Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004IE1203

    Abbozz ta' opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Tmexxija ekonomika aħjar fl-UE

    ĠU C 74, 23.3.2005, p. 23–31 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 74, 23.3.2005, p. 9–17 (MT)

    23.3.2005   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 74/9


    Abbozz ta' opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Tmexxija ekonomika aħjar fl-UE

    Fid-29 ta' Jannar 2004 il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, skond ir-Regola 29(2) tar-Regoli ta' Proċeduri, iddeċieda li jħejji Opinjoni dwar Tmexxija ekonomika aħjar fl-UE.

    Is-sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, li kienet responsabbli mit-tħejjija tax-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha fit-13 ta' Lulju 2004. Ir-rapporteur kien Is-Sur van Iersel.

    Fis-sessjoni plenarja Nru 411 (laqgħa tal-15 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adottat l-Opinjoni li ġejja b'130 vot favur, 3 kontra u 7 astensjonijiet.

    SOMMARJU

    L-Unjoni Ewropea dieħla f'fażi ġdida. L-2004 hija s-sena tas-sħubija ta' għaxar Stati Membri ġodda, ta' Kummissjoni ġdida, ta' Parlament Ewropew ġdid, u nittamaw ukoll is-sena tal-Kostituzzjoni. Matul din is-sena l-Analiżi ta' Nofs it-terminu ta' l-Istrateġija ta' Lisbona qed titħejja għall-2005. L-analiżi tal-Kummissjoni, inkluża dik li hemm fil-Linji ta' Gwida ta' Politika Ekonomika Wiesa', tiġbed l-attenzjoni fuq in-nuqqasijiet fil-proċess ta' integrazzjoni. Dawn in-nuqqasijiet ġejjin minn naħa mill-punti dgħajfa fil-qagħda ekonomika preżenti, iżda minn naħa oħra minn nuqqas ta' rieda ta' l-Istati Membri li jżommu sod ma' l-għanijiet u l-wegħdiet li dwarhom huma stess taw kelmthom. Huwa importanti ħafna li t-tkabbir ekonomiku jkun attivat u tingħata ħajja ġdida lill-Istrateġija ta' Lisbona. Din l-Opinjoni tiffoka fuq il-kontroll ta' dan il-kunċett strateġiku, li huwa essenzjali għall-kredibilità u l-effettività ta' l-Unjoni. Hemm ħtieġa urġenti għal qafas istituzzjonali li jispira fiduċja f'termini ta' tqassim xieraq tad-dmirijiet fi ħdan l-Unjoni – min hu responsabbli għal x'hiex, u meta? – u f'termini ta' twettiq fl-Istati Membri ta' għanijiet u direttivi li dwarhom iddeċidew il-Kunsill Ewropew u l-Kunsilli speċjalizzati. Hemm mudelli li kellhom suċċess għal Strateġija ta' Lisbona ta' 'stil ġdid': jinkludu l-Ewropa '92 u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. L-Opinjoni ssostni argumenti favur il-metodu tal-Komunità. Jeħtieġ metodu integrat fuq bażi ta' pjan li dwaru jkun sar ftehim minn qabel li jinkludi l-passi suċċessivi.

    1.   Daħla

    1.1

    L-Unjoni Ewropea qiegħda fi stadju kritiku. Għandha sfidi kbar: it-tkabbir, il-ħtieġa li tagħti stimoli pożittivi lit-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività, l-Abbozz ta' Kostituzzjoni u l-ħtieġa ta' tweġiba deċiżiva għall-fiduċja li dejjem qed tonqos fl-Unjoni. Dan ix-xogħol iebes jitlob politika effettiva, koerenti u t-twettiq xieraq tagħha. Fuq il-bażi tal-Linji ta' Gwida ta' Politika Ekonomika Wiesa' 2003-2005, il-KESE ħareġ żewġ opinjonijiet dwar is-suġġett matul is-sena li għaddiet (1).

    1.2

    Iżda, jeħtieġ li jkun hemm riflessjoni aktar fil-fond. Wieħed ma jistgħax jaħseb f'politika effettiva u integrazzjoni mingħajr qafas istituzzjonali ċar u effettiv li jiggarantixxi azzjoni supplementari għall-impenji Ewropej.

    1.3

    L-analiżi tal-Kummissjoni, imniżżla fil-Komunikazzjoni tal-21 ta' Jannar 2004 (2) u l-aġġornament 2004 tas-7 ta' April 2004 (3), tikkonferma t-tendenzi ta' l-2003. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha jiqbgħu xorta urġenti. Għal din ir-raġuni l-KESE jikkunsidra b'mod miftugħ f'din l-Opinjoni l-pre-kondizzjonijiet istituzzjonali u amministrattivi, i.e. tmexxija tajba. Il-kunċett ta' tmexxija (governance) huwa tema ċentrali għall-UE tal-25. (4)

    1.4

    It-tħassib tal-KESE huwa ta' ħafna oħrajn. Bħall-Kummissjoni, l-industrija u l-għaqdiet soċjali, presidenza wara oħra, – L-Irlanda u l-Olanda - jagħmlu enfasi kbira fuq l-azzjoni prattika u t-twettiq. Stqarrijiet solenni mingħajr azzjoni supplementari huma kontra-produċenti. It-twettiq huwa għan vitali (5).

    1.5

    Il-Linji ta' Gwida ta' Politika Ekonomika Wiesa' jevalwaw il-politika makro-ekonomika u dik ta' budget ta' l-Istati Membri, il-politika ta' impjieg u t-tendenzi tas-suq intern. B'hekk jipprovdu turija fil-prattika sew tar-responsabbiltajiet differenti ta' l-UE u l-livelli ta' politika nazzjonali sew tar-realtajiet diverġenti fl-Istati Membri.

    1.6

    It-tkabbir ekonomiku b'rata baxxa, u n-nuqqas ta' l-Istati Membri li josservaw l-ftehim li dwaru l-Kunsill Ewropew ikkommetta lilu nnifsu, wasslu għal din il-qagħda ġenerali:

    politika ta' budget: aktar tnaqqis gradwali fid-dixxiplina;

    dewmien fit-tisħiħ tal-qawwa kompetittiva permezz ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien;

    investiment nieqes fit-titjib tal-produttività, b'mod partikolari fl-ICT u fl-għarfien u l-istħarriġ;

    klima inċerta ta' investiment;

    ċaqliq ta' ċerti investimenti lejn reġjuni barra mill-Unjoni;

    pressjoni 'l isfel fuq l-impjieg;

    politika tas-suq tax-xogħol: nuqqas ta' riformi u adattament.

    1.7

    Sadattant, il-qagħda ekonomika fl-Ewropa tidher daqsxejn aktar pożittiva, iżda l-qawmien mill-ġdid għadu fraġli. It-tkabbir ekonomiku fl-Istati Uniti huwa ogħla. Fl-istess ħin iċ-Ċina u l-Indja, l-aktar, qed jiżviluppaw b'ħeffa ta' l-għaġeb li dejjem tiżdid.

    1.8

    Hemm globalizzazzjoni ta' kurrenti finanzjarji u investimenti, iżda fi ħdan il-globalizzazzjoni hemm differenzi sinifikanti soċjo-ekonomiċi u politiċi bejn ir-reġjuni dinjija. Id-dinja kollha hija l-qafas ta' referenza għall-Ewropa.

    1.9

    Din is-sena jeħtieġ li l-Kummissjoni u l-Kunsill jirriflettu fuq il-metodu u l-għodda:

    L-UE dieħla fi stadju kompletament ġdid: għaxar Stati Membri ġodda, PE ġdid, Kummissjoni ġdida, adattament bil-mod il-mod ta' l-apparat tal-Kummissjoni għall-kondizzjonijiet il-ġodda - dan kollu filwaqt li l-Kostituzzjoni għadha ma ġietx aċċettata.

