This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007AE0801
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council amending Directive 2003/87/EC so as to include aviation activities in the scheme for greenhouse gas emission allowance trading within the Community COM(2006) 818 final — 2006/0304 (COD)
Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fi ħdan l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ġewwa l-Komunità COM(2006) 818 finali — 2006/0304 (COD)
Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fi ħdan l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ġewwa l-Komunità COM(2006) 818 finali — 2006/0304 (COD)
ĠU C 175, 27.7.2007, p. 47–52
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
27.7.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 175/47 |
Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fi ħdan l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ġewwa l-Komunità”
COM(2006) 818 finali — 2006/0304 (COD)
(2007/C 175/13)
Nhar it-8 ta' Frar 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 175 paragrafu 1 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il- Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fi ħdan l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ġewwa l-Komunità.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta' Mejju 2007 Ir-rapporteur kien is-Sur Adams.
Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tal-31 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adottat din l-opinjoni b'50 vot favur, 8 voti kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat jilqa' d-Direttiva proposta li toffri approċċ ikkunsidrat b'attenzjoni u pragmatiku li jimmodera u jikkumpensa t-tkabbir rapidu tal-volum ta' gassijiet b'effett ta' serra li tarmi l-industrija ta' l-avjazzjoni. |
1.2 |
L-integrazzjoni ta' l-avjazzjoni fis-Sistema Ewropea ta' l-Iskambju ta' l-Emissjonijiet (ETS) potenzjalment issaħħaħ din is-sistema u tagħtiha aktar saħħa bħala mudell prinċipali għall-ġlieda kontra l-emissjonijiet tas-CO2 fil-livell globali. |
1.3 |
Il-proposta hija realistika. Tirrikonoxxi l-qawwa tal-pressjonijiet politiċi, ekonomiċi u tal-konsumaturi favur il-kontinwità ta' l-iżvilupp tal-vjaġġi u tat-trasport bl-ajru waqt li jintuża l-mekkaniżmu tas-suq ta' l-ETS sabiex ikun hemm kumpens għal wieħed mill-impatti prinċipali esterni li jagħmel il-ħsara tas-settur ta' l-avjazzjoni. |
1.4 |
Il-proposta hija madankollu vulnerabbli. Hija marbuta ma' l-ETS — sistema li qalgħet ħafna kritika minn ħafna partijiet interessati, li għad trid turi l-potenzjal tagħha u li tiddependi hija stess minn attribuzzjoni ġusta ta' kwoti ta' CO2, investiment immaġinattiv u innovattiv fit-tnaqqis tas-CO2 u r-rinfurzar tal-Pjanijiet Nazzjonali ta' Azzjoni mill-Istati Membri. |
1.5 |
Il-KESE jilqa' l-inklużjoni ta' l-iskema fit-titjiriet kollha minn u lejn l-Ewropa mill-2012 iżda jemmen li d-data tal-bidu għandha tkun l-2011 bħalma hi għall-operaturi Ewropej. |
1.6 |
Il-Kumitat jinnota li d-Direttiva tippermetti l-integrazzjoni fis-sistema tal-krediti li jirriżultaw minn proġetti “esterni” flessibbli li jseħħu fil-qafas ta' l-Implimentazzjoni Komuni ta' Kyoto jew tal-Mekkaniżmi ta' Żvilupp Nadif (JI/CDM). L-appoġġ għall-programmi ta' enerġija sostenibbli ċertifikati bħala tali u ta' effiċjenza ta' l-enerġija fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huwa pożittiv, sakemm tinżamm verifika stretta. |
