibbli ġenwin”, mira li kienet, madankollu, rikonoxxuta espressament mill-WTO fl-aġenda stabbilita f'Doha. Jekk irridu nagħmlu progress biex nilħqu din il-mira, ser ikunu meħtieġa regolamenti oħra u l-Unjoni Ewropea tista' sservi bħala forza dinamika biex iġġib l-introduzzjoni ta' dawn ir-regolamenti. Dawn ir-regolamenti għandhom x'jaqsmu primarjament mal-kwistjonijiet li ġejjin: l-ambjent, is-sigurtà, id-drittijiet fundamentali, il-kondizzjonijiet tax-xogħol u d-diversità kulturali. |
3.5.2 |
Il-protezzjoni ta' l-ambjent hija ħtieġa fundamentali meta tqis it-theddidiet dejjem akbar li rridu nħabbtu wiċċna magħhom (il-ħtieġa li nipproteġu l-ambjent u l-ispeċi ħajjin u li niġġieldu l-“effett tas-serra” u t-tniġġis, eċċ.). Din l-isfida li, b'definizzjoni, ma tafx fruntieri, hija marbuta intrinsikament mal-kunċett stess tal-globalizzazzjoni. Jeħtieġ li ssir parti integrali min-negozjati kummerċjali u titqies bħala tema inter-dixxiplinarja fid-diversi negozjati. L-Unjoni Ewropea għandha tagħti l-ogħla prijorità lil din il-ħtieġa billi:
|
3.5.3 |
Il-ħtiġijiet tas-sigurtà wkoll kisbu importanza akbar u wiesgħa. Wieħed għalhekk jista' jsemmi, per eżempju: il-ħarsien tas-saħħa kontra, fost l-oħrajn, il-pandemiji; il-miżuri sabiex tkun miġġielda l-kriminalità; il-protezzjoni ta' skambji ta' informazzjoni dwar l-IT; u s-sikurezza tal-prodotti, speċjalment il-kwalità ta' l-ikel. Il-globalizzazzjoni ma għandha, taħt l-ebda ċirkustanza, tiġi assimilata ma' insikurezza addizzjonali. Għalhekk jeħtieġ li jitfasslu regoli effettivi sabiex tkun assigurata sigurtà akbar fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-kummerċ, il-ħidmiet fundamentali li l-istati jridu jwettqu u rigward il-kondizzjonijiet tal-ħajja. Il-progress f'dawn l-oqsma jrid jimxi id f'id mal-progress fi prassi li għandhom x'jaqsmu mal-gvernanza u miżuri sabiex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u theddidiet ta' kull tip. |
3.5.4 |
Id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni u, b'mod partikulari, l-istandards tal-liġijiet tax-xogħol ibbażati fuq Konvenzjonijiet ta' l-ILO (1) għandhom jiġu implimentati b'mod effettiv madwar id-dinja kollha. Billi tinvoka l-kunċetti ta' “x-xogħol deċenti” u anki tal-“kummerċ ġust u xieraq”, l-UE, f'ħidma bi sħab ma' l-ILO, tista' tistabbilixxi korp ta' valuri fundamentali u eżempji ta' prassi tajba. Trid tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' applikazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet ta' l-ILO, li tista' twassal għal ġurisdizzjoni. Il-kwistjoni ta' l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet f'każ ta' vjolazzjoni ta' l-istandards ta' l-ILO jeħtieġ li titqajjem fiż-żminijiet preżenti billi, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-WTO, ma teżisti l-ebda ġurisdizzjoni f'dan il-qasam. |
3.5.5 |