    It-tkabbir huwa estensiv f'termini kwantitattivi, iżda l-Unjoni dieħla wkoll f'era ġdida f'termini kwalitattivi. Hi qiegħda ssir dejjem aktar varjata.

    L-iżviluppi fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi u d-diffikultajiet kontinwi fuq is-swieq finanzjarji iġagħlu lill-Istati Membri jersqu dejjem aktar lejn l-istess pożizzjonijiet ta' politika u lejn l-integrazzjoni effettiva.

    2.   Analizi għall-2004

    2.1

    Il-Linji ta' Gwida ta' Politika Ekonomika Wiesa' 2003-2005 huma maħsuba biex jinkiseb metodu integrali ta':

    politika makro-ekonomika, diretta lejn it-tkabbir u l-istabbiltà;

    tisħiħ tal-potenzjal ta' tkabbir fl-Ewropa permezz ta' riformi ekonomiċi;

    tisħiħ tan-natura sostenibbli ta' dan it-tkabbir.

    2.2

    Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għal ħafna snin ġab bażi soda u fiduċja fost l-Istati Membri. Tendenza ekonomika ta' diżappunt issa qiegħda tiekol minn taħt din id-dixxiplina miftiehma. Ir-regoli ta' proċedura huma ċari biżżejjed, iżda n-nuqqas ta' infurzar effettiv tal-ftehim jidher li hu problema. Madankollu, għadd kbir ta' Stati Membri sew ġewwa sew barra miz-zona ta' l-Ewro għadhom qed jagħmlu sforzi biex iżommu rendikont tad-dixxiplina ta' budget meħtieġa. L-Istati Membri Skandinavi kisbu suċċess b'mod partikolari f'dan ir-rigward.

    2.3

    Id-differenzi fil-fehmiet dwar il-proċeduri tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir wasslu biex il-Kummissjoni f'Novembru li għadda tibda proċeduri kontra l-Kunsill fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. (6) Hija tħoss li l-Kunsill ma rrispettax f'dan il-każ is-setgħat mgħotija lill-Kummissjoni. Differenza wiesa' ta' fehma bħal din ma twassalx għall-konsultazzjoni bejn is-soċji fil-Kunsill ta' l-Ecofin.

    2.4

    Il-Kummissjoni tinnota li l-gvernijiet m'għadx wisq aktar faddalhom fejn jimmanuvraw. Ħames Stati Membri biss jidhru li għandhom bilanċ ta' budget jew surplus fl-2003, filwaqt li l-oħrajn kellhom defiċit sostanzjali ta' budget li dejjem jiżdid. Jidher mir-rapport tal-Kummissjoni tas-7 ta' April, l-aġġornament ta' l-2004, li l-qagħda tal-budget f'għadd ta' Stati Membri marret sewwa għall-agħar, u ġabet livelli ogħla ta' dejn pubbliku. Dawn minn naħa tagħhom jeħtieġu miżuri biex jitnaqqas id-dejn bi ħsara għall-investiment biex tkattar it-tkabbir u x-xogħol.

    2.5

    Il-Kummissjoni tindirizza rakkomandazzjonijiet speċjali lil dawn l-Istati Membri. Minkejja tendenza ekonomika fuq medda qasira ta' żmien li tixxiebaħ, l-għanijiet ta' budget ta' l-Istati Membri jitbiegħdu ħafna minn xulxin. Dan iwassal għal firxa ta' rakkomandazzjonijiet.

    2.6

    Il-Kummissjoni ma jidhirx li għandha sett ta' għodda li bihom tista' tagħmel stima xierqa tal-kwalità tan-nefqa tal-gvern fl-Istati Membri. Huwa għalhekk diffiċli li tagħmlilhom test fuq il-qafas ta' budget miftiehem.

    2.7

    Ir-rapport annwali jeżamina s-sigurtà soċjali, is-suq tax-xogħol, is-suq intern u l-proċess ta' Lisbona. Fih medda ta' bosta għanijiet żgħar u kbar. Il-kisba ta' dawn l-għanijiet tiddependi minn naħa waħda biss fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Komunità. Ħafna aspetti ta' politika huma f'idejn l-Istati Membri. Barra minn hekk hemm suġġetti li fuqhom il-gvern ċentrali għandu biss influwenza marġinali, bħal pereżempju l-intensifikazzjoni ta' “l-għarfien”.

    2.8

    Is-setgħat tal-Komunità huma applikabbli l-aktar għas-suq intern. Fir-rigward tas-suq tax-xogħol, is-sigurtà soċjali, il-pensjonijiet, il-politika ta' budget, R&Ż, tassazzjoni u nfrastruttura, huma fil-biċċa l-kbira l-Istati Membri responsabbli, anki jekk f'xi każijiet isir trażżin minn “Brussel” dwar il-ħelsien tal-politika ta' l-Istati Membri. F'dawn il-każijiet, ukoll, il-Kummissjoni ta' sikwit tagħmel rakkomandazzjonijiet ta' gwida. Iżda, l-Istati Membri mhux kollha jsegwuhom bl-istess mod.

    2.9

    Is-swieq tax-xogħol jinkludu bosta taqsimiet, li bejnithom hemm moviment limitat ta' ħaddiema. Dan iwassal lill-Kummissjoni biex tosserva li, flimkien mal-ħolqien ta' miljuni ta' impjiegi ġodda f'dawn l-aħħar snin, hemm ukoll żieda kbira fil-qgħad. Għad hemm perċentwali baxxa ta' ħaddiema aktar kbar fl-età, u għad hemm tfixkil għan-nisa fuq is-suq tax-xogħol. In-nuqqas ta' attività għandha wkoll effetti negattivi li ma tistax taħrabhom fuq il-budgets nazzjonali.

    2.10

    Il-livell ta' impjieg fl-2005 huwa mbassar bħala 64.5 % għall-Unjoni kollha, iżda sa dan it-tant hemm differenzi ta' min iqishom bejn il-livelli fl-Istati Membri. L-impjieg jiżviluppa aħjar f'dawk il-pajjiżi li fihom l-imsieħba soċjali jaqblu dwar l-bżonn u l-metodu li jagħmlu s-suq u l-ħinijiet tax-xogħol aktar flessibbli. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-kisba ta' l-għan ta' impjieg ta' 70 % fl-2010 ser tiddependi b'mod kruċjali fuq it-twettiq ta' aktar riformi tas-suq tax-xogħol (7). Minn dan ġejja s-sejħa tagħha qawwija għat-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tat-Taskforce dwar l-Impjieg. (8)

    2.11

    Barra mit-tibdil fis-sigurtà soċjali, il-Kummissjoni tressaq argumenti favur aktar differenzjazzjoni fit-tiswir tal-pagi, aktar flessibbiltà fis-suq tax-xogħol filwaqt li jinżamm ħarsien xieraq tax-xogħol, u aktar mobilità. Bħala konsegwenza ta' tendenzi leġislattivi diverġenti u minħabba l-konsultazzjoni soċjo-ekonomika hemm differenzi ta' min iqishom bejn l-Istati Membri. Dan jidher, fost ħwejjeġ oħra, fl-għadd ta' sigħat li fil-fatt jinħadmu u fil-produttività. Dan jispjega parzjalment id-differenza fit-tkabbir bejn l-UE u l-Istati Uniti

    2.12

    Il-Kummissjoni tinnota li t-tendenza għal tkabbir aktar bil-mod ta' produttività fl-Ewropa mill-1995 'l hawn issoktat. Hawn ukoll hemm differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri. Fl-Ewropa, il-Finlandja, l-Isveżja u l-Irlanda qed iżommu l-pass ma' l-Istati Uniti. In-nuqqas ta' tkabbir tal-produttività ġej parzjalment mid-differenzi fl-introduzzjoni ta' l-ICT u t-tiġdid fl-industrija b'mod ġenerali. L-investiment ġdid biex tissaħħaħ il-produttività jidħol aktar bil-mod fl-Ewropa. Ta' dan hemm konsegwenzi b'mod partikolari fin-nuqqas ta' investiment fl-hekk imsejħa 'setturi ġodda ta' teknoloġija għolja'.