1.7 |
Il-Kumitat jirrikonoxxi li din hija kwistjoni kumplessa, iżda jħoss li l-proposta mhix ċara biżżejjed u tonqos milli tippreżenta l-vantaġġi tagħha b'mod ċar. Il-proposta tappella, b'modi differenti u f'diversi livelli, lill-UE fit-totalità tagħha, lill-Istati Membri individwali, lis-setturi differenti ta' l-industrija u lill-pubbliku. B'mod partikolari għandu jiġi enfasizzat il-potenzjal pożittiv tad-Direttiva sabiex tappoġġja u ssaħħaħ l-ETS. Huwa nnotat ukoll li hemm bżonn ta' sostenn attiv u komplementari mid-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni, partikolarment dawk responsabbli mit-Trasport, l-Enerġija u r-Riċerka. |
1.8 |
Il-KESE għalhekk jirrakkomanda: |
1.8.1 |
L-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-ETS tintuża bħala opportunità sabiex l-iskema tiġi riveduta, jitranġaw l-iżbalji eżistenti u jissaħħu oqsma dgħajfin u b'hekk ikun jista' jiġi żviluppat suq ġenwin u effettiv fil-kummerċ tal-karbonju — element kritiku fis-sostenn tal-wegħda ta' l-UE li tasal għal tnaqqis ta' 20 % fis-CO2 sa l-2020. |
1.8.2 |
Il-limitu propost ta' emissjonijiet huwa mnaqqas sabiex l-avjazzjoni tkun tista' tagħmel aġġustament aktar komparabbli ma' l-industriji l-oħra li diġà jinsabu fl-ETS. |
1.8.3 |
L-attribuzzjoni ħielsa ta' kwoti lill-operaturi li hemm fil-proposta għandha tiġi eliminata jew imnaqqsa b'mod sinifikanti sabiex b'hekk ikun meħtieġ li l-kwoti kollha, jew il-maġġoranza, jinbiegħu b'irkant. |
1.8.4 |
L-applikazzjoni ta' limitu komuni fuq ix-xiri tal-krediti mill-iskemi JI/CDM sabiex jiġi assigurat li proporzjoni għolja tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet isseħħ fi ħdan l-UE. |
1.8.5 |
L-ippjanar minn qabel dwar kif għandhom jiġu ppreżentati lill-pubbliku l-effetti tad-Direttiva. Dan mhux biss iqajjem aktar kuxjenza dwar l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla klimatika iżda jinkoraġġixxi ftuħ akbar fir-rigward ta' l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' l-iskema għall-klijenti u għall-operaturi u jnaqqas ir-riskju ta' opportuniżmu fil-profitti. |
1.8.6 |
Sabiex jagħtu eżempju tajjeb, l-Istati Membri għandhom jiġu mitluba li jinnewtralizzaw volontarjament l-emissjonijiet li jirriżultaw mit-titjiriet tal-Kapijiet ta' Stat, Kapijiet ta' Gvern jew Ministri li bħalissa jibbenefikaw minn eżenzjoni għal raġunijiet amministrattivi (titjriet li huma ġeneralment operati minn dipartimenti militari). |
1.8.7 |
Ħidma komplementari fuq miżuri li jnaqqsu l-karbonju li m'humiex parti mill-ETS għandhom ukoll jingħataw prijorità għolja. Dawn jinkludu l-eliminazzjoni ta' l-ostakoli legali għall-passi fiskali u regolatorji — partikolarment għall-fjuwil ta' l-avjazzjoni; ir-restrizzjoni ta' l-emissjonijiet ta' l-ossidu tan-nitroġenu; it-titjib tal-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru u r-riċerka għal effiċjenza akbar tal-magni u ta' l-inġenji ta' l-ajru. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
L-avjazzjoni kienet u tibqa' parti integrali u importanti ta' l-ekonomija globali f'espansjoni. F'ħafna modi, l-avjazzjoni hija karatterizzata minn suċċess reali. Sa mill-1960 kibret kull sena b'medja ta' 9 %, rata 2.4 darbiet akbar mit-tkabbir fil-PGD globali. Dan it-tkabbir ikompli u jekk it-tendenzi preżenti jibqgħu, it-trasport bl-ajru ser jirdoppja sa l-2020. |