Ħafna inizjattivi soċjali inkoraġġanti tnedew f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw minn atturi non-governattivi, intrapriżi u l-imsieħba soċjali. F'dan il-kuntest tista' ssir referenza għall-politiki żviluppati f'ħafna intrapriżi Ewropej fuq il-bażi tal-linji ta' gwida miftehma fil-qafas ta' l-istandards tax-xogħol ta' l-OECD u l-ILO. Referenza speċjali għandha ssir ukoll għall-inizjattivi mwettqa minn atturi non-governattivi f'dawn l-oqsma li ġejjin: l-impjieg, it-taħriġ, u s-saħħa u l-kondizzjonijiet tal-ħajja u x-xogħol inkluż l-inizjattivi mneda fil-qafas ta' djalogu soċjali reġjonali li jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. L-appoġġ provdut mill-UE għal inizjattivi ta' dan it-tip għandu jiżdied, jibda bl-inizjattivi fl-istati AKP. Għajnuna provduta mill-UE għandha ssir iktar dipendenti fuq it-twaqqif ta' programmi bħal dawn li jinvolvu l-parteċipazzjoni attiva mill-atturi tas-soċjetà ċivili, inkluż u b'mod partikulari, programmi fil-livell reġjonali. |
3.5.6 |
Fil-konfront ta' l-internazzjonalizzazzjoni li qiegħda tikber tas-swieq finanzjarji, l-Istati Membri ta' l-UE iridu jkunu jistgħu jitkellmu b'vuċi waħda bil-għan li l-IMF (Fond Internazzjonali Monetarju) isir strument ġenwin ta' stabilità. L-istati fiż-żona ta' l-ewro għandhom jiddeċiedu li jgħaqqdu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-IMF peress li dan jista' jagħti iktar kredibilità lill-UE. Fl-istess ħin u bħala segwitu ta' l-eżempju tal-Konvenzjonijiet OECD, l-UE għandha tippromovi l-gvernanza globali fir-rigward tal-miżuri kontra l-ħasil tal-flus u l-frodi. |
3.5.7 |
Sabiex tiġi stabbilita sistema ta' gvernanza globali, fl-interess tal-poplu, il-kwistjonijiet ta' l-edukazzjoni u t-tixrid ta' l-għarfien huma suġġetti ta' importanza fundamentali. Hemm bżonn li jiġu żviluppati proġetti ta' l-UNESCO u li jiġu appoġġjati netwerks għat-tixrid ta' l-esperjenza u l-għarfien fost l-ikbar numru ta' benefiċjarji possibbli filwaqt li jkun rispettat il-pluraliżmu u filwaqt li jaġġixxu fil-qafas ta' djalogu interkulturali. L-approċċ ta' l-UE li jġib fis-seħħ gvernanza globali aħjar għalhekk għandu jqis il-kwistjonijiet tad-diversità kulturali u l-multilingwiżmu, li filwaqt li huma aspetti ewlenin għall-UE, huma madankollu mhedda. |
3.5.8 |
Fir-rigward tal-kwistjoni tad-drittijiet fundamentali, L-UE għandha tieħu azzjoni miftehma sabiex id-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet Funadmentali tal-Bniedem isiru iktar effettivi u jiġi estiż ir-rwol tat-Tribunal Internazzjonali Kriminali, filwaqt li turi r-rispett li jistħoqqilha d-diversità kulturali. |
3.6 L-oriġinalità tal-kontribuzzjoni ta' l-UE
3.6.1 |
Bil-għan li tissaħħaħ il-gvernanza globali, l-UE tista' tagħmel użu wkoll mill-esperjenza tagħha fl-oqsma li ġejjin li jistgħu jservu bħala mezz sabiex tinkiseb l-akbar aċċettazzjoni possibbli tal-governanza globali:
|
3.6.2 |
Kif diġà qiegħda tagħmel fit-trattamenti mal-pajjiżi AKP, l-Unjoni Ewropea għalhekk għandha tagħti prijorità — kull fejn huwa possibbli — lill-adozzjoni ta' approċċ reġjonali fir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kummerċjali ma' l-imsieħba tagħha. L-iżvilupp ta' kuntatti reċiproċi bejn l-UE u bliet oħra reġjonali, jirrifletti l-ispirtu ta' emulazzjoni, u l-ftuħ reċiproku ma' oħrajn, ikun ta' benefiċju tal-poartijiet kollha ikkonċernati, filwaqt li fl-istess ħin jappoġġja u jsaħħaħ, b'mod ċertament deċisiv, il-qafas multilaterali tal-WTO. |
4. L-iżvilupp ta' strateġija komuni fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali
4.1 Multilateraliżmu jew bilateraliżmu?
Linja ta' approċċ hija deskritta fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta' l-4 ta' Ottubru 2006 bit-titlu Ewropa kompetittiva f'ekonomija globalizzata.
