Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE0794

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Standards ta' kwalità li għandhom jiġu rispettati, min-naħa ta' l-imsieħba soċjali u ta' atturi oħra tas-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-kontenut, tal-proċeduri u tal-metodi tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt soċjali

ĠU C 175, 27.7.2007, p. 21–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Standards ta' kwalità li għandhom jiġu rispettati, min-naħa ta' l-imsieħba soċjali u ta' atturi oħra tas-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-kontenut, tal-proċeduri u tal-metodi tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt soċjali”

(2007/C 175/06)

F'ittra bid-data tad-19 ta' Settembru 2006, l-Eċċellenza Tiegħu s-Sur Wilhelm Schönfelder, Ambaxxatur straordinarju u plenipotenzarju, rappreżentant permanenti tal-Ġermanja fi ħdan l-UE, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f'isem il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill, sabiex iħejji opinjoni dwar Standards ta' kwalità li għandhom jiġu rispettati, min-naħa ta' l-imsieħba soċjali u ta' atturi oħra tas-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-kontenut, tal-proċeduri u tal-metodi tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt soċjali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Mejju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Retureau.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tal-31 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'102 voti favur, 3 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

It-talba tal-Presidenza Ġermaniża għal opinjoni esploratorja dwar Standards ta' kwalità li għandhom jiġu rispettati, min-naħa ta' l-imsieħba soċjali u ta' atturi oħra tas-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-kontenut, tal-proċeduri u tal-metodi tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt soċjali turi r-rieda tal-Gvern Ġermaniż sabiex jiffoka fuq regolamentazzjoni aħjar b'kooperazzjoni mal-Presidenzi Portugiżi u Sloveni u bħala segwitu għad-Dikjarazzjoni tas-Sitt Presidenzi ta' l-2004. Għalhekk, “ir-rikors konsegwenti għall-[valutazzjonijiet] ta' l-impatt (1) għall-proġetti ġodda kollha ser ikun element prinċipali tal-pjan ta' azzjoni Ġermaniż, sabiex (…) jiġu kkunsidrati r-riperkussjonijiet soċjali (…) tal-proċess leġiżlattiv” (2). “Valutazzjoni ta' impatt tista' tiġi definita sempliċement bħala metodu li jidentifika l-effetti probabbli jew attwali ta' intervenzjoni. L-għan tagħha huwa li ttejjeb il-bażi ta' l-informazzjoni li fuqha jittieħdu d-deċiżjonijiet u, b'hekk, tittejjeb il-kwalità tat-teħid ta' deċiżjonijiet” (3).

2.   Osservazzjonijiet ġenerali

Mill-konferenza dwar aktar żvilupp tal-valutazzjonijiet ta' impatt fl-Unjoni Ewropea, organizzata mill-Kumissjoni Ewropea nhar l-20 ta' Marzu 2006 fi Brussel, ħareġ li jeżisti kunsens wiesa' li jafferma li s-sistemi ta' valutazzjonijiet ta' l-impatt tal-Kummissjoni Ewropea huma msejsa fuq prinċipji solidi u, barra minn hekk, li dawn l-analiżijiet iridu jiddeterminaw l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali (4). Il-valutazzjonijiet ta' impatt ġew introdotti, qabel kollox, fil-kuntest tat-titjib mill-aktar livell baxx tal-qafas regolamentarju ta' l-Unjoni Ewropea. Li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni soċjali jew il-konsegwenzi tal-leġislazzjoni Komunitarja huma essenzjali sabiex tiġi rispettata l-Aġenda Soċjali. Iċ-ċittadini Ewropej jistennew li l-Ewropa tkun soċjali jew li s-suq uniku jkun soċjalment kompatibbli, u jesprimu b'diversi modi x-xewqa tagħhom li jagħmlu parti mill-proċess li jrid iqarribhom lejn l-UE.

2.1   Inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea bl-għan li timplimenta l-valutazzjonijiet ta' l-impatt — retrospettiva qasira

L-inizjattiva li l-Kummissjoni Ewropea ħadet fl-2003 sabiex timplimenta proċedura ta' valutazzjoni ta' l-impatt għall-proposti prinċipali kollha, fi kliem ieħor dawk ippreżentati fl-istrateġija politika annwali jew fil-programm tagħha ta' ħidma, hija msejsa fuq il-fatt li dawn il-proposti jistgħu jagħmlu parti minn valutazzjoni ta' l-impatt “peress li għandhom impatt potenzjalment ekonomiku, soċjali u/jew ambjentali u/jew li l-implimentazzjoni tagħhom teħtieġ forma jew oħra ta' miżura ta' regolamentazzjoni” (5). Din l-inizjattiva tnediet bl-għan li l-valutazzjonijiet ta' impatt jiġu progressivament integrati fil-proċess leġislattiv wara l-2005 (6).

Wara l-2003, intqalu ħafna affarijiet dwar il-valutazzjonijiet ta' l-impatt b'mod ġenerali, iżda ftit dwar l-aspetti soċjali ta' dawn il-valutazzjonijiet b'mod partikolari.

2.2   Aspetti soċjali tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt — analiżi qasira tal-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea

2.2.1

B'kull loġika, id-Direttorati Ġenerali “Edukazzjoni u Kultura” u “Impjieg, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs” jinkludu aspetti soċjali fil-valutazzjonijiet tagħhom ta' impatt. Barra minn hekk, il-“prinċipju ta' l-analiżi proporzjonali” (7) tikkawża varjazzjoni fil-grad ta' intergrazzjoni ta' l-elementi soċjali f'oqsma oħrajn. Din tqajjem il-mistoqsija dwar jekk l-aspetti soċjali (inkluż il-punti relatati ma' l-Aġenda Soċjali Ewropea) għandhomx jitqiesu bħala l-punt kruċjali (bottom line), fi kliem ieħor anke għall-proposti li mhumiex relatati mal-kwistjonijiet soċjali jew li r-riperkussjonijiet soċjali probabbilment ser ikunu limitati. Minn lat empiriku, l-istudju li sar mill-Istituto per la ricerca sociale (ara n-nota 4 f'qiegħ il-paġna ) juri li “l-valutazzjonijiet ta' l-impatt li ma jikkunsidrawx l-aspetti soċjali għandhom tendenza li jikkonċentraw fuq is-settur ekonomiku. Hawnhekk, terz tal-valutazzjonijiet ta' impatt ma jinkludix l-aspetti soċjali jew jinkludihom b'mod marġinali” (8).