2.2 |
Dan is-suċċess b'mod inevitabbli ħoloq problemi, bħat-tkabbir u l-impatt lokali ta' l-ajruporti iżda fil-kuntest tal-bidliet klimatiċi, l-attenzjoni tiffoka dejjem aktar fuq il-kontribut ta' l-avjazzjoni għat-tisħin globali, bl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u oħrajn. L-industrija ta' l-avjazzjoni, bħala settur tas-servizzi, tirrappreżenta madwar 0.6 % tal-valur miżjud ekonomiku ta' l-UE, iżda 3.4 % ta' l-emissjonijiet ta' gass b'effett serra. Fl-UE, l-emissjonijiet mill-avjazzjoni żdiedu b'87 % mill-1990 filwaqt li l-emissjonijiet totali ta' gass b'effett ta' serra fl-UE naqas bi 3 % fl-istess perijodu. |
2.3 |
Storikament, it-titjiriet internazzjonali kienu eżentati mit-taxxa fuq il-fjuwil u m'humiex koperti mill-objettivi tal-Protokoll ta' Kyoto. B'konsiderazzjoni tal-perijodu twil ta' ħajja ta' l-inġenji ta' l-ajru u l-possibbilitajiet li tissaħħaħ l-effiċjenza teknika u ta' tħaddim, it-tkabbir ta' l-avjazzjoni jfisser li s-settur ser ikompli jżid l-emissjonijiet tiegħu ta' gass b'effett ta' serra, u b'hekk iwaqqa' l-isforzi li saru minn setturi oħra fejn qiegħed iseħħ tnaqqis. Għalkemm fit-totalità tagħha l-avjazzjoni rat titjib kbir fir-regolamentazzjoni, fil-koordinazzjoni u fit-twettiq fil-qasam tas-sigurtà u s-sikurezza, kien diffiċli li jintlaħaq ftehim internazzjonali fuq il-kwistjonijiet ambjentali li jistgħu wkoll ikollhom impatt fuq l-interessi kummerċjali. |
2.4 |
Il-Kummissjoni ilha għal xi żmien tfittex mod kif tħeġġeġ jew tinforza tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra mill-avjazzjoni. Fl-2005 adottat Komunikazzjoni bit-titolu “It-Tnaqqis ta' l-Impatt ta' l-Avjazzjoni fuq il-Bidla fil-Klima” (1). F'April 2006, il-KESE fl-Opinjoni tiegħu (2) dwar din il-Komunikazzjoni kkonkluda li kien hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali ta' politika sabiex jiġi kkontrollat l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla klimatika u rrakkomanda, forst affarijiet oħra, l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fis-Sistema Ewropea ta' l-Iskambju ta' l-Emissjonijiet. Ittieħdu pożizzjonijiet simili mill-Kunsill tal-Ministri għall-Ambjent, mill-Kunsill Ewropew u mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni issa pproponiet Direttiva — is-suġġett ta' din l-Opinjoni — li tinkludi l-avjazzjoni fl-iskema komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra. |
3. Sommarju tad-Direttiva proposta
3.1 |
L-introduzzjoni għad-Direttiva proposta ssemmi li t-tkabbir fl-emissjonijiet ta' l-avjazzjoni jista', sa l-2012, jinnewtralizza aktar minn kwart tal-kontribuzzjoni ambjentali mwettqa mill-UE fil-qafas tal-Protokoll ta' Kyoto. Jidher diffiċli li jintlaħaq ftehim internazzjonali iżda d-Direttiva proposta hija intiża sabiex tipprovdi mudell għal azzjoni fil-livell globali u hija l-unika inizjattiva li toffri din il-possibbilità. |
3.2 |