    2.13

    It-tendenzi demografiċi u l-popolazzjoni li dejjem issir aktar anzjana jġiebu aktar tħassib sew minħabba l-pressjoni fuq il-budgets sew minħabba l-effett fuq it-tkabbir tal-ġid. Xi pajjiżi bdew jagħmlu sforzi li jippromettu dwar ir-riforma tal-pensjonijiet, li fil-prattika jfisser żieda fl-età ta' intitolazzjoni għall-pensjoni.

    2.14

    Hemm nuqqas ta' kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi. Għadha teżisti l-protezzjoni nazzjonali. Is-suq intern għadu mhux komplut. Tressqu proposti ġodda fil-politika tal- kompetizzjoni. Ix-xogħol leġislattiv fis-settur tas-servizzi finanzjarji miexi sewwa: 36 mit-42 miżura ppjanati tħaddnu b'mod definittiv. Id-dispożizzjonijiet tat-taxxa dwar l-investiment privat qed jitjiebu wkoll.

    2.15

    It-traspożizzjoni tad-direttivi tal-Komunità fl-liġi nazzjonali qed issir dejjem aktar b'mod laxk. L-iskadenzi mhumiex jiġu rispettati u t-traspożizzjoni tad-direttivi f'liġi ta' sikwit takkwista kontenut nazzjonali. Dan jiġri, pereżempju, meta l-Istati Membri jagħmlu konċessjonijiet fi Brussel bil-ħsieb ta' kompromess fil-Kunsill, biex eventwalment wara jiddispjaċihom. Il-monitoraġġ ta' dan il-proċess qed isir dejjem iżjed iebes.

    2.16

    Mingħajr dubju hemm sinjali pożittivi fl-għarfien u l-innovazzjoni, iżda minħabba kapital ta' riskju mhux biżżejed, fir-R&D, drittijiet esklużivi u l-ICT ir-riżultati ma ntleħqux kif mistenni. Ħafna Stati Membri qegħdin il-bogħod ħafna mill-għan ta' nefqa ta' 3 % tal-PGD fuq ir-riċerka u l-iżvilupp kif kien miftiehem fis-Summit ta' Barċellona. L-iskandinavi donnhom kisbu l-aktar suċċess. Bil-ħsieb ta' l-għan tat-3 % kien hemm dispożizzjonijiet għal qsim ta' terz/żewġ terzi bejn il-gvern u l-privat. Jidher ċar li f'ħafna każijiet la l-gvern u lanqas il-privat ma jilħqu l-għan maħsub.

    2.17

    Anki fi żmien ta' staġnar ekonomiku, is-sostenibilità ta' l-ekonomija għadha teħtieġ daqstant attenzjoni u leġislazzjoni speċifika. Hemm ħafna aspetti ta' sostenibilità, kif jidher mis-settur ta' l-enerġija. Il-Kummissjoni bir-raġun tenfasizza l-aspetti ambjentali, u hawnhekk għandha tissemma għaliha l-qagħda xejn favorevoli fl-Istati Membri l-ġodda. Il-Kummissjoni tqabbel l-iżviluppi mal-ftehim globali. Iżda l-enerġija tista' wkoll issir theddida għat-tkabbir sostenibbli minħabba l-għoli fil-prezz taż-żejt bħala riżultat tad-domanda (Ċina) u minħabba l-kontroll politiku li minnu jiddependu r-riżorsi ta' enerġija.

    2.18

    Sabiex jerġa jkun hemm fiduċja fl-impriżi u fis-suq ta' l-azzjonijiet wara l-iskandli finanzjarji f'għadd ta' intrapriżi, hemm proposti għal varjant Ewropew ta' “corporate governance”.

    2.19

    Dan l-ewwel rapport tal-progress li jkopri għadd ta' snin (2003-2006) jagħti stampa mħallta. Fl-evalwazzjoni finali tagħha, il-Kummissjoni tinnota xi ftit progress fir-rigward tas-suq tax-xogħol, il-politika tal-kompetizzjoni, l-ambjent ta' l-intrapriżi, teknoloġiji ġodda, l-edukazzjoni u pensjonijiet. L-affarijiet sejrin anqas tajjeb fl-integrazzjoni tas-swieq, ir-R&D, u l-adattamenti soċjali u ambjentali. Id-deterjorament mgħaġġel fil-qagħda tal-budget ta' għadd ta' Stati Membri u n-nuqqas ta' rieda politika biex issir xi ħaġa dwar dan, il-Kummissjoni ssejħilhom ta' tħassib sew. Tikkonkludi li l-idea li jintlaħaq ir-riżultat miftiehem fl-2006 hija illużjoni jekk ir-riformi ma jsirux b'aktar ħeffa. Xorta jkun ta' ħsara għall-prospetti tal-proċess ta' Lisbona sal-2010.

    2.20

    Il-Kummissjoni hi tal-fehma fl-Aġġornament 2004 li l-Istati Membri l-ġodda għandhom problemi li jistgħu jitqabblu ma' dawk tal-15 l-Istat Membru ta' qabel (UE-15) fir-rigward tal-qagħda ta' budget, piżijiet ta' dejn u Impjieg. S'issa l-Għaxra għamlu progress ta' min iqiesu, li jidher inter alia mit-tkabbir ekonomiku aktar mgħaġġel minn dak ta' l-UE-15, għalkemm hemm differenzi konsiderevoli fl-iżvilupp fost l-Għaxra. Fl-istess ħin il-Kummissjoni turi li hemm firda wiesa' li trid timtela bejn l-Għaxra u l-UE-15.

    2.21

    Fil-fehma tal-KESE “problemi li jistgħu jitqabblu” ma tfissirx li l-Istati Membri għandhom l-istess qatgħa bħal dawk l-UE-15. Paragun ma' l-hekk imsejjħa “pajjiżi ta' koeżjoni” jista' jsir biss sa ċertu punt. L-Istati Membri ġodda huma “swieq emerġenti”. Il-qgħad f'ħafna pajjiżi, u speċjalment f'għadd ta' reġjuni, huwa għoli ħafna. Ir-ristrutturazzjoni industrijali għaddejja b'pass mgħaġġel. Dan iġib perċentwali għolja ta' qgħad. Id-dipendenza mill-investiment barrani hija ta' min iqisha.

    2.22

    L-adattament tal-leġislazzjoni u tal-prassi soċjali u ekonomika għal-livell ta' żvilupp għoli ta' l-UE-15 jista' jġib miegħu xokkijiet. L-istabbilità, li hija meħtieġa għaż-żamma tal-livell dejjem tiela ta' l-investiment intern u barrani, titlob sorveljanza effettiva finanzjarja u monetarja u tbassir xieraq tal-proċessi leġislattivi. Il-ħolqien ta' dan it-tip ta' klima stabbli mhux garantit u għalhekk għandu priorità għolja. Il-KESE taqbel mal-Kummissjoni li, bil-ħsieb ta' żvilupp stabbli, huwa mixtieq li l-Għaxra ikollhom skala ta' ħin separata biex jiksbu l-għanijiet finanzjarji u ekonomiċi.