2.2.2

Ovvjament, “meta r-rilevanza soċjali tal-miżura hija evidenti minnha nnifisha (…), l-aspetti soċjali jitqiesu b'mod wiesa' u jiġu żviluppati kompletament fit-totalità tad-dokument tal-valutazzjoni ta' l-impatt” (9). Hemmhekk “il-mistoqsija ta' l-impjieg toħroġ b'mod ċar bħala l-konsegwenza soċjali l-aktar rikorrenti u l-aktar enfasizzata” (10).

2.2.3

Skond l-Istituto per la ricerca sociale,“il-grad sa liema jiġu kkunsidrati l-elementi soċjali m'hux neċessarjament ‘proporzjonali’ (…) għall-kontenut u għall-impatt eventwali tiegħu. (…) Sikwit ħafna, dawn l-impatti huma deskritti biss b'mod ġenerali (…)” u “huma bbażati fuq (…) ipoteżi komuni (…). Dawn ir-relazzjonijiet rarament jiġu diskussi meta jitqies il-kontenut speċifiku tal-miżura, il-popolazzjoni mmirata u ż-żoni territorjali kkonċernati, l-għażla speċifika ta' l-istrumenti politiċi u l-effett tal-proċess ta' l-implimentazzjoni” (11). L-istudju mwettaq minn dan l-istitut jiddikjara wkoll li “diversi valutazzjonijiet ta' l-impatt ma pprevedu l-ebda korrelazzjoni ma' oqsma oħra ta' azzjoni jew politiki Komunitarji”. L-analiżijiet ta' impatt jirrappreżentaw kompitu importanti, iżda dawn ma jridux ikunu ta' ħsara jew superfiċjali, inkella d-dgħjufijiet tagħhom jikkompromettu l-valur tal-leġislazzjoni.

2.3   Ir-rwol ta' l-atturi kkonċernati fil-valutazzjonijiet ta' l-impatt

2.3.1

L-evalwazzjoni ta' l-impatt ta' proposta leġislattiva ma tikkonsistix biss fl-immarkar tal-kaxxi. Din trid tiġi kkontrollata, idealment permezz ta' jew f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-utenti tal-liġi, b'mod partikolari dawk li ser ikunu l-aktar ikkonċernati direttament. Peress li d-dimensjoni soċjali hija waħda mit-tliet kriterji ta' evalwazzjoni għall-politiki ta' l-UE, hemm bżonn li tiġi organizzata proċedura standard — kemm trasparenti kif ukoll sempliċi — għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet immirati fil-kuntest tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt. Għal dan il-għan jistgħu jissemmew xi alternattivi:

konsultazzjoni permezz ta' l-internet: konsultazzjoni onlajn fuq skala wiesgħa mhux adegwata għal proposti ġuridiċi speċifiċi li jirrappreżentaw konsegwenzi soċjali. Konsultazzjoni onlajn trid tkun limitata għall-atturi involuti direttament. Konsultazzjoni mmirata tesiġi netwerking tematiku (komunitajiet virtwali għall-valutazzjonijiet tematiċi ta' l-impatt?) u minimu ta' struttura u ta' koordinazzjoni — u kontroll;

konsultazzjoni permezz ta' forums tal-partijiet interessati: minħabba nuqqas ta' ħin, din l-alternattiva tista' ma toffrix il-livell ta' preċiżjoni neċessarja;

konsultazzjoni tal-pjattaformi konsultattivi uffiċjali: din l-alternattiva tqajjem il-mistoqsija ta' l-involviment ta' korpi bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fil-proċess tal-valutazzjoni ta' l-impatt soċjali (din ir-rimarka tgħodd ukoll għall-valutazzjonijiet ta' impatt fil-qasam ta' l-iżvilupp sostenibbli). Skond id-definizzjoni, dawn il-korpi ġew stabbiliti sabiex jintroduċu l-pluraliżmu bejn l-interessi u l-korrelazzjoni bejn il-politiki;

konsultazzjoni mmirata tal-partijiet interessati: din l-alternattiva hija rrakkomandata għal ċertu numru ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.   Konsiderazzjonijiet metodoloġiċi bażiċi

3.1

Għandhom jitqajmu numru ta' mistoqsijiet sabiex tiġi ddeterminata liema metodoloġija tista' tkun irrakkomandata:

X'inhu l-istat tas-sitwazzjoni, fi kliem ieħor, x'kisbet il-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta' integrazzjoni ta' l-aspetti soċjali fil-valutazzjonijiet tagħha ta' l-impatt?

Valutazzjoni ta' l-impatt soċjali ta' abbozz hija applikabbli għall-proposti leġislattivi kollha jew kull abbozz jeħtieġ valutazzjoni ad hoc?

X'inhu r-rwol tal-partijiet interessati? Kif jistgħu dawn jiġu assoċjati aħjar għall-proċess?

X'jista' jkun ir-rwol tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bħala assemblea ta' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata u bħala hub idealment sitwat fuq il-pjan strateġiku għall-kuntatti u għan-netwerking?

Sa liema punt il-Kummissjoni kkunsidrat il-kontribuzzjonijiet ta' l-imsieħba soċjali u ta' l-NGOs prinċipali fil-valutazzjonijiet ta' impatt soċjali tal-proposti tagħha? Kif jistgħu dawn jiġu assoċjati l-aħjar?

M'għandux jiġi maħsub kodiċi ta' kondotta aktar preċiż minn dak li attwalment qiegħed jintuża mill-Kummissjoni jew regoli ta' etika għat-twettiq ta' dawn l-evalwazzjonijiet ta' impatt soċjali?

Liema huma l-modalitajiet ta' twettiq tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt soċjali (twettiq internament jew esternament permezz ta' appalti u, f'dan l-aħħar każ, skond liema kriterji?)

4.   Konsiderazzjonijiet interni

4.1

Fid-dawl tal-komplessità u l-importanza ta' l-evalwazzjonijiet tal-konsegwenzi soċjali tal-proposti leġislattivi, l-atturi kollha kkonċernati, fi kliem ieħor l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għandhom jirriflettu fuq il-mistoqsijiet segwenti ta' metodoloġija:

Kif għandhom ikunu l-forma u l-iskop ta' dan l-istudju?

Dan l-istudju jkopri firxa wiesgħa ta' suġġetti (per eżempju, “Leġislazzjoni Aħjar”, il-Green Paper dwar il-kondizzjonijiet matrimonjali, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku) jew għandu jikkonċentra aktar fuq temi b'kontenut soċjali evidenti (per eżempju, is-servizzi tal-portijiet, is-sigurtà marittima, il-Green Paper dwar il-modernizzazzjoni tal-liġi tax-xogħol)?

X'inhuma l-implikazzjonijiet f'termini ta' preparazzjoni tal-ħidma u tat-tħejjija?