Il-proposta attwali temenda d-Direttiva 2003/87/KE dwar l-iskambji ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra sabiex tinkludi l-avjazzjoni fl-iskema komunitarja. Analiżi ta' l-impatt li takkompanja l-proposta tikkonkludi li filwaqt li l-iskambju ta' emissjonijiet huwa l-aktar soluzzjoni effiċjenti sabiex jitnaqqas l-impatt klimatiku ta' l-avjazzjoni, l-impatt tal-miżuri kien ikollu effett żgħir fuq ir-rata ta' tkabbir imbassra mit-talba, u għalhekk fuq il-volum ta' l-emissjonijiet (3). Għalhekk irid jiġi mifhum li din il-proposta mhix maħluqa sabiex tirrestrinġi t-tkabbir ta' l-avjazzjoni per se iżda sabiex tassigura li xi wħud mill-impatti tagħha li jagħmlu ħsara lill-ambjent jiġu bbilanċjati mill-azzjonijiet l-aktar f'setturi ekonomiċi oħra. |
3.3 |
L-ETS (4) attwali fl-UE tkopri madwar 12,000 installazzjoni industrijali ta' enerġija intensiva li huma responsabbli għall-50 % ta' l-emissjonijiet totali tas-CO2 fl-UE. Skond il-proposta, il-kumpaniji tal-linji ta' l-ajru ser jirċievu kwoti li jistgħu jiġu skambjati sabiex jarmu ċerti livelli ta' CO2 kull sena b'limitu globali mfisser mil-livell medju annwali ta' l-emissjonijiet iġġenerati mill-industrija ta' l-avjazzjoni fit-tliet snin bejn l-2004 u l-2006. L-operaturi jistgħu jbiegħu l-kwoti żejda jew jixtru kwoti addizzjonali fuq is-suq ta' l-ETS, eż. mill-installazzjonijiet industrijali li naqqsu l-emissjonijiet tagħhom jew minn proġetti ta' enerġija nadifa f'pajjiżi terzi skond il-mekkaniżmi tal-Protokoll ta' Kyoto. |
3.4 |
Id-Direttiva proposta ser tkopri l-emissjonijiet tat-titjiriet fl-UE mill-2011 u tat-titjiriet kollha minn u lejn l-ajruporti fl-UE mill-2012. Ser jiġu koperti operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru kemm Ewropej kif ukoll barranin. Huwa stmat li sa l-2020, il-proposta tista' żżid bejn EUR 1.8 u EUR 9 mal-prezz ta' biljett ta' l-ajru bir-ritorn fl-Ewropa u aktar għal titjiriet fuq distanzi twal, eż bejn EUR 8 u EUR 40 għal biljett bir-ritorn għal New York. L-impatt minimu ħafna ta' bidla bħal din fis-settur ta' l-avjazzjoni, li huwa kkaratterizzat minn prezzijiet elastiċi, huwa r-raġuni li għaliha din l-iskema tidher li għandha effett limitat fuq it-tkabbir. |
3.5 |
Irid jiġi nnotat li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-ETS huwa wieħed mill-passi possibbli li għandhom jittieħdu f'livell internazzjonali sabiex jiġi miġġieled l-impatt dejjem jiżdied ta' l-emissjonijiet tas-settur ta' l-avjazzjoni fuq il-klima. Tissuġġerixxi li jitressqu proposti relatati ma' l-emissjonijiet ta' l-ossidi tan-nitroġenu wara analiżi ta' impatt li saret fl-2008. Barra minn hekk, l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) għandha l-intenzjoni li tippreżenta aktar proposti matul l-assemblea tagħha f'Settembru 2007, għalkemm l-indikazzjonijiet juru li qiegħda tiżdied il-pressjoni sabiex tiddgħajjef l-inizjattiva ta' l-UE. |
4. Kummenti Ġenerali
4.1 |
Il-KESE jilqa' l-fatt li l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-ETS huwa l-ewwel pass, fil-livell internazzjonali, sabiex it-trasport bl-ajru jħallas xi wħud mill-ispejjeż ambjentali li kien qiegħed jesternalizza sa mill-bidu tiegħu. L-inklużjoni ta' operaturi mhux Ewropej hija wkoll milqugħa. Barra minn hekk, l-iskema proposta ser teħtieġ li inġenji ta' l-ajru li huma anqas effiċjenti f'termini ta' fjuwil jużaw aktar permessi, li b'mod modest jinkoraġġixxi l-effikaċja teknika u ta' tħaddim. Peress li l-kumpaniji ta' l-ajru bi prezzijiet baxxi għandhom fattur ta' piż fuq medja ta' 10 % aktar għoli mill-kumpaniji “storiċi”, il-proposta ser ikollha impatt kemxejn ridott fuq il-kumpaniji bi prezzijiet baxxi, waqt li tinkoraġġixxi l-bejgħ bi skont tal-postijiet battala mill-kumpaniji kollha. |