    2.23

    Tabilħaqq qed jiżviluppa sens ta' urġenza fl-Unjoni. Orjentamenti komunitarji jerġgħu jidhru regolarment f'konklużjonijiet mill-Kummissjoni, f'dawk tal-Kunsilli speċjalizzati u f'dawk tal-Kunsill Ewropew. Xi ittri ta' dan l-aħħar minn mexxejja ta' gvernijiet juru l-istess tħassib sottostanti (9). Essenzjalment qed titħejja triq 'il quddiem għall-Komunità, iżda mhux ċar min huwa responsabbli għat-treġġija u t-twettiq f'ċertu mument.

    3.   Is-suq intern, l-Impjieg u l-proċess ta' Lisbona

    3.1

    Fir-rigward tas-suq intern, għas-sena li ġejja l-Kummissjoni tagħmel sejħa għal azzjoni urġenti fuq żewġ fronti (10):

    Sforzi ġodda dwar ħwejjeġ ta' importanza bħad-drittijiet esklużivi mgħotija mill-Komunità, id-direttiva dwar il-proprjetà intellettwali, id-direttiva dwar l-għarfien ta' kwalifiki professjonali u l-Pjan ta' Azzjoni dwar Servizzi Finanzjarji, essenzjali għat-tkabbir u l-Impjieg. Aktar stennijja minn darba għal oħra jista' jkollha l-effett domino.

    L-Istati Membri ssirilhom sejħa biex jiksbu “kontroll aħjar”, i.e. kooperazzjoni effettiva fost l-Istati Membri u twettiq attwali.

    3.2

    It-tnejn huma meħtieġa għall-għanijiet ta' Lisbona u bħala bażi ta' suq intern wara t-tkabbir. Aktar kummerċ intern u kompetizzjoni jġagħlu l-impriżi jiksbu effiċjenza akbar u produttività ogħla, li f'arja ta' pagi relattivament għolja bħall-UE huma ċ-ċavetta tal-qawwa kompettitiva u ġid għal tul ta' żmien.

    3.3

    Bħalissa l-kummerċ intern qed jonqos fil-prattika, filwaqt li l-prezzijiet fi ħdan l-Unjoni għandhom tendenza li jitbiegħdu minn xulxin aktar milli jersqu. Il-bilanċ ta' l-investimenti ta' l-UE fil-kumplament tad-dinja u l-investimenti barranija fl-UE huwa negattiv għall-Unjoni.

    3.4

    Fir-rigward tas-suq intern, il-Kummissjoni tippreżenta l-istampa li ġejja. Ix-xogħol bħalissa qed isir fuq l-hekk imsejjħa direttivi ta' “metodu ġdid”. S'issa għad m'hemmx suq intern reali għas-servizzi. Is-servizzi jammontaw għal aktar minn 50 % tal-PGN Ewropew u għal 60 % ta' l-Impjiegi: għalhekk il-priorità tad-direttiva proposta dan l-aħħar dwar iċ-ċaqliq ħieles tas-servizzi. Il-liberalizzazzjoni tan-networks ta' l-industrija (enerġija, trasport u telekomunikazzjoni) miexja sewwa, iżda nafu biżżejjed kemm hemm problemi u tfixkil f'dan il-qasam. In-nuqqas ta' armonizzazzjoni ta' xi taxxi jkompli jgerfex is-suq intern. Iżda t-tneħħija tat-tgħawwiġ fiskali miexi sewwa. Hekk ukoll il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji. Il-Kummissjoni tibda mill-premessa li n-nuqqas minn naħa tal-gvernijiet li japplikaw ir-regoli dwar ix-xiri pubbliku jagħfas il-prezzijiet 'il fuq. Dan is-suġġett għal darb'oħra ser jerġa' jkun fuq l-aġenda. Fir-rigward tal-popolazzjoni li dejjem qed issir anzjana, il-Kummissjoni tixtieq ukoll iġġib 'il quddiem l-aċċess internazzjonali għas-servizzi tas-saħħa. Il-kwistjoni tad-drittijiet esklużivi Ewropej tkompli tiħżin minħabba d-dewmien.

    3.5

    Is-simplifikazzjoni tar-regoli tiġi ttrattata fuq il-bażi tal-“Pjan ta' Azzjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar”. Iżda għad fadal ħafna xi jsir. Għadd ta' Stati Membri m'humiex iwettqu l-evalwazzjoni ta' l-impatt kif miftiehem.

    3.6

    It-twettiq hija problema serja. Is-suq intern huwa bbażat fuq il-fiduċja. B'mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir, din il-fiduċja teħtieġ li tissaħħaħ. Għall-fażi l-ġdida ta' l-Unjoni Ewropea, l-istqarrija li ġejja għandha tifsira: “Iżda s-suċċess reali f'Suq Intern magħmul minn 28 pajjiż ser jeħtieġ atitudni differenti u relazzjonijiet ta' xogħol differenti. L-Istati Membri għandhom jieħdu pussess sħiħ tas-Suq Intern tagħhom u jaħdmu bi sħab ma' xulxin u mal-Kummissjoni biex is-Suq jaħdem fil-prattika.” (11)

    3.7

    Qed isir xogħol ukoll fuq l-Istrateġija ta' l-Impjieg. Ir-responsabbiltà ta' dan hija l-aktar ta' l-Istati Membri. Iżda fuq livell Ewropew ukoll is-sistemi soċjali qegħdin fuq l-aġenda, l-ewwel minħabba l-politika ta' budget nazzjonali li għandha tiġi applikata fi ħdan il-qafas Ewropew miftiehem u t-tieni fir-rigward tar-riformi tas-swieq tax-xogħol u l-popolazzjoni li dejjem qed issir anżjana.

    3.8

    Kif wieħed jersaq lejn u jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tat-Taskforce dwar l-Impjieg jiddependi fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet nazzjonali. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jipprovdu appoġġ qawwi għall-Proċess ta' Lisbona. Hemm involuti oqsma wesgħin: aktar flessibbiltà f'li wieħed iġib 'il quddiem l-intrapriża u t-tiġdid, żieda tas-sehem fix-xogħol u sigurtà soċjali “li tattiva”, l-investiment fl-edukazzjoni u l-iskejjel, u sħubija bil-ħsieb ta' bidla: dan kollu jfisser sehem attiv ta' dawk kollha interessati, u sehem fil-proċessi ta' bidla. L-idea kollha x'aktarx tista' tinġabar fil-frażi “L-Ewropa teħtieġ aktar nies jaħdmu, b'xogħol aktar produttiv”. F'Opinjoni maħruġa dan l-aħħar il-KESE esprima qbil mar-rakkomandazzjonijiet imsemmija tat-Taskforce dwar l-Impjiegi, minkejja xi kummenti kritiċi. (12)

    3.9

    Ir-rabta bejn il-Proċess ta' Lisbona li għandu nfluwenza kbira u l-politika ta' budget stabbli hija ovvja. Ir-rapport għas-Summit tar-Rebbiegħa (13) jqis in-nuqqas ta' twettiq ta' l-Istrateġija ta' Lisbona bħala spiża kbira għall-Ewropa, minħabba anqas tkabbir, nuqqas ta' tkabbir fl-Impjiegi u edukazzjoni u R&Ż li baqgħu lura.

    3.10

    Ir-rapport tar-Rebbiegħa jittratta l-iżviluppi fis-Suq Intern u l-Impjieg diġa msemmija hawn fuq. Fir-rigward ta' l-ekonomija ta' l-għarfien, il-Kummissjoni tagħmel sejħa għal aktar investiment fl-għarfien u networks, inkluż r-R&Ż, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

    3.11

    Għad hemm nuqqas ta' interazzjoni bejn id-dinja ta' l-università u dik ta' l-intrapriża, li huma wisq mbiegħedin minn xulxin. Dan ma jinkwadrax ma' l-għan li tinħoloq ekonomija bbażata fuq l-għarfien. L-interazzjoni, bħal ma jiġri fl-Istati Uniti, jkollha żgur effett li jtejjeb il-produttività u jsaħħaħ il-kumpaniji. Ħafna minn dan il-valur miżjud huwa bħalissa nieqes. Ta' min isemmi għaliha l-ħarba ta' l-imħuħ mill-Ewropa: il-bilanċ ta' riċerkaturi li jidħlu u li joħorġu jibqa' negattiv (14), u din it-tendenza negattiva qed tiżdid.