Fid-dawl tal-bżonn ta' approċċ “xjentifiku” (it-titlu jsemmi “standards ta' kwalità”), hemm lok sabiex jiġu determinati standards impliċiti bbażati fuq każijiet u esperjenzi prattiċi jew fuq kollox jiġu żviluppati dawn l-istandards?

4.2

Seduta pubblika fil-Kumitat offriet lill-NGOs soċjali, lill-imsieħba soċjali u lill-atturi l-oħra tas-soċjetà ċivili organizzata kif ukoll lill-esperti opportunità sabiex jesprimu l-punt ta' ħsieb tagħhom, jiddiskutu l-abbozz ta' opinjoni sabiex jgħaddu messaġġi ċari lill-istituzzjonijiet Ewropej in ġenerali u lill-Kummissjoni Ewropea b'mod partikolari.

4.3

Fl-aħħar, fid-dawl tal-fatt li l-valutazzjonijiet ta' l-impatt soċjali huma element ta' importanza enormi fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-UE, il-Kumitat għandu joħroġ bi proposti fir-rigward tal-mod li għandhom isiru tibdiliet u kif għandhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu integrati bl-aħjar mod f'din il-proċedura.

5.   Indikaturi soċjali: konsiderazzjonijiet ġenerali u problemi metodoloġiċi

5.1

Hemm diversi sistemi ta' indikaturi soċjali fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, iżda hemm bżonn li jiġu vverifikati l-validità u l-adattabilità tagħhom għall-bżonnijiet speċifiċi ta' l-analiżi ta' impatt.

5.2

Indikaturi soċjali bdew jiġu żviluppati f'diversi pajjiżi matul l-aħħar tletin sena, sabiex jiġu evalwati l-opportunità u l-konsegwenzi tal-politiki ekonomiċi fir-rigward ta' data kwantitattiva bażika, bl-għan li l-iżvilupp soċjali “jitmexxa” b'mod parallel ma' l-iżvilupp ekonomiku u sabiex ikun hemm mezzi ta' evalwazzjoni tal-benesseri soċjali u ta' l-evoluzzjoni tiegħu.

5.3

B'riżultat, kien hemm tkabbir sinjifikanti fl-ammont ta' statistiċi soċjali disponibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-funzjonijiet prinċipali kollettivi: edukazzjoni, saħħa, protezzjoni soċjali, ambjent, djar, trasport, riċerka, qgħad, eċċ. Madankollu, jekk din id-data ma tiġix organizzata, imqassra u interpretata, ma twassalx awtomatikament għall-ħolqien ta' indikaturi soċjali.

5.4

Indikatur huwa “biss statistika li magħha titwaħħal importanza partikolari għall-għarfien, il-ġudizzju u/jew l-azzjoni” (12). Fil-perspettiva ta' l-analiżi ta' impatt, mhix biss kwistjoni ta' kompilazzjoni ta' l-istatistiċi soċjali skond il-pajjiż, minn diversi sorsi, iżda li din id-data tiġi strutturata sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni attwali fir-rigward ta' temi speċifiċi, magħżula skond il-bażi tar-rilevanza tagħhom għall-analiżi ta' l-impatt.

5.5

Huwa kważi possibbli li f'ċerti oqsma, hemm biss studji frammentati, sondaġġi skarsi, u għalhekk huwa impossibbli li ssir analiżi tal-bilanċ spejjeż/benefiċċji; per eżempju, diġà nafu li ċerti kategoriji ta' pestiċidi għandhom effetti dannużi fuq is-saħħa u li konċentrazzjonijiet li jaqbżu ċertu limitu jikkaġunaw mard serju. Deċiżjoni sabiex jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi kimiċi jkollha impatt pożittiv fuq is-saħħa tal-popolazzjoni ġenerali u tal-ħaddiema esposti għal dawn il-pestiċidi, anke jekk fil-qafas ta' studju ta' l-impatt proporzjonat mhux possibbli li tiġi pprovduta data eżatta dwar il-benefiċċji fuq il-perijodu fit-tul ta' din il-politika.

5.6

Madankollu huwa ċar li d-dimensjoni soċjali tas-“saħħa” tiġġustifika l-miżura proposta u ssaħħaħ b'mod konsiderevoli l-loġika ekonomika (per eżempju t-tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni għall-agrikoltura u t-tkabbir konsegwenti tal-kompetittività). Barra minn hekk, id-dritt fundamentali għal ambjent b'saħħtu jista' jintuża bħala sostenn għall-proposta.

5.7

Fil-prattika, madankollu hemm kwantità konsiderevoli ta' statistiċi soċjali disponibbli, li hija diversa skond it-tibdiliet attwali tad-dibattiti pubbliċi fid-diversi pajjiżi (per eżempju, kondizzjonijiet tax-xogħol, impjieg taż-żgħażagħ u ta' l-anzjani, impjieg tan-nisa, kriminalità, inugwaljanza fid-dħul finanzjarju, diskriminazzjoni fix-xogħol, rilokazzjonijiet); iżda ftit indikaturi nġibdu mill-massa ta' l-istatistiċi sa ftit taż-żmien ilu, fejn dawn l-indikaturi saru, fortunatament, ta' attwalità fil-kuntest il-ġdid soċjoekonomiku li ilna ngħixu fih għal dan l-aħħar għaxar snin, li jagħti valur lir-rwol ta' l-Istati fil-politika soċjali u lir-regolamentazzjoni fil-qasam ekonomiku.

5.8

Iżda dawn l-indikaturi soċjali mhux dejjem ikunu utli, jekk jibqgħu awtonomi, u jieħdu tifsira akbar jekk jiġu integrati f'kunċett usa', bħal dak ta' l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, jew ta' l-iżvilupp sostenibbli; is-sorsi tagħhom huma diversifikati; ma jiġux biss mill-gvern ċentrali iżda wkoll mill-NGOs, minn think tanks imħaddma mill-fondazzjonijiet prinċipali; il-preżentazzjoni ta' dawn l-indikaturi hija wkoll diversifikata ħafna, li tmur mill-għażla ta' l-istatistiċi għas-sondaġġi tematiċi, u t-tħejjija ta' data sabiex tifforma indikaturi tematiċi jew ġenerali.

5.9

Numru ta' korpi internazzjonali jippubblikaw indikaturi u statistiċi soċjali, u jipproċedu għal paraguni bejn l-Istati Membri tagħhom. Il-korpi prinċipali ta' rilevanza għall-pajjiżi ta' l-UE huma (fl-ebda ordni partikolari) l-OECD, l-UNDP, il-Kummissjoni Ewropea — b'mod partikolari l-Eurostat, l-UNESCO, il-Bank Dinji u l-ILO.