4.2 |
Il-Kumitat jirrikonoxxi li l-miżuri dwar l-effikaċja tar-rotot tat-titjiriet, fjuwil alternattiv, diżinn imtejjeb u fatturi ogħla ta' piż ser jagħtu xi tip ta' kontribut sabiex jitnaqqas it-tkabbir ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. Madankollu, il-maġġorparti ta' dawn il-miżuri ilhom jiġu applikati fis-settur ta' l-avjazzjoni sa mill-1990 iżda dan il-perijodu xorta waħda ra żjieda fl-emissjonijiet ta' aktar minn 85 % — figura li qiegħda tkompli togħla minħabba żjidiet sinifikanti fin-numru tal-passiġieri u tal-merkanzija ttrasportati. |
4.3 |
Din id-Direttiva tipproponi li tiġi miġġielda l-kontribuzzjoni dejjem tikber għall-bidla klimatika mis-settur ta' l-avjazzjoni billi tiġi inkluża fl-UE-ETS. L-UE-ETS innifisha tipprovdi l-uniku mekkaniżmu internazzjonali fuq skala wiesa' ta' regolamentazzjoni u ta' kumpens ta' l-emissjonijiet tas-CO2 relatati mas-suq iżda rat problemi importanti inizjali matul il-fażi ta' prova tagħha li tispiċċa fl-2007. Dan qabel kollox kien minħabba l-attribuzzjoni żejda ta' kwoti mill-Istati Membri. Sabiex l-UE-ETS tilħaq l-objettiv tagħha li tkun strument tas-suq għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2, huwa essenzjali li l-Kummissjoni, appoġġjata mill-Istati Membri kollha, tkun determinata li tistabbilixxi u tapplika l-kwoti tas-CO2 kif ukoll li tara li dawn jiġu rispettati. |
4.4 |
Fil-prattika, l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni tista' tkun ta' benefiċċju kbir għall-ETS. L-avjazzjoni hija anqas sensittiva għall-fattur tal-prezzijiet mill-maġġoranza tal-proċessi industrijali u ta' l-industriji li jiġġeneraw l-enerġija attwalment responsabbli għall-maġġoranza ta' l-emissjonijiet tas-CO2. Peress li s-sehem tas-CO2 mill-avjazzjoni sejjer jiżdied (b'mod inevitabbli), kwantità konsiderevoli ta' fondi ġodda ser jidħlu fis-sistema ETS u jippermettu investiment għall-iffrankar addizjonali ta' karbonju f'setturi oħrajn. Filwaqt li l-avjazzjoni nnifisha għandha biss kapaċità limitata sabiex twettaq dan l-iffrankar, tista' taġixxi ta' ġarriera ta' riżorsi li jippermettu lil setturi oħrajn sabiex jagħmlu dan. |
4.5 |
Per eżempju, il-Kummissjoni tistima li d-Direttiva ser tirriżulta fi tnaqqis nett ta' 183 miljun tunnellata metrika ta' CO2 sa l-2020 meta mqabbel max-xenarju bbażat fuq l-istatus quo. Il-proġettazzjonijiet dwar il-prezz tal-karbonju matul dak il-perijodu huma impreċiżi u jiddependu minn kondizzjonijiet riġidi ta' attribuzzjonijiet iżda jekk l-industrija ta' l-avjazzjoni tixtri 100 miljun tunnellata matul dak il-perijodu bi prezz medju ta' EUR 30, fil-prinċipju EUR 3 biljun ikunu qegħdin jintefqu għat-tnaqqis tas-CO2. |
4.6 |
Fl-2007, il-KESE nieda programm estensiv bil-għan li fis-soċjetà ċivili jitħeġġu l-azzjoni u l-aħjar prattika fir-rigward tal-bidla klimatika, li parti integrali minnha tikkonsisti fil-limitazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ta' l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra. Waqt li l-Kumitat jirrikonoxxi li din il-proposta hija, minn lat pragmatiku, l-aħjar approċċ għall-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fi strateġija għat-tnaqqis tal-karbonju, għandu jindika madankollu li d-Direttiva proposta mhi ser tagħmel kważi xejn sabiex tillimita l-emissjonijiet dejjem jikbru ta' gassijiet b'effett