    3.12

    Bi qbil ma' rapporti oħra, il-Kummissjoni fir-rapport tagħha tar-Rebbiegħa tagħmel għadd ta' proposti fformulati b'mod ċar ibbażati fuq it-tliet pilastri ta' investiment, kompetittività u riformi.

    3.13

    Il-linji ta' gwida ta' politika u r-rapporti dwar is-Suq Intern, l-istrateġija dwar l-impjiegi u l-proċess ta' Lisbona huma komparabbli f'termini ta' suġġetti koperti u evalwazzjoni. Il-Kummissjoni tistabbilixxi rapport bejn l-infiq pubbliku u għadd ta' oqsma soċjo-ekonomiċi. B'hekk titfa' dawl fuq problemi marbuta maċ-ċaqliq ta' l-ispiża għall-konsum pubbliku lejn spiża produttiva.

    4.   Il-qafas istituzzjonali

    4.1

    Il-KESE jinnota li l-qagħda titlob li

    taħt ċirkostanzi ekonomiċi iebsa, tranżizzjoni radikali minn Unjoni ta' 15 għal waħda ta' 25 membru għandha ssir bl-aktar mod bilanċjat possibbli;

    fl-istess ħin id-dewmien fir-rigward ta' impenji magħmula qabel mill-Kunsill Ewropew, li għadhom ma tilfu xejn mill-attwalità tagħhom, għandu jintrebaħ lura; u

    il-pass għandu jinżamm u tingħata spinta mill-ġdid.

    4.2

    Għall-KESE, dan kollu mhux biss xi kwistjoni ta' formulazzjoni ta' politika. Ta' importanza ndaqs huma l-fatturi organizzattivi – l-aktar il-monitoraġġ u s-sorveljanza – u fatturi politiċi/kulturali. Fuq dan l-isfond il-KESE jinnota u japprova l-analizi u l-konklużjonijiet tal-Kummissioni fil-Komunikat tal-21 ta' Jannar 2004 u l-Aġġornament tas-7 ta' April 2004. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Kompetittività taż-17 u t-18 ta' Mejju huma, sfortunatament, ġenerali iżżejjed u mhux wisq konkreti. (15)

    4.3

    It-tkabbir ta' l-Unjoni jitlob li tingħata aktar u aktar attenzjoni biex ikun hemm sisien istituzzjonali tajba u reqqa fid-delimitazzjoni ta' setgħat u responsabbiltajiet, li mingħajrhom hemm theddida ta' aktar nuqqas ta' dixxiplina u effettività. (16)

    4.4

    Matul is-snin żviluppat struttura diverġenti ta' responsabbiltajiet u teħid ta' deċiżjonijiet inter-governattivi u komunitarji. Anki l-Kostituzzjoni abbozz tassumi b'mod ċar li Unjoni ta' 25 Stat Membru ma tistax topera bl-istess mod ta' Unjoni ta' 15.

    4.5

    L-introduzzjoni ta' l-ewro, flimkien ma' Patt ta' Stabbilità u Tkabbir li jkun qed jaħdem sewwa, kellha twassal għal aktar konverġenza. Izda hemm wisq ftehim u deċiżjonijiet li huma mingħajr irbit.

    4.6

    In-nuqqas ta' riżultat effettiv ta' l-impenji li dwarhom intleħaq ftehim jipperikola l-potenzjal ta' l-Unjoni Ewropea.

    4.7

    Fil-Kunsill Ewropew jidher li hemm qbil dwar l-għanijiet, għalkemm ta' sikwit huma definiti b'mod wisq ġeneriku u mhux b'mod preċiż biżżejjed. Iżda l-intenzjonijiet politiċi tajba ma jinbidlux f'leġislazzjoni u regoli maneġġabbli li fil-fatt jiġu infurzati.

    4.8

    F'dawn l-aħħar snin kien hemm ħafna tama dwar il-politika ta' kompetizzjoni, in-“naming and shaming” u l-metodu miftuħ ta' koordinament. Iżda meta t-tendenza ekonomika hija anqas favorevoli dawn l-affarijiet ma jaħdmux b'mod effettiv. Fil-prattika l-Istati Membri ma jsemmu xejn, jew ma jsemmux biżżejjed, lil xulxin dwar in-nuqqasijiet rispettivi tagħhom. F'dawn iċ-ċirkustanzi l-għan innifsu ta' manuvra tal-Kummissjoni huwa mxekkel. Fil-prattika m'hemmx alternattiva sodisfaċenti għall-metodu tal-Komunità.

    4.9

    Is-Suq Intern iġib tħassib. L-għanijiet u l-ftehim dwar iċ-ċaqliq ħieles u “kamp ta' azzjoni ndaqs” ma jitwettqux sa l-aħħar jew ma jitwettqu xejn. Il-punteġġi ta' kull pajjiż juru li fit-traspożizzjoni nazzjonali tad-direttivi tas-Suq Intern id-dixxiplina qed tonqos, xi kultant b'mod serju. (17)

    4.10

    Is-sussidjaretà hija prinċipju pożittiv. Iżda aspett li rari jissemma huwa li r-rikors mhux ġustifikat lejn is-sussidjarieà għandu t-tendenza li jwassal għal interpretazzjonijiet diverġenti tal-leġislazzjoni Ewropea fl-Istati Membri.

    4.11

    Hemm ukoll differenzi ta' veloċità, bħall-każ ta' l-UME. Bi 12 il-parteċipant s'issa, dalwaqt ikun hemm 13-il pajjiż mhux membru. UME ta' 12 il-parteċipant bi 3 li ma jeħdux sehem hija differenti ħafna minn UME ta' 12 bi 13 li ma jeħdux sehem, anki jekk l-Istati Membri ġodda jagħtu perspettiva ekonomika ġdida. Trid tingħata attenzjoni serja lill-ħtieġa ta' dixxiplina ta' budget, kif għal dan hemm dispożizzjonijiet fit-Trattat.

    4.12

    L-ewro għandu jkollu t-tisħiħ tal-politika makro-ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' aktar żvilupp u approfondiment ta' l-integrazzjoni b'mod ġenerali.

    4.13

    Il-prinċipju li l-Unjoni hija bbażata fuq is-supremazija tal-liġi għandu jkun garantit fiċ-ċirkostanzi kollha.

    4.14

    Għalhekk għandu jinstab metodu li jiżgura li l-Kummissjoni u l-Kunsill ma jibqgħux aktar sempliċement jinnutaw in-nuqqasijiet jew jagħmlu appell urġenti lill-Istati Membri, umbagħad wara jgħaddu għall-aġenda tal-ġurnata. Il-Proċess ta' Lisbona u t-tkabbir sostanzjali sempliċement jitolbu għal aktar dixxiplina stretta.