4.1.1 |
Id-diffikultajiet li sabet il-WTO biex tagħmel progress bl-Aġenda ta' Doha u l-limiti stess ta' din l-Aġenda għandhom jinkoraġġixxu lill-UE biex twettaq inizjattivi ġodda. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda li tiġi adottata strateġija kummerċjali ġdida, ibbażata kemm fuq approċċi bilaterali kif ukoll multilaterali. |
4.1.2. |
L-approċċ multilaterali sabiex jiġu indirizzati l-problemi marbuta mal-globalizzazzjoni huwa l-aktar approċċ mixtieq billi joffri l-aħjar garanziji sabiex jinkisbu riżultati bilanċjati sewwa u sostenibbli. Il-KESE għalhekk jingħaqad mal-Kummissjoni sabiex jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-merti intrinsiċi tal-multilateraliżmu u l-WTO. Il-mira għadha li jiġi konkluż b'suċċess ix-xogħol fuq l-Aġenda ta' Doha bħala parti mill-qafas globali, bl-impenn ta' l-istati kollha parteċipanti sabiex josservaw regoli komuni. |
4.1.3. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tittieħed azzjoni effettiva ta' sostenn fir-rigward tal-proposti mressqa mill-Kummissjoni. Minkejja d-diffikultajiet kontinwi li qamu fin-negozjati fil-qafas tal-WTO, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-UE issa għandha tesplora b'mod aktar attiv approċċi komplimentari, fosthom approċċi bilaterali. Għażla minnhom hija li jiġu intensifikati d-diskussjonijiet ma' dawk l-ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw li qegħdin jesperjenzaw rata għolja ta' tkabbir (iċ-Ċina, l-Indja, l-ASEAN, il-Mercorsur u l-Istati tal-Golf), filwaqt li, madankollu, jiġu msaħħa r-rabtiet strateġiċi tagħna ma' l-ekonomiji ġirien (ir-Russja, l-Ukraina, il-Moldova u l-Istati tal-Mediterran) u jiġu modernizzati b'suċċess ir-relazzjonijiet tagħna ma' l-istati AKP (Afrika, Karibew, Paċifiku) permezz tal-ftehim ta' sħubija ekonomika reġjonali li qegħdin jiġu nnegozjati bħalissa. |
4.1.4. |
Il-KESE jenfasizza li organizzazzjoni ġdida, ibbażata fuq approċċi bilaterali, ta' l-istrateġija internazzjonali ta' l-UE ma tistax tieħu post l-approċċ multilaterali li jrid jibqa' l-mira fundamentali billi tali approċċ huwa konformi mal-valuri Ewropej. |
4.1.5. |
Hemm bżonn li jiġi assigurat mhux biss li l-approċċi li jintgħażlu jkunu kompatibbli ma' l-impenji tal-WTO — ħtieġa li ġustament hija enfasizzata mill-Kummissjoni — iżda li jiġi assigurat ukoll li dawn l-approċċi:
|
4.1.6 |
Kwalunkwe approċċ bilaterali adottat mill-UE għalhekk għandu jkun limitat sabiex jipprovdi sostenn għall-approċċ multilaterali, bil-mira jew li:
|
4.1.7 |
Għad hemm bżonn ta' bosta kjarifikazzjonijiet u aġġustamenti, b'mod partikulari dwar: il-proċeduri ta' l-implimentazzjoni fir-rigward tal-kriterji li għandhom jintużaw u l-politiki li għandhom jiġu segwiti fil-konfront ta' għadd ta' pajjiżi, b'mod partikulari, per eżempju ċ-Ċina, il-Korea, l-Indja u anki r-Russja. |
4.2 Titjib tar-relazzjonijiet ma' stati ġirien u relazzjonijiet speċjali
4.2.1 |
Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-pajjiżi ġirien ta' l-UE (b'mod partikulari r-Russja, l-Ukraina, il-Belorussja, il-Moldavja u l-Istati tal-Mediterran) billi jiġu stabbiliti sħubijiet speċjali bħala parti minn strateġija koerenti għall-pajjiżi ġirien u strateġija sabiex jiġu promossi komunitajiet imsejsa fuq interessi komuni. |
4.2.2 |