5.10

Din id-diversità anke tas-sorsi tqajjem il-problemi tal-kwalità ta' l-istatistiċi — mhux il-pajjiżi kollha għandhom Uffiċċji sofistikati ta' l-Istatistika, tal-paragun tagħhom, u ta' l-armonizzazzjoni tal-kunċetti; “l-għażla ta' indikaturi għall-kejl tal-konverġenza soċjali tal-pajjiżi ta' l-Unjoni tikkostitwixxi kwistjoni politika reali. L-indikaturi użati għall-paragun m'humiex newtrali: jirrifletti ordni ta' prijorità u, xi kultant fehim partikolari dwar liema tip ta' soċjetà hija mixtieqa, li tista' leġittimament tvarja minn pajjiż għall-ieħor. L-eżempju tal-qgħad juri li ċerti indikaturi jista' jkollhom effetti reali, eventwalment negattivi, fuq l-orjentazzjoni tal-politika (13). Minkejja dan, irid jingħad li attwalment l-iżvilupp ta' sistemi ta' indikaturi huwa f'idejn it-tekniċi” (14).

5.11

L-użu tal-PGD u tat-tkabbir bħala indikaturi ta' benesseri soċjali ġie partikolarment ikkritikat fl-UNDP (Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti), li żviluppa l-HDI (indikatur ta' l-iżvilupp uman) tiegħu, notevolment taħt l-impetus tal-ħidmiet ta' Amartya Sen fuq il-faqar, il-ġuħ, id-demokrazija u l-kritika ta' l-indikaturi kwantitattivi purament ekonomiċi, ħidmiet li wasslu għall-Premju Nobel fl-Ekonomija.

5.12

Data dwar l-aċċess għall-ilma tax-xorb, il-livell ta' qari u kitba ta' l-irġiel u tan-nisa, is-sistema tas-saħħa u r-riżultati ta' kampanji kontra l-pandemiji, il-parteċipazzjoni fil-proċess demokratiku, it-tul tal-ħajja skond is-sessi, l-imwiet relatati maż-żmien qabel jew wara t-twelid u l-imwiet tat-trabi, eċċ, huma kollha rilevanti għall-evalwazzjoni tal-livell ta' benesseri f'soċjetà, kif ukoll tas-sitwazzjoni ambjentali. Din id-data madankollu mhijiex direttament korrelata mal-PGD.

5.13

Għalhekk, l-ewwel indikaturi komposti HDI ta' l-UNDP pprovokaw dibattiti u kontroversji wiesa', peress li l-pajjiżi “sinjuri” xi kultant kienu 'l bogħod mill-ewwel livell ta' klassifika ta' “hena nazzjonali gross” (gross national happiness). Iżda dan l-indikatur sar l-aktar alternattiva aċċettata għall-indikaturi purament ekonomiċi, minħabba s-solidità tiegħu (edukazzjoni, snin ta' ħajja, dħul finanzjarju aġġustat sabiex jikkunsidra l-faqar).

5.14

L-istatistiċi soċjali jikkostitwixxu l-komplement integrali ta' l-istatistiċi ekonomiċi, u l-importanza għall-opinjoni pubblika għall-kwistjonijiet soċjali prinċipali tagħtihom importanza politika li trid tiġi b'mod urġenti kkunsidrata mill-gvernijiet.

5.15

Fost l-ostakoli għal din il-kunsiderazzjoni, apparti l-preġudizzji ekonomistiċi jew l-approċċ finanzjarju fuq perijodu fil-qosor jew medju, għandhom jiġu enfasizzati, b'imparzjalità, id-diversità tal-kwistjonijiet soċjali u d-diffikultà li jintrabtu u jiġu kwantifikati bl-għan li jiġu integrati fl-orjentazzjonijiet ta' politika ekonomika.

5.16

B'mod intuittiv, nistgħu naslu għall-istess konklużjonijiet għall-istabbiliment ta' indikaturi ambjentali li għandhom l-għan li jerġgħu jintegraw il-fatturi esterni fit-tkabbir ekonomiku; ultimament, mudell ta' tkabbir marbut mad-deforestazzjoni ta' foresti primarji għandu jiġi rrifjutat jekk il-valutazzjoni ta' impatt jintegra l-fatturi kollha soċjali u ambjentali li, u dan nafuh diġà, għandom iktar vantaġġi mill-fatturi ekonomiċi u monetarji. Iżda huwa tassew diffiċli li titpoġġa figura monetarja fuq il-fatturi esterni: tibdil klimatiku, telf tad-diversità bijoloġika, destin tal-persuni li jgħixu mill-ġbir jew mill-użu tal-pjanti mediċinali, eżawriment rapidu tal-ħamrija u t-tgħawwir tal-ħamrija riżultat ta' dan. Verifika finanzjarja fuq il-perijodu fil-qosor tista' tkun fil-biċċa l-kbira pożittiva, waqt li fuq perijodu fit-tul, bl-integrazzjoni mill-ġdid tal-fatturi esterni, ser tkun estremament negattiva, mhux biss għar-reġjun jew għall-pajjiż ikkonċernat, iżda wkoll għall-pjaneta kollha.

5.17

L-analiżi relatata mal-bilanċ spejjeż/benefiċċji li hija l-bażi ta' diversi evalwazzjonijiet ta' l-“aħjar leġislazzjoni” u li hija ppratikata fil-valutazzjonijiet ta' l-impatt komunitarji turi limiti objettivi fir-rigward tad-dimensjonijiet soċjali u ambjentali ta' l-impatt (15). Minkejja indikatur rilevanti (numru ta' impjiegi mitlufa, nuqqas ta' opportunitajiet għal impjegar mill-ġdid) jista' jintuża għall-valutazzjoni ta' l-impatt soċjali, dan l-impatt innifsu mhux neċessarjament fattur determinanti fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi. Sikwit jinkludi elementi impossibbli li jiġu kwantifikati, partikolarment meta l-valutazzjonijiet ta' l-impatt jistabbilixxu verifika f'termini monetarji fuq perijodu fil-qosor, jew l-aktar l-aktar, fuq perijodu medju; is-sitwazzjoni fuq perijodu fit-tul hija ħafna aktar diffiċli li tinftiehem, u kif jista' jiġi evalwat aspett bħall-benefiċċji ekonomiċi mistennija min-nuqqas ta' mortalità marbuta mat-tniġġis tal-karburanti fil-baħar? (16).