ta' serra prodotti mis-settur tat-trasport bl-ajru. Dan joħloq problema kbira ta' “preżentazzjoni”. L-industrija ta' l-avjazzjoni diġà hija s-sors ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra li għandu l-aktar tkabbir rapidu fl-Ewropa u din id-Direttiva tagħti prova ta' konċessjoni lejn din l-industrija fl-insistenza tagħha dwar it-tkabbir mingħajr ma jiġi impost limitu ta' emissjonijiet. Il-pubbliku ser ikollu bżonn jifhem li d-Direttiva tista' tistimola riżorsi sinifikanti, li ser jiġu applikati għal tnaqqis kompensatorju ta' l-emissjonijiet tas-CO2. |
5. Kummenti Speċifiċi
5.1 |
Id-Direttiva proposta tuża terminoloġija mhux eżatta meta tafferma li l-għan tagħha huwa li tnaqqas l-emissjonijiet tas-settur b'mod sinifikanti. Peress li l-linji ta' l-ajru jistgħu jixtru kwoti b'rata tas-“suq” sabiex ikopru emissjonijiet ogħla mil-limitu attribwit lilhom, l-effett tat-test dwar it-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur ta' l-avjazzjoni ser ikun minimu, stmat għal tnaqqis nett possibbli ta' 3 % sa l-2020, jew inqas minn sena ta' tkabbir fl-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra mill-avjazzjoni. Il-figuri tal-Kummissjoni stess juru li ż-żjieda marġinali fl-ispiża tal-prezzijiet tal-biljetti ftit ser ikollha effett fuq it-talba għat-trasport bl-ajru. |
5.2 |
Bid-distribuzzjoni b'xejn lill-kumpaniji ta' l-ajru tal-maġġoranza tal-kwoti inizjali u l-awtorizzazzjoni tagħhom sabiex iwettqu xiri addizzjonali fl-ETS ġenerali (li hija sistema miftuħa mhux magħluqa, per eżempju għat-trasport bl-ajru, jew possibbilment għat-trasport in ġenerali), il-Kummissjoni taċċetta l-istatus quo u ma tagħmel kważi xejn sabiex tolqot it-tkabbir kontinwu u rapidu tas-settur ta' l-avjazzjoni li jarmi gass b'effett ta' serra. Madankollu, il-qalba tal-problema hija li t-tali tnaqqis huwa attwalment inaċċettabbli fuq il-pjan politiku u ekonomiku. Sabiex isir xi progress, il-Kummissjoni kkalkulat li apparti l-istimoli ta' effikaċja interna għas-settur, l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-ETS ser tipproduċi wkoll, b'kumpens għaż-żjieda ta' l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni permezz ta' tnaqqis f'setturi oħra, stimulu reali fis-suq permezz tar-riżorsi neċessarji, għat-twettiq ta' riċerka addizzjonali u applikazzjonijiet ġodda li għandhom l-għan li jnaqqsu s-CO2 minn band'oħra. |
5.3 |
Il-Kummissjoni tinnota li f'sistema “magħluqa” ta' skambju ta' kwoti — fi kliem ieħor fis-settur ta' l-avjazzjoni biss — il-prezz tagħhom ser ikun bejn EUR 114 u EUR 325 meta mqabbel mat-EUR 30 stmat għal kull tunnellata. Sistema magħluqa bħal din wisq probabbli ser iżżid il-prezzijiet tal-biljett bi EUR 8 — EUR 30 għal titjiriet fuq distanza qasira. Filwaqt li dan ser jitqies metodu aktar realistiku sabiex jintlaqtu kemm it-talba kif ukoll l-użu effikaċi tal-fjuwil u l-appoġġ ta' riċerka dwar it-tnaqqis massimu ta' l-emissjonijiet, huwa improbabbli li dan il-metodu ser ikun appoġġjat fil-livell ta' l-UE fejn huwa evidenti li hemm prijoritajiet differenti fir-rigward tat-trasport. Huwa aktar improbabbli li sistema magħluqa jew limitata għat-“trasport biss” twassal għal ftehim globali. |
5.4 |