Fil-qafas tad-djalogu transatlantiku, l-UE u l-USA għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex iġibu l-viżjonijiet rispettivi tagħhom tal-globalizzazzjoni eqreb lejn xulxin u sabiex jipprovdu qafas ta' stabilità għall-kooperazzjoni u l-kummerċ bejn l-UE u l-USA. |
4.2.3 |
L-UE għandha tkompli wkoll tippromovi, permezz tal-kuntatti bilaterali tagħha, l-iżvilupp ta' l-integrazzjoni reġjonali f'kontinenti oħra (eż l-Istati AKF, il-Mercosur, l-ASEAN, eċċ.); tali integrazzjoni tagħmilha possibbli li jitjiebu l-istruttura u l-bilanċ tal-kummerċ globali u li jiġi ffaċilitat il-progress fid-diskussjonijiet fil-WTO. 'L hinn mill-oriġinalità vera ta' din l-avventura, l-esperjenza miksuba bl-integrazzjoni fl-UE għandha tkompli tispira u tipprovdi appoġġ għal eżempji oħra ta' avviċinament reġjonali, li jirrappreżenta element essenzjali ta' kwalunkwe globalizzazzjoni strutturata u sostenibbli. Dan l-approċċ huwa partikularment validu fir-rigward tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, bħal per eżempju l-pajjiżi AKP. In-negozjati tal-ftehim ta' sħubija għandhom ikunu akkompanjati ma' tħeġġiġ għall-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali li huma bla dubju s-soluzzjonijiet ewlenin sabiex jiġi evitat li dawn il-pajjiżi jitħallew għal rashom mill-globalizzazzjoni. L-eżempju pożittiv tal-CARICOM f'dan ir-rigward huwa sinifikanti ħafna u jġib it-tama. F'dan ir-rigward, l-UE għandha tappoġġja l-kapaċitajiet amminstrattivi ta' l-integrazzjoni reġjonali kif ukoll il-gruppi ta' l-atturi tas-soċjetà ċivili. |
4.2.4 |
Nistgħu nippruvaw ukoll nieħdu l-lezzjoni minn eżempji kemm ta' prassi tajbin kif ukoll ħżiena misluta minn pajjiżi oħra jew gruppi reġjonali. L-UE għandha tkompli tippromovi u tagħti trattament favorevoli lil gruppi reġjonali li, minkejja l-fatt li qegħdin jiżviluppaw b'pass differenti u jsegwu miri differenti, xorta qegħdin isegwu triq simili għal dik segwita mill-UE; gruppi reġjonali simili jinkludu l-Mercosur u l-ASEAN. |
4.2.5 |
Ir-rwol u l-ħidma tal-protagonisti tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni ta' approċċ bilaterali simili m'għandhomx jiġu sottovalutati. Il-parteċipazzjoni tal-KESE fid-Djalogu Soċjali Ċivili mniedi mill-Kummissjoni għas-segwitu tan-negozjati fil-qafas tal-WTO bħall-attivitajiet għall-intrapriżi imwettqa mill-KESE permezz tad-diversi strutturi li stabbilixxa jidhru daqstant importanti fl-importanza strateġika tagħhom u għandhom ikunu rikonoxxuti u viżibbli. |
4.3 Liberalizzazzjoni aktar responsabbli tal-kummerċ
4.3.1 |
Jeħtieġ ukoll li l-analiżi ta' impatt tal-vantaġġi, il-limitazzjonijiet u l-konċessjonijiet involuti fi kwalunkwe ftehim, jingħataw konsiderazzjoni xierqa għall-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali, b'mod partikulari minn perspettiva settorjali (inkluż l-impatt fuq l-agrikoltura u industriji li jinvolvu ħafna xogħol). Din l-analiżi, imwettqa fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea għal kull negozjazzjoni ġdida, għandha tinvolvi iktar l-esperti lokali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Jeħtieġ ukoll li tiġi mfissra f'aktar dettall l-istrateġija għall-ġestjoni tar-riskju indirizzata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha. |
4.3.2 |