5.18

Fl-aħħar, id-dibattitu soċjali juża kunċetti li xi daqqiet m'humiex imfissra tajjeb; indikatur relatat mal-flessigurtà, per eżempju, jiġi fformulat b'mod differenti skond il-pajjiżi, jew skond jekk dan hux ibbażat fuq esperjenza eżistenti jew fuq xewqa li l-kunċetti jiġu diskussi fil-livell Ewropew (17) jew nazzjonali b'referenza għall-“mudelli” nazzjonali żviluppati f'kuntest partikolari u li diffiċli li jitqiegħdu f'realtajiet soċjali oħrajn; liema huma l-elementi li għandhom jitqiesu u fuq kollox, liema valur, pożittiv jew negattiv, għandu jiġi attribwit lilhom? “L-inklużjoni jew l-esklużjoni ta' ċerti indikaturi tista' turi valuri u ideoloġiji impliċiti” (18). U l-problema tikber aktar fil-kostruzzjoni ta' indikaturi komposti: liema indikaturi għandhom jiġu inklużi, liema ko-effiċjent għandu jiġi attribwit lilhom, x'inhi t-tifsira attwali ta' l-indikatur kompost miksub?

5.19

Madankollu, l-indikaturi komposti jistgħu jintegraw kemm id-dimensjonijiet kwantitattivi kif ukoll dawk kwalitattivi, jiġu diviżi skond l-età, is-sess u kriterji oħrajn sinjifikattivi, iżda jridu jibqgħu jinftehmu faċilment; per eżempju, kif jista' jitħejja indikatur għall-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa? Nistgħu ninkludu aspetti bħad-dħul finanzjarju, it-tul tal-ħajja, il-perċezzjonijiet ta' l-effiċjenza tas-sistema tas-saħħa, il-pensjonijiet ta' l-irtirar, il-livell medju ta' edukazzjoni, il-perċezzjoni tas-sodisfazzjon fix-xogħol, eċċ. Iżda għaliex ma ninkludux ukoll ir-rata ta' qgħad, ta' l-użu insuffiċjenti tal-ħaddiema, jew il-kondizzjonijiet ta' akkomodazzjoni. U x'piż għandu jingħata lil kull fattur?

5.20

Nistgħu naraw li din il-kostruzzjoni mhix kwistjoni purament teknika, tirreferi għal sistema ta' valuri f'użu konġunt jew tradizzjonijiet li għadhom ħajjin f'soċjetà, teħtieġ konsultazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet soċjali u fl-aħħar tirrifletti għażla ideoloġika u politika. Attwalment, “ftit mill-approċċi dwar l-indikaturi soċjali realment jinkludu objettivi tas-soċjetà, li jirriflettu l-valuri u n-normi soċjali… Element kruċjali ta' (…) l-approċċ huwa l-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni, bl-għajnuna ta' konsultazzjonijiet u ta' kunsens, ta' limiti (…) f'diversi oqsma soċjali; id-data u r-riżultati, kif ukoll ir-rabtiet bejniethom, huma wkoll determinati f'dan il-proċess (…). Fi kliem ieħor, sabiex l-indikaturi soċjali jistgħu jkunu inspiraturi tal-politiki, il-proċess irid ikun parti mill-prodott.” (EKOS Inc. Associates 1998).

5.21

Tqum ukoll il-kwistjoni ta' l-għażla tas-suġġett għall-analiżijiet statistiċi; iridu jitqiesu l-individwi, il-komunitajiet jew l-unità ekonomika u soċjali minima li tikkostitwixxi dar (household). Hemm il-kwistjoni tal-ġbir ta' data dwar gruppi etniċi partikolari, li tqajjem problemi fir-rigward tal-ħtieġa għal nuqqas ta' diskriminazzjoni, iżda li tkun utli li tiġi ppreċiżata n-natura u l-iskala tad-diskriminazzjonijiet sabiex jiġu proposti politiki sabiex dawn jonqsu u jinqerdu għal perijodu fit-tul.

5.22

L-għażla ta' l-istatistiċi u l-kostruzzjoni ta' indikaturi jistgħu jseħħu bl-għan li tiġi evalwata politika diġà fis-seħħ, jew bl-għan li jiġu eżaminati d-diversi possibbiltajiet disponibbli fi stadju bikri; mingħajr dubju hemm bżonn ta' firxa wiesgħa ta' data statistika sabiex tkun tista' tiġi determinata politika (skopijiet u mezzi sabiex tinkiseb), li imbagħad tista' titnaqqas, hekk kif jiġu identifikati l-aktar statistiċi u indikaturi rilevanti; dawn l-għażliet madankollu huma strettament marbut ma' kwistjonijiet empiriċi: mhix xjenza eżatta u l-istess data statistika, li tinkludi kemm data ekonomika kif ukoll data mhux ekonomika, tista' twassal għal interpretazzjonijiet differenti.

5.23

Bħala eżempju, għal kull wieħed mill-indikaturi soċjali użati f'“Panorama tas-Soċjetà, 2005” (ara l-biblijografija qasira), l-OECD ġabret data mhux analizzata dwar:

indikaturi ta' kuntest ġenerali: dħul nazzjonali per capita, proporzjoni tad-dipendenza demografika, rata tal-fertilità, barranin u popolazzjonijiet imwielda barra l-pajjiż, żwieġ u divorzji;

indikaturi awtonomi: impjieg, qgħad, djar mingħajr impjieg, ommijiet li jaħdmu, benefiċċji tal-qgħad, benefiċċji minimi, livell ta' taħriġ, età ta' rtirar, inattività taż-żgħażagħ, studenti b'diżabilitajiet;

indikaturi ta' ekwità: faqar, inugwaljanzi fid-dħul finanzjarju, faqar fost it-tfal, dħul finanzjarju ta' persuni anzjani, infiq soċjali pubbliku, infiq soċjali privat, infiq soċjali totali, pensjoni tax-xjuħija, wegħda ta' pensjoni;

indikaturi ta' saħħa: snin ta' ħajja, snin ta' ħajja b'aġġustament fis-saħħa, imwiet tat-trabi, infiq totali fil-kura tas-saħħa, kura fuq perijodu fit-tul;

indikaturi ta' koeżjoni soċjali: benesseri suġġettiv, iżolament soċjali, sħubija fi grupp; twelid lill-adoloxxenti; użu ta' drogi u mwiet relatat, suwiċidji.