Fid-Direttiva proposta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet iżda ddeċidiet li ma tikkunsidrax l-analiżi riċerkata tajba li l-emissjonijiet mill-inġenji ta' l-ajru huma bejn darbtejn u erba' darbiet aktar ta' ħsara għall-klima minn dawk minn industriji oħra (5). (Dan huwa l-aktar minħabba li l-maġġoranza ta' l-emissjonijiet iseħħu fil-livell superjuri ta' l-atmosfera u minħabba l-effetti ta' emissjonijiet li m'humiex ġejjin mis-CO2 bħat-traċċi tal-kondensazzjoni u l-ossidi tan-nitroġenu) Għandha tittieħed azzjoni komplementari għat-tnaqqis jew kumpens ta' l-emissjonijiet ta' l-ossidi tan-nitroġenu. |
5.5 |
Il-linji ta' l-ajru diġà jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-fjuwil ta' l-avjazzjoni u d-distribuzzjoni b'xejn tal-kwoti inizjali tal-karbonju ser iżżid aktar il-vantaġġi ssussidjati mill-Istat li jgawdu meta mqabbla ma' setturi oħra tat-trasport. Hemm ir-riskju li l-operaturi jużaw l-introduzzjoni ta' l-iskema ETS sabiex ikun hemm żjieda ġenerali fil-prezzijiet. Preżentazzjoni ċara mill-Kummissjoni lill-pubbliku ta' l-impatt finanzjarju reali ta' l-iskema fuq l-ispejjeż għall-industrija tista' tnaqqas ir-riskji ta' profitti inġustifikabbli. |
5.6 |
Għandu jkun hemm aktar riflessjoni fuq l-“esklużjonijiet” proposti fid-Direttiva. Per eżempju l-eżenzjoni tat-titjiriet mill-Kapijiet ta' l-Istat, mill-Kapijiet tal-Gvern jew mill-Ministri hija partikolarment inadegwata — dan il-grupp għandu jagħti eżempju tajjeb. Minkejja l-fatt li jeżistu raġunijiet amministrattivi favur din l-eżenzjoni (l-iktar titjiriet operati minn dipartimenti militari), l-Istati Membri għandhom jiġu mitluba li jinnewtralizzaw volontarjament dawn l-emissjonijiet, kif uħud diġà ddeċidew li jagħmlu. |
5.7 |
Peress li l-Kummissjoni għażlet sistema miftuħa b'bażi ta' kumpens, huwa diffiċilment ġustifikabbli li ma jkunx hemm konformità tad-data ta' referenza tas-sistema fuq dik tar-rabta meħuda attwalment mill-UE għall-ewwel fażi tal-Protokoll ta' Kyoto (tnaqqis ta' 8 % bejn l-2009 u l-2012 mil-livelli ta' l-1990) u impenji fil-futur (per eżempju 30 % sa l-2020 mil-livelli ta' l-1990). L-għażla ta' l-2005 bħala s-sena bażi ta' referenza diġà tippermetti lis-settur “punt ta' tluq”li diġà huwa 100 % ogħla minn dak ta' Kyoto. Bla dubju ta' xejn, peress li l-avjazzjoni huwa l-ewwel settur li ġie introdott fl-UE-ETS, huwa ġust li l-ewwel allokazzjonijiet isiru fuq l-istess prinċipji kif ġew introdotti fir-regoli ta' l-UE-ETS. |
5.8 |
Huwa improbabbli li din id-Direttiva ser tikseb impatt sinifikanti sabiex titnaqqas iż-żjieda fl-emissjonijiet totali ta' l-avjazzjoni. Madankollu, il-fatt li tista' tistabbilizza l-emissjonijiet netti ta' CO2 grazzi għall-ETS u, b'dan, jiġu pprovduti riżorsi għal tnaqqis addizzjonali, jikkontribwixxi ħafna għall-ġustifikazzjoni tan-nefqa u tal-kumplessità amministrattiva ta' implimentazzjoni. Id-Direttiva proposta tmur lil hinn milli toffri alibi ambjentali lis-settur ta' l-avjazzjoni — tista' b'mod pożittiv iżżid il-kuxjenza pubblika, toffri riżorsi ġodda għat-tnaqqis tal-karbonju u tipprovdi miżura ta' internalizzazzjoni ta' dawn l-ispejjeż ambjentali esterni li l-industrija ta' l-avjazzjoni rnexxielha tinjora s'issa. |
Brussell, 31 ta' Mejju 2007
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) COM(2005)459 finali 27.9.2005.
(2) NAT/299 Il-bidla klimatika/L-impatt ta' l-avjazzjoni.
(3) Sommarju ta' l-Analiżi ta' Impatt para 5.3.1.
(4) Ara l-Anness I għal deskrizzjoni qasira ta' l-ETS.