Il-KESE esprima l-appoġġ tiegħu għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF — European Globalisation Adjustment Fund). Huwa jħoss li l-EGF għandu jintuża bħala għodda strateġika sabiex jassisti lin-nies u r-reġjuni affettwati mill-globalizzazzjoni. Għalkemm ir-rwol ta' l-EGF huwa wieħed kumplementari għal dak ta' sorsi nazzjonali ta' finanzjament, huwa importanti li r-rwol tiegħu jkun wieħed viżibbli u li jkollu l-massa kritika finanzjarja meħtieġa. Bħal fil-każ tal-Fond Soċjali Ewropew, l-EGF għandu, fil-fehma tal-KESE, ikun immexxi minn kumitat tripartitiku, bis-sehem ta' l-imsieħba soċjali. |
4.3.3 |
F'dan il-kuntest jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lis-settur agrikolu. Apparti l-produzzjoni agrikola proprja, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll il-prodotti agroindustrijali, li jirrappreżentaw 14 % tal-valur miżjud ta' l-UE u li jipprovdu erba' miljun impjieg. Il-PAK għadda minn riforma radikali mill-2003 bil-għan li jkun possibbli li jintlaħaq ftehim fil-WTO u dan kien jinvolvi sagrifiċċji kbar għall-professjonijiet involuti. Ftehim futur fil-WTO għalhekk irid jassigura r-reċiproċità fl-aċċess għas-suq u tnaqqis ekwivalenti u sinifikanti fir-rigward is-sussidji mħallsa lill-produtturi ta' l-Istati Uniti. |
4.4 Azzjoni konġunta fis-swieq esterni:
4.4.1 |
L-Istati Membri ta' l-UE għandhom jirrikonoxxu, b'mod aktar sħiħ, il-miri ta' strateġija komuni ġenwina fir-rigward ta' l-aċċess għal swieq globali u l-mezzi sabiex jintlaħqu dawn il-miri: għal dan il-għan, għandhom jittieħdu passi, fost ħwejjeġ oħra, biex jiġu rimedjati tliet nuqqasijiet: |
4.4.2 |
L-ewwelnett, l-iskemi ta' assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni għadhom organizzati prinċipalment fuq livell nazzjonali, minkejja l-integrazzjoni politika, ekonomika, finanzjarja u, wara l-introduzzjoni ta' l-ewro, monetarja fl-UE. L-UE għandha tappoġġja dawn il-mekkaniżmi nazzjonali sabiex tikkoordinahom u tarmonizzahom għall-intrapriżi kollha Ewropej, speċjalment l-SMEs. |
4.4.3 |
It-tieninett, isiru żjarat għand l-imsieħba prinċipali li tinnegozja magħhom l-UE, suċċessivament, minn missjonijiet kummerċjali li essenzjalment huma ta' natura nazzjonali u li qegħdin jikkompetu ma' xulxin. F'dan il-każ m'hijiex kwistjoni li jerġgħu jiġu diskussi dawn l-approċċi bilaterali li ta' spiss huma bbażati fuq rabtiet storiċi iżda li jinbnew fuqhom, meta huwa ġġutifikat mil-lat ekonomiku u jsaħħuhom permezz ta' missjonijiet ta' promozzjoni settorjali ta' dimensjoni Ewropea li jsaħħu l-identità komuni ta' dawn il-pajjiżi. |
4.4.4 |
L-istrumenti ta' difiża tal-kummerċ (b'mod partikulari, l-istrumenti anti-dumping) għandhom ikunu iżjed magħrufa u utilizzati permezz ta' l-iktar għodda li jidhrilhom. |
5. Tisħiħ ta' l-integrazzjoni sabiex il-globalizzazzjoni tipprovdi opportunità għall-popli ta' l-UE
L-UE għandha tindirizza l-isfidi tal-globalizzazzjoni billi ssaħħaħ l-integrazzjoni ekonomika, is-solidarjetà u r-riċerka kontinwa għal produttività aħjar, li huma aspetti fundamentali ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. Huwa biss jekk issir aktar b'saħħitha li l-UE jista' jkollha influwenza sostanzjali x'turi fil-proċess tal-globalizzazzjoni fil-konfront tal-forzi kummerċjali li għandhom influwenza kontinentali.