5.24

Min-naħa tiegħu, il-Eurostat juża l-indikaturi soċjali segwenti:

indikaturi strutturali:

impjieg: rata ta' impjieg, rata ta' impjieg tal-ħaddiema kbar fl-età, età medja tal-ħruġ mis-suq tax-xogħol, diskrepanza fis-salarju bejn is-sessi, rata fiskali fuq il-ħaddiema b'pagi baxxi, piż fiskali fuq l-ispiża tal-forza tax-xogħol, nassa tal-qgħad, nassa tas-salarju baxx, taħriġ permanenti, inċidenti fuq il-post tax-xogħol (serji u mortali), rata tal-qgħad (totali jew skond is-sessi);

koeżjoni soċjali: inugwaljanza tad-distribuzzjoni fid-dħul finanzjarju, rata ta' riskju ta' faqar, rata ta' riskju ta' persistenza tal-faqar, tixrid tar-rata ta' impjieg reġjonali, żgħażagħ li telqu qabel mill-iskola, rati ta' qgħad fuq perijodu fit-tul, popolazzjoni fi djar mingħajr impjieg;

żvilupp sostenibbli:

faqar u esklużjoni soċjali: rata ta' riskju ta' faqar wara benefiċċji soċjali, faqar monetarju, aċċess għas-suq tax-xogħol, aspetti oħrajn ta' l-esklużjoni soċjali,

tixjiħ tas-soċjetà, rata tad-dipendenza tal-persuni anzjani, suffiċjenza tal-pensjonijiet, tibdil demografiku, stabilità tal-finanzi pubbliċi;

saħħa pubblika: numru ta' snin b'saħħithom mit-twelid skond is-sess, protezzjoni tas-saħħa umana u ta' l-istili ta' ħajja, sigurtà u kwalità ta' l-ikel, ġestjoni tal-prodotti kimiċi, riskji għas-saħħa minħabba kondizzjonijiet ambjentali;

suq tax-xogħol:

qgħad armonizzat,

indiċi ta' l-ispiża tal-forza tax-xogħol.

5.25

B'liema miżura tista' din il-lista (mhux kompluta) ta' eżempji ta' indikaturi tkun integrata b'mod effiċjenti fl-objettivi ġenerali tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni f'Marzu 2006:

promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd b'sistemi ta' protezzjoni soċjali u ta' politiki ta' inklużjoni soċjali adegwati, aċċessibbli, finanzjarjament vijabbli, adattabli u effettivi;

interazzjoni b'mod effiċjenti u reċiproku ma' l-objettivi ta' Lisbona bl-għan li jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku, jittejbu l-kwalità u l-kwantità ta' l-impjiegi u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, kif ukoll ma' l-istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea favur l-iżvilupp sostenibbli;

titjib tal-gvernanza, tat-trasparenza u tal-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati għat-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika.

5.26

Barra minn hekk, il-kunċetti u l-metodi użati għal ċerti indikaturi jridu jkunu aktar preċiżi. Fil-każ ta' per eżempju l-faqar, il-Kunsill Franċiż għall-Impjieg, Dħul u Inklużjoni Soċjali (Conseil de l'emploi, des revenus et de la cohésion sociale — CERC) (19) jenfasizza l-“multidimensjonalità” tal-kunċett.

5.26.1

Għalhekk, il-faqar jinkludi diversi dimensjonijiet: nuqqas ta' riżorsi monetarji, kondizzjonijiet ħżiena ta' għejxien, nuqqas ta' riżorsi konoxxittivi, soċjali u kulturali. Għal kull waħda minn dawn id-dimensjonijiet ġew adottati żewġ approċċi sabiex jiġu determinati s-sitwazzjonijiet ta' faqar:

l-ewwel tikkonsisti fid-definizzjoni tal-mod “assolut” tal-bżonnijiet minimi. Il-persuni li l-bżonnijiet minimi tagħhom ma jintlaħqux huma definiti bħala fqar;

it-tieni approċċ jiddefinixxi l-faqar b'mod relattiv. Dan l-approċċ ġie adottat mill-Kunsill Ewropew fl-1984 meta ta definizzjoni lill-faqar għall-ħidmiet ta' statistika li saru fl-Unjoni Ewropea. Huma fqar dawk il-persuni li għandhom nuqqas fid-dħul finanzjarju u r-riżorsi tagħhom (materjali, kulturali u soċjali) u dan iżommhom milli jgawdu minn kondizzjonijiet ta' għixien li huma kkunsidrati bħala aċċettabli fl-Istat Membru li jgħixu fih.

5.27

F'sommarju u f'konklużjoni, l-indikaturi soċjali għandhom l-għan li jiġbdu l-attenzjoni ta' l-opinjoni pubblika u ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet lejn kwistjonijiet soċjali li għandhom riskju li jkunu sotto-valutati jew mifhuma b'mod ħażin. Li l-attenzjoni ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tkun fuq il-punti l-aktar prinċipali hija partikolarment importanti peress li dawn ġeneralment iħabbtu wiċċhom ma' ħafna informazzjoni. Herbet Simon poġġiha tajjeb meta qal li ħafna informazzjoni toqtol l-informazzjoni.

5.27.1

Minn punt ta' ħsieb funzjonali, l-iskop ta' sistema ta' indikaturi huwa li tinkiseb “aggregazzjoni ottimali ta' l-informazzjoni”.

5.28

Indikatur huwa aktar minn statistika:

Sistema ta' indikaturi mhijiex sempliċement ġabra ta' informazzjoni. Għandha ċertu numru ta' konsegwenzi:

1)

Kull indikatur individwali jrid jkun jista' jiġi ġustifikat permezz ta' referenza għal analiżi tal-fenomeni kumplessi li suppost iqassar.

2)

B'mod simili, l-indikaturi jrid ikollhom kwalitajiet “espressivi”, fi kliem ieħor, ikollhom poter b'saħħtu ta' rappreżentazzjoni u jqanqal ir-realtà. Xi wħud jirreferu f'dan ir-rigward għall-valur “metaforiku” ta' l-indikaturi.

3)

B'konsiderazzjoni ta' l-iskop tagħhom (jiġbdu l-attenzjoni ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u ta' l-opinjoni pubblika fuq il-fatti u t-tendenzi l-aktar importanti, bl-għan li jinfluwenzaw lill-politiki), l-indikaturi l-aktar utli huma relatati ma' valuri li l-varjazzjoni tagħhom tista' tintlaqat b'valur (pożittiv jew negattiv) mhux ċar. Dan huwa dak li rridu nfissru b'“ċarezza normattiva”. Jista' jiġi pprovdut kontroeżempju biż-żjieda tax-xogħol part time, li ma jitqiesx unanimament bħala fenomenu pożittiv, ħlief jekk dan jintagħżel mill-ħaddiem stess. Dan il-kriterju ta' ċarezza jista' jwassal sabiex mit-tabelli ta' evalwazzjoni jitneħħew numru ta' indikaturi li jirrelataw b'mod anqas pertinenti għall-proġett tagħna, per eżempju dawk relatati ma' l-istili ta' ħajja jew mat-tendenzi kulturali (gosti relatati mal-ħwejjeġ jew mal-mużika, eċċ), minkejja li dawn ta' l-aħħar għandhom impatt fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol u ta' l-ekonomija.