    4.15

    L-Istrateġija ta' Lisbona hija kunċett strateġiku. F'dan is-sens tista' titqabbel ma' kunċetti strateġiċi ta' qabel li wasslu lejn progressi radikali fl-integrazzjoni. F'dawk il-każijiet l-ippjanar kellu limitu ta' żmien u għadd ta' stadji ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkontrollati b'mod strett. Fl-aħħar tas-sittinijiet dan kien japplika għall-Unjoni doganali, immnaqqxa fit-Trattat. Is-suċċess ta' “Ewropa ' 92” kien ukoll ir-riżultat ta' ippjanar bħal dan. Meta 279 abbozz ta' direttiva ġew taħt skema waħda fuq il-bażi ta' l-Att Uniku ta' 1987, l-istaġnar ġie evitat u saru progressi sostanzjali fis-Suq Intern. L-Unjoni Monetarja hija eżempju ieħor ta' suċċess. Mill-1993 'il quddiem id-deficits ta' budget ta' kull min kien ser jieħu sehem waqgħu sewwa. L-istess l-inflazzjoni, u magħha r-rati ta' l-interessi. Bħala konsegwenza kien possibbli li jibdew jeżistu l-ewro u politika monetarja garantita minn Bank Ċentrali indipendenti skond il-pjan.

    4.16

    Fil-każijiet ta' hawn fuq, ġara li jew il-metodu tal-Komunità kellu suċċess, bħal fil-każ ta' l-unjoni doganali u Ewropa '92, jew il-kooperazzjoni pożittiva mill-Istati Membri ġabitilhom r-riżultat li kien meħtieġ b'mod urġenti, jiġifieri s-sehem fl-UME. Il-problema hi li ebda waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet ma tapplika bħalissa. Il-progress sodisfaċenti issa jiddependi verament għal kollox fuq ir-rieda politika.

    4.17

    Il-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta' Marzu 2004 infatti japprova l-analizi u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Jissottolinja l-importanza ta' budgets bilanċjati, u anki ta' surpluses ta' budget, l-importanza ta' l-istabbilità tal-preżżijiet, u jinsisti fuq it-tħaris tal-Patt ta' Tkabbir u Stabbilità. Filwaqt li jqis ukoll il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà, il-Kunsill ibassar tliet prioritajiet għall-Kunsill tal-Kompetittività: qawwa competittiva, l-istimolu enerġetiku tas-Suq Intern u leġislazzjoni aħjar. Għandu jkun hemm investiment fl-għarfien fl-oqsma kollha. Dwar il-politika tas-suq tax-xogħol, il-Kunsill Ewropew joħroġ favur it-twettiq tar-rapport tat-Taskforce ta' l-Impjieg.

    5.   L-Ewropa f'salib it-toroq ġdid

    5.1

    L-Ewropa qiegħda għal darb'oħra f'salib it-toroq. Il-fejqan ekonomiku għadu fraġli. It-tamiet tal-Proċess ta' Lisbona m'humiex qed jitwettqu. L-Unjoni Ewropea issa dieħla f'fażi ġdida li tinvolvi popolazzjoni 20 % akbar u żieda fl-eteroġenjità. Fl-istess ħin, bħala riżultat tat-tkabbir, hemm stimoli ġodda u prospetti ġodda ta' tkabbir u ġid.

    5.2

    Hemm fin-nofs il-kredibbiltà ta' l-Unjoni. L-importanza ta' l-opinjoni pubblika u ta' l-appoġġ dejjem jonqos għall-proċess ta' integrazzjoni għandha titqis.

    5.3

    It-tkabbir m'għandux jitħalla jwassal għall-introversjoni minn naħa ta' l-Unjoni. Il-kamp ta' azzjoni hija d-dinja: il-KESE hi tal-fehma li l-kejl ewlieni huwa l-pożizzjoni ta' l-Unjoni fid-dinja – mhux biss fir-rigward ta' l-Istati Uniti, iżda fl-istampa ġenerali, inklużi swieq estensivi u li qed jiżviluppaw b'ħeffa bħaċ-Ċina, l-Asja ta' xlokk il-lvant u l-Indja, li qed jasserixxu posthom fil-globalizzazzjoni.

    5.4

    L-analizi u r-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni u l-Presidenza tal-Kunsill għas-Summit tar-Rebbiegħa huma fl-istess spirtu kull sena. Bilkemm hemm differenzi fil-fehma ta' l-istituzzjonijiet dwar x'għandhom jagħmlu l-Unjoni u l-Istati Membri. Il-Kompetittività dejjem qiegħda tieħu post ċentrali, iżda kull darba l-Istati Membri donnhom jitbiegħdu mir-rakkomandazzjonjiet, u d-deċiżjonijiet miftehma ma jitwettqux b'mod xieraq jew ma jitwettqu xejn. L-eżekuzzjoni u t-twettiq jikkostitwixxu problema serja.

    5.5

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha t-tiġdid effettiv tal-Proċess ta' Lisbona huwa importanti ħafna. Il-KESE jenfasizza l-importanza kbira ta' din il-perspettiva fuq tul ta' żmien. Japprova l-punt li qed jiffukaw fuqu l-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew u jipprovdi triq komuni 'l quddiem għall-Istati Membri qodma u ġodda b'mod indaqs.

    5.6

    Din it-triq 'il quddiem ma tistax timmira lejn xejn ħlief l-approfondiment ta' l-integrazzjoni. Mingħajr dan l-approfondiment, Unjoni ta' 25 Stat Membru ma tkunx tista' tagħmel progress aktar minn dak ta' arja ta' kummerċ ħieles. Fil-logħba globali tas-setgħa tal-ġejjieni din hija għażla mhux mixtieqa għall-ekonomija, l-intrapriżi u ċ-ċittadini Ewropej.

    5.7

    Il-formulazzjoni fuq livell ta' l-UE tal-Proċess ta' Lisbona bi “stil ġdid” – it-tisħiħ tal-kompetittività u l-intensifikazzjoni tal-bażi ta' għarfien ta' l-ekonomija, li ġġib 'il quddiem is-sostenibbiltà, il-konsultazzjoni soċjali u d-djalogu soċjali – jista' jkollha effetti favorevoli fuq il-politika indipendenti ta' l-Istat Membru individwali.

    5.8

    Il-linji ta' gwida ta' politika juru li l-finanzi pubbliċi b'saħħithom u l-investiment pubbliku u privat jeħtieġu qafas ċar, trasparenti u li jispira fiduċja, li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiggarantixxu. L-Unjoni għandha ħtieġa urġenti ta' dinamiżmu, u l-Ewropa għal darb'oħra qiegħda f'salib it-toroq.

    6.   Rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet

    6.1

    F'dan il-proċess il-KESE jieħu dan li ġej bħala bidu:

    għandu jkun hemm distinzjoni ċara fl-analizi u l-għanijiet, bejn dak li hu riżervat għall-Unjoni Ewropea u dak li hu riżervat għall-Istati Membri fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

    biex tinżamm il-kredibbiltà u tiġi evitata l-frustrazzjoni, għandu jkun hemm għanijiet realistiċi biss;

    it-tkabbir ekonomiku u l-proċess ta' Lisbona ta' “stil ġdid” għandu jkollhom post ċentrali fost dawn l-għanijiet, sew biex issaħħaħ il-kompetittività sew biex tappoġġja t-tibdil strutturali;

    L-Istati Membri m'għandhomx iwaħħlu f“Brussel” minħabba għanijiet Ewropej li dwarhom leħqu ftehim flimkien.

    6.2

    It-trasparenza teħtieġ li tingħata l-attenzjoni meħtieġa lid-dimensjoni istituzzjonali. It-tqassim ta' ħafna responsabbiltajiet fost l-Istati Membri u l-Unjoni għandu ma ġiex koprut biżżejjed b'konsultazzjoni xierqa. Huwa impossibbli li tfiehem dan it-tip ta' metodu mingħajr impenn liċ-ċittadini u lill-intrapriżj.

    6.3

    Barra minn hekk, aktar arranġamenti ta' irbit jipprovdu appoġġ għall-Istati Membri u għat-tħaddim intern u estern tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni naturalment ser teħtieġ bażi ta' tħaddim soda fl-Unjoni ta' wara t-tkabbir.