5.1. Inżidu l-attraenza ta' l-Ewropa bħala post għall-investiment
5.1.1 |
L-ewwel pass li jeħtieġ li jittieħed huwa li l-UE titqiegħed f'pożizzjoni li tkun tista' tiddependi fuq suq intern li jkun integrat, effettiv u kompetittiv sewwa. Ma jkun hemm l-ebda skop għaliex irridu nassiguraw mill-imsieħba tagħna fuq livell globali konċessjonijiet li aħna bilkemm inkunu lesti li nagħtu lil Stati Membri oħra ta' l-UE. Għadna lura ħafna f'dak li jeħtieġ li jinkiseb f'dan il-qasam. |
5.1.2. |
Bosta ostakoli qodma baqgħu ma nbidlux u l-intrapriżi Ewropej bilkemm ingħataw il-mezzi sabiex ikunu jistgħu jħossuhom “Ewropej”. Is-servizzi, li jirrappreżentaw żewġ terzi tal-PGD, għadhom jiġu organizzati f'miżura kbira fuq il-bażi ta' swieq nazzjonali segregati. Dwar l-akkwisti pubbliċi fl-Istati Membri, kemm f'dak li għandu x'jaqsam ma' provvisti, servizzi kif ukoll xogħol relatat mas-settur tad-difiża, l-aktar studji serji riċenti li saru f'dan il-qasam — li ma ġewx riveduti għal għaxar snin — juru li aktar minn 90 % ta' dawn il-kuntratti tas-settur pubbliku għadhom jingħataw lil provvedituri nazzjonali. |
5.1.3. |
Jeħtieġ li noqogħdu attenti sabiex jiġi assigurat li l-korp tal-liġi ta' l-UE (“l-acquis communautaire”) ma jkunx mhedded minn kompetizzjoni sterili bejn l-Istati Membri li tkun tinvolvi dumping; is-sussidji; il-politika tal-ħolqien ta' “kampjuni nazzjonali”; u barrieri u ostakoli ġodda. L-iżvilupp ta' politika industrijali Ewropea, li tkopri wkoll is-settur tad-difiża, tista' tagħti kontribut konsiderevoli lejn it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika u teknoloġika ta' l-UE f'ekonomija globalizzata. Huwa importanti wkoll li tiġi msaħħa l-politika ta' l-UE dwar il-kompetizzjoni, li jiġi stabbilit qafas fiskali u soċjali trasparenti fi ħdan l-UE u li tiġi miġġielda t-tassazzjoni doppja, l-aktar każi ovvji ta' tfixkil tal-kompetizzjoni u frodi li jinvolvu l-VAT intra-komunitarja. |
5.1.4. |
In-nuqqas ta' infrastruttura li hija ta' dimensjoni tassew Ewropea (f'oqsma bħat-trasport, l-enerġija, teknoloġiji ġodda, parks teknoloġiċi u ċentri ta' riċerka) issa qed ikollu effett detrimentali fuq il-ħila ta' l-Ewropa li toffri l-aħjar opportunitajiet ta' investiment f'dak li għadu s-suq ewlieni fid-dinja. |
5.2. |
L-iżvilupp tal-kwalifiki u t-taħriġ ta' l-Ewropej bil-għan li tinħoloq soċjetà innovattiva u b'aċċess għall-għarfien għal kulħadd |
5.2.1 |
L-Ewropa mhix sinjura fil-materja prima u ma tistax tikkompeti mal-bqija tad-dinja billi tirrikorri għal politiki li jinvolvu d-dumping soċjali, ambjentali jew fiskali. Hija ma tistax jew issir is-“supermarket” tad-dinja jew tħalli lill-Asja tassumi r-rwol tal-“ħanut tax-xogħol tad-dinja”. Il-futur ta' l-Ewropa jiddependi, qabel xejn, fuq il-kapaċità tagħha li ġġedded, il-kapaċità tagħha għall-intrapriża iżda wkoll fuq it-talenti ta' l-irġiel u n-nisa tagħha. L-investiment fuq perijodu fit-tul fl-edukazzjoni għal tul il-ħajja huwa ċ-ċavetta sabiex jinkiseb żvilupp armonjuż. Hemm bżonn għalhekk li jiġu promossi mhux biss it-taħriġ u l-edukazzjoni iżda wkoll il-mobilità volontarja fl-UE, imħeġġa minn multilingwiżmu u pjanijiet ta' karrieri — anki fis-servizz ċivili — li jkollhom dimensjoni Ewropea u internazzjonali. |
5.2.2. |
L-Ewropa għadha frammentata wisq. Il-KESE jsejjaħ għall-adozzjoni ta' proġetti fuq skala kbira li jinvolvu: l-iżvilupp veru ta' plurilingwiżmu fl-iskejjel; programm ta' mobilità għaż-żgħażagħ, inkluż dawk li għadhom l-iskola, f'apprendistati jew li diġà qegħdin jaħdmu; universitajiet Ewropej; toroq Ewropej għal edukazzjoni tul il-ħajja; qafas komuni għar-rikonoxximent tal-kwalifiki kollha, eċċ. |
5.2.3. |
L-Ewropa għalhekk jistħoqqilha li tkun il-benefiċjarja ta' inizjattiva Ewropea komprensiva fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tixrid ta' l-għerf. Trid tingħata attenzjoni speċjali lil persuni u oqsma li sfaw il-vittmi ta' ristrutturar u rilokazzjonijiet industrijali billi jiġu pprovduti opportunitajiet ta' taħriġ u jinħolqu impjiegi ġodda. |