4)

Minn punt ta' ħsieb prattiku, l-għażla ta' indikaturi għandha tiġi ġustifikata mill-funzjoni tagħhom. Huma, fil-fatt, ftit jew wisq adattati għat-tliet tipi segwenti ta' użu: paraguni internazzjonali jew inter-reġjonali, paraguni intertemporali, monitoraġġ u evalwazzjoni ta' l-azzjoni pubblika/ kwalità u prestazzjoni tas-servizzi pubbliċi.

5)

Fl-aħħar, l-indikaturi jridu jerġgħu jiġu gruppati f'kategoriji u sotto-kategoriji f'qafas strutturat li faċilment jinftiehem. Huwa partikolarment importanti li jkun hemm distinzjoni bejn il-kuntest, il-metodu u r-riżultati, l-indikaturi objettivi u l-indikaturi suġġettivi.

5.29

Fil-prattika, il-kwalitajiet ta' indikatur huma:

Ċarezza: indikatur huwa utli biss jekk ma jkunx hemm ambigwità dwar in-natura tal-fenomenu li jirrifletti (kontroeżempju klassiku: data dwar id-delitti u offiżi huma riflessjoni kemm tat-tendenzi tad-delinkwenza kif ukoll ta' l-attività tal-korp tal-pulizija).

Rappreżentattività: indikatur huwa partikolarment utli jekk jista' b'mod validu jqassar permezz ta' figura waħda firxa wiesgħa ta' fenomeni.

Ċarezza normattiva (ara hawn fuq).

Affidabilità, regolarità: l-informazzjoni neċessarja għall-indikatur trid tiġi pprovduta regolarment, permezz ta' sondaġġi affidabbli.

Komparabilità fiż-żmien u/jew fl-ispazju (bejn pajjiżi, reġjuni ...): il-komparabilità hija strettament marbuta maċ-ċarezza u ma' l-affidabilità.

5.30

Kwalitajiet ta' sistema ta' indikaturi:

Kompletezza: l-aspetti prinċipali tar-realtà li qiegħda tiġi osservata jridu jittieħdu f'konsiderazzjoni.

Bilanċ: in-numru u l-istatut ta' l-indikaturi ddedikati għal kull tema għandhom jirriflettu l-importanza relattiva tagħha. L-ebda aspett tar-realtà m'għandu jirċievi attenzjoni eċċessiva għad-detriment ta' l-oħrajn.

Selettività u/jew ġerarkija: l-indikaturi jridu jkunu ftit fin-numru jew irranġati b'mod ċar b'mod ġerarkiku.

6.

Il-KESE jsejjaħ sabiex l-evalwazzjoni ta' l-impatt soċjali ta' l-inizjattivi leġislattivi u politiki ta' l-UE tiġi integrata fl-oqsma kollha ta' politika. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni għandha tevalwa bir-reqqa l-impatt soċjali ta' l-inizjattivi kollha relatati mingħajr ma tinkwieta dwar id-DĠ responsabbli mill-inizjattiva. Dan huwa importanti jekk l-Ewropea verament trid toħloq “Ewropa soċjali” u trid tirbaħ l-appoġġ taċ-ċittadini. L-inizjattiva “leġislazzjoni aħjar” toffri l-pjattaforma adattata sabiex isir progress f'din id-direzzjoni.

6.1

Din l-evalwazzjoni għandha tanalizza individwalment il-gruppi speċifiċi li jistgħu jintlaqtu b'modi differenti mil-leġislazzjoni l-ġdida. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi żvantaġġjati bħan-nisa, il-persuni b'diżabilità jew il-minoritajiet etniċi. F'xi każi u skond is-suġġett ta' l-inizjattiva kkonċernata, jista' jkun neċessarju li jiġu analizzati individwalment sotto-gruppi speċifiċi, bħal, per eżempju, l-persuni għamja.

7.   Konklużjoni

7.1

Mis-seduta pubblika organizzata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew nhar it-28 ta' Marzu 2007 jirriżulta li huwa impossibbli li ssir enfasi fuq indikatur soċjali bbażat fuq kriterju uniku minħabba l-multidimensjonalità ta' ċerti kunċetti. Fil-fatt, l-istess natura tad-dibattitu soċjali tintroduċi kunċetti b'deskrizzjonijiet imfissra ħażin u li neċessarjament jinbidlu minn pajjiż għal ieħor, jew minn realtà soċjali għal oħra, mingħajr ma jintesa li l-inklużjoni jew l-esklużjoni ta' ċerti indikaturi tikxef valuri jew ideoloġiji ftit jew wisq espliċiti. Apparti minn hekk l-għażla ta' l-indikaturi għandha konnotazzjoni empirika li għandha, fil-prinċipju, topponi kull riġidità fil-mod ta' ħsieb.

7.2

Hija sitwazzjoni ta' min ifaħħarha u neċessarja, jekk mhux indispensabbli, li tinġibed l-attenzjoni ta' dawk li jiddeċiedu l-politiki fuq l-impatt soċjali ta' leġislazzjoni maħsuba, iżda titqajjem problema ta' metodoloġija minħabba li “ħafna informazzjoni toqtol l-informazzjoni”. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jaħseb li għandu jsir sforz partikolari fuq il-metodoloġija, li għad trid tiġi determinata.

7.3

Għalhekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jikkunsidra li f'dan l-istadju ta' riflessjoni, huwa fundamentali li tinġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, fost oħrajn, fuq il-kriterji ta' kwalità li indikatur għandu jissoddisfa, fi kliem ieħor:

ċarezza,

rappreżentattività,

ċarezza normattiva,

affidabilità u regolarità kif ukoll il-komparabilità fiż-żmien u/jew fl-ispazju, mingħajr ma jintesa l-fatt li l-kwalità ta' sistema ta' indikaturi tistrieħ fuq bżonn ta' kompletezza, bilanċ u selettività u/jew ġerarkija.

7.4

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jitlob ukoll lill-Kummissjoni sabiex il-valutazzjoni ta' l-impatt soċjali ta' l-inizjattivi leġislattivi u politiki ta' l-Unjoni Ewropea tkun integrata fil-politiki Komunitarji kollha, mingħajr ma jkun hemm dipendenza fuq liema Direttorat Ġenerali huwa responsabbli li jiddeċiedi jekk hemmx bżonn ta' analiżi ta' l-impatt soċjali. Dan huwa importanti jekk aħna verament nixtiequ noħolqu “Ewropa soċjali” u jkollna l-appoġġ taċ-ċittadini.