(5) Sommarju għal-Leġislaturi ta' l-IPCC 2007, The science of climate change (Ix-xjenza tal-bidla klimatika).
http://www.ipcc.ch/pub/sarsum1.htm
ANNESS I
għall- Opinjoni tal-Kumitat
L-emendi li ġejjin ġew rifjutati mill-Assemblea iżda kisbu iktar minn kwart tal-voti mitfugħa:
Punt 1.8.2
Emenda kif ġej:
1.8.2 |
Il-limitu propost ta' emissjonijiet huwa mnaqqas sabiex l-avjazzjoni tkun tista' tagħmel aġġustament aktar stabbilit sabiex ikun komparabbli ma' l-industriji l-oħra li diġà jinsabu fl-UE-ETS. |
Votazzjoni
Favur: 18
Kontra: 33
Astensjonijiet: 9
Punt 1.8.3
Emenda kif ġej:
1.8.3 |
L-attribuzzjoni ħielsa proposta ta' kwoti lill-operaturi għandha tiġi eliminata jew sinjifikament imnaqqsa waqt li teħtieġ li l-kwoti kollha, jew il-maġġoranza, jinbiegħu b'irkant. tiġi stabbilita fil-qafas tar-regoli u tad-dokumenti gwida ta' l-UE-ETS. |
Votazzjoni
Favur: 13
Kontra: 24
Astensjonijiet: 6
ANNESS II
Fl-2005, l-Unjoni Ewropea introduċiet suq pan-Ewropew ta' l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju għall-industriji prinċipali li jarmu gass b'effett ta' serra. Dan huwa dispożittiv prekursur għal sistema simili li ser titħaddem taħt il-Protokoll ta' Kyoto fost il-firmatarji tiegħu mill-2008. L-ETS ta' l-UE hija maħluqa sabiex tipprepara lill-pajjiżi Ewropej għall-Protokoll ta' Kyoto.
L-iskema hija bbażata fuq l-attribuzzjoni tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, imsejħa l-“kwoti komunitarji”, lil setturi industrijali speċifiċi permezz tal-pjanijiet nazzjonali ta' attribuzzjoni li huma mmonitorjati mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-kwoti jistgħu jiġu skambjati. L-ewwel fażi ta' l-ETS ta' l-UE tkopri l-perijodu 2005-2007, filwaqt li t-tieni fażi tikkoinċidi ma' l-ewwel perijodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto, mill-2008 sa l-2012.
L-ewwel fażi ta' l-ETS ta' l-UE tapplika għal 7,300 kumpanija u għal 12,000 instalazzjoni fis-settur ta' l-industrija tqila fl-UE. Dawn jinkludu: l-intrapriżi li jipproduċu l-enerġija, ir-raffineriji taż-żejt, il-produtturi tal-ħadid u ta' l-azzar, l-industrija tal-polpa u tal-karta kif ukoll il-produtturi tas-siment, ħġieġ, ġir, brikks u ċeramika.
L-ETS timponi miri annwali għall-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) fuq kull pajjiż ta' l-UE, u imbagħad kull pajjiż jalloka l-attribuzzjoni nazzjonali tiegħu fost dawk il-kumpaniji li l-fabbriki u l-impjanti huma r-responsabbli prinċipali ta' l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju — intrapriżi ta' produzzjoni ta' enerġija, manifatturi tal-materjal ta' kostruzzjoni u intrapriżi oħra ta' l-industrija tqila.
Kull kwota komunitarja tagħti lis-sid id-dritt li jarmi tunnellata ta' dijossidu ta' karbonju. Kumpaniji li ma jużawx il-kwoti kollha tagħhom, jiġifieri li jarmu anqas milli huma intitolati li jagħmlu, jistgħu jbiegħuhom. Kumpaniji li jaqbżu l-limitu tagħhom ta' emissjonijiet iridu jibbilanċjaw l-emissjonijiet żejda billi jixtru kwoti komunitarji jew iħallsu penali ta' EUR 40 kull tunnellata.
Sabiex tiġġestixxi n-negozju tal-kwoti u tivverifika l-ishma, l-ETS tirrikjedi li l-Istati Membri kollha ta' l-UE joħolqu reġistru nazzjonali ta' kwoti ta' l-immissjonijiet li jżomm rendikont għall-kumpaniji kollha li huma fl-iskema.
Is-suq jopera permezz ta' brokers u ta' siti ta' transazzjonijiet elettroniċi fejn il-kwoti komunitarji jiġu mibjugħa u mixtrija kuljum. Prinċipalment dak li qiegħed jinbiegħ u jinxtara huma “kuntratti b'termi ta' kwoti komunitarji”, jiġifieri kwoti komunitarji pprovduti għall-futur. Dawn id-dati futuri jikkorrespondu għat-tmiem tas-snin kalendarji tal-kwota kkonċernata.