5.3. Nattrezzaw ruħna b'mezzi effettivi sabiex nindirizzaw l-isfidi ppreżentati mill-globalizzazzjoni.
5.3.1 |
Il-materji f'riskju b'riżultat tal-globalizzazzjoni jagħmluha neċessarja għall-UE li tkabbar il-kompetittività kemm tal-prodotti kif ukoll tas-servizzi tagħha. L-interessi ekonomiċi ta' l-UE huma kollha importanti daqs kemm huma differenti. Jekk trid tkompli tkun protagonista ewlieni fil-kummerċ globali, l-UE trid, b'mod partikulari, issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha kemm fir-rigward ta' prodotti u servizzi “l-aqwa tal-klassi” — li jirrappreżentaw nofs l-esportazzjonijiet tagħha u jissodisfaw terz tad-domanda globali f'dawn il-kategoriji — u fir-rigward ta' tipi oħra ta' prodotti u servizzi li jissodisfaw l-istennijiet tal-popli. |
5.3.2. |
L-introduzzjoni ta' politika Ewropea li tipprovdi appoġġ għall-intrapriża u l-innovazzjoni, flimkien ma' azzjoni fil-qasam ta' l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tixrid ta' l-għarfien, għandha tkun prijorità fundamentali fis-snin li ġejjin, bħala parti mill-istrateġija Ewropea ġdida “ta' wara Lisbona”. Il-KESE jipproponi li jitfassal pjan ta' direzzjoni f'dawn l-oqsma, li għaqqad flimkien ix-xogħol imwettaq mill-Istati Membri u l-UE u l-finanzjament ipprovdut kemm mill-korpi pubbliċi u privati. |
5.3.3. |
Għalkemm m'għadx baqa' żmien biex l-UE tiġi pprovduta b'baġit aħjar għall-perjodu 2007-2013, li nistgħu nagħmlu huwa li nassiguraw li jsir l-aħjar użu minn dan il-baġit, b'mod partikulari billi:
|
5.3.4. |
L-ewro llum jikkostitwixxi vantaġġ kbir għall-Ewropa billi mhux biss sar il-munita waħdanija ta' 13-il Stat Membru ta' l-UE, iżda huwa wkoll munita internazzjonali prinċipali ta' riserva u mezz ta' skambju. L-ewro llum jipprovdi lil numru dejjem akbar ta' pajjiżi fid-dinja b'alternattiva utli u kredibbli għad-dollaru. Huwa jiffaċilita l-konklużjoni ta' kuntratti kummerċjali u jippromwovi s-sigurtà finanzjarja ta' dawn il-kuntratti. Huwa jassigura l-eżistenza ta' sentiment reali ta' Ewropa magħquda, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Komunità. L-ewro huwa, madankollu, nieqes minn korp ċentrali li jieħu d-deċiżjonijiet fir-rigward tal-politika ekonomika u dan in-nuqqas, fil-preżent, qiegħed jillimita l-benefiċċji mistennija tal-munita unika. |
5.3.5. |
Il-koeżjoni ta' l-UE hija mibnija fuq politiki komuni. Għalkemm il-faħam u l-azzar illum m'għadhomx jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu l-bażi tal-koeżjoni, il-partijiet ekonomiċi u soċjali jaqblu bil-qawwa kollha li l-UE għandha tieħu responsabilità fl-oqsma tal-politika ta' l-enerġija (il-preservazzjoni tar-riżorsi, is-sikurezza tal-provvisti, investimenti ġodda fl-enerġiji li ma jniġġsux, l-effiċjenza u l-ekonomija ta' l-enerġija) u l-ħarsien ta' l-ambjent. Dawn iż-żewġ oqsma jeħtieġu effett iktar Ewropew permezz ta' politiki komuni ġenwini. |
5.3.6. |
L-Unjoni għandha tadotta politika ta' migrazzjoni li hija iktar komprensiva u koerenti permezz ta' politiki ta' integrazzjoni u merħba li huma kkoordinati li jikkonformaw mal-Karta Ewropea għad-Drittijiet fundamentali u l-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar id-dritt ta' Refuġju u fl-istess ħin jaħdmu flimkien sabiex jikkumbattu n-netwerks tal-kriminalità b'mod iktar effettiv. L-UE għandha ssir ukoll iktar attiva fil-ħolqien ta' impjieg ta' ħiliet ta' livell għoli fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw permezz ta' politika ta' sħubija u l-promozzjoni ta' l-integrazzjoni reġjonali li għandha tagħmilha possibbli li joffru prospetti għal mobilità, titjib u kummerċ ġdid. |