    6.4

    L-Istati Membri ser jeħtieġilhom iqisu d-dixxiplina fir-rigward tal-budget pubbliku u l-politika makro-ekonomika li dwarha huma stess ftehmu fil-Patt ta' Tkabbir u Stabbiltà.

    6.5

    Ir-riflessi inter-governattivi qed ikollhom tendenza li jissaħħu. Il-KESE twissi b'mod qawwi kontra din it-tendenza. Ebda Stat Membru individwali jew grupp ta' Stati Membri m'huma f'qagħda li jieħdu r-rwol speċifiku tal-Kummissjoni. Naturalment kull Stat Membru jargumenta mill-pożizzjoni tiegħu nnifsu u japplika l-enfasi politika tiegħu nnifsu, ukoll meta aktar oġġettività u monitoraġġ sottili huma meħtieġa.

    6.6

    It-Trattat Kostituzzjonali jaħseb għal politika ta' koordinament aħjar fl-Unjoni ta' 25 membru. F'dan il-perijodu kruċjali, li testendi l-metodu tal-maġġoranza kwalifikata ser ikollha effetti pożittivi. Inkella ser jissokta l-użu ta' veto f'każi mhux mixtieqa. L-industrija, l-imsieħba soċjali u dawk li għandhom rwol soċjali (universitajiet, istituti ta' riċerka eċċ) jistgħu jagħtu kontribut pożittiv fit-treġġija aħjar ta' din il-politika.

    6.7

    Hemm dejjem riskju ta' frammentazzjoni. Il-KESE jargumenta favur metodu sħiħ, li jista' jinkiseb permezz ta' akbar effettività tal-Kunsill tal-Kompetittività, f'kooperazzjoni mal-Kunsill ECOFIN u b'pubbliċità aħjar. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jaqblu ma' dan, kif huma l-argumenti marbuta mat-talba tal-mexxejja tal-gvernijiet (18) għal “super-kummissarju” responsabbli mill-politika ekonomika.

    6.8

    Minn naħa tiegħu l-KESE huwa favur li jiġri x'jiġri l-Kunsill tal-Kompetittività għandu jsir aktar trasparenti. Dan huwa bidu prattiku għat-titjib tat-tmexxija. Il-Kunsill mhux moqdi tajjeb b'kamra tal-laqgħat mimlija b'għadd ta' Kummissarji flimkien ma' grupp dejjem jinbidel ta' membri ta' gvernijiet nazzjonali responsabbli minn bosta oqsma ta' politika. Qabel xejn, il-Kummissjoni ser teħtieġ tiżgura li l-koordinazzjoni għall-Kunsill ta' Kompetittività huwa trasparenti u jippreżenta stampa ċara lill-opinjoni pubblika. Minħabba l-importanza ta' l-aġenda ta' Lisbona, dan huwa wkoll dmir ċar tal-President tal-Kummissjoni. It-tieni, organizzazzjoni aħjar tal-Kunsill ta' Kompetittività u koordinament fuq livell ta' l-UE għandhom iwasslu wkoll f'mudell b'għarfien aktar internazzjonali tar-responsabbiltajiet tal-membri tal-gvernijiet nazzjonali. Dan itejjeb il-possibbiltà li wieħed jikkonvinċi l-opinjoni pubblika u s-sens reċiproku ta' responsabilità għall-politika kollettiva.

    6.9

    Dwar il-kwistjoni ta' Ewropa b'veloċitajiet differenti m'hemmx definizzjoni formali li biha l-Unjoni tista' tkampa. Eżempji bħall-UME u l-Ftehim ta' Schengen kellhom suċċess. Iżda, sitwazzjonijiet u metodi diverġenti fl-Istati Membri, ippreżentati fil-Linji ta' Gwida ta' Politika, ma joffrux prospett li jiġbdek għal sitwazzjonijiet ta' “multi-speed” definiti ħażin, li jġibu tħawwiġ fil-kompetizzjoni. Il-proċedura provvduta fil-Kostituzzjoni abbozz toffri punti pożittivi minn fejn wieħed jista' jibda.

    6.10

    Għas-suq intern – li għadu s'issa fil-qalba ta' l-integrazzjoni – l-għażla “multi-speed” mhix waħda li tiġbdek, għax twassal għal koalizzjonijiet li jinbidlu dwar kwistjonijiet speċifiċi u għax toffri lill-Istati Membri b'inqas ħeġġa mod ħafif wisq kif joħorġu mid-dilemmi.

    6.11

    F'oqsma li huma riżervati għall-Istati Membri huwa diffiċli toffri menu ġenerali ta' miżuri u adattamenti. Il-mod kif dan qed jiġi ttrattat, l-aktar permezz ta' deskrizzjonijiet preċiżi ta' sitwazzjonijiet nazzjonali u l-aqwa prassi, jixraqlu kull appoġġ. Għandhom isiru sforzi biex dawn il-metodi jiġu rfinuti aktar permezz ta' l-użu ta' statistika li tista' titqabbel; il-Kummissjoni se jkollha bżonn sett ta' għodda li jippermettulha tagħmel stima aħjar tal-kwalità ta' l-ispiża pubblika.

    6.12

    Il-KESE jibqa' jaqbel mal-politika ta' kompetizzjoni u l-metodu miftuħ ta' koordinament għall-oqsma ta' politika definiti b'mod ċar fejn il-metodu tal-Komunità ma japplikax. Iżda dan jiġri jekk wieħed jassumi li dawn jagħtu biss riżultati limitati (ċertament fuq medda qasira ta' żmien), għaliex l-Istati Membri naturalment ma jagħmlux stima ta' xulxin. Xi Stati Membri qegħdin jagħmlu adattamenti ta' ħtieġa għall-politika tagħhom, e.g. fil-qasam tal-pensjonijiet u s-suq tax-xogħol. Il-pubbliċità esterna ta' dan għandha titjib.

    6.13

    Il-Kunsill Ewropew jinnota li l-Kummissjoni ser tħejji “roadmap” biex issaħħaħ u twettaq l-Istrateġija ta' Lisbona. Titjib fil-governance huwa punt tat-tluq ċentrali. Il-fiduċja u l-istabbiltà jeħtieġu qafas istituzzjonali ċar.

    6.14

    Il-KESE hu tal-fehma li l-proċess ta' Lisbona ta' “stil ġdid” għandu jieħu mill-metodi ta' suċċess ta' “Ewropa '92”. Jekk wieħed jimxi fuq il-prassi li diġà teżisti, dan ifisser li r-rapporti dwar il-linji ta' gwida ta' politika, is-suq intern, l-impjieg u l-proċess ta' Lisbona jinġabru fi pjan ċar ta' stadji u perjodi ta' żmien, li fi ħdanhom jidher ċar liema azzjoni ser tkun meħtieġa u minn min (Il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew jew l-Istati Membri), fuq liema bażi ta' deċiżjoni u fi żmien liema tip ta' skala ta' ħin. F'dan ir-rigward il-KESE jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-Kummissjoni u tal-metodu tal-Komunità, li t-tnejn kienu responsabbli għas-suċċess ta' “Ewropa '92”. Il-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali ta' progress u, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill ECOFIN u l-Kunsill ta' Kompetittività, tagħżel il-prioritajiet li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-proposti tagħha.