7.5

Il-Kumitat għandu jikkunsidra b'mod sħiħ li-pjan ta' rotta u l-analiżi ta' impatt fl-istess ħin tal-proposta leġislattiva fuq liema qiegħed iħejji l-opinjoni tiegħu; jkun utli li l-ħidmiet jiġu kkunsidrati mingħajr telf ta' żmien, wara l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni li takkompanja l-proposta leġislattiva.

7.6

Huwa importanti li jkun hemm evalwazzjoni regolari u eventalment korrezzjonijiet fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjonijiet kollha li kienu parti minn studju ta' impatt preliminari u li jiġu koinvolti l-imsieħba soċjali u jekk ikun il-każ l-NGOs interessati. Dan huwa neċessarju għall-verifika tal-validità ta' l-indikaturi użati u t-taħlita tagħhom fil-valutazzjoni ta' l-impatt soċjali u jinħarġu struzzjonijiet jew, jekk ikun hemm bżonn, jiġi stimulat il-leġislatur sabiex jistudja reviżjoni possibbli.

7.7

F'ċerti każijiet partikolari u ta' importanza estrema soċjali (liġi tax-xogħol, per eżempju), il-konsultazzjoni ta' l-imsieħba soċjali għandha tkun prevista għal stadju aktar bikri għat-tfittxija ta' l-indikaturi l-aktar adegwati sabiex issir analiżi ta' impatt l-aktar kompleta u objettiva possibbli.

7.8

L-inizjattiva “Leġislazzjoni Aħjar” hija bla dubju ta' xejn il-pjattaforma adattata sabiex isir progress f'din id-direzzjoni li tikkonsisti fil-proposta ta' leġislazzjoni neċessarja, effiċjenti, b'konsegwenzi prevedibbli u stabbli għad-destinatarji, involuti mill-qrib għall-proċess ta' analiżi u ta' verifika ta' impatt mill-korpi konsultattivi komunitarji (KESE u KtR) u, skond in-natura tal-leġislazzjoni, permezz ta' l-imsieħba soċjali u ta' l-NGOs kompetenti fil-qasam ikkunsidrat.

Brussell, 31 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Fil-qosor: VI.

(2)  “Ewropa — flimkien nirnexxu”, programm tal-Presidenża, mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju 2007, imħejji mill-Gvern Federali Ġermaniż (ara wkoll

http://www.eu2007.de).

(3)  Kwotazzjoni meħuda minn “European Governance Reform: The Role of Sustainability Impact Assessment” (“Riforma tal-Gvernanza Ewropea: Ir-Rwol tal-Valutazzjoni ta' l-Impatt tas-Sostenibbilità”), C. Kirkpatrick, S. Mosedale, Università ta' Manchester, 2002.

(4)  Il-Parlament jipproponi r-raba' pilastru tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt, dak tad-drittijiet fundamentali. Il-mistoqsija tibqa' bla risposta: distinzjoni tad-drittijiet fundamentali jew l-integrazzjoni tagħhom fi ħdan it-tliet pilastri proposti. Fi kwalunkwe każ, l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali għandu jiġi evalwat.

(5)  “The inclusion of social elements in Impact Assessment”, p. 13. Dokument maħruġ mill-Istituto per la ricerca sociale, Jannar 2006. Dan l-istitut ikkompila dokumenti tal-Kummissjoni (deċiżjonijiet, regolament, komunikazzjonijiet u direttivi) fuq perijodu ta' 3 snin — bejn l-2003 u l-2005.

(6)  F'Ġunju 2005, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dokument intitolat “Impact Assessment Guidelines”, bir-referenza SEC (2005)791. Ara wkoll

http://ec.europa.eu/enterprise/regulation/better_regulation/impact_assessment/docs/sec_2005_791_guidelines_annexes.pdf

(7)  Il-prinċipju ta' l-analiżi proporzjonali timplika li “il-grad ta' preċiżjoni jvarja skond l-effetti probabbli tal-proposta. Dan ifisser li l-profondità ta' l-analiżi ser tkun proporzjonali għall-importanza ta' l-inċidenti potenzjali.” COM(2002) 276.

(8)  “The inclusion of social elements in Impact Assessment”, p. 28.

(9)  Ibid, p. 30.

(10)  Ibid, p. 31.

(11)  Ibid, p. 77.

(12)  Bernard Perret, “Indicateurs sociaux, état des lieux et perspectives”, id-Dokumenti ta' Ħidma ta' CERC, Nru 2002/01,

www.cerc.gouv.fr . (verżjoni Franċiża biss).

(13)  Kif jikteb Jean-Baptiste de Foucault, f'‘La pertinence des indicateurs statistiques pour le pilotage des politiques sociales’ (L-importanza ta' l-indikaturi statistiċi sabiex jagħtu direzzjoni lill-politika soċjali) ta' Joelle Affichard, Institut Paris La Défense: ‘Dejjem jeżisti l-periklu li l-ġlieda kontra l-qgħad tinbidel fi ġlieda kontra ċ-ċifri tal-qgħad’.

(14)  Bernard Perret, “Indicateurs sociaux, état des lieux et perspectives”, id-Dokumenti ta' Ħidma ta' CERC, Nru 2002/01,

www.cerc.gouv.fr. (verżjoni Franċiża biss).

(15)  Per eżempju, il-valutazzjoni ta' l-impatt tar-riforma tal-KAP ta' l-OKS (l-organizzazzjoni komuni tas-suq) tal-banana juri li l-ekwivalenti ta' għexieren ta' eluf ta' impjiegi full time ser jintilfu b'mod irrimedjabbli fin-nuqqas ta' possibilitajiet alternattivi ta' impjieg fir-reġjuni ultraperiferiċi produtturi ta' l-UE fejn diġà hemm livell għoli ta' qgħad. Ittieħdet deċiżjoni li ssir riforma ta' l-OKS, fuq l-ordni tad-WTO, minkejja l-ispiża enormi soċjali.

(16)  Ara l-valutazzjoni ta' l-impatt fuq din it-tema li jipprova jagħti figura lill-valur monetarju tal-ħajjiet li jiġu salvati u tal-mard li jiġi evitat; valutazzjoni ta' l-impatt aktar riċenti (għall-abbozz tad-direttiva dwar il-pestiċidi) ma jagħmilx dan it-tentattiv.

(17)  Green Paper dwar l-Evoluzzjoni tal-Liġi tax-Xogħol.

(18)  Ekos Researc Associates Inc., “L-użu ta' indikaturi soċjali bħala strumenti ta' evalwazzjoni”, 1998 (rapport ippreparat għall-Gvern tal-Kanada).

(19)  http://www.cerc.gouv.fr


Top