5.4 Wiċċ uman għall-globalizzazzjoni
5.4.1 |
L-Unjoni Ewropea tista' timmobilizza mill-ġdid liċ-ċittadini ta' l-Ewropa, sabiex jappoġġjaw il-proġett Ewropew ta' l-integrazzjoni permezz ta' strateġija li tindirizza l-isfidi tal-globalizzazzjoni. |
5.4.2 |
Minn perspettiva ġenerali, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jkunu involuti b'mod sħiħ l-imsieħba soċjali u d-diversi partijiet li jirrappreżentaw soċjetà ċivili organizzata fl-approċċ globali ġdid li huwa jippromovi bħala mezz kif jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati mill-globalizzazzjoni. Il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea jistgħu jkunu meħtieġa li juru trasparenza akbar, inkluż fuq il-kwistjoni tan-negozjati kummerċjali. Il-KESE u l-imsieħba tiegħu tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi mhux ta' l-UE jixtiequ b'mod partikulari, jiġu involuti f'inizjattivi li jsiru multilateralment u bilateralment. |
5.4.3 |
B'mod speċifiku, il-KESE jippromovi l-involviment ta' l-imsieħba soċjali u ta' partijiet oħra tas-soċjetà ċivili fi:
|
5.4.4 |
Il-KESE jsejjaħ għall-istabbiliment ta' organizzazzjoni tal-kompiti fuq livell Ewropew fir-rigward tas-servizzi ta' interess ġenerali; dan ikun jinvolvi, iktar mill-kooperazzjoni sempliċi, l-integrazzjoni tar-riżorsi fir-rigward tas-sigurtà ekonomika, il-protezzjoni ċivili u ambjentali, sorveljanza doganali fil-fruntieri esterni ta' l-UE; il-forzi tal-pulizija u anki fis-settur tad-difiża, pjuttost milli nħallu tali proposta tiġi soffokata minn sistema ta' “fortizzi nazzjonali”, li tmur kontra l-kisba ta' aktar progress fil-proġett Ewropew. |
5.4.5 |
Il-KESE jappoġġja wkoll l-adozzjoni ta' approċċ aktar parteċipattiv għas-suq uniku billi jiġu mħeġġa: inizjattivi mis-settur volontarju, id-djalogu soċjali; ir-responsabilità soċjali ta' l-intrapriżi, l-awto-regolazzjoni u ko-regolazzjoni soċjo-okkupazzjonali (b'mod partikulari fir-rigward ta': is-servizzi, il-kummerċ, is-swieq finanzjarji, l-ambjent, l-enerġija, aspetti soċjali u d-drittijiet tal-konsumatur). |
5.4.6 |
Il-partijiet tas-soċjetà ċivili organizzata għandhom, huma stess, rwol awtonomu dirett x'jaqdu fl-iżvilupp ta' rabtiet mal-kontropartijiet tagħhom fil-pajjiżi u l-gruppi reġjonali li l-Unjoni Ewropea tagħmel kummerċ magħhom. |
5.4.7 |
Id-dimensjoni kemm tal-globalizzazzjoni b'dimensjoni umana kif ukoll l-integrazzjoni Ewropea, huma kwistjonijiet li jinvolvu lill-poplu u s-soċjetà ċivili organizzata. Jekk ikunu infurmati aħjar u kkonsultati u involuti b'mod sistematiku, dawn il-popli ta' l-Ewropa ser jaċċettaw strateġija li fasslu huma u li jkunu jistgħu jagħmlu tagħhom. |
Brussel, il-31 ta' Mejju 2007.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) Konvenzjonijiet ta' l-ILO: Konvenzjoni nru. 87 dwar il-libertà tat-trade unions u l-protezzjoni tad-dritt ta' l-organizzazzjoni,u n-negozjar kollettiv. Konvenzjoni nru. 29 dwar ix-xogħol furzat. Konvenzjoni nru. 105 dwar l-abolizzjoni tax-xogħol furzat. Konvenzjoni nru. 138 dwar l-età minima. Konvenzjoni nru 182 dwar l-agħar forma ta' xogħol tat-tfal. Konvenzjoni nru. 100 dwar l-ugwaljanza tar-remunerazzjoni. Konvenzjoni nru. 111 dwar id-diskriminazzjoni (impjieg u professjoni).