    6.15

    L-uniku progress reali fil-proċess ta' Lisbona sar fis-suq intern, għall-inqas f'dak li għandu x'jaqsam ma' leġislazzjoni u regoli. Iżda hemm nuqqassijiet kostanti fit-twettiq. Il-Progress huwa riżultat dirett tal-metodu tal-Komunità. Il-KESE hu tal-fehma li jinġabru s-suġġetti kollha tas-suq intern fi pjan ċar bi skadenzi ċari:

    l-aspetti kollha li għadhom mingħajr soluzzjoni tal-pjan ta' azzjoni tas-suq intern;

    l-aspetti kollha li għadhom mingħajr soluzzjoni tal-pjan ta' azzjoni tas-servizzi finanzjarji;

    l-aspetti tas-settur ta' l-għarfien li huma suġġetti għat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Komunità;

    ħarsa mill-ġdid u tnaqqis tar-regoli dettaljati u iebsa ż-żejjed;

    twettiq u realizzazzjoni.

    6.16

    Għall-ħwejjeġ li jiddependu fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet nazzjonali, bħas-sigurtà soċjali, is-suq tax-xogħol (It-Taskforce dwar l-Impjieg) u t-tassazjoni, il-KESE jirrakkmanda li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni – bi qbil mal-politika ta' kompetizzjoni u l-koordinament miftuħ – għandu wkoll jieħu deċiżjoni dwar għanijiet u twettiq. Iżda l-pjan ta' tarġa wara oħra għandu wkoll jipprovdi għall-monitoraġġ tal-progress ta' dawn il-proċessi nazzjonali. It-treġġija hija iebsa ħafna f'dawn l-oqsma, iżda ma tantx hemm sens fi ftehim li ma jitwettaqx.

    6.17

    Ħwejjeġ oħra, li ma jiddependux mill-ħolqien ta' regoli ta' sikwit parzjalment biss fuq l-amministrazzjoni pubblika, iżda li huma marbuta mal-kompetittività, l-għarfien u l-possibbiltà ekonomika, ukoll jixirqilhom post fil-proċess “stil ġdid” ta' Lisbona; fost dawn hemm:

    il-politika settorjali industrijali li ġejja minn konsultazzjoni kolleġġjali bejn l-industrija (inkluża l-konsultazzjoni soċjali), il-Kummissjoni u l-Kunsill (19);

    ir-rendiment tal-programmi u pjattaformi teknoloġiċi ta' l-UE, aktar kooperazzjoni bejn il-fruntieri bejn istituti ta' riċerka u riċerkaturi fl-Unjoni, u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-università u l-impriża;

    il-politika reġjonali, b'enfasi speċjali fuq l-għarfien u t-tiġdid.

    6.18

    Il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew jaqblu mal-kunċett ta' “Partnership għal Bidla”. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ dan l-isforz. Jista' jkun kunċett siewi ħafna. L-istrateġija ta' Lisbona qatt ma kienet meqjusa bħala sempliċement proċess “minn fuq għal isfel”. Is-suċċess tagħha ġej mill-fatt li l-formulazzjoni, r-realizzazzjoni u twettiq ta' politika jiddependu minn ħafna nies li għandhom sehem: amministraturi (Ewropej, nazzjonali u reġjonali), l-imsieħba soċjali fil-livelli kollha, l-intrapriżi, l-universitajiet u ħafna għaqdiet soċjali oħra li jsawwru s-soċjetà ċivili. Preżentazzjoni ċara ta' l-għanijiet, li tfiehem lil kull min għandu sehem politiku u soċjali fl-Unjoni x'inhu mistenni minnu, tista' tipprovdi għajn ġdida u meħtieġa ta' ispirazzjoni.

    6.19

    Partnership għal Bidla għandha potenzjal kbir, sakemm tiġi ppreżentata b'mod tajjeb. Tista' twassal għal mod ġdid ta' komunikazzjoni u għal alleanzi ġodda fost il-bosta gruppi li għandhom x'jaqsmu mal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea. Dan ukoll huwa parti mit-“tmexxiaj xierqa”.

    6.20

    Il-Kunsill Ewropew għamel sejħa lill-Kummissjoni biex tifforma Grupp ta' Livell Għoli li jirrapporta lill-Kummissjoni sa' l-1 ta' Novembru 2004 dwar il-metodu li jkun qed jintuża fir-rigward tal-proċess ta' Lisbona. Ir-rapport u l-viżjoni ta' dan il- Grupp ta' Livell Għoli ser ikolhom rwol importanti bil-ħsieb ta' Analiżi ta' Nofs it-Terminu ta' l-Istrateġija ta' Lisbona għas-Summit tar-Rebbiegħa ta' l-2005. il-Kunsill Ewropew talab ukoll lill-KESE biex jissottometti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għall-Analiżi ta' Nofs it-Terminu fl-istess żmien.

    Brussel, 15 ta' Settembru 2004.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Roger BRIESCH


    (1)  ĠU C 133 tas- 6.6.2003 u

    ĠU C 80 tat- 30.3.2004.

    (2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Twettiq tal-Linji ta' Gwida ta' Politika Ekonomika Wiesa' 2003-05, KOM (2004) 20 finali)

    (3)  L-aġġornament 2004 tal-Linji ta' Gwida ta' Politika Ekonomika Wiesa' 2003-05, KOM (2004) 238)

    (4)  Il-KESE ħareġ fehma dwar dan fl-2002 – ara ĠU C 221 taż-17.9.2002

    (5)  Parallellament ma' dan, hemm ukoll aktar u aktar enfasi fuq regolamentazzjoni aħjar ta' l-UE: ara l-Pjan ta' Azzjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar 2003, bil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Kompetittività taż-17 u t-18 ta' Mejju 2004.

    (6)  Ara s-sentenza tal-Qorti (Qorti Sħiħa) tat-13 ta' Lulju 2004, Case C-27/04.

    (7)  Tbassir Ekonomiku, Rebbiegħa 2004, paġna 31

    (8)  Xogħol, xogħol, xogħol – Ħolqien ta' aktar xogħol fl-Ewropa – Rapport tat-Taskforce ta' l-Impieg ippresedut minn Wim Kok, 26 ta' Novembru 2003

    (9)  L-ittra mill-Prim Ministru Blair, il-President Chirac u l-Kanċillier Schröder bid-data tat-18 ta' Frar 2004, u s-“Sehem kolleġġjali għall-Kunsill tar-Rebbiegħa 2004” mill-mexxejja tal-gvernijiet Aznar (Spanja), Balkenende (Olanda), Berlusconi (Italja), Durão Barroso (Portugall), Miller (Polonja) u Parts (Estonja)

    (10)  Rapport fuq it-tħaddim ta' l-Istrateġija tas-Suq Intern (2003-2006) tal-21 ta' Jannar 2004 – KOM(2004) 22 finali

    (11)  Rapport dwar it-twettiq ta' l-Istrateġija tas-Suq Interrn (2003-2006) tal-21 Jannar 2004 – KOM(2004) 22 finali

    (12)  Opinjoni dwar miżuri ta' appoġġ għall-Impieg – ĠU C 110 tat-30.04.2004 (SOC/159)

    (13)  Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa: It-twettiq ta' Lisbona – riformi għall-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir - KOM(2004) 29 finali/2

    (14)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – riċerkaturi fl-Arja Ewropea: professjoni waħda, bosta karrieri – ĠU C 110 tat-30.04.2004 (INT/216), u Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem ta' “L-Ewropa u r-riċerka bażika” – ĠU C 110 tat-30.04.2004 (INT/229)

    (15)  Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Kompetittività taż-17 u t-18 ta' Mejju 2004

    (16)  Ara n-nota tal-qiegħ nru.14.

    (17)  Ara Internal Market Scoreboard, Edizzjoni Nru 13, 13 ta' Lulju 2004, http://www.europa.eu.int/comm/internal_market/score/docs/score13/score13-printed_en.pdf

    (18)  Ittra mill-Prim ministru Blair, President Chirac u l-Kanċillier Schröder tat-18 ta' Frar 2004.

    (19)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Kompetittività tas-26 u s-27 ta' Novembru 2003.